Kawża C-648/11
The Queen, fuq talba ta’ MA et
vs
Secretary of State for the Home Department
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))
“Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli — Minuri mhux akkumpanjat — Applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’żewġ Stati Membri suċċessivament — Assenza ta’ membru tal-familja tal-minuri fit-territorju tal-Istat Membru — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003 — Trasferiment tal-minuri lejn Stat Membru fejn dan ippreżenta l-ewwel applikazzjoni tiegħu — Kompatibbiltà — L-aħjar interess tat-tfal — Artikolu 24(2) tal-Karta”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Ġunju 2013
Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti, domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli u domandi mhux relatati mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali – Portata – Rilevanza tad-domandi magħmula għas-soluzzjoni ta’ rikors għad-danni marbut mal-kawża prinċipali – Inklużjoni
(Artikolu 267 TFUE)
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil – Regolament Nru 343/2003 – Minuri mhux akkumpanjat – Applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’żewġ Stati Membri suċċessivament – Teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tat-tfal – Responsabbiltà tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-preżenza fiżika tal-minuri wara l-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu
(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 24; Regolament tal-Kunsill Nru 343/2003, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 37-40)
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 343/2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi fejn minuri mhux akkumpanjat li l-ebda membru tal-familja tiegħu ma jkun jinsab legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, ikun ippreżenta applikazzjonijiet għall-ażil f’iktar minn Stat Membru wieħed, huwa jindika bħala l-“Istat Membru responsabbli” dak l-Istat Membru li fih ikun jinsab il-minuri wara li jkun ippreżenta, hemmhekk, applikazzjoni għall-ażil.
F’dan ir-rigward, il-frażi “l-Istat Membru [...] fejn il-minorenni [minuri] jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, ma tistax tinftiehem bħala li tindika l-ewwel Stat Membru fejn il-minuri jkun iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu jew tagħha. Fil-fatt, billi l-minuri mhux akkumpanjati jiffurmaw kategorija partikolarment vulnerabbli, huwa importanti li l-proċedura tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma tiħux fit-tul iktar milli strettament neċessarju iżda għandhom jiġu żgurati aċċess rapidu għall-proċeduri ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat. Għaldaqstant, minkejja li l-interess tal-minuri huwa msemmi b’mod espliċitu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament biss, l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tagħha għandu l-effett li, fid-deċiżjonijiet kollha li l-Istati Membri jadottaw abbażi tat-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 6, l-aħjar interess tat-tfal għandu wkoll ikun kunsiderazzjoni primarja. Minn dan isegwi li minuri mhux akkumpanjati li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor li quddiemu jkunu ppreżentaw l-ewwel applikazzjoni għall-ażil.
(ara l-punti 53, 55, 59, 61, 66 u d-dispożittiv)