24.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 282/3 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-A Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága (l-Ungerija) fid-29 ta’ Ġunju 2011 — Gábor Tóth vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága, bħala s-suċċessur ta’ Adó- és Pénzügyi Ellenőrzési Hivatal Hatósági Főosztály Észak-magyarországi Kihelyezett Hatósági Osztály
(Kawża C-324/11)
2011/C 282/06
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
A Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Gábor Tóth
Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága, bħala s-suċċessur ta’ Adó- és Pénzügyi Ellenőrzési Hivatal Hatósági Főosztály Észak-magyarországi Kihelyezett Hatósági Osztály
Domandi preliminari
(1) |
Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1)) huwa miksur minn interpretazzjoni legali li tostakola lill-persuna li lilha tinħarġilha fattura milli teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis f’sitwazzjoni fejn l-operatur li ħariġha kellu l-liċenzja kummerċjali tiegħu rtirata mill-awtorità muniċipali qabel it-twettiq tal-kuntratt fl-intier tiegħu jew qabel il-ħruġ tal-fattura? |
(2) |
Fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, il-fatt li l-operatur individwali li ħareġ il-fattura ma ddikjarax il-ħaddiema impjegati minnu (li, għalhekk, jaħdmu fl-“ekonomija moħbija”), u l-fatt li, għalhekk, l-awtorità fiskali kkonstatat li l-operatur inkwistjoni “ma għandu ebda ħaddiema ddikjarati”, jostakolaw lill-persuna li lilha nħarġitilha din il-fattura milli teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis? |
(3) |
Jista’ jingħad li l-persuna li lilha tinħarġilha l-fattura aġixxiet b’nuqqas ta’ attenzjoni jekk ma tkunx ivverifikat jekk hemmx relazzjoni legali bejn il-ħaddiema impjegati fuq il-post tax-xogħol u l-persuna li toħroġ il-fattura jew jekk din tal-aħħar issodisfatx l-obbligi tagħha dwar id-dikjarazzjoni tat-taxxa jew dwar dawn il-ħaddiema? Jista’ jingħad li tali aġir jikkostitwixxi fattur oġġettiv li juri li l-persuna li nħarġitilha l-fattura kienet taf jew kien imissha taf li kienet qiegħda tieħu sehem fi tranżazzjoni li tinvolvi l-evażjoni frawdolenti tal-VAT? |
(4) |
Fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi msemmija meta l-evalwazzjoni globali tagħha twassalha għall-konklużjoni li t-tranżazzjoni ekonomika ma seħħitx bejn il-persuni indikati fuq il-fattura? |
(1) ĠU L 347, p. 1.