6.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad (Sofia–grad, il-Bulgarija) fid-19 ta' Mejju 2011 — Hristo Byankov vs Glaven sekretar na Ministerstvoto na vatreshnite raboti

(Kawża C-249/11)

(2011/C 232/28)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Hristo Byankov

Konvenut: Glaven sekretar na Ministerstvoto na vatreshnite raboti

Domandi preliminari

(1)

Fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mal-Artikoli 20 u 21 TFUE, jeħtieġ li tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti t-tħassir ta’ att amministrattiv li sar definittiv sabiex jintemm ksur ta’ dritt fundamentali stabbilit f’sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħad-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Istati Membri, li wkoll ġie rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, ukoll meta tali konstatazzjoni ta’ ksur tirriżulta minn interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu, anki jekk it-tħassir tal-att inkwistjoni huwa neċessarju sabiex jintemm l-imsemmi ksur?

(2)

Isegwi li mill-Artikolu 31(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38 li, meta Stat Membru stabbilixxa fid-dritt nazzjonali tiegħu, proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ att amministrattiv li jillimita d-dritt stabbilit mill-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha teżemina mill-ġdid l-att inkwistjoni, fuq talba tad-destinatarju tiegħu, u tevalwa l-legalità tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sabiex tiżgura li l-limitazzjoni imposta fuq l-imsemmi dritt ma hijiex sproporzjonata mill-mument tal-istabbiliment tal-att ta’ eżami mill-ġdid, meta, f’dan il-mument, l-att amminsitrattiv li impona l-limitazzjoni kien diġà sar definittiv?

(3)

Id-dispożizzjonijiet tad-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u dawk tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tippovdi l-istabbiliment ta’ limitazzjoni fuq id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ta’ moviment liberu fl-UE, deċiżjoni meħuda sempliċiment minħabba l-eżistenza, lejn persuna privata, jiġifieri kumpannija kummerċjali, ta’ dejn li jaqbeż il-limitu legali u li ma huwiex protett minn garanzija u li, flimkien ma’ proċedura ta’ eżekuzzjoni pendenti fid-dawl tal-irkupru tal-kreditu, u mingħajr ma tittieħdet inkunsiderazzjoni il-possibbiltà, prevista fid-dritt tal-Unjoni, li awtorità ta’ Stat Membru ieħor tista’ twettaq dan l-irkupru?