25.6.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 186/16 |
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ April 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-189/11)
2011/C 186/27
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Lozano Palacios u C. Soulay, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet tal-parti rikorrenti
— |
Tiddikjara li
ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 306 sa 310; 226; 168, 169 u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-applikazzjoni li r-Renju ta’ Spanja jagħmel tal-iskema speċjali għal aġenziji tal-vjaġġġi, sa fejn ma hijiex limitata għas-servizzi pprovduti lill-vjaġġaturi, kif stabbilit mid-direttiva, iżda li testendi għal operazzjonijiet imwettqa bejn aġenziji tal-vjaġġi, tikser id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-VAT.
Minbarra dan, l-esklużjoni minn din l-iskema speċjali tal-bejgħ lill-pubbliku minn aġenziji li jbiegħu bl-imnut li jwettqu f’isimhom stess vjaġġi organizzati minn aġenziji li jbiegħu bl-ingrossa, ukoll ma hijiex kompatibbli mad-direttiva, peress li tali attivitajiet jidħlu, mingħajr ebda dubju fil-fehma tal-Kummissjoni, taħt l-attivitajiet koperti mill-iskema speċjali.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li jiksru bl-istess mod id-Direttiva tal-VAT ir-regoli Spanjoli li jawtorizzaw lill-aġenziji tal-vjaġġi, mingħajr ebda bażi f’din id-direttiva, li jniżżlu fil-fattura kwota globali tal-VAT li ma hijiex relatata mal-VAT effettivament miġbura mingħand il-klijient, kif ukoll dawk ir-regoli li jawtorizzaw lil dan tal-aħħar, dejjem jekk ikun suġġett passiv, li jnaqqas din il-kwota globali mill-VAT li għandha titħallas, kif ukoll dawk li jippermettu lill-aġenziji tal-vjaġġi, sa fejn dawn jibbenefikaw mis-sistema speċjali, li jistabbilixxu l-ammont taxxabbli globalment għal kull perijodu taxxabbli.
(1) ĠU L 347, p. 1