28.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/12


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Marzu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-145/11)

2011/C 160/14

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Šimerdová u A. Marghelis, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tal-rikorrenti

tiddikjara li billi rrifjutat li tivvalida żewġ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ mediċini veterinarji CT-Line 15 % Premix u CT-Line 15 % Oral Powder fil-kuntest tal-proċedura deċentralizzata prevista mid-Direttiva 2001/82/KE, li tistabilixxi kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji, (1) ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 32 u 33 ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2001/82/KE ċċitata iktar ’il fuq ma tippermettix lil Stat Membru, fil-kuntest tal-proċedura deċentralizzata, iwettaq evalwazzjoni legali u xjentifika ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Il-fażi ta’ validazzjoni sservi biss biex jiġi vverifikat jekk l-inkartament ippreżentat hux identiku fl-Istati Membri kollha, jekk hux sħiħ u jekk jinkludix il-lista ta’ Stati Membri kkonċernati, b’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 32(1) tad-direttiva Ir-rikorrenti ilmentat li l-konvenuta ċaħdet applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ raġunijiet relatati mal-kompożizzjoni tal-mediċina u l-forma farmaċewtika tagħha, mal-allegata nuqqas ta’ konformità tagħha mad-dritt nazzjonali u mar-riskji eventwali għas-saħħa pubblika.

Il-Kummissjoni rrilevat ukoll illi fl-istadju ta’ validazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati mill-applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni għandhom l-obbligu li japprovaw ir-rapport ta’ stima ppreżentat mill-Istat Membru ta’ riferiment, sakemm ma jinvokawx riskju serju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent, skont l-Artikolu 33 tad-direttiva. Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi ma segwewx il-proċedura preskritta f’dan l-artikolu.


(1)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27 p. 3).