SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

30 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Artikolu 107(1) TFUE — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘riżorsi tal-Istat’ — Kunċett ta’ ‘imputabbiltà lill-Istat’ — Organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur agrikolu — Organizzazzjonijiet rikonoxxuti — Azzjonijiet komuni deċiżi minn dawn l-organizzazzjonijiet fl-interess tal-professjoni — Finanzjament permezz tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti b’mod volontarju mill-imsemmija organizzazzjonijiet — Att amministrattiv li jirrendi obbligatorji dawn il-kontribuzzjonijiet għall-professjonisti kollha fis-settur agrikolu kkonċernat”

Fil-Kawża C‑677/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2011, fil-proċedura

Doux Élevage SNC,

Coopérative agricole UKL-ARREE

vs

Ministère de l’Agriculture, de l’Alimentation, de la Pêche, de la Ruralité et de l’Aménagement du territoire,

Comité interprofessionnel de la dinde française (CIDEF),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Doux Élevage SNC, minn P. Spinosi, M. Massart u D. Lechat, avukati,

għall-coopérative agricole UKL-ARREE, minn P. Spinosi, avukat,

għall-Comité interprofessionnel de la dinde française (CIDEF), minn H. Calvet, Y. Trifounovitch, C. Rexha u M. Louvet, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard kif ukoll minn G. de Bergues, J. Gstalter u J. Rossi, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Stromsky u S. Thomas, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar partikolari, tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” li jinsab f’din id-dispożizzjoni.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Doux Élevage SNC u l-coopérative agricole UKL-ARREE, kumpanniji attivi fis-settur agrikolu tal-produzzjoni u tat-trobbija tad-dundjani, u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, rigward il-legalità ta’ deċiżjoni meħuda minn dawn tal-aħħar li testendi b’mod obbligatorju għall-professjonisti kollha f’dan is-settur ftehim, konkluż fi ħdan l-organizzazzjoni interprofessjonali li tirrappreżenta l-imsemmi settur, li jistabbilixxi kontribuzzjoni sabiex jiġu ffinanzjati azzjonijiet komuni deċiżi minn din l-organizzazzjoni.

Id-dritt Franċiż

3

Il-Liġi Nru 75‑600, tal-10 ta’ Lulju 1975, dwar l-organizzazzjoni interprofessjonali agrikola (JORF tal-11 ta’ Lulju 1975, p. 7124), stabbiliet konsultazzjoni interprofessjonali f’dan is-settur, fis-sens li d-diversi organizzazzjonijiet professjonali, normalment imsejħa “familji”, l-iktar rappreżentattivi ta’ settur agrikolu jistgħu jingħaqdu fi grupp interprofessjonali. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ġew ikkodifikati fil-Kodiċi rurali u tas-sajd marittimu (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi rurali”), li d-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jinsabu hawnhekk.

4

L-Artikolu L. 611‑1 jipprovdi:

“Conseil supérieur d’orientation et de coordination de l’économie agricole et alimentaire (Kunsill superjuri ta’ gwida u ta’ koordinazzjoni tal-ekonomija agrikola u tal-ikel), kompost minn rappreżentanti tal-ministri kkonċernati, tal-produzzjoni agrikola, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, tal-artiġjanat u tal-kummerċ indipendenti mill-prodotti tal-ikel, tal-konsumaturi u tal-assoċjazzjonijiet awtorizzati għall-protezzjoni tal-ambjent, tal-proprjetà agrikola, tas-sindakati rappreżentattivi tal-impjegati fis-setturi agrikoli u tal-ikel jipparteċipa fid-definizzjoni, il-koordinazzjoni, l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika ta’ gwida tal-produzzjonijiet u ta’ organizzazzjoni tas-swieq.

Huwa kompetenti għall-produzzjonijiet agrikoli, agro-alimentari, agro-industrijali u tal-foresti.

[...]”

5

L-Artikolu L. 632‑1 jipprovdi:

“I. Il-gruppi kkostitwiti fuq l-inizjattiva tagħhom mill-organizzazzjonijiet professjonali li huma l-iktar rappreżentattivi tal-produzzjoni agrikola u, skont il-każijiet, tal-ipproċessar, tal-kummerċjalizzazzjoni u tad-distribuzzjoni jistgħu jiġu rikonoxxuti fil-kwalità tagħhom ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali mill-awtorità amministrattiva kompetenti wara li tinstema’ l-opinjoni tal-Conseil supérieur d’orientation et de coordination de l’économie agricole et alimentaire, fuq il-livell nazzjonali, jew fuq il-livell ta’ żona ta’ produzzjoni, għal prodott jew grupp ta’ prodotti speċifiċi jekk ikunu maħsuba, b’mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim interprofessjonali, fl-istess waqt:

sabiex jiddefinixxu u jiffavorixxu ftehim kuntrattwali bejn il-membri tagħhom;

sabiex jikkontribwixxu fl-amministrazzjoni tas-swieq permezz ta’ sorveljanza li tħares ’il quddiem tas-swieq, permezz ta’ adattament aħjar tal-prodotti għal-livell kwantitattiv u għal dak kwalitattiv u permezz tal-promozzjoni tagħhom;

sabiex isaħħu s-sigurtà tal-ikel, b’mod partikolari permezz tat-traċċabbiltà tal-prodotti, fl-interess tal-utenti u tal-konsumaturi.

L-organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu wkoll isegwu għanijiet oħra, intiżi b’mod partikolari:

sabiex jiffavorixxu l-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-potenzjal ekonomiku tas-settur,

sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp tal-irkupru mhux tal-ikel tal-prodotti;

sabiex jipparteċipaw f’azzjonijiet internazzjonali ta’ żvilupp;

[...]

II Tista’ tiġi rikonoxxuta biss organizzazzjoni interprofessjonali waħda għal kull prodott jew grupp ta’ prodotti. Meta organizzazzjoni interprofessjonali nazzjonali tiġi rikonoxxuta, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali reġjonali jikkostitwixxu kumitati ta’ din l-organizzazzjoni interprofessjonali nazzjonali u huma rrappreżentati f’din tal-aħħar.

[…]”

6

L-Artikolu L. 632‑2‑I jipprovdi:

“Jistgħu jiġu rikonoxxuti biss l-organizzazzjonijiet interprofessjonali li l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom jipprovdi għall-ħatra ta’ bord ta’ arbitraġġ għall-kwistjonijiet li jistgħu jqumu bejn organizzazzjonijiet professjonali membri meta jiġi applikat ftehim interprofessjonali [...]

L-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti jistgħu jiġu kkonsultati fuq il-linji gwida u fuq il-politika ta’ settur li jikkonċernahom.

Huma jikkontribwixxu għall-implementazzjoni ta’ politika ekonomika nazzjonali u Komunitarja u jista’ jkollhom prijorità fl-għoti tal-għajnuna pubblika.

Għal eżerċizzju effettiv tal-kompiti tagħhom, jista’ jkollhom bħala membri organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw konsumaturi u impjegati ta’ impriżi fis-settur.

Il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent u għall-irtirar tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali huma stabbiliti b’digriet tal-Conseil d’État.”

7

Wara li ġiet adottata l-Liġi Nru 2010‑874 dwar l-immodernizzar tal-agrikoltura u tas-sajd, tas-27 ta’ Lulju 2010 (JORF tat-28 ta’ Lulju 2010, p. 13925), liġi li ġiet wara l-fatti fil-kawża prinċipali, it-tielet paragrafu tal-Artikolu L. 632‑2‑I tħassar.

8

Skont l-Artikolu L. 632‑2‑II:

“Il-ftehim konkluż fi ħdan waħda mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti għal prodott speċifiku [...] u intiż sabiex l-offerta tiġi adattata għad-domanda ma jistax jinkludi restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni [...]

Dan il-ftehim jiġi adottat b’unanimità tal-professjonijiet membri fl-organizzazzjoni interprofessjonali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 632‑4 […]

Dan il-ftehim għandu jiġi nnotifikat, malli jiġi konkluż u qabel ma jiġi applikat, lill-Ministru tal-Agrikoltura, lill-Ministru għall-Ekonomija u lill-Awtorità għall-kompetizzjoni. Avviż li jsemmi l-konklużjoni tiegħu għandu jiġi ppubblikat fil-Bulletin uffiċjali tal-kompetizzjoni, tal-konsum u tal-ġlieda kontra l-frodi.

[...]”

9

L-Artikolu L. 632‑3 huwa fformulat kif ġej:

“Il-ftehim konkluż fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta jista’ jiġi estiż, għal tul ta’ żmien determinat, totalment jew parzjalment, mill-awtorità amministrattiva kompetenti meta jkun maħsub, permezz ta’ kuntratti tip, ta’ konvenzjonijiet ta’ kampanja u ta’ azzjonijiet komuni jew li huma intiżi għal interess komuni li huma konformi mal-interess ġenerali u li huma kompatibbli mar-regoli tal-politika agrikola komuni, sabiex jiffavorixxu b’mod partikolari:

L-għarfien tal-offerta u tad-domanda;

L-adattament u r-regolarizzazzjoni tal-offerta;

L-implementazzjoni, taħt il-kontroll tal-Istat, ta’ regoli ta’ tqegħid fis-suq, ta’ prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet għal ħlas. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-prodotti mill-foresti;

Il-kwalità tal-prodotti: għal dan il-għan, il-ftehim jista’ jipprovdi, b’mod partikolari, għat-tfassil u għall-implementazzjoni ta’ kontrolli ta’ kwalità u ta’ regoli għad-definizzjoni, għall-ippakkjar, għat-trasport u għall-preżentazzjoni, jekk meħtieġ sal-istadju tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti; għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini kontrollata, dan il-ftehim jista’ jipprovdi, b’mod partikolari, għall-implementazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità;

Ir-relazzjonijiet interprofessjonali fis-settur ikkonċernat, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti standards tekniċi, programmi għal riċerka applikata, għal esperimentazzjoni u għal żvilupp u billi jsir investiment f’dawn il-programmi;

L-informazzjoni rigward is-setturi u l-prodotti kif ukoll il-promozzjoni tagħhom fis-suq intern u f’dawk esterni;

L-azzjonijiet kollettivi intiżi għall-ġlieda kontra r-riskji u l-kontinġenzi marbuta mal-produzzjoni, mal-ipproċessar, mal-kummerċjalizzazzjoni u mad-distribuzzjoni tal-prodotti agrikoli u tal-ikel;

Il-ġlieda kontra l-organiżmi li jagħmlu ħsara fis-sens tal-Artikolu L. 251‑3;

L-iżvilupp tal-irkupru mhux tal-ikel tal-prodotti;

10°

Il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet internazzjonali ta’ żvilupp;

11°

L-iżvilupp tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-membri tal-professjonijiet irrappreżentati fl-organizzazzjoni interprofessjonali, b’mod partikolari bl-inklużjoni fil-kuntratti tip ta’ klawżoli standard relatati mal-impenji, mar-regoli sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet, mal-iskedi tal-kunsinni, mat-tul ta’ żmien ta’ kuntratt, mal-prinċipju ta’ prezz minimu, mar-regoli għar-reviżjoni tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ f’sitwazzjoni ta’ bdil sinjifikattiv fil-prezz ta’ materja prima agrikola, kif ukoll ma’ miżuri ta’ kontroll tal-volum sabiex l-offerta tiġi adattata għad-domanda.”

10

Wara li ġiet adottata l-Liġi Nru 2010‑874, tas-27 ta’ Lulju 2010, dan l-Artikolu L. 632‑3 issa huwa fformulat kif ġej:

“Il-ftehim konkluż fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta jista’ jiġi estiż, għal tul ta’ żmien determinat, totalment jew parzjalment, mill-awtorità amministrattiva kompetenti meta huwa jipprovdi għal azzjonijiet komuni jew li huma intiżi għal interess komuni li huma konformi mal-interess ġenerali u li huma kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.”

Il-bqija tal-kliem li kien jinsab f’dan l-artikolu tħassar.

11

L-Artikolu L. 632‑4 jipprovdi:

“L-estensjoni ta’ tali ftehim hija suġġetta għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu mill-professjonijiet irrappreżentati fl-organizzazzjoni interprofessjonali, b’deċiżjoni unanima. Madankollu, għall-ftehim li jirrigwarda biss parti mill-professjonijiet irrappreżentati fl-imsemmija organizzazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi adottat b’unanimità biss minn dawn il-professjonijiet, sakemm l-ebda professjoni oħra ma topponi ruħha għal dan.

[...]

Meta l-estensjoni tiġi deċiża, il-miżuri previsti b’dan il-mod huma mandatorji, fiż-żona ta’ produzzjoni kkonċernata, għall-membri kollha tal-professjonijiet li jikkostitwixxu din l-organizzazzjoni interprofessjonali.

L-awtorità kompetenti għandha xahrejn li jibdew jgħoddu mir-riċezzjoni tat-talba ppreżentata mill-organizzazzjoni interprofessjonali sabiex tiddeċiedi dwar l-estensjoni mitluba. Jekk, fi tmiem dan it-terminu ta’ xahrejn, hija ma tkunx innotifikat id-deċiżjoni tagħha, it-talba titqies li ntlaqgħet.

Id-deċiżjonijiet li jirrifjutaw it-talba għal estensjoni għandhom ikun immotivati.”

12

L-Artikolu L. 632‑6 jipprovdi:

“L-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti, imsemmija fl-Artikoli L. 632‑1 u L. 632‑2, huma awtorizzati jiġbru, mill-membri kollha tal-professjonijiet li jikkostitwixxuhom, kontribuzzjonijiet li jirriżultaw mill-ftehim estiż skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli L. 632-3 u L. 632-4 u li, minkejja n-natura obbligatorja tagħhom, jibqgħu krediti tad-dritt ċivili.

[...]

Jistgħu jinġabru wkoll kontribuzzjonijiet fuq il-prodotti importati taħt kundizzjonijiet iddefiniti permezz ta’ digriet. Fuq talba tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali benefiċjarji, dawn il-kontribuzzjonijiet jinġabru fid-dwana, bl-ispejjeż għalihom.

Dawn il-kontribuzzjonijiet ma jeskludux l-applikabbiltà ta’ taxxi parafiskali.”

13

Skont l-Artikolu L. 632‑8‑I:

“L-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti jagħtu rendikont tal-attività tagħhom kull sena lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti u jipprovdu:

il-kontijiet finanzjarji;

rapport ta’ attività u r-rendikont tal-laqgħat ġenerali;

bilanċ ta’ evalwazzjoni ta’ kull ftehim estiż.

Huma jipprovdu lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti d-dokumenti kollha li dawn tal-aħħar jitolbu li jiġu mibgħuta għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ kontroll tagħhom.”

14

B’digriet tal-24 ta’ Ġunju 1967 (JORF tas-26 ta’ Awwissu 1976, p. 5143), l-awtorità amministrattiva kompetenti rrikonoxxiet lill-Comité interprofessionnel de la dinde française [il-Kumitat interprofessjonali tad-dundjan Franċiż] (CIDEF), bħala organizzazzjoni interprofessjonali agrikola skont il-Liġi Nru 75‑600. Iċ-CIDEF jgħaqqad erba’ familji professjonali, jiġifieri dawk tal-“produzzjoni”, tat-“tfaqqis u importazzjoni ta’ bajd għat-tfaqqis u tar-razza”, tat-“tbiċċir u pproċessar” u tal-“ikel għall-annimali”.

15

Skont l-Artikolu 2 tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tiegħu, iċ-CIDEF:

“għandu bħala għan:

li jiġu mgħaqqda l-inizjattivi professjonali kollha sabiex jiġi organizzat u rregolarizzat is-suq tad-dundjani;

li tiġi stabbilita għal dan il-għan sistema ta’ informazzjoni statistika intiża sabiex il-professjonisti jiġu mgħarrfa b’mod permanenti bl-istabbiliment ta’ merħliet, bil-biċċeriji, bil-ħażniet, bil-kummerċ estern, bil-konsum mill-familji u mill-entitajiet territorjali;

li jiġu rregolarizzati l-produzzjoni u s-suq tad-dundjani permezz ta’ azzjonijiet fuq il-volum tal-offerta u fuq dak tad-domanda;

li jkollu l-mezzi finanzjarji neċessarji;

li jitlob ir-rattifikazzjoni ta’ standards iddefiniti minn kull familja professjonali għall-prodotti li hija tipproduċi u tbigħ;

li jirrendi obbligatorju l-għoti ta’ kuntratti bil-miktub għall-provvista, bejn il-professjonisti, tal-prodotti u tas-servizzi. (Il-Kumitat għandu jipproponi mudelli ta’ kuntratt qafas);

ikun l-interlokutur tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji għall-problemi kollha komuni għall-familji professjonali li jqumu fis-settur tad-dundjani;

fil-kuntest tal-KEE, li tiġi stabbilita kooperazzjoni l-iktar stretta mal-professjonisti tas-settur tad-dundjan tal-pajjiżi msieħba;

li jittieħdu l-inizjattivi utli kollha sabiex jiġu solvuti problemi tekniċi u b’mod partikolari li jsiru t-testijiet meħtieġa;

li l-familji professjonali tas-settur ta’ produzzjoni tal-laħam tat-tjur jiġu ggarantiti, għall-prodotti kollha, provvisti ta’ servizzi fl-oqsma li huma ta’ interess komuni. Dawn il-provvisti għandhom jiġu fdati lill-Kumitat permezz ta’ ftehim bil-miktub. Il-finanzjament tagħhom isir permezz ta’ kont separat u ma jistax jagħti lok għall-ġbir miċ-CIDEF ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni li saret obbligatorja taħt l-Artikolu L. 632‑6 tal-Kodiċi rurali.”

Il-kawża prinċipali, il-fatti li wasslu għaliha u d-domanda preliminari

16

Permezz ta’ ftehim interprofessjonali adottat fit-18 ta’ Ottubru 2007, iċ-CIDEF stabbilixxa kontribuzzjoni interprofessjonali, miġbura minn kull membru tal-professjonijiet irrappreżentati fi ħdanu. Dan il-ftehim ġie konkluż għal perijodu ta’ tliet snin. Bi klawżola addizzjonali konkluża fl-istess jum, l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni ġie stabbilit għal EUR 14 għal 1000 dundjan għas-sena 2008. B’żewġ digrieti adottati fit-13 ta’ Marzu 2008 (JORF tas-27 ta’ Marzu 2008, p. 5229 u tal-1 ta’ April 2008, p. 5412), il-ministri kompetenti estendew, skont l-Artikolu L. 632‑3 tal-Kodiċi rurali, il-ftehim interprofessjonali għal perijodu ta’ tliet snin u l-klawżola għal perijodu ta’ sena. Permezz ta’ klawżola oħra mal-ftehim interprofessjonali msemmi hawn fuq, konkluża fil-5 ta’ Novembru 2008, iċ-CIDEF iddeċieda li jżomm il-kontribuzzjoni interprofessjonali għas-sena 2009 bl-istess ammont. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu L. 632‑4 tal-Kodiċi rurali, din il-klawżola ġiet estiża permezz ta’ deċiżjoni impliċita ta’ aċċettazzjoni tal-awtorità kompetenti fid-29 ta’ Awwissu 2009, li ġiet ippubblikata b’avviż tal-ministru kompetenti fit-30 ta’ Settembru 2009 (JORF tat-30 ta’ Settembru 2009, p. 15881).

17

Doux Élevage SNC, sussidjarja tal-grupp Doux li huwa l-produttur ewlieni Ewropew tal-laħam tat-tjur, u l-kooperattiva agrikola UKL‑ARREE talbu, quddiem il-Conseil d’État, l-annullament tad-deċiżjoni taċita ta’ estensjoni tal-klawżola tal-5 ta’ Novembru 2008, li tnisslet fid-29 ta’ Awwissu 2009 minħabba s-silenzju miżmum mill-amministrazzjoni wara talba għal estensjoni ta’ din il-klawżola, kif ukoll tal-avviż li jirrendi pubblika din id-deċiżjoni. Huma sostnew li l-kontribuzzjoni interprofessjonali stabbilita permezz tal-klawżola tal-5 ta’ Novembru 2008, estiża u magħmula obbligatorja għall-professjonisti kollha tal-organizzazzjoni interprofessjonali permezz tal-imsemmija deċiżjoni, kienet tirrigwarda għajnuna mill-Istat u li, għaldaqstant, din id-deċiżjoni kellha tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea b’mod konformi mal-Artikolu 108(3) TFUE.

18

B’mod konformi mas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C-345/02, Ġabra p. I-7139), il-qorti nazzjonali li għandha l-kawża quddiemha qieset, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-kontribuzzjonijiet stabbiliti mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti, normalment imsejħa “kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji” (iktar ’il quddiem, iċ-“CVO”), sabiex jiffinanzjaw azzjonijiet komuni deċiżi minn dawn l-organizzazzjonijiet, kif ukoll l-atti amministrattivi li permezz tagħhom dawn il-kontribuzzjonijiet saru obbligatorji għall-professjonisti kollha fis-settur ikkonċernat, ma kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

19

Madankollu, wara ċerti osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, il-Gvern Franċiż innotifika lill-Kummissjoni, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, programm-qafas ta’ azzjonijiet li jistgħu jitwettqu mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali u hemeż ma’ dan il-programm-qafas għaxar ftehim konklużi mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali l-iktar importanti. Bid-deċiżjoni tagħha Għajnuna mill-Istat N 561/2008 (C(2008) 7846 finali), tal-10 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni qieset, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-miżuri inkwistjoni kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu hija kkonstatat li l-finanzjament ta’ dawn il-miżuri ma kienx iqajjem oġġezzjonijiet rigward is-sistema tal-organizzazzjoni komuni tas-suq u li dawn il-miżuri ma kellhomx mnejn jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni u minn dan ikkonkludiet li huma setgħu jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE (4). Il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni simili f’żewġ deċiżjonijiet ulterjuri. Dawn id-deċiżjonijiet kollha kienu s-suġġett ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati kemm mir-Repubblika Franċiża kif ukoll mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali kkonċernati, li huma attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

20

Il-Conseil d’État josserva, qabel kollox, li l-ftehim interprofessjonali tat-18 ta’ Ottubru 2007 ġie adottat b’deċiżjoni unanima tal-erba’ familji professjonali rrappreżentati fi ħdan l-organizzazzjoni interprofessjonali u li d-deċiżjoni li l-kontribuzzjoni interprofessjonali titkompla b’rata mhux mibdula għas-sena 2009 ittieħdet ukoll b’mod unanimu minn dawn l-erba’ familji professjonali. Imbagħad huwa jikkonstata li l-klawżola tal-5 ta’ Novembru 2008 telenka b’mod eżawrjenti l-azzjonijiet li jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-kontribuzzjoni interprofessjonali miġbura miċ-CIDEF għas-sena 2009, li huma azzjonijiet ta’ komunikazzjoni speċifiċi għal-laħam tad-dundjan “intiżi sabiex itejbu l-immaġni u jippromwovu l-bejgħ”, azzjonijiet ta’ promozzjoni komuni għal-laħam tat-tjur, azzjonijiet ta’ relazzjonijiet esterni, rappreżentazzjoni mal-awtoritajiet amministrattivi Franċiżi u Ewropej, parteċipazzjoni fl-assoċjazzjoni Ewropea tat-tjur, ksib ta’ studji u ta’ opinjonijiet ta’ kumitati tal-konsumaturi sabiex jitkejlu l-livelli tax-xiri, azzjonijiet ta’ sostenn għar-riċerka u ta’ garanzija ta’ kwalità u azzjonijiet ta’ difiża tal-interessi tas-settur.

21

Barra minn hekk, il-Conseil d’État jenfasizza, minn naħa, li din il-klawżola ma tippermettix il-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ intervent fis-suq tad-dundjan u, min-naħa l-oħra, li l-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni msemmija minn din il-klawżola ma jinvolvu l-ebda distinzjoni rigward l-oriġini tal-prodotti, u li ma jirriżulta mill-ebda att tal-proċess li parti mill-kontribuzzjonijiet miġbura fl-2009 kienet intiża esklużivament għal azzjonijiet ta’ promozzjoni tad-“dundjan Franċiż”, kemm fi Franza kif ukoll barra mill-pajjiż.

22

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u konstatazzjonijiet, kif ukoll fid-dawl tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni esposta hawn fuq, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 107 [TFUE], moqri fid-dawl tas-sentenza Pearle BV et [iċċitata iktar ’il fuq,] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li testendi lill-professjonisti kollha ta’ settur ftehim li, bħall-ftehim konkluż fi ħdan is-[CIDEF], jistabbilixxi kontribuzzjoni fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta mill-imsemmija awtorità u li għalhekk jagħmilha obbligatorja, sabiex tippermetti l-implementazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni, ta’ promozzjoni, ta’ relazzjonijiet esterni, ta’ garanzija ta’ kwalità, ta’ riċerka, ta’ difiża tal-interessi tas-settur kif ukoll il-ksib ta’ studji u ta’ opinjonijiet ta’ kumitati tal-konsumaturi, hija, fid-dawl tan-natura tal-azzjonijiet inkwistjoni, tal-metodi ta’ kif jiġu ffinanzjati u tal-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tagħhom, relatata ma’ [tirrigwarda] għajnuna mill-Istat?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li testendi għall-professjonisti kollha ta’ settur agrikolu ftehim interprofessjonali li jikkostitwixxi kontribuzzjoni obbligatorja, sabiex jippermetti l-implementazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni, ta’ promozzjoni, ta’ relazzjonijiet esterni, ta’ garanzija ta’ kwalità, ta’ riċerka, u ta’ difiża tal-interessi tas-settur, tikkostitwixxix element ta’ għajnuna mill-Istat.

24

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jiddikjara inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat taħt kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet.

25

L-Artikolu 107(1) TFUE jissuġġetta din il-kompatibbiltà għall-verifika li jeżistu erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jkun intervent tal Istat jew permezz tar-riżorsi tal Istat. It tieni nett, dan l-intervent għandu jkun kapaċi jaffettwa l kummerċ bejn l Istati Membri. It tielet nett, għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir raba’ nett, għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal kompetizzjoni (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha mogħtija minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, indipendentament minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, imma hija intiża biss sabiex tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, stabbilit jew maħtur minn dan l-Istat (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE tista’, bħala regola ġenerali, tinkludi wkoll l-għajnuna mogħtija permezz ta’ korpi pubbliċi jew privati, stabbiliti jew maħtura mill-Istat sabiex tiġi amministrata l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Madankollu, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu jiġi osservat, kif ifakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-finanzjament permezz ta’ riżorsi tal-Istat huwa element li jagħmel parti mill-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”.

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-punti 59 u 61 tas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bl-istabbiliment ta’ obbligu ta’ xiri ta’ ċerti prodotti bi prezzijiet minimi, tagħti vantaġġi lil ċerti impriżi u tinvolvi żvantaġġi għal oħrajn, ma twassal għall-ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dawn il-prodotti u li tali obbligu ma huwiex tali li jagħti n-natura ta’ għajnuna mill-Istat lil din il-leġiżlazzjoni.

30

Fil-punt 36 tas-sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżami tagħha tal-oneri imposti minn korp professjonali fuq il-membri tiegħu sabiex tiġi ffinanzjata kampanja pubbliċitarja, waslet għall-istess konklużjoni, billi kkonstatat b’mod partikolari li, peress li l-ispejjeż sostnuti minn dan il-korp pubbliku għall-imsemmija kampanja kienu kompletament ikkumpensati permezz tal-oneri miġbura mill-impriżi li bbenefikaw minnha, l-intervent tiegħu ma kienx tali li joħloq vantaġġ li jikkostitwixxi oneru addizzjonali għall-Istat jew għal dan il-korp.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll, fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li l-inizjattiva biex tiġi organizzata u mwettqa l-kampanja pubbliċitarja kkonċernata fil-kawża prinċipali oriġinat minn assoċjazzjoni privata ta’ ottiċi, u mhux mill-korp pubbliku li serva biss bħala strument biex jinġabru u jiġu allokati riżorsi ġġenerati favur għan purament kummerċjali stabbilit minn qabel miċ-ċirku professjonali kkonċernat u li ma kellu xejn x’jaqsam fil-kuntest ta’ politika stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi.

32

Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet fil-kawża prinċipali, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn isiru minn operaturi ekonomiċi privati, membri jew mhux membri fl-organizzazzjoni interprofessjonali involuta, iżda li jeżerċitaw attività ekonomika fis-swieq ikkonċernati. Dan il-mekkaniżmu ma jimplika l-ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat, il-fondi kkostitwiti permezz tal-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ma jgħaddux mill-baġit tal-Istat jew minn entità pubblika oħra u l-Istat ma jirrinunzja għal ebda riżorsa, taħt kwalunkwe titolu, bħal dak tat-taxxi, tad-dazji, tal-kontribuzzjonijiet jew oħrajn, li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kellha titħallas fil-baġit tal-Istat. Dawn il-kontribuzzjonijiet iżommu n-natura privata tagħhom tul il-kors tagħhom u, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, l-organizzazzjoni professjonali għandha ssegwi, sabiex dan il-ħlas jinġabar, il-proċedura ġudizzjarja normali ċivili jew kummerċjali, peress li ma għandha l-ebda prerogattiva ta’ natura Statali.

33

Ma hemmx dubju li l-organizzazzjonijiet interprofessjonali huma assoċjazzjonijiet irregolati mid-dritt privat u ma humiex parti mill-amministrazzjoni pubblika.

34

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti li dawn il-mezzi huma jew ma humiex parti b’mod permanenti mill-patrimonju tal-Istat. Għalhekk, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma humiex fil-pussess tat-Teżor pubbliku b’mod permanenti, il-fatt li jibqgħu b’mod kostanti taħt il-kontroll pubbliku, u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Issa, fil-kawża prinċipali, il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 37 tas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma humiex issodisfatti. Huwa minnu li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux effettivament jużaw ir-riżorsi li ġejjin mill-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex isostnu ċerti impriżi. Hija l-organizzazzjoni professjonali kkonċernata li tiddeċiedi dwar l-użu ta’ dawn ir-riżorsi, li huma intiżi totalment għal għanijiet stabbiliti minnha. Bl-istess mod, dawn ir-riżorsi ma humiex taħt il-kontroll pubbliku b’mod kostanti u ma humiex fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Statali.

37

L-eventwali influwenza li l-Istat Membru jista’ jeżerċita fuq il-funzjonament tal-organizzazzjoni interprofessjonali permezz tad-deċiżjoni li jiġi estiż għall-professjonisti kollha ta’ settur ftehim interprofessjonali ma tistax tkun tali li tibdel il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

38

Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tagħtix lill-awtorità kompetenti s-setgħa li tamministra jew tinfluwenza l-amministrazzjoni tal-fondi. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali kompetenti, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi rurali li jirregolaw l-estensjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali ma jawtorizzaw lill-awtoritajiet pubbliċi jissuġġettaw iċ-CVO għal kontroll ieħor għajr dak ta’ regolarità u ta’ konformità mal-liġi.

39

F’dak li jikkonċerna l-imsemmi kontroll, għandu jiġi osservat li l-Artikolu L. 632‑3 tal-Kodiċi rurali ma jippermettix li l-estensjoni ta’ ftehim tiġi suġġetta għall-fatti li jiġu segwiti għanijiet politiċi konkreti, stabbiliti u ddefiniti mill-awtoritajiet pubbliċi, peress li dan l-artikolu jindika, b’mod mhux eżawrjenti, għanijiet ġenerali u varji ħafna li ftehim interprofessjonali għandu jiffavorixxi sabiex ikun jista’ jiġi estiż mill-awtorità amministrattiva kompetenti. Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-obbligu previst fl-Artikolu L. 632-8-I ta’ dan il-kodiċi li dawn l-awtoritajiet jiġu informati ex post bl-użu li jsir miċ-CVO.

40

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti l-kunsiderazzjoni li l-inizjattiva tal-impożizzjoni taċ-CVO tiġi mhux mill-organizzazzjoni interprofessjonali nfisha iżda mill-awtoritajiet pubbliċi. Għandu jiġi enfasizzat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu biss bħala “strument” sabiex jiġu magħmula obbligatorji l-kontribuzzjonijiet stabbiliti mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali biex jintlaħqu għanijiet iddeterminati minnhom stess.

41

Għalhekk, la s-setgħa tal-Istat li jirrikonoxxi organizzazzjoni interprofessjonali skont l-Artikolu L. 632-1 tal-Kodiċi rurali, u lanqas is-setgħa ta’ dan l-Istat li jestendi għall-professjonisti kollha ta’ settur ftehim interprofessjonali skont l-Artikoli L. 632-3 u L. 632‑4 ta’ dan il-kodiċi ma jippermettu li jiġi konkluż li l-azzjonijiet imwettqa mill-organizzazzjoni interprofessjonali huma imputabbli lill-Istat.

42

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-azzjonijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali huma, parzjalment, iffinanzjati mill-fondi pubbliċi u li, fid-dawl tal-assenza ta’ kontijiet separati fir-rigward tal-fondi pubbliċi u privati, il-mezzi kollha tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jikkostitwixxu “riżorsi tal-Istat”.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-domanda preliminari tirreferi biss għall-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali u mhux eventwali riżorsi oħra li ġejjin mill-baġit pubbliku.

44

Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, fondi privati użati mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali ma jsirux “riżorsi pubbliċi” sempliċement għaliex jintużaw b’mod konġunt ma’ somom li jistgħu jiġu mill-baġit pubbliku.

45

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li testendi għall-professjonisti kollha ta’ settur agrikolu ftehim li, bħall-ftehim interprofessjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi kontribuzzjoni fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta mill-awtorità nazzjonali u li għalhekk jagħmilha obbligatorja sabiex tippermetti l-implementazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni, ta’ promozzjoni, ta’ relazzjonijiet esterni, ta’ garanzija ta’ kwalità, ta’ riċerka u ta’ difiża tal-interessi tas-settur ikkonċernat ma tikkostitwixxix element ta’ għajnuna mill-Istat.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li testendi għall-professjonisti kollha ta’ settur agrikolu ftehim li, bħall-ftehim interprofessjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi kontribuzzjoni fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta mill-awtorità nazzjonali u li għalhekk jagħmilha obbligatorja sabiex tippermetti l-implementazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ komunikazzjoni, ta’ promozzjoni, ta’ relazzjonijiet esterni, ta’ garanzija ta’ kwalità, ta’ riċerka u ta’ difiża tal-interessi tas-settur ikkonċernat ma tikkostitwixxix element ta’ għajnuna mill-Istat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.