27.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 252/16


Appell ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2011 minn Mitteldeutsche Flughafen AG, Flughafen Leipzig/Halle GmbH mis-sentenza mogħtija fl-24 ta’ Marzu 2011 mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-Kawżi T-443/08 u T-455/08, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-288/11 P)

2011/C 252/30

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Mitteldeutsche Flughafen AG, Flughafen Leipzig/Halle GmbH (rappreżentanti: M. Núñez-Müller u J. Dammann, avukati)

Partijiet oħra fil-proċeduri: Freistaat Sachsen, Land Sachsen-Anhalt, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Verkehrsflughäfen eV (ADV), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizza jogħġobha:

tannulla l-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-kumplament tar-rikors fil-Kawża T-455/08 huwa miċħud, kif ukoll id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta miegħu, kif ipprovdut fil-punt 6;

tiddeċiedi definittivament fuq il-kawża u tilqa’ r-rikors ippreżentat fil-Kawża T-455/08, sa fejn dan tal-aħħar huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni tiddikjara li l-miżura ta’ għoti ta’ kapital lill-Ġermanja għall-kostruzzjoni ta’ runway ġdida għat-tluq u għall-inżul fin-Nofsinhar u ta’ infrastrutturi tal-ajruporti relatati fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ex Artikolu 87(1) KE) u,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell kif ukoll — bl-inklużjoni tal-punt 7 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata — għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza fil-Kawża T-455/08.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti jirrigwarda s-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet parzjalment ir-rikors intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/948/KE, tat-23 ta’ Lulju 2008, dwar miżuri mill-Ġermanja għall-benefiċċju tad-DHL u tal-ajruport Leipzig/Halle.

L-appell huwa limitat, peress li l-appellanti ma jikkontestawx il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata; l-appellanti jikkontestaw biss il-punt 4 tad-dispożittiv, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-“kumplament” tar-rikors. Għaldaqstant, l-appell lanqas ma jkopri l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 107(3) TFUE fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, is-suġġett tal-appell huwa biss il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżuri ta’ finanzjament inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

L-appellanti jinvokaw l-aggravji sussegwenti insostenn tal-appell tagħhom:

 

Is-sentenza appellata tisker l-Artikolu 107(1) TFUE. Kuntrarjament għal dak li tqis il-Qorti Ġenerali, Flughafen Leipzig-Halle GmbH ma hijiex impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-miżuri dwar l-infrastrutturi inkwistjoni u l-finanzjament tagħhom. Il-kostruzzjoni infrastrutturali li tikkonsisti f’ajruport reġjonali ma tikkostitwixxix attività ekonomika. Konsegwentement, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma humiex applikabbli.

 

Barra minn hekk, is-sentenza appellata tmur kontra l-prinċipji ta’ nonretroattività, ta’ ċertezza legali, u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat, b’mod retroattiv, il-linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat għall-kumpanniji tal-ajru li joperaw f’ajruporti reġjonali ppubblikati fid-9 ta’ Diċembru 2005 għall-miżuri dwar l-infrastruttura li kienu diġà ġew adottati fl-4 ta’ Novembru 2004. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni tali applikazzjoni retroattiva ta’ dawn il-linji gwida u għalhekk żammet sitwazzjoni legali kontradittorja u fattwalment żbaljata li nħolqot mill-Kummissjoni bi ksur tal-prinċipji ċċitati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-linji gwida tal-1994 dwar it-traffiku tal-ajru baqgħu fis-seħħ, u li, bis-saħħa tagħhom, il-finanzjament pubbliku ta’ infrastrutturi tal-ajruporti huwa kkunsidrat bħala miżura ġenerali u, konsegwentement, ma jistax jiġi suġġett għal kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

 

Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser l-Artikoli 1(b)(v), 17 u 18 tar-Regolament tal-Kunsill 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1), sa fejn il-Qorti Ġenerali ma applikatx, fir-rigward tal-għoti tal-kapital tal-4 ta’ Novembru 2004, ikklassifikat minnha bħala għajnuna mill-Istat, id-dispożizzjonijiet tar-regolament iċċitat dwar l-għajnuna eżistenti.

 

Is-sentenza appellata tmur ukoll kontra t-tqassim tal-kompetenzi previst mit-TFUE. Permezz tal-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ impriża inkluż fl-Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali tikser id-dritt primarju, peress li hija tissuġġetta għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-miżuri adottati mill-Istati Membri li fil-verità ma jaqgħux taħt is-sistema ta’għajnuna mill-Istat.

 

L-appellanti jsostnu fl-aħħar nett li s-sentenza appellata tikser ukoll, minħabba raġunijiet insuffiċjenti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi previst mill-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339