SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur — Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE — Direttiva 70/311/KEE — Direttiva 2007/46/KE — Sewqan fuq il-lemin fi Stat Membru — Obbligu, fid-dawl tar-reġistrazzjoni, li jitqiegħed fuq ix-xellug it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tal-vetturi tal-passiġġieri li jinsab fuq il-lemin”

Fil-Kawża C‑639/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑13 ta’ Diċembru 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wilms u G. Zavvos, kif ukoll minn K. Herrmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ssuġġettat ir-reġistrazzjoni fit-territorju tagħha ta’ vetturi tal-passiġġieri li t-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħhom jinsab fuq in-naħa tal-lemin, ġodda jew preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra, għaċ-ċaqlieq tal-isteering wheel lejn in-naħa tax-xellug, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva tal-Kunsill 70/311/KEE, tat‑8 ta’ Ġunju 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 90), tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, p. 1), kif ukoll l-Artikolu 34 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessi 2, 3 u 14 tad-Direttiva 2007/46 jipprovdu:

“(2)

Għall-finijiet ta’ l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tal-Komunità, huwa xieraq li s-sistemi ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali.

(3)

Il-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji. Dawk l-atti regolatorji għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat.

[...]

(14)

L-objettiv ewlieni tal-leġislazzjoni rigward l-approvazzjoni dwar il-vetturi hu li jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda li jitqiegħdu fis-suq jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali. Dan l-għan m’għandux jiġi mxekkel bl-immuntar ta’ ċerti partijiet jew tagħmir wara li l-vetturi jkunu tqiegħdu fis-suq jew daħlu fis-servizz. Għalhekk, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi żgurat li partijiet jew tagħmir li jistgħu jintramaw fuq il-vetturi u jistgħu jxekklu b’mod sostanzjali t-tħaddim ta’ sistemi li huma essenzjali għas-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali, ikunu soġġetti għal kontroll minn qabel minn awtorità ta’ l-approvazzjoni qabel ma dawn jiġu offruti għall-bejgħ. Dawn il-miżuri għandhom jikkonsistu minn dispożizzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw il-ħtiġijiet li dawk il-partijiet jew tagħmir iridu jikkonformaw magħhom.”

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/36, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità.

Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz tal-partijiet u t-tagħmir maħsuba għall-vetturi approvati skond din id-Direttiva.

Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligi ta’ l-Istati Membri” jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

Huma m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar.”

5

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-vetturi”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tal-KE fir-rigward ta’:

a)

tip ta’ vettura li jikkonforma mad-dettalji tal-folder ta’ informazzjoni u li jissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi speċifikati mill-atti regolatorji rilevanti elenkati fl-Anness IV”.

6

Din il-parti I tal-Anness IV ta’ din id-direttiva tinkludi l-lista tad-direttivi msejħa “direttivi [...] separati”, li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi speċifikament applikabbli għall-finijiet tal-approvazzjoni KE.

7

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Ċertifikat ta’ konformità” jipprovdi:

“Il-manifattur, fil-kapaċità tiegħu bħala d-detentur ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, għandu jipprovdi ċertifikat ta’ konformità flimkien ma’ kull vettura, kemm jekk kompluta, mhux kompluta jew ikkompletata, li tiġi manifatturata f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat.”

8

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Reġistrazzjoni, bejgħ u dħul fis-servizz ta’ vetturi” jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi fil-każ biss li jkollhom magħhom ċertifikat ta’ konformità validu maħruġ skont l-Artikolu 18.”

9

L-Anness I tal-istess direttiva huwa intitolat “Lista sħiħa ta’ informazzjoni għall-fini ta’ l-approvazzjoni tat-tip KE tal-vetturi”. Il-punt 1 ta’ dan l-anness, intitolat “Il-karatteristiċi tal-bini ġenerali tal-vettura”, jipprovdi:

“[...]

1.8.

Naħa tas-sewqan: xellug/lemin (1),

1.8.1.

Il-Vettura hija mgħammra biex tiġi misjuqa fit-traffiku fuq in-naħa tal-lemin/xellug (1)

[...]”

Skont in-noti ta’ spjega relatati ma’ dan l-Anness I:

“(1) Ingassa r-riferimenti inutili (jista’ jkun li xejn ma jkollu jiġi ingassat meta jkun hemm iktar minn risposta possibbli).”

10

L-Anness III tal-imsemmija direttiva hija intitolata “Dokument ta’ informazzjoni għall-fini ta’ l-approvazzjoni tat-tip KE tal-vetturi”. Il-punt 1 ta’ dan l-anness, intitolat “Il-karatteristiċi tal-bini ġenerali tal-vettura”, jipprovdi:

“[...]

1.8.

Naħa tas-sewqan: … xellug/lemin (1),

1.8.1.

Vettura għandha tagħmir biex tinsaq fit-traffiku fuq in-naħa tal-lemin/xellug (1).

[...]”

It-test tan-noti ta’ spjega li jikkonċernaw ir-referenza nnumerata (1) tal-punt 1 ta’ dan l-Anness III huwa l-istess bħal dak tan-noti li jirreferu għall-punt 1 tal-Anness I, hekk kif inhu pprovdut fil-punt 9 ta’ din is-sentenza.

11

L-Anness IX tad-Direttiva 2007/46, hekk kif issostitwita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2009, tas‑7 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 118, p. 13), fid-dawl tal-adattament tiegħu għall-progress tal-konoxxenzi xjentifiċi, huwa intitolat “Ċertifikat ta’ konformità tal-KE”. Il-punt 0 ta’ dan l-anness, intitolat “Objettivi”, jipprovdi kif ġej:

“Iċ-ċertifikat ta’ konformità huwa dikjarazzjoni mogħtija mill-manifattur tal-vettura lix-xerrej sabiex iserraħlu moħħu li l-vettura li huwa jkun akkwista tikkonforma mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea fil-ħin meta din ġiet iffabbrikata.

Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu wkoll l-għan li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jirreġistraw vetturi mingħajr mal-applikant ikollu għaliex jipprovdi dokumentazzjoni teknika addizzjonali.

[...]”

12

Il-paġna 1 ta’ dan iċ-ċertifikat għandha tgħid kif ġej:

“Is-sottoskritt […] b’dan jiċċertifika li l-vettura:

[...]

tikkonforma f’kull rigward mat-tip deskritt fl-approvazzjoni [...] u

tista’ tiġi rreġistrata b’mod permanenti fi Stati Membri li għandhom traffiku fuq in-naħa tal-lemin/xellug [...]”.

13

In-noti ta’ spjega relatati mal-Anness IX tad-Direttiva 2007/46 jipprovdu fil-punti (b) u (d):

“b)

Indika jekk il-vettura hijiex adatta għal użu fi traffiku fuq in-naħa tal-lemin jew fi traffiku fuq in-naħa tax-xellug jew għal użu fi traffiku kemm fuq in-naħa tal-lemin kif ukoll fuq in-naħa tax-xellug.

[...]

d)

Din id-dikjarazzjoni ma tillimitax id-dritt tal-Istati Membri li jeħtieġu adattamenti tekniċi sabiex jippermettu r-reġistrazzjoni ta’ vettura fi Stat Membru li mhuwiex dak li għalih kienet maħsuba meta d-direzzjoni tat-traffiku tkun fuq in-naħa l-oħra tat-triq.”

14

Id-Direttiva 70/311 hija waħda mid-direttivi separati ċċitati fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46. L-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311, miżjud miegħu permezz tal-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni fil-Komunitajiet Ewropej tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u dwar it-tibdiliet fit-Trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14), jipprovdi:

“L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi il-bejgħ jew ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ vetturi minħabba fit-tagħmir ta’ l-isteering, jekk dan it-tagħmir ikun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness.”

15

L-Anness I ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Skop, definizzjonijiet, applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip KE, għoti ta’ dispożizzjonijiet ta’ kostruzzjoni ta’ l-approvazzjoni tat-tip KE, dispożizzjonijiet tat-test, modifikazzjonijiet tat-tip u emendi għall-approvazzjonijiet, b’konformità tal-produzzjoni”.

16

Il-punt 1.3 ta’ dan l-anness huwa redatt kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

Tagħmir għall-immanuvrar ifisser it-tagħmir kollu li l-iskop tiegħu huwa li tiġi determinata d-direzzjoni ta’ l-ispustjar tal-vettura.

It-tagħmir għall-immanuvrar jikkonsisti:

fil-kontroll ta’ l-immanuvrar,

fit-trasmissjoni ta’ l-immanuvrar,

fir-roti mmanuvrati,

fil-fornitura ta’ enerġija jekk hemm għajn ta’ l-enerġija”.

17

Il-punt 4.1.1 tal-imsemmi anness jipprovdi:

“It-tagħmir għall-immanuvrar għandu jassigura manuvrar faċli u sigur tal-vettura sal-veloċità massima maħsuba [...]”

18

L-Appendiċi 1 tal-Anness I tad-Direttiva 70/311 hija intitolata “Dokument ta’ l-informazzjoni [...] insegwitu ta’ l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE li tirrigwarda l-approvazzjoni tat-tip KE ta’ vettura f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħmir għall-immanuvrar [...]”. Il-punt 1 ta’ dan l-appendiċi, intitolat “Karatteristiċi ġenerali tal-kostruzzjoni tal-vettura”, jinkludi l-intestatura 1.8 li hija redatta kif ġej:

“[...]

1.8.

In-naħa tas-sewqan: xellug/lemin [...]

[...]”

Id-dritt Pollakk

19

Skont l-Artikolu 68 tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 1997 dwar it-traffiku fit-triq, kif emendata (Dz. U. tal-2005, nru 108, paragrafu 908), il-manifattur jew l-importatur ta’ vettura awtomobilistika ġdida għandu l-obbligu li jikseb, għal kull tip ġdid ta’ vettura, dokument ta’ approvazzjoni maħruġ, skont il-porċedura ta’ approvazzjoni tat-tip Komunitarju, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

20

Il-verifika teknika bil-għan tar-reġistrazzjoni u tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura tikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar hijiex konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi deskritti fl-imsemmija liġi u fir-regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura tal‑31 ta’ Diċembru 2002 dwar il-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-vetturi u l-portata tat-tagħmir indispensabbli tagħhom, kif emendata (Dz. U. tal‑2003, nru 32, paragrafu 262).

21

It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 9 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-isteering ta’ vettura li jkollha iktar minn tliet roti, li l-kostruzzjoni tagħha tippermettilha veloċità li taqbeż l-40 km fis-siegħa, ma għandux ikun fuq in-naħa tal-lemin tal-vettura.”

22

Il-portata u l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-kontroll tekniku ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura tas‑16 ta’ Diċembru 2003, kif emendat (Dz. U. tal‑2003, nru 227, paragrafu 2250). Skont il-punt 5.1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, il-pożizzjoni tal-isteering wheel fuq il-lemin tikkostitwixxi kriterju essenzjali li jippermetti li jiġi stabbilit li l-istat tekniku ta’ vettura li jkollha iktar minn tliet roti li l-veloċità tagħha taqbeż l-40 km fis-siegħa ma tissodisfax u ma hijiex konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi nazzjonali. L-istess dispożizzjoni hija prevista fil-punt 6.1 tal-Anness I tar-Regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura tat-18 ta’ Settembru 2009 (Dz. U. tal-2009, nru 155, paragrafu 1232), li ssostitwixxa u ħassar, mit-22 ta’ Settembru 2009, l-imsemmi regolament tas-16 ta’ Diċembru 2003.

Il-proċedura prekontenzjuża

23

Matul is-sena 2008, il-Kummissjoni rċeviet sensiela ta’ lmenti min-naħa ta’ persuni li jixtiequ jirreġistraw fil-Polonja vetturi tal-passiġġieri li ġejjin mir-Renju Unit u mill-Irlanda. Dawn kienu persuni ta’ oriġini Pollakka li kienu jeżerċitaw attività professjonali f’dawn l-Istati Membri u fiha kienu xtraw vettura tal-passiġġieri li xtaqu jirreġistraw fir-ritorn tagħhom fil-Polonja. Issa, huma jkollhom l-obbligu, abbażi tal-leġiżlazzjoni Pollakka, li jċaqalqu l-isteering wheel tal-vettura lejn in-naħa tax-xellug, liema fatt jikkostitwixxi trasformazzjoni oneruża ħafna.

24

Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ir-rekwiżit huwa ekwivalenti għal projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni fil-Polonja ta’ vetturi li l-isteering wheel tagħhom jinsab fuq in-naħa tal-lemin. Hija tal-opinjoni li jekk vettura tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi ddefiniti fid-direttivi separati msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, Stat Membru li fit-territorju tiegħu iċ-ċirkulazzjoni sseħħ fuq il-lemin ma għandux dritt jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-vettura minħabba l-fatt li l-isteering wheel tagħha jinsab fuq in-naħa tal-lemin. Il-Kummissjoni tqis li tali rifjut jikkostitwixxi, fir-rigward tal-vetturi ġodda, ksur tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 u tal-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311, li jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali jirreġistraw vettura ġdida jkun fuq liema naħa jkun l-isteering wheel tagħha, sa fejn it-tagħmir għas-sewqan huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ din l-aħħar direttiva. Tali rifjut jikkostitwixxi wkoll, fir-rigward ta’ vetturi preċedentement irreġistrati fi Stat Membru ieħor, ksur tal-Artikolu 34 TFUE. Għalhekk, fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika tal-Polonja sabiex din ittemm dan l-allegat ksur.

25

Fit‑8 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat il-fondatezza tal-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni billi sostniet b’mod partikolari li, peress li l-punti 1.8 u 1.8.1. tal-Anness I u III tad-Direttiva 2007/46 jiddistingwu n-naħat ta’ sewqan, Stat Membru għandu l-għażla li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ vettura fit-territorju tiegħu biss jekk din il-vettura tiġi adattata għan-naħa ta’ sewqan fis-seħħ f’dan l-Istat. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi ma jissodisfax din il-kundizzjoni ma jikkostitwixxix restrizzjoni illegali għall-moviment liberu tal-merkanzija peress li huwa ġustifikat bir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq kif ukoll li tiġi protetta s-saħħa u l-ħajja tal-persuni.

26

Peress li ma kinitx konvinta bil-fondatezza ta’ din ir-risposta, fl‑1 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Gvern Pollakk, li ġiet imwieġba minn dan il-gvern fit‑30 ta’ Novembru 2010. Peress li ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

27

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2012, ir‑Repubblika tal-Litwanja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

Fuq ir-rikors

28

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fit-talba tagħha, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn il-vetturi tal-passiġġieri ġodda, li fir-rigward tagħhom il-miżura nazzjonali inkriminata kellha tiġi evalwata fir-rigward tad-Direttivi 2007/46 u 70/311, u l-vetturi preċedentement irreġistrati fi Stat Membru ieħor, li fir-rigward tagħhom l-evalwazzjoni għandha ssir abbażi tal-Artikolu 34 TFUE. Fl-eżami tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwi din id-distinzjoni.

Fuq l-applikazzjoni tad-Direttivi 2007/46 u 70/311 għall-vetturi tal-passiġġieri ġodda

L-argumenti tal-partijiet

29

Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-Direttivi 70/311 u 2007/46, kif ukoll id-direttivi separati msemmija fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, jirregolaw b’mod eżawrjenti r-rekwiżiti tekniċi li għandhom jissodisfaw il-vetturi tal-passiġġieri ġodda u ma jħallu ebda marġni diskrezzjonali lill-Istati Membri f’dan il-qasam. It-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vettura huwa kopert minn dawn ir-rekwiżiti tekniċi, b’tali mod li l-obbligu, previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiġi mibdula l-pożizzjoni ta’ dan it-tagħmir jikkostitwixxi rekwiżit ta’ natura teknika li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati li jimponu. Il-Kummissjoni żżid tgħid li r-rekwiżiti tekniċi preskritti minn dawn id-direttivi huma intiżi sabiex jiggarantixxu livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq.

30

Skont il-Kummissjoni, mill-kliem tal-Artikoli 2a tad-Direttiva 70/311 u 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jirriżulta li n-naħa ta’ fejn jinsab l-isteering wheel ta’ vettura ma tikkostitwixxix preskrizzjoni teknika, fis-sens tad-direttivi dwar l-approvazzjoni tal-vetturi ġodda, marbuta mal-adattament tal-vettura għas-sewqan fuq in-naħa tax-xellug jew tal-lemin. Ir-riferiment magħmul, f’numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2007/46 u 70/311, għan-“[n]aħa tas-sewqan: […] xellug/lemin” ifisser biss li l-kostruzzjoni tal-vettura, fir-rigward tat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni, tissodisfa l-preskrizzjonijiet tekniċi, previsti f’dawn id-direttivi, dwar in-naħa tas-sewqan u ma jindikax li, għas-sewqan fuq il-lemin, it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni għandu jkun fuq ix-xellug.

31

Il-Gvern Pollakk, sostnut mill-Gvern Litwan, isostni li l-projbizzjoni milli jiġu rreġistrati l-vetturi mgħammra b’tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni fuq il-lemin ma hijiex marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-funzjonament jew il-konformità tat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ dawn il-vetturi mar-rekwiżiti tekniċi tad-Direttivi 2007/46 u 70/311, iżda mal-possibbiltà tas-sewwieq li jsuq tali vetturi b’mod sigur fuq toroq fejn iċ-ċirkulazzjoni ssir fuq il-lemin. Dawn id-direttivi jipprovdu biss preskrizzjonijiet fil-qasam tal-manifattura, tal-assemblaġġ u tal-approvazzjoni tal-vetturi u ma jitrattawx fejn jitqiegħed l-isteering wheel, peress li dan ma huwiex marbut ma’ rekwiżit tekniku li jikkonċerna l-vettura, iżda mas-sigurtà fit-toroq. Il-preskrizzjonijiet tekniċi għandhom ukoll għan ta’ sigurtà fit-toroq, iżda ma humiex l-uniċi miżuri li jippermettu li tiġi żgurata din is-sigurtà. Konsegwentement, il-miżura nazzjonali inkwistjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi u għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, sew fir-rigward ta’ vetturi ġodda kif ukoll second hand.

32

Skont il-Gvern Pollakk, il-punti 1.8 u 1.8.1 tal-Annessi I u III tad-Direttiva 2007/46, kif ukoll il-punt 1.8, tal-Appendiċi 1, tal-Anness I tad-Direttiva 70/311, jistabbilixxu distinzjoni bejn il-vetturi skont jekk humiex intiżi għas-sewqan fuq il-lemin jew fuq ix-xellug. Ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi ma tippermetti li wieħed isostni li Stat Membru għandu l-obbligu jipproċedi għar-reġistrazzjoni ta’ vettura mingħajr ma tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-naħa ta’ sewqan adottata f’dan l-Istat. Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega (d) tal-Anness IX tad-Direttiva 2007/46 jippermettu lil Stat Membru, li fih is-sewqan fuq il-lemin huwa obbligatorju, jimponi ċ-ċaqlieq tal-isteering wheel lejn in-naħa tax-xellug qabel ir-reġistrazzjoni tal-vettura.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Mis-sovrappożizzjoni ta’ dawn l-argumenti jirriżulta li l-punt ċentrali ta’ diverġenza bejn il-partijiet huwa dak dwar jekk il-qagħda tal-post ta’ sewqan ta’ vettura hijiex inkluża fil-qafas armonizzat stabbilit mid-Direttivi 2007/46 u 70/311, jew jekk ma jaqax taħt din l-armonizzazzjoni, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu, bil-għan tar-reġistrazzjoni ta’ vettura ġdida fit-territorju tagħhom, jimponu, għal raġunijiet ta’ sigurtà, iċ-ċaqlieq tal-post ta’ sewqan ta’ din il-vettura lejn in-naħa opposta għad-direzzjoni tat-traffiku.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2007/46, imsejħa “Direttiva-kwadru”, stabbilixxiet, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha moqri flimkien mal-premessi 2, 3 u 14 tagħha, proċedura uniformi ta’ approvazzjoni tal-vetturi ġodda, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom, fejn ir-rekwiżiti tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi huma stabbiliti mid-direttivi separati li jinsabu fl-Anness IV ta’ din id-direttiva.

35

Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-qafas armonizzat għandu bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ sigurta fit-toroq żgurat permezz tal-armonizzazzjoni totali tar-rekwiżiti tekniċi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-kostruzzjoni tal-vetturi.

36

B’hekk, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħu jostakolaw bi kwalunkwe mod, fost oħrajn, ir-reġistrazzjoni tal-vetturi għal raġunijiet marbuta, b’mod partikolari, ma’ aspetti tal-kostruzzjoni tagħhom koperti minn din id-direttiva jekk huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha.

37

It-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni u, korrelattivament, il-pożizzjoni tal-post ta’ sewqan li tagħmel parti minn dan id-dispożittiv jikkostitwixxu elementi fundamentali tal-arkitettura ta’ kostruzzjoni ta’ vettura.

38

Għalkemm id-Direttivi 2007/46 u 70/311 ma jiddeterminawx il-pożizzjoni tal-post ta’ sewqan ta’ vettura, billi jipprovdu, pereżempju, li għandu dejjem ikun fuq in-naħa opposta għad-direzzjoni tat-traffiku, madankollu ma jirriżultax li dan il-punt ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward ta libertà lill-kostrutturi ta’ vetturi awtomobilistiċi li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux ineħħu jew jostakolaw.

39

It-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tal-vetturi jissemma speċifikament mid-Direttiva 70/311, fejn l-Artikolu 2a tagħha jimponi lill-Istati Membri sabiex ma jipprojbixxux, b’mod partikolari, ir-reġistrazzjoni tal-vetturi “minħabba fit-tagħmir ta’ l-isteering” jekk dawn tal-aħħar jissodisfaw il-preskrizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

40

Il-projbizzjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni li tinsab f’dan l-Artikolu 2a hija kategorika u ġenerali u l-formulazzjoni “minħabba fit-tagħmir ta’ l-isteering” hija ċara fir-rigward tal-kontenut tagħha, il-kliem “tagħmir ta’ l-isteering” jinkludi wkoll il-post ta’ sewqan, jiġifieri l-pożizzjoni tal-isteering wheel tal-vetturi, parti sħiħa mid-dispożittiv għall-kontroll tad-direzzjoni.

41

Issa, l-Artikolu 2a ġie miżjud mad-Direttiva 70/311 permezz tal-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni, b’mod partikolari, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-Komunitajiet Ewropej, l-uniċi Stati Membri, sa dak iż-żmien, li fihom iċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku kienet issir fuq in-naħa tax-xellug tal-karreġġjata, mingħajr ma l-katalogu tal-preskrizzjonijiet li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva ġie kkompletat.

42

F’dan il-kuntest, ma jistax raġonevolment jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx kuxjenti mill-fatt li l-adeżjoni ta’ Stati Membri li fit-territorju tagħhom id-direzzjoni taċ-ċirkulazjoni tal-vetturi kienet fuq in-naħa tax-xellug, u fejn wieħed minnhom kien produttur ta’ vetturi awtomobilistiċi li bħala prinċipju għandhom il-post ta’ sewqan tagħhom fuq il-lemin, seta’, f’sistema ta’ suq intern li jinvolvi dritt ta’ moviment liberu, jinfluwenza l-abitudnijiet ta’ sewqan, jew saħansitra li jikkomporta ċertu riskju marbut maċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku. Bil-kontra, għandu jiġi konkluż li l-leġiżlatur ħa dan ir-riskju eventwali inkunsiderazzjoni u għażel l-adozzjoni tal-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-riferiment magħmul, f’ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2007/46 u 70/311, għan-“[n]aħa tas-sewqan: […] xellug/lemin”, li għandha tkun indikata fuq id-dokument ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-approvazzjoni ta’ vettura, kif ukoll l-indikazzjoni, li għandha ssir fiċ-ċertifikat ta’ konformità, li l-vettura hija “adattata” għaċ-ċirkulazzjoni fuq il-lemin jew fuq ix-xellug, ma jistgħux jikkonċernaw elementi fundamentali tal-kostruzzjoni tal-vettura, bħall-pożizzjoni tal-isteering wheel, iżda biss elementi oħra, bħat-tagħmir tad-dawl u l-wipers jew is-sistemi ta’ viżjoni indiretta tal-vetturi.

44

L-istess konklużjoni hija valida fir-rigward tan-noti ta’ spjega (d), relatati mal-Anness IX tad-Direttiva 2007/46, li jgħidu li, meta l-għażla ta’ xerrej taqa’ fuq tali vettura, id-dikjarazzjoni tal-kostruttur fiċ-ċertifikat ta’ konformità ma tillimitax id-dritt tal-Istati Membri li jirrikjedu “adattamenti tekniċi” sabiex tiġi rreġistrata.

45

Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adattamenti jistgħu jkunu rikjesti mingħajr ma jkunu jikkonċernaw iċ-ċaqlieq tal-post ta’ sewqan, liema fatt jikkostitwixxi intervent sostanzjali fuq l-arkitettura tal-kostruzzjoni tal-vettura, li jmur kontra l-kliem u l-għan tad-Direttiva 70/311, iżda biss interventi ta’ natura minima bħal dawk imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

46

Barra minn hekk, l-argument li huma biss il-motivi marbuta mar-rekwiżiti ta’ natura teknika u mhux dawk intiżi li jiżguraw is-sigurtà fit-toroq jaqgħu taħt il-projbizzjoni tar-rifjut ta’ reġistrazzjoni li tinsab fl-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311 ma jistax jiġi aċċettat. Minn naħa, bħal ma tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-preskrizzjonijiet tekniċi ddefiniti mid-direttivi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi ġodda huma intiżi sabiex jiggarantixxu livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq, b’tali mod li ma jkunx possibbli li tiġi limitata l-portata tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311 għar-raġunijiet minbarra dawk marbuta mas-sigurtà fit-toroq. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li jagħtu l-Gvern Pollakk u dak Litwan iċċaħħad l-Artikolu 2a mill-effettività tiegħu, ġaladarba din tippermetti li tiġi ostakolata r-reġistrazzjoni ta’ vetturi ġodda li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà fit-toroq, li hija ġustament żgurata minn dawn ir-rekwiżiti tekniċi.

47

Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-pożizzjoni tal-post ta’ sewqan, parti sħiħa mit-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vettura, taqa’ taħt l-armonizzazzjoni stabbilita mid-Direttivi 2007/46 u 70/311, b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux jirrikjedu, għal raġunijiet ta’ sigurtà, bil-għan tar-reġistrazzjoni ta’ vettura ġdida fit-territorju tagħhom, iċ-ċaqlieq tal-post ta’ sewqan ta’ din il-vettura lejn in-naħa opposta għad-direzzjoni tat-traffiku.

Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE għall-vetturi tal-persuni preċedentement irreġistrati fi Stat Membru ieħor

L-argumenti tal-partijiet

48

Il-Kummissjoni tosserva li r-reġistrazzjoni ta’ vetturi preċedentement irreġistrati fi Stat Membru ieħor ma hijiex koperta mid-dritt idderivat tal-Unjoni, iżda mir-regoli tad-dritt primarju fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija. Hija tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża, għalkemm hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-vetturi kollha, tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni peress li hija għandha bħala għan jew bħala effett trattament inqas favorevoli tal-merkanzija provenjenti minn Stati Membri oħra.

49

Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma hijiex tali li tikseb l-għan imfittex ta’ sigurtà fit-toroq, fid-dawl tal-fatturi l-oħra rilevanti li jinfluwenzaw din is-sigurtà. Skont il-Kummissjoni, il-livell ta’ sigurtà fit-toroq ma jiddependix min-naħa tal-vettura fejn jinsab it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħha, iżda hija marbuta mal-aġir u mal-esperjenza tas-sewwieqa kif ukoll mal-istat tar-rotot u tal-vetturi. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Pollakk ma wasalx biex jipprova, bħal ma kellu jagħmel, li l-awtorizzazzjoni biex jiġu rreġistrati l-vetturi li t-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħhom jinsab fuq il-lemin iżid in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku u jnaqqas il-livell ta’ sigurtà fuq it-toroq Pollakki. Fl-aħħar nett, il-miżura inkwistjoni hija sproporzjonata, peress li miżuri oħra, inqas restrittivi, bħall-assemblaġġ ta’ mirja esterni addizzjonali u l-adattament tat-tagħmir ta’ dawl u ta’ wipers, jistgħu jservu l-għan imfittex.

50

Il-Gvern Pollakk iqis li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża ma tinkludix trattament inqas favorevoli u diskriminazzjoni indiretta tal-vetturi li jiġu minn Stati Membri oħra, peress li, fil-Polonja, jiġu mmanifatturati wkoll vetturi li l-post ta’ sewqan tagħhom jinsab fuq in-naħa tal-lemin. Fi kwalunkwe każ, din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata mill-perspettiva tas-sigurtà fit-toroq, meqjusa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-utenti tat-triq.

51

Fl-opinjoni tal-Gvern Pollakk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija, minn din il-perspettiva, kapaċi li tikseb l-għan imfittex fid-dawl tal-fatt li, meta d-direzzjoni tat-traffiku hija fuq il-lemin, is-sewwieq ta’ vettura mgħammra bi steering fuq il-lemin għandu kamp ta’ viżjoni kunsiderevolment ridott meta mqabbel mas-sewwieq li l-vettura tiegħu hija mgħammra bi steering fuq ix-xellug, liema fatt ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Dan jikkostitwixxi periklu għas-sigurtà fit-toroq, fejn l-Istati Membri huma responsabbli biex jevalwaw il-livell ta’ protezzjoni tagħhom. Il-miżura inkwistjoni hija barra minn hekk proporzjonata. Fil-fatt, il-miżuri alternattivi proposti mill-Kummissjoni huma jew kompletament sproporzjonati, jew saħansitra perikolużi, jew ma jiżgurawx l-istess livell ta’ protezzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE, sa fejn hija għandha bħala għan li tostakola l-aċċess għas-suq Pollakk tal-vetturi mgħammra b’post ta’ sewqan fuq il-lemin, li huma legalment prodotti u rreġistrati fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika tal-Polonja (ara, fir-rigward tal-oriġini ta’ din il-ġurisprudenza, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5; tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa “Cassis de Dijon”, 120/78, Ġabra p. 649, punt 14, kif ukoll, iktar reċentement, tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05 Ġabra p. I-519, punt 58).

53

Skont l-istess ġurisprudenza, tali leġiżlazzjoni tista’ tkun iġġustifikata permezz ta’ rekwiżiti imperattivi, bil-kundizzjoni li din tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit u li hija ma tmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Il-Gvern Pollakk jinvoka, bħala ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, in-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq, fejn huwa paċifiku li din tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza li wkoll hija stabbilita, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni kompleta fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, bħal ma huwa l-każ fir-rigward tar-reġistrazzjoni fi Stat Membru ta’ vetturi diġà rreġistrati fi Stat Membru ieħor, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dwar il-livell li permezz tiegħu huma għandhom l-intenzjoni li jiżguraw is-sigurtà fit-toroq fit-territorju tagħhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija ġewwa l-Unjoni. F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jipprovaw li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura approprjata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Gvern Pollakk isostni li l-pożizzjoni tal-isteering wheel ta’ vettura fuq l-istess naħa tad-direzzjoni tat-traffiku tnaqqas il-viżibbiltà tas-sewwieq, tagħmilha kunsiderevolment iktar diffiċli biex wieħed jaqbeż vetturi oħra jew biex wieħed jimmanuvra, b’mod partikolari fuq it-toroq b’karreġġjata unika u f’żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, bħal dawk fil-parti l-kbira tan-netwerk ta’ toroq Pollakk, u b’hekk, iżżid ir-riskju ta’ inċidenti.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprojbixxi r-reġistrazzjoni, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ vettura li għandha t-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħha fuq l-istess naħa tad-direzzjoni tat-traffiku, tista’ tnaqqas in-numru ta’ tali vetturi li jiċċirkulaw f’dan l-Istat Membru u, konsegwentement, ir-riskju marbut ma’ din iċ-ċirkulazzjoni. Fir-rigward ta’ tali riskju, dan jikkorrispondi mat-tagħlim mill-esperjenza komuni li l-pożizzjoni tal-isteering wheel hija f’rabta diretta mal-kamp ta’ viżjoni tas-sewwieq u din hija, barra minn hekk, ikkonfermata bil-prassi kostanti tal-kostrutturi u tal-konċessjonarji ta’ vetturi awtomobilistiċi li tikkonsisti f’li jiġi offert, bħala prinċipju, għall-bejgħ, f’kull pajjiż, vetturi li l-isteering wheel tagħhom jinsab fuq in-naħa opposta għad-direzzjoni tat-traffiku.

58

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb l-għan imfittex, il-Gvern Pollakk isostni li ebda miżura oħra u ebda mezz tekniku ieħor ta’ sostituzzjoni ma jiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-miżura inkwistjoni fir-rigward tar-riskji ta’ ċirkulazzjoni li jġib miegħu it-tqegħid tal-isteering wheel fuq il-lemin.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-riskju li tikkomporta ċ-ċirkulazzjoni fit-territorju Pollakk ta’ vetturi li l-isteering wheel tagħhom jinsab fuq il-lemin huwa l-istess, sew jekk dawn il-vetturi huma ġodda jew preċedentement irreġistrati fi Stat Membru ieħor. Issa, fir-rigward tal-vetturi ġodda, ġie kkunsidrat, fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlatur ħa dan ir-riskju potenzjali inkunsiderazzjoni meta ġie adottat l-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/113.

60

Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tipprovdi eċċezzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ vetturi mgħammra bi steering fuq il-lemin minn persuni li jirrisjedu fi Stati Membri oħra, pereżempju turisti, u li jmorru l-Polonja għal perijodu limitat, liema fatt jindika li din il-leġiżlazzjoni tittollera r-riskju provenjenti minn tali ċirkulazzjoni. Issa, ir-riskju inkors fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq huwa, f’dan il-każ, l-istess, speċjalment meta l-fluss ta’ dawn il-viżitaturi fit-territorju Pollakk huwa kontinwu, u dan ir-riskju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inqas għoli minħabba l-fatt li l-viżitaturi li jmorru l-Polonja għal perijodu limitat b’tali vettura jadottaw sewqan iktar prudenti minn persuni li l-vettura tagħhom hija rreġistrata f’dan l-Istat Membru.

61

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjonijiet tat-22 Stat Membru, jiġifieri l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri, jew jippermettu espliċitament ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi li għandhom il-post ta’ sewqan tagħhom fuq l-istess naħa tad-direzzjoni tat-traffiku, jew jittollerawha, anki jekk, f’uħud minn dawn l-Istati Membri, l-istat tan-netwerk tat-toroq huwa paragunabbli ma’ dak tar-Repubblika tal-Polonja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-333/08, Ġabra p. I-757, punt 105).

62

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-data statistika msemmija mill-Gvern Pollakk ma tistabbilixxix biżżejjed ir-relazzjoni bejn in-numru ta’ inċidenti msemmi u l-involviment tal-vetturi li l-post ta’ sewqan tagħhom jinsab fuq il-lemin.

63

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li jeżistu mezzi u miżuri li jostakolaw inqas il-moviment liberu tal-merkanzija meta mqabbla mal-miżura inkwistjoni u, fl-istess waqt, jistgħu inaqqsu kunsiderevolment ir-riskju li tista’ tikkomporta ċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi li għandhom l-isteering wheel tagħhom fuq l-istess naħa tad-direzzjoni tat-traffiku. Għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni bil-għan li jimponu miżuri, inklużi dawk proposti mill-Kummissjoni, li jistgħu, skont l-istat tat-teknika, jiżguraw viżibbiltà suffiċjenti, kemm wara kif ukoll quddiem, lis-sewwieq tal-vettura li għandha l-isteering wheel tagħha fuq l-istess naħa tad-direzzjoni tat-traffiku.

64

Għalhekk, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, ma jidhirx, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-miżura inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jinkiseb l-għan imfittex. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-miżura inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

65

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika tal-Polonja skont it-talba tal-Kummissjoni.

Fuq l-ispejjeż

66

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika tal-Litwanja tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ssuġġettat ir-reġistrazzjoni fit-territorju tagħha ta’ vetturi tal-passiġġieri li t-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni tagħhom jinsab fuq in-naħa tal-lemin, ġodda jew preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra, għaċ-ċaqlieq tal-isteering wheel lejn in-naħa tax-xellug, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva tal-Kunsill 70/311/KEE, tat‑8 ta’ Ġunju 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru), kif ukoll l-Artikolu 34 TFUE.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Litwanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.