26.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/6


Appell ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2011 mir-Renju ta’ Spanja kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Novembru 2010 fil-Kawża T-113/08, Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-24/11 P)

2011/C 95/10

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez, aġent)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2010 fil-Kawża T-113/08, Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni;

tannulla kompletament il-korrezzjonijiet finanzjarji dwar l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/68/KE (1), tal-20 ta’ Diċembru 2007; jew, sussidjarjament, tannulla l-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li jirrrigwardaw in-nefqiet li d-depożiti fuqhom kienu tħallasu qabel l-24 ta’ Novembru 2002, jew, sussidjarjament, tannulla l-korrezzjonijiet finanzjarji fis-settur tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa rigward in-nefqiet li d-depożiti fuqhom kienu tħallsu qabel il-15 ta’ Lulju 2000.

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

Kontradizzjoni interna fir-raġunament li sar mill-Qorti Ġenerali u ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 (2) sa fejn ġie aċċettat li l-Kummissjoni tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha dwar irregolaritajiet li ma kinux speċifikati fl-ittra AGR 16844 li kkomunikat ir-riżultati tal-inkjesta HO/2002/91/ES.

(2)

Ksur tal-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza sa fejn ma ssemmix, u, konsegwentement, ma tiddeċidix, dwar ilment essenzjali fformulat mir-Renju ta’ Spanja fil-proċess verbali tas-seduta dwar id-determinazzjoni dies ad quem tat-terminu ta’ 24 xahar ipprovdut fl-Artikoli 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 (3), u 7 tar-Regolament Nru 1258/1999 (4).

(3)

Ksur tat-terminu ta’ 24 xahar ipprovdut fl-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 729/70 u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1258/1999:

fl-ewwel lok, peress li dan it-terminu huwa kkalkulat mid-data tal-ittra AGR 16844, fil-waqt li din tal-aħħar ma tispeċifikax ir-raġunijiet kollha li fuqhom hija bbażata l-korrezzjoni finanzjarja.

fit-tieni lok, peress li l-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (5) li ma tapplikax f’settur bħal dak tal-produzzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa sabiex tikkunsidra li d-data determinanti għall-applikazzjoni ta’ dan it-teriminu ta’ 24 xahar hija dik tal-ħlas tal-bilanċ u mhux dik tal-ħlas tad-depożitu.


(1)  Deċiżjoni li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG), ĠU L 18, p. 12.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18. p. 31.

(3)  Regolament tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, ĠU L 94, p. 13.

(4)  Regolament tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414.

(5)  Tad-19 ta’Ġunju 2003,C-329/00, Spanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 16103.