13.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 238/6


Appell ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2011 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fit-22 ta’ Marzu 2011 mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-Kawża T-233/09, Access Info Europe vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-280/11 P)

2011/C 238/11

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Europea (rappreżentanti: G. Maganza, B. Driessen, Cs. Fekete, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Access Info Europe, Ir-Repubblika Ellenika, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill li jirrifjuta l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti mitluba

tagħti sentenza finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell

tikkundanna lir-rikorrenti fil-Kawża T-233/09 għall-ispejjeż tal-Kunsill li jirriżultaw minn din il-kawża u mill-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fil-bidu nett, il-Kunsill jixtieq ifakkar li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-26 ta’ Frar 2009, hija preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009. Konsegwentement, il-qafas applikabbli għal din il-kawża huwa dak tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

Fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-eċċezzjoni stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), peress li l-konstatazzjonijiet tagħha ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat u jinjoraw b’mod partikolari l-limiti tal-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ għall-attivitajiet leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet stipulat fit-Trattat u rifless fid-dritt sekondarju, fid-dawl tal-preżervazzjoni tal-effettività tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet.

Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tawtorizza lill-istituzzjoni sabiex tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali.

Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta applikat l-istandard legali u fattwali għal din il-kawża sabiex teżamina l-motivi mressqa mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-użu tal-eċċezzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kkommettiet żbalji ta’ liġi inkwantu talbet provi tal-effett negattiv fuq il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, injorat l-importanza tal-istadju prekoċi tat-teħid ta’ deċiżjoni sabiex tevalwa l-impatt tal-iżvelar komplet u ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura sensibbli tad-dokument mitlub.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 331)