21.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda) fis-7 ta’ Marzu 2011 — Staatssecretaris van Financiën vs U. Notermans-Boddenberg

(Kawża C-114/11)

2011/C 152/22

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatssecretaris van Financiën

Konvenut: U. Notermans-Boddenberg

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 39 KE (li sar l-Artikolu 45 TFUE) u l-Artikolu 8 KE (li sar l-Artikolu 21 TFUE), is-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jissuġġetta resident ta’ dan l-Istat Membru għal taxxa, fuq il-bażi tal-ewwel użu ta’ vettura fin-netwerk tat-toroq tat-territorju tiegħu, fil-każ meta:

din il-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor,

din il-vettura tagħmel parti mill-beni importati mir-resident matul il-bidla fir-residenza tiegħu, li żamm iċ-ċittadinanza tiegħu, meta telaq mill-Istat Membru l-ieħor, u

din il-vettura tintuża minn dan ir-resident, wara li l-bidla fir-residenza, bl-istess mod li kienet tintuża qabel il-bidla fir-residenza, jiġifieri għal finijiet privati iżda wkoll sabiex jivvjaġġa lejn il-post tax-xogħol fl-Istat Membru li r-resident kellu d-domiċilju tiegħu fih preċedentement,

hija sitwazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju?