24.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/7


Appell ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2011 minn Maurice Emram kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-187/10 — Emram vs UASI

(Kawża C-354/11)

2011/C 282/13

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Maurice Emram (rappreżentant: M. Benavï, avukat)

Partijiet oħra fil-kawża: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Guccio Gucci Spa

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha tagħha peress li ċaħdet ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2010 tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI,

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, u lill-kumpannija Gucci, għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem l-UASI u l-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jinvoka ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (1), kif ukoll ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (2).

F’dan ir-rigward l-appellant isostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mingħajr ma kkunsidrat l-elementi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ użu tat-trade marks preċedenti fis-suq, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, il-preżenza effettiva fis-suq ta’ prodotti oħra tal-istess tip li għandhom sinjali differenti “G” u l-livell ta’ importanza mogħti għal dan it-tip ta’ sinjali sabiex tiġi identifikata trade mark kummerċjali, mill-pubbliku kkonċernat. Minbarra dan, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali waslet għal evalwazzjoni żbaljata tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni li tirriżulta b’mod partikolari minn żnaturament tal-fatti, minn evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv u dominanti tat-trade marks preċedenti kif ukoll minn evalwazzjoni żbaljata tan-natura tal-prodotti inkwistjoni.

L-appellant jinvoka, it-tieni nett, applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza mill-Qorti Ġenerali sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet nazzjonali preċedenti, bi ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament 207/2009, iċċitat iktar ’il fuq.

Fl-aħħar nett, huwa jagħmel riferiment għal ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali mill-Qorti Ġenerali sa fejn għamlet evalwzzjoni parzjali ta-xebh bejn is-sinjali billi injorat il-kontenut verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u billi pparagunat is-sinjali fuq il-bażi ta’ kriterji eċċessivament wiesgħa.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146.

(2)  ĠU L 78, p. 1.