SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa — Direttiva 76/207/KEE — Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru — Skadenza tat-terminu wara l-adeżjoni — Sistema ta’ impjieg li tiffissa d-data ta’ skadenza tal-kuntratt għall-aħħar jum tas-sena li fiha tintlaħaq l-età tal-pensjoni — Differenza fl-età bejn nisa u rġiel”

Fil-Kawża C‑614/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

Niederösterreichische Landes-Landwirtschaftskammer

vs

Anneliese Kuso,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin.

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għan-Niederösterreichische Landes-Landwirtschaftskammer, minn B. Hainz, avukat,

għal A. Kuso, minn C. Henseler, H. Pflaum, P. Karlberger, W. Opetnik u P. Rindler, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u C. Gheorghiu, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) u (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), kif emendata bid‑Direttiva 2002/73/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 76/207”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn in-Niederösterreichische Landes‑Landwirtschaftskammer (kamra reġjonali tal-agrikoltura tal-Land ta’ Niederösterreichische, iktar ’il quddiem in-“NÖ-LLWK”) u A. Kuso fir-rigward tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 jiddisponi li:

“1.   Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni tkun xi tkun fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall-i status konjugali jew tal-familja.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,

[…]”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis-setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

a)

kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjieg, għal xogħol għal rasu jew għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, tkun xi tkun il-fergħa ta’ attività u l-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

ċ)

impjieg u kondizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s-sensji, kif ukoll paga kif previsti fid-Direttiva 75/117/KEE;

[…]”

5

Id‑Direttiva 76/207, ġiet abrogata bid‑Direttiva 2006/54/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑5 ta’ Lulju 2006, dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal‑irġiel u n‑nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill‑ġdid) (ĠU L 204, p. 23) b’effett, hekk kif ippreċiżat fl-Artikolu 34 ta’ din l-aħħar direttiva, mill‑15 ta’ Awwissu 2009. Id-Direttiva 2006/54 mhux applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

Id-dritt Awstrijak

6

Il-Liġi fuq it-trattament ugwali (Gleichbehandlungsgesetz, BGBl I, 66/2004), li b’mod partikolari tittrasponi d-Direttiva 76/207, tistabbilixxi fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Trattament ugwali fir-relazzjonijiet ta’ xogħol”:

“Fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ħadd ma jista’ jkun is-suġġett ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess, b’mod partikolari b’referenza għall-istat ċivili jew għas-sitwazzjoni tal-familja tiegħu, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, b’mod partikolari

1.

meta tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ xogħol,

[…]

3.

meta jingħata benefiċċji soċjali fakultattivi minbarra r-remunerazzjoni,

[…]

7.

meta titwaqqaf ir-relazzjoni ta’ xogħol.”

7

Ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ A. Kuso hija rregolata mil-Liġi tal-1921 fuq l-istatus tal-impjegati (Angestelltengesetz 1921). B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 19(1) ta’ din il-liġi jistabbilixxi li kuntratt ta’ xogħol jintemm bl-iskadenza taż-żmien li għalih ikun ġie konkluż.

8

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ A. Kuso kien suġġett għas-sistema ta’ impjieg u ta’ remunerazzjoni tan-Niederösterreichische Landes‑Landwirtschaftskammer (Dienst- und Besoldungsordnung der Niederösterreichischen Landes-Landwirtschaftskammer, iktar ’il quddiem id-“DO”). Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju din is-sistema legali għandha titqies li hija tagħmel parti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

9

Din is-sistema tillimita d-dritt ta’ tkeċċija tal-persuna li timpjega billi tistabbilixxi sistema speċjali li tipprovdi li, ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju, l-impjegati jistgħu biss jitkeċċew għal ċertu raġunijiet speċifiċi.

10

Id-DO fih d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 25 – Tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol

1)   Ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema li kisbu l-istatus li jagħti dritt għal pensjoni jintemm:

a)

permezz tal-irtirar mhux volontarju temporanju jew permanenti

[…]

2)   Ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema li kisbu l-istatus ta’ ħaddiem li ma jistax jiġi mkeċċi jintemm:

a)

meta jilħaq il-limitu tal-età

[…]

3)   Il-persuna li timpjega tista’ barra minn hekk ittemm ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ ħaddiem li ma jistax jiġi mkeċċi, kontra r-rieda ta’ dan,

[…]

c)

jekk fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiem kiseb id-dritt għal pensjoni skont il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

Artikolu 26 – Irtirar mhux volontarju

1)   L-irtirar mhux volontarju temporanju jew permanenti tal-ħaddiem kontra r-rieda tiegħu hija biss r-responsabbiltà tal-kumitat ta’ tmexxija [tan-NÖ-LLWK] u hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ pensjonijiet.

[…]

Artikolu 65 – Ammissjoni għall-irtirar permanenti

Ħaddiem ta’ sess maskili huwa ammess għall-irtirar permanenti fit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jilħaq l-età ta’ 65 sena, filwaqt li ħaddiem ta’ sess femminili fit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha tilħaq l-età ta’ 60 sena.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

A. Kuso kienet impjegata mill-1 ta’ Marzu 1967 min-NÖ-LLWK fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Fl-1 ta’ Jannar 1980, hija tat permess, permezz tal-użu ta’ kuntratt standard, li jinkludi lid-DO, sabiex tikseb l-istatus ta’ ħaddiem li ma jistax jiġi mkeċċi, status li konsegwentement għandu l-limitazzjoni taż-żmien tal-kuntratt previst fl-Artikolu 25(2) tad-DO.

12

A. Kuso laħqet l-età ta’ 60 sena fl-2008. Fit-18 ta’ Lulju 2008, il-kap tad-dipartiment tal-persunal informaha bit-telefon li t-talba tagħha sabiex iżżomm l-impjieg tagħha wara l-età ta’ rtirar ġiet miċħuda matul il-laqgħa tal-kumitat tan-NÖ-LLWK tal-14 ta’ Lulju 2008. Din ikkunsidrat li r-relazzjoni ta’ xogħol tispiċċa fl-aħħar tas-sena 2008. F’ittra tal-25 ta’ Lulju 2008, A. Kuso kienet informata li estensjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha wara l-31 ta’ Diċembru 2008 ma ġietx aċċettata u li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha kienet meqjusa bħala mitmuma fil-31 ta’ Diċembru 2008.

13

A. Kuso kkontestat il-legalità tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha quddiem il-Landesgericht Korneuburg. Is-sentenza mogħtija minn din tal-aħħar fil-21 ta’ Jannar 2009, li kienet sfavorevoli għaliha, ġiet irriformata permezz ta’ sentenza mogħtija fit-18 ta’ Marzu 2010 mill-Oberlandesgericht Wien, li tat deċiżjoni bħala qorti tal-appell fil-qasam tad-dritt industrijali u tas-sigurtà soċjali. In-NÖ-LLWK b’hekk ressqet rikors għal “Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof.

14

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, minn naħa, li d-DO, li huwa parti mill-kuntratt ta’ xogħol ta’ A. Kuso, b’mod partikolari jipprovdi li r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm fl-aħħar jum tas-sena li matulha l-impjegat jilħaq l-età tal-irtirar. Madankollu, din l-età tvarja skont is-sess tal-impjegati, jiġifieri 60 sena għan-nisa u 65 sena għall-irġiel. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni kien ġie konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt seħħet wara din l-adeżjoni. Wara li kkunsidrat il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-pożizzjoni tad-dritt għal trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u materjali tad-Direttiva 76/207.

15

Min-naħa l-oħra, l-Oberster Gerichtshof tqis li filwaqt li l-kawża prinċipali għandha numru ta’ similaritajiet mal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist (C-356/09, Ġabra p. I-11939), din hija differenti f’mill-inqas żewġ aspetti.

16

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kleist, iċċitata iktar ’il fuq, ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ C. Kleist intemmet fuq il-bażi ta’ ftehim kollettiv, ikkunsidrat bħala regola ta’ applikazzjoni ġenerali, filwaqt li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ A. Kuso hija rregolata minn kuntratt ta’ xogħol individwali konkluż għal żmien determinat.

17

Fit-tieni lok, f’din il-kawża, il-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol seħħ permezz ta’ tkeċċija. Madankollu, tali tkeċċija ma seħħitx fil-każ ta’ A. Kuso. Fil-kawża prinċipali, ir-relazzjoni ta’ xogħol hija bbażata fuq kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u li ntemmet permezz tal-iskadenza tat-terminu ta’ dan il-kuntratt. Tali relazzjonijiet ta’ xogħol normalment jispiċċaw permezz tal-iskadenza tat-terminu mingħajr ma’ tkun meħtieġa dikjarazzjoni għal dan il-għan, għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx lok li ssir distinzjoni bejn iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali minn dawk li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fis-sentenza Kleist, iċċitata iktar ’il fuq, jew jekk huwiex possibbli li tittrasponi fil-kawża prinċipali, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.

18

Peress li s-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha teħtieġ l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 76/207/KEE, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2002/73/KE, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol, li tirriżulta esklużivament mit-tmiem tat-terminu taħt kuntratt ta’ xogħol individwali għal żmien determinat konkluż qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva (jiġifieri f’dan il-każ qabel l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea), għandha tiġi eżaminata mhux fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni kuntrattwali li tistipula ż-żmien determinat bħala ‘kundizzjoni għat-tkeċċija’ iżda biss fil-kuntest taċ-ċaħda tat-talba għall-estensjoni tal-kuntratt, ikkunsidrata bħala ‘kundizzjoni għar-reklutaġġ?’”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(a) jew (ċ) tad-Direttiva 76/207 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn sistema ta’ impjieg li tagħmel parti minn kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni, li tipprovdi li r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm minħabba li tintlaħaq l-età tal-irtirar, li hija ffissata b’mod differenti skont is-sess tal-ħaddiem, tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita minn din id-direttiva, meta l-ħaddiem ikkonċernat jilħaq din l-età f’data sussegwenti għal din l-adeżjoni.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

20

In-NÖ-LLWK tqis li fil-kawża prinċipali, l-okkorrenza waħedha tat-terminu tal-kuntratt hija biżżejjed sabiex tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol. Madankollu, ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ A. Kuso ma ntemmietx permezz ta’ tkeċċija, iżda minħabba fl-iskadenza tat-terminu tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Peress li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207 jikkonċerna biss it-tkeċċijiet, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata. Barra minn hekk, peress li s-sistema ta’ impjieg li tirregola l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreċedi l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva. In-NÖ-LLWK għalhekk tikkunsidra li d-domanda magħmula għandha tiġi kkunsidrata biss fil-kuntest ta’ “kundizzjoni ta’reklutaġġ”, li jimplika li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata taħt l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 76/207.

21

Min-naħa l-oħra, A. Kuso u il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li d-domanda magħmula għandha tiġi biss eżaminata fil-kuntest tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol. Peress li l-kuntratt ta’ xogħol huwa kuntratt ta’ prestazzjoni suċċessiva, għandu jiġi mfakkar li, mal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, l-effetti ta’ tali kuntratt jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 76/207. Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali sar qabel din l-adeżjoni għandha tkun miċħuda u din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Għandu jiġi ddeterminat jekk, hekk kif sostnut minn A. Kuso u mill-Kummissjoni, il-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol fuq il-bażi tal-Artikolu 25(2)(a) tad-DO jaqax taħt l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207.

23

L-ewwel lok, huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-applikabbiltà ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ratione temporis f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24

Ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mit-termini, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C-162/00, Ġabra p. I-1049, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Madankollu għandu jiġi mfakkar li regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regoli l-qodma (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs ECOSOC, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31, u Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, mill-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda u huma applikabbli skont il-kundizzjonijiet previsti minn dawn it-trattati u mill-Att ta’ Adeżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS, C-122/96, Ġabra p. I-5325, punt 13).

26

F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 76/207 u l-kawża prinċipali, l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-aġġustament tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995. L-Artikolu 2 ta’ dan l-att jiddisponi li “[m]id-data tal-adeżjoni, id-disposizzjonijiet tat-trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kundizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-trattati u f’dan l-att” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, l-Anness XV ta’ dan l-att, li għalih jirreferi l-Artikolu 151 ta’ dan, jirrigwarda espliċitament id-Direttiva 76/207.

27

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess att ma pprovdewx kundizzjonijiet speċifiċi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 76/207, bl-eċċezzjoni ta’ deroga temporanja f’dak li jirrigwarda x-xogħol ta’ billejl ta’ nisa elenkati fil-punt V tal-Anness XV tal-Att ta’ Adeżjoni msemmi fil-punt preċedenti, sitwazzjoni li ma hijiex is-suġġett tal-kawża prinċipali, u għalhekk jorbot lir-Repubblika tal-Awstrija mid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni sabiex japplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru mal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Saldanha u MTS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

28

Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi miċħud l-argument imressaq min-NÖ-LLKW, li billi invokat l-applikazzjoni, mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/207 sabiex jiġi kkontestat it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha, A. Kuso kienet qed tfittex li tikkontesta drittijiet miksuba qabel l-adeżjoni u li qed timmina l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-persuna li timpjega.

29

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, li kien ġie konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra, konkluż u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 93/743/Euratom, KEFA, KE, tat-13 ta’ Diċembru 1993 (ĠU L 348, p. 1), ma jtemmx l-effetti legali tiegħu fid-data tal-firma tiegħu, iżda għall-kuntrarju dan ikompli jipproduċi regolarment effetti matul iż-żmien li fih ikun fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

30

Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’mod li jimpedixxi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-NÖ-LLKW ma setgħetx leġittimament tistenna li d-Direttiva 76/207 ma teżerċita l-ebda influwenza fuq ir-regoli li jirregolaw il-kuntratt konkluż fl-1980, li mistennija jsiru ta’ rilevanza biss fl-aħħar ta’ dan il-kuntratt. Konsegwentement, mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva sabiex tikkontesta t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li hija taffettwa s-sitwazzjoni preċedentement miksuba.

32

It-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, minn naħa, li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/207, li jikkorrispondi għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, huwa mingħajr kundizzjoni u preċiż biżżejjed sabiex jiġi invokat minn individwu fil-konfront tal-Istat (ara, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 52, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C-188/89, Ġabra p. I-3313, punt 21), u, min-naħa l-oħra, li fost in-numru ta’ entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effetti diretti, organu li jkun xi jkun il-forma ġuridika tiegħu jkun ġie inkarigat bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika li jwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollu, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Foster et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Hekk kif indikat mill-qorti tar-rinviju, u din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata la mill-partijiet fil-kawża prinċipali u lanqas mill-Kummissjoni, in-NÖ-LLWK hija waħda minn numru ta’ organi b’setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

33

It-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li relazzjoni ta’ xogħol tintemm minħabba l-iskadenza tat-terminu tal-kuntratt ta’ xogħol b’referenza għal età distinta għall-irġiel u għan-nisa jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

34

Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-iskadenza tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet stabbilita b’referenza għal sistema ta’ impjieg, id-DO, li hija parti mill-kuntratt ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, li din is-sistema ta’ impjieg tipprovdi età distinta għall-ftuħ tad-dritt għal irtirar għall-ħaddiema ta’ sess maskili u għall-ħaddiema ta’ sess femminili.

35

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, meta dan jasal fit-tmiem normali tiegħu, bħala prinċipju, ma jistax jitqies li huwa tkeċċija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C-438/99, Ġabra p. I-6915, punt 45).

36

Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-qasam tat-trattament ugwali, il-kunċett ta’ tkeċċija huwa definit b’mod wiesa’ (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Frar 1982, Burton, 19/81, Ġabra p. 555, punt 9; Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; tas-26 ta’ Frar 1986, Beets-Proper, 262/84, Ġabra p. 773, punt 36; tal-21 ta’ Lulju 2005, Vergani, C-207/04, Ġabra p. I-7453, punt 27; u Kleist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

37

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li fil-kuntest tad-Direttiva 76/207, it-terminu “tkeċċija” għandu jinftiehem b’mod li jinkludi t-tmiem tar-rabta ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjega, anki fil-kuntest ta’ sistema ta’ irtirar volontarju (sentenza Burton, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9), u, min-naħa l-oħra, li politika ġenerali ta’ tkeċċija, li tinvolvi t-tkeċċija ta’ mara għas-sempliċi raġuni li hija tkun laħqet jew qabżet l-età meta hija jkollha dritt għal pensjoni tal-Istat, liema età tkun differenti għall-irġiel u għan-nisa bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, li hija pprojbita minn din id-direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Marshall, punt 38 u Kleist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

38

Madankollu, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, minn naħa, permezz tan-natura vinkolanti tagħha u, min-naħa l-oħra, b’referenza għal età għall-irtirar distinta għall-ħaddiema ta’ sess maskili u għall-ħaddiema ta’ sess femminili, is-sistema ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija simili għal dik li kienet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kleist, iċċitata iktar ’il fuq.

39

Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ A. Kuso, bis-saħħa tal-Artikolu 25(2)(a) tad-DO, hija simili għal tkeċċija, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207.

40

Barra minn hekk għandu jiġi ddeterminat jekk dan il-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol jikkostitwixxix tkeċċija pprojbita fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-motiv ta’ tkeċċija jikkostitwixxix jew le diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

41

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207, tikkostitwixxi “diskriminazzjoni diretta” sitwazzjoni fejn persuna hija ttrattata b’mod inqas favorevoli fuq il-bażi tas-sess tagħha minn persuna oħra li hija, li kienet jew li tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli.

42

F’dan il-każ, jirriżulta mill-Artikolu 25 tad-DO li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiema tintemm meta jilħqu l-età tal-irtirar. Madankollu, bis-saħħa tal-Artikoli 26 u 65 tad-DO, l-età tal-irtirar hija ta’ 65 sena għall-ħaddiema tas-sess maskili, filwaqt li hija ta’ 60 sena għall-ħaddiema tas-sess femminili.

43

Peress li l-kriterju użat f’dawn id-dispożizzjonijiet espressament jirreferi għas-sess tal-ħaddiema, għandu jiġi deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi trattament differenti bbażata direttament fuq is-sess.

44

Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan it-trattament differenti jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita fis-sens tad-Direttiva 76/207, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-ħaddiema ta’ sess maskili u dawk ta’ sess femminili huma f’sitwazzjoni komparabbli.

45

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi trattament differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek, C-19/02, Ġabra p. I-11491, punt 46 u Kleist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

46

Fil-kawża prinċipali, l-Artikoli 25, 26 u 65 tad-DO, li jistabbilixxu t-trattament differenti bejn l-irġiel u n-nisa, għandhom bħala suġġett il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-impjegati.

47

Il-vantaġġ mogħti lill-ħaddiema ta’ sess femminili li jikkonsisti fil-fatt li jistgħu jitolbu pensjoni ta’ rtirar f’età li hija ħames snin inqas minn dik iffissata għall-ħaddiema ta’ sess maskili ma għandha l-ebda relazzjoni diretta mal-għan tal-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi trattament differenti.

48

Dan il-vantaġġ ma jistax iqiegħed lill‑ħaddiema ta’ sess femminili f’sitwazzjoni speċifika meta kkomparata mal‑ħaddiema ta’ sess maskili, peress li l‑irġiel u n‑nisa jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi f’dak li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet ta’ waqfien tar‑relazzjoni ta’ xogħol (ara s-sentenza Kleist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-ħaddiema ta’ sess maskili u dawk ta’ sess femminili huma f’sitwazzjoni komparabbli.

50

Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207, li jagħmel distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u diskriminazzjoni indiretta, hija biss din tal-aħħar li tista’ tevita l-klassifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni jekk “ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex jtintlaħaq din il-mira ma jkunux xierqa u meħtieġa”. Madankollu, tali possibbiltà ma hijiex prevista għad-diskriminazzjoni diretta.

51

Hekk kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi trattament differenti bbażat direttament fuq is-sess, u d-diskriminazzjoni li hija tistabbilixxi ma għandha l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja osservat, minn naħa, li t-trattament differenti stabbilit minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija direttament ibbażata fuq is-sess u li l-ħaddiema ta’ sess maskili u l-ħaddiema ta’ sess femminili jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, u min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 76/207 ma għandha l-ebda deroga applikabbli għad-diskriminazzjoni diretta, għandu jiġi konkluż li dan it-trattament differenti jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess li hija pprojbita minn din id-direttiva.

53

Huwa għalhekk meħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn sistema ta’ impjieg li tagħmel parti minn kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni, li tipprovdi li r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm minħabba li tintlaħaq l-età tal-irtirar, li hija ffissata b’mod differenti skont is-sess tal-ħaddiem, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta pprojbita minn din id-direttiva, meta l-ħaddiem ikkonċernat jilħaq din l-età f’data sussegwenti għal din l-adeżjoni.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn sistema ta’ impjieg li tagħmel parti minn kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni Ewropea, li tipprovdi li r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm minħabba li tintlaħaq l-età tal-irtirar, li hija ffissata b’mod differenti skont is-sess tal-ħaddiem, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta pprojbita minn din id-direttiva, meta l-ħaddiem ikkonċernat jilħaq din l-età f’data sussegwenti għal din l-adeżjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.