18.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/13


Appell ippreżentat fis-26 ta’ April 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-17 ta’ Frar 2011 fil-Kawża T-122/09, Zhejiang Xinshiji Foods Co. Ltd, Hubei Xinshiji Foods Co. Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-195/11 P)

2011/C 179/24

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Maxian Rusche, H. van Vliet, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Zhejiang Xinshiji Foods Co. Ltd, Hubei Xinshiji Foods Co. Ltd, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE), Nru 1355/2008 (1) sa fejn jirrigwarda lil Zhejiang Xinshiji Foods Co. Ltd u lil Hubei Xinshiji Foods Co. Ltd (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), u abbażi ta’ dan jannulla totalment id-dazju antidumping impost, li jfisser dazju antidumping ta’ żero fuq l-importazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita meta annullat kompletament id-dazju minkejja l-fatt li r-rikorrenti stess jammettu li l-aġġustament li kienu talbu kien iwassal biss għal tnaqqis fid-dazju antidumping impost fuq il-prodotti tagħhom.

Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, id-dispożittiv tas-sentenza appellata jikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264, moqri flimkien mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-annullament totali tar-Regolament sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti huwa sproporzjonat fir-rigward tal-uniku motiva ta’ annullament li ġie aċċettat mill-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar iddeċidiet ultra petita wkoll f’dan ir-rigward.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 350, p. 35).