22.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/27


Appell ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2011 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fis-16 ta’ Ġunju 2011, fil-Kawża T-196/06, Edison vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-446/11 P)

2011/C 311/45

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci u V. Bottka, aġenti)

Parti oħra fil-kawża: Edison SpA

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tas-16 ta’ Ġunju 2011, innotifikata lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ġunju 2011;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex isir eżami mill-ġdid;

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż sostnuti fiż-żewġ istanzi;

f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tista’ tagħti deċiżjoni fuq il-mertu, tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza u tikkundnna lil Edison SpA għall-ispejjeż sostnuni fiż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn ta’ dan l-appell, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

(i)

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 253 KE, flimkien mal-Artikolu 81 KE, billi ddeterminat b’mod żbaljat is-suġġett u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ksur tal-Artikolu 81 KE lill-kumpannija li hija proprejtarja 100 % tal-kapital tal-kumpannija li tipparteċipa direttament fil-ksur, li hija attribuzzjoni bbażata fuq preżunzjoni li għandha tiġi kkonfutata b’mod adegwat. B’mod partikolari, il-Qorti Generali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest u r-regoli ġuridici li jirregolaw dan il-qasam, jiġifieri l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-appellanti. B’mod żbaljat, hija imponiet fuq il-Kummissjoni obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl ta’ argumenti “mhux nieqsa minn sinjifikat”, mingħajr ma eżiġiet, kif kellha tagħmel, li tali argumenti kellhom ikunu xierqa sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija li għandha kontroll.

(ii)

Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 230 u 253 KE billi waslet għall-konklużjoni li d-deċiżjoni ma tinkludix motivazzjoni suffiċjenti. Minn naħa waħda, hija wettqet żball ta’ liġi fil-qari tad-deċiżjoni kkontestata, billi naqset milli teżamina numru ta’ paragrafi rilevanti. Min-naħa l-oħra, hija kkonfondiet kwistjonijiet ta’ fatt u kwistjonijiet fuq il-mertu meta rrifjutata li tikkunsidra spjegazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni appellata, kemm peress li ddeċidiet li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, u kemm peress li ddikjarat li tali spjegazzjonijiet ma kinux konvinċenti.

(iii)

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 230 u 253 KE flimkien mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni relatati mad-dritt tad-difiża u mal-prinċipju tal-kontradittorju quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, hija ddikjarat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprevalixxi ruħha minn argumenti li ma ssemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew li ma ġewx invokati fid-deċiżjoni sabiex jirribattu l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija li għandha kontroll. Dan jgħodd b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, fir-rigward ta’ dokumenti invokati mir-rikorrenti, jew li hija kellha konoxxenza tagħhom u ma setgħetx tinjora r-riskju li l-Kummissjoni teħodhom inkunsiderazzjoni bħala prova kontra tagħha, jew meta mid-dokumenti fil-kawża hija setgħet b’mod ragjonevoli tiddeduċi l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kienet sejra tasal għalihom.

(iv)

Il-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 230, 231 u 253 KE, billi ddeċidiet b’mod żbaljat li kellha tannualla d-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni anki meta s-soluzzjoni pprovduta minnha kienet korretta fil-mertu.