SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Appell — Regolament (KE) Nru 1007/2009 — Kummerċ tal-prodotti mill-foki — Restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali prodotti — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Dritt għal azzjoni legali ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kunċett ta’ ‘atti regolatorji’ — Atti leġiżlattivi — Dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑583/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2011,

Inuit Tapiriit Kanatami, stabbilita f’Ottawa (il-Kanada),

Nattivak Hunters and Trappers Association, stabbilita f’Qikiqtarjuaq (il-Kanada),

Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, stabbilita f’Pangnirtung (il-Kanada),

Jaypootie Moesesie, residenti f’Qikiqtarjuaq,

Allen Kooneeliusie, residenti f’Qikiqtarjuaq,

Toomasie Newkingnak, residenti f’Qikiqtarjuaq,

David Kuptana, residenti f’Ulukhaktok (il-Kanada),

Karliin Aariak, residenti f’Iqaluit (il-Kanada),

Canadian Seal Marketing Group, stabbilit f’Québec (il-Kanada),

Ta Ma Su Seal Products Inc., stabbilita f’Cap-aux-Meules (il-Kanada),

Fur Institute of Canada, stabbilit f’Ottawa,

NuTan Furs Inc., stabbilita f’Catalina (il-Kanada),

GC Rieber Skinn AS, stabbilita f’Bergen (in-Norveġja),

Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC‑Greenland), stabbilita f’Nuuk, il-Groenlandja (id-Danimarka),

Johannes Egede, residenti f’Nuuk,

Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), stabbilita f’Nuuk,

irrappreżentati minn J. Bouckaert, H. Viaene u D. Gillet, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Anagnostopoulou, D. Gauci u L. Visaggio, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u K. Michoel, bħala aġenti,

konvenuti fl-ewwel istanza,

sostnuti minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver, E. White u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, Viċi President, li qed jaġixxi bħala President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), A. Rosas u M. Berger, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev, J.‑J. Kasel, M. Safjan, D. Šváby, A. Prechal u C. Vajda, Imħallfin

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Inuit Tapiriit Kanatami, Nattivak Hunters and Trappers Association, Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, J. Moesesie, A. Kooneeliusie, T. Newkingnak, D. Kuptana, K. Aariak, Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products Inc., Fur Institute of Canada, NuTan Furs Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC-Greenland), J. Egede u Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK) qegħdin jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Settembru 2011 (T-18/10, Ġabra p. II-5599, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu dik il-qorti ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat mill-appellanti u minn E.-A. Agathos għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament kontenzjuż

2

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament kontenzjuż għandu l-għan li jistabbilixxi “regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki”.

3

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament kontenzjuż, it-terminu “Inuit” jirreferi għall-“membri indiġeni tat-territorju Inuit – speċifikament dawk l-inħawi Artiċi u sub-Artiċi fejn, attwalment jew tradizzjonalment, l-Inuit għandhom drittijiet u interessi aboriġini – rikonoxxuti mill-Inuit bħala membri tal-poplu tagħhom u li jinkludu l-Inupiat, il-Yupik (Alaska), l-Inuit, l-Inuvialuit (Kanada), il-Kalaallit (Greenland) u l-Yupik (Russja)”.

4

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw fil-waqt jew fil-punt ta’ importazzjoni għall-prodotti importati.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1:

(a)

l-importazzjoni ta’ prodotti derivati mill-foki għandha tkun permessa wkoll meta tkun ta’ natura okkażjonali u tkun tikkonsisti esklussivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom. In-natura u l-kwantità ta’ oġġetti ta’ dan it-tip m’għandhomx ikunu tali li jindikaw li qed jiġu importati għal raġunijiet kummerċjali;

(b)

it-tqegħid fis-suq għandu jkun permess ukoll għall-prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-prodotti sekondarji tal-kaċċa li tkun regolata taħt il-liġi nazzjonali u li titwettaq għall-iskop waħdieni ta’ mmaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Tqegħid fis-suq ta’ dan it-tip għandu jkun permess biss fuq il-bażi li ma jkunx għal skopijiet ta’ qligħ. In-natura u l-kwantità ta’ prodotti mill-foki m’għandhomx ikunu tali li jindikaw li qed jitqiegħdu fis-suq għal raġunijiet kummerċjali.

L-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu m’għandhiex iddgħajjef l-ilħuq tal-objettiv ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni, bi qbil mal-proċedura ta’ mmaniġġjar msemmija fl-Artikolu 5(2), għandha tfassal noti ta’ gwida teknika li jistabbilixxu lista indikattiva tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda li jistgħu jkopru l-prodotti derivati mill-foki li huma suġġetti għal dan l-Artikolu.

4.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5(3).”

Ir-Regolament (UE) Nru 737/2010

5

Fuq il-bażi tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 737/2010, tal-10 ta’ Awwissu 2010, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 107/2009 (ĠU L 216, p. 1).

6

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament “jistabbilixxi regoli dettaljati għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009”.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

7

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2010, l-appellanti u E.-A. Agathos ippreżentaw rikors għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

8

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni tħallew jagħmlu intervent quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

9

Il-Qorti Ġenerali laqgħat din l-eċċezzjoni billi ddeċidiet li l-appellanti u E.‑A. Agathos ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

10

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, għalkemm ir-Regolament kontenzjuż kien ġie adottat fuq il-bażi tat-Trattat KE, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors, ippreżentat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, kellhom jiġu eżaminati fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE.

11

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ammissibbiltà tar-rikors li kien pendenti quddiemha. F’dan il-kuntest, hija evalwat, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “att regolatorju” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan id-dawl, hija wettqet interpretazzjoni letterali, storika u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni u, fil-punti 41 sa 51 tad-digriet appellat, ikkonstatat dan li ġej:

“41   L-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE [kien] jippermetti lill-persuni fiżiċi [u] ġuridiċi jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjonijiet bħala atti ta’ portata individwali kif ukoll kontra l-atti ta’ portata ġenerali, bħal regolament li jirrigwarda direttament lil din il-persuna u li jippreġudikaha minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha fir-rigward ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 36).

42   Minkejja li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 KE ma jsemmix it-terminu “deċiżjoni”, huwa jirrepeti dawn iż-żewġ possibbiltajiet u jżid oħra. Huwa jippermetti l-preżentata ta’ rikors kontra l-atti individwali, kontra l-atti ta’ portata ġenerali li jirrigwardaw persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni. Mit-tifsira komuni tal-kelma ‘regolatorju’ jirriżulta li l-atti previsti minn din it-tielet possibbiltà għandhom ukoll portata ġenerali.

43   F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li din il-possibbiltà ma tipprevedix l-atti ta’ portata ġenerali kollha, iżda kategorija iktar ristretta, jiġifieri l-atti regolatorji.

44   Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE [jipprevedi] diversi kategoriji ta’ atti tal-Unjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ta’ legalità jiġifieri, minn naħa, l-atti leġiżlattivi u, min-naħa l-oħra[,] l-atti [vinkolanti] l-oħra, intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, li jistgħu jkunu atti individwali jew ta’ portata ġenerali.

45   Minn dan għandu jiġi dedott li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu[,] jipprevedi li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti kollha li hija destinatarja tagħhom, kif ukoll, minn naħa, kontra l-atti ta’ portata ġenerali, leġiżlattivi jew regolatorji, li jikkonċernawha direttament u individwalment u[,] min-naħa l-oħra, kontra ċerti atti ta’ portata ġenerali, jiġifieri l-atti regolatorji, li jikkonċernawha u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni.

46   Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tat-terminu ‘regolatorju’ u tat-terminu ekwivalenti fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-Trattat FUE, bil-kontra tat-terminu ‘leġiżlattiv’, tirriżulta wkoll minn diversi dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikolu 114 TFUE, li jirrigwarda[...] l-approssimazzjoni tad-‘dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri’.

47   F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument [tal-appellanti u ta’ E.-A. Agathos] li jipprovdi li d-distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi u regolatorji, kif proposta mill-Parlament u mill-Kunsill, u li tinsab fil-punti 42 sa 45 iktar ’il fuq, tikkonsisti fiż-żieda tal-kwalitattiv ‘leġiżlattivi’ wara l-kelma ‘atti’ billi jsir riferiment għall-ewwel żewġ possibbiltajiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-konklużjoni fil-punt 45 iktar ’il fuq, it-terminu ‘atti’ jirreferi għall-ewwel żewġ possibbiltajiet li jipprevedu, barra l-atti li tagħhom il-persuna fiżika jew ġuridika hija d-destinatarja, l-atti kollha, leġiżlattivi jew regolatorji, li jikkonċernawha direttament u individwalment. B’mod partikolari, l-atti leġiżlattivi u l-atti regolatorji fihom miżuri ta’ implementazzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà tal-aħħar.

48   Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, bil-kontra tal-affermazzjoni [tal-appellanti u ta’ E.-A. Agathos], mill-kliem tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-għan tal-Istati Membri ma kienx li jillimitaw il-portata ta’ din id-dispożizzjoni għall-atti delegati biss, fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, iżda b’mod iktar ġenerali, għall-atti regolatorji.

49   It-tieni nett, l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li tinsab fil-punti 42 sa 45 iktar ’il fuq hija kkonfermata mill-oriġini tal-proċess li wassal għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li inizjalment kienet ġiet proposta bħala r-raba’ paragrafu tal-Artikolu III-365, tal-Abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Fil-fatt, min-nota ta’ trażmissjoni tal-Presidju tal-Konvenzjoni (segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, CONV 734/03), tat-12 ta’ Mejju 2003, [jirriżulta] li, minkejja l-proposta għal emenda fir-rigward tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE li ssemmi l‑‘atti ta’ portata ġenerali’, il-Presidju żamm possibbiltà oħra, dik li ssemmi l-‘atti regolatorji’. Hekk kif jirriżulta min-nota ta’ trażmissjoni ċċitata iktar ’il fuq, din il-formulazzjoni kienet tippermetti ’li tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti regolatorji, billi żżomm approċċ restrittiv fir-rigward tar-rikorsi tal-individwi kontra l-atti leġiżlattivi (li għalihom, il-kundizzjoni “direttament u individwalment ikkonċernata” tibqa’ tapplika)’ [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50   It-tielet nett, minħabba l-għażla li twettqet li tiġi riprodotta tali formulazzjoni fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi kkunsidrat li l-finalità ta’ din id-dispożizzjoni hija li tippermetti lil persuna fiżika u ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra l-atti ta’ portata ġenerali li ma humiex atti leġiżlattivi, li jikkonċernawha direttament u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni, billi jiġi evitat b’hekk il-każ fejn tali persuna jkollha tikser il-liġi sabiex ikollha aċċess għal qorti (ara n-nota ta’ trażmissjoni tal-Presidju tal-Konvenzjoni, iċċitata iktar ’il fuq). Hekk kif jirriżulta mill-analiżi li tidher fil-punti preċedenti, il-formulazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE la tippermetti li jiġi ppreżentat rikors kontra l-atti li jissodisfaw il-kriterji ta’ interess dirett u n-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, u lanqas kontra l-atti ta’ portata ġenerali li jissodisfaw lil dawn il-kriterji, iżda biss kontra kategorija speċifika ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri l-atti regolatorji. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra att leġiżlattiv jibqgħu iktar restrittivi milli fil-każ ta’ rikors ippreżentat kontra att regolatorju.

51   Din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argument [tal-appellanti u ta’ E.-A. Agathos] dwar id-dritt għall-protezzjoni ġuridika effettiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 303, p. 1[, iktar ’il quddiem il-‘Karta’]). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tinterpreta, mingħajr ma teċċedi l-kompetenzi tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom individwu jista’ jippreżenta rikors kontra regolament, b’mod li jwassal sabiex jiġu mwarrba dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat u dan anki fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo‑Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 36, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Jannar 2007, Lootus Teine Osaühing vs Il-Kunsill, T‑127/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 50).”

12

Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 56 tad-digriet appellat, “li l-kunċett ta’ ‘att regolatorju’, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jinftiehem bħala li jipprevedi kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi”. Għaldaqstant, att leġiżlattiv jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika biss meta jkun jikkonċernaha direttament u individwalment.

13

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 57 sa 67, eżaminat il-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament kontenzjuż għandux jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv jew bħala att regolatorju. F’dan id-dawl, hija ddeċidiet, fil-punt 61 tad-digriet appellat, li l-proċedura ddefinita fl-Artikolu 294 TFUE, imsejħa “proċedura leġiżlattiva ordinarja”, tirriproduċi, essenzjalment, dik iddefinita fl-Artikolu 251 KE. Minn dan hija kkonkludiet, fl-istess punt, li r-Regolament kontenzjuż, li kien ġie adottat skont il-proċedura prevista f’dan l-aħħar artikolu, għandu, fil-kuntest tal-kategoriji ta’ atti ġuridiċi previsti mit-Trattat FUE, jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv. Fil-punt 65 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fil-kawża ineżami, il-kriterju rilevanti sabiex att jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv jew bħala att regolatorju huwa l-proċedura li tkun wasslet għall-adozzjoni tiegħu.

14

Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “atti regolatorji” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mogħtija fil-punti 41 sa 56 tad-digriet appellat, u fid-dawl tal-konklużjoni li r-Regolament kontenzjuż ma huwiex att regolatorju fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rikors ma setax jiġi ddikjarat ammissibbli fuq il-bażi tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm lok li jiġi ddeterminat jekk dan ir-regolament jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

15

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 68 sa 87 tad-digriet appellat, il-kwistjoni ta’ jekk l-appellanti u E.-A. Agathos kinux direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

16

F’dan ir-rigward, fil-punt 71 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret li sabiex individwu jkun ikkonċernat direttament minn att huwa meħtieġ li l-att tal-Unjoni kkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan l-individwu u li d-destinatarji ta’ dan l-att li jkunu inkarigati bl-implementazzjoni tiegħu ma jkollhom ebda setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li din l-implementazzjoni jkollha natura purament awtomatika u tkun tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

17

Fir-rigward tar-Regolament kontenzjuż, fil-punt 75 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, filwaqt li rreferiet għad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2005, Bonino et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T-40/04, Ġabra p. II-2685, punt 56), li, fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament kontenzjuż, dan ir-regolament jipproduċi effetti diretti biss fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dawk mill-appellanti li huma attivi fit-tqegħid fis-suq fl-Unjoni ta’ prodotti dderivati mill-foki. Dan ir-regolament ma kienx jipprojbixxi l-kaċċa għall-foki, li barra minn hekk issir barra mis-suq tal-Unjoni, u lanqas ma kien jipprojbixxi l-użu jew il-konsum tal-prodotti dderivati minnhom li ma jkunux is-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-projbizzjoni ġenerali fir-rigward tat-tqegħid fis-suq prevista mir-Regolament kontenzjuż seta’ jkollha riperkussjonijiet fuq l-attività tal-persuni li joperaw fi stadji preċedenti jew sussegwenti għal dan it-tqegħid fis-suq, tali riperkussjonijiet ma setgħux jitqiesu bħala li jirriżultaw direttament minnu. Barra minn hekk, l-eventwali konsegwenzi ekonomiċi ta’ din il-projbizzjoni jikkonċernaw biss is-sitwazzjoni fattwali tal-appellanti, u mhux is-sitwazzjoni legali tagħhom.

18

Wara li fakkret, fil-punt 76 tad-digriet appellat, il-formulazzjoni tal-Artikoli 3(4) u 5(3) tar-Regolament kontenzjuż, kif ukoll tal-premessa 17 tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 77 tad-digriet appellat, li, minkejja l-projbizzjoni fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti dderivati mill-foki li fir-rigward tagħhom jiġi stabbilit li ma jkunux ġejjin minn forom ta’ kaċċa pprattikati b’mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għall-finijiet tal-għajxien tagħhom, il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti ma humiex iddefiniti.

19

F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat, fil-punti 78 sa 80 tad-digriet appellat, li r-Regolament kontenzjuż ma kienx jippreċiża, b’mod partikolari, it-tifsira ta’ “komunitajiet indiġeni oħra”, u ma kienx jipprovi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-forom ta’ kaċċa pprattikati b’mod tradizzjonali għall-finijiet tal-għajxien, u lanqas fir-rigward ta’ kif kellu jiġi stabbilit l-oriġini Inuit jew l-oriġini ta’ komunitajiet indiġeni oħra. B’hekk, fir-rigward tal-prodotti li jistgħu jkunu suġġetti għar-regoli derogatorji, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux japplikaw ir-Regolament kontenzjuż mingħajr miżuri ta’ implementazzjoni stabbiliti permezz ta’ regolament ta’ implementazzjoni li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom ikun awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti. Is-sitwazzjoni tal-appellanti u ta’ E.-A. Agathos, sa fejn taqa’ taħt l-eċċezzjoni inkwistjoni, ma setgħetx, għalhekk, tiġi evalwata ħlief fuq il-bażi tal-miżuri dwar l-implementazzjoni tar-Regolament kontenzjuż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regolament kontenzjuż jikkonċerna biss is-sitwazzjoni legali tal-appellanti li huma attivi fit-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti dderivati mill-foki u li huma kkonċernati mill-projbizzjoni ġenerali fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti.

20

Għall-kuntrarju, dan ma japplikax fil-każ tal-appellanti li l-attività tagħhom ma hijiex it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti u/jew ta’ dawk li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista mir-Regolament kontenjuż, u dan sa fejn, bħala prinċipju, it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti dderivati mill-foki li ġejjin minn forom ta’ kaċċa pprattikati b’mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għall-finijiet tal-għajxien tagħhom kien baqa’ awtorizzat. B’mod iktar partikolari, il-kaċċaturi u n-nassaba tal-foki ta’ oriġini Inuit, kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-appellanti, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma attivi fit-tqegħid fis-suq tal-prodotti dderivati mill-foki.

21

Għalhekk, fil-punti 81 sa 87 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kienu biss erbgħa mill-appellanti li kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, jiġifieri dawk li huma attivi fit-trasformazzjoni u/jew fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti dderivati minn foki ġejjin minn kaċċaturi u nassaba Inuit u mhux Inuit. Fir-rigward ta’ K. Aariak, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 82 tad-digriet appellat, li hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala direttament ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż. Għalkemm hija attiva fit‑trasformazzjoni tal-prodotti dderivati mill-foki, jiġifieri l-ħolqien u l-bejgħ ta’ ħwejjeġ maħduma mill-ġilda tal-foki, mir-rikors u mill-osservazzjonijiet tal-appellanti u ta’ E.-A. Agathos dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kien jirriżulta li K. Aariak kienet tagħmel parti wkoll mill-komunità Inuit u b’ebda mod ma kienet qiegħda ssostni li kienet attiva fit-tqegħid fis-suq ta’ prodotti differenti minn dawk koperti mill-eċċezzjoni inkwistjoni.

22

Sa fejn is-sitwazzjoni ta’ individwu għandha tkun ikkonċernata kemm direttament kif ukoll individwalment sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 88 sa 93 tad-digriet appellat, jekk l-erba’ appellanti li hija kkunsidrat li kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż setgħux jitqiesu wkoll bħala li kienu individwalment ikkonċernati minn dan tal-aħħar. F’dan id-dawl, filwaqt li rreferiet għall-punt 41 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-Regolament kontenzjuż japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u għandu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt. Il-projbizzjoni ġenerali fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati mill-foki, ħlief għal dawk ġejjin minn forom ta’ kaċċa pprattikati b’mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għall-finijiet tal-għajxien tagħhom, hija fformulata b’mod ġenerali u b’mod li tista’ tapplika mingħajr ebda distinzjoni għal kull operatur ekonomiku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

23

Għalkemm l-erba’ appellanti inkwistjoni huma attivi fit-tqegħid fis-suq tal-prodotti dderivati mill-foki ġejjin minn kaċċaturi u nassaba Inuit u mhux Inuit, dawn l-appellanti, bħala tali, huma kkonċernati mir-Regolament kontenzjuż bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jqiegħed fis-suq prodotti dderivati mill-foki. Anki jekk jitqies li dawn l-appellanti jaqgħu wkoll, minbarra taħt il-projbizzjoni ġenerali, taħt l-eċċezzjoni fir-rigward tal-prodotti ta’ oriġini Inuit, dan ma jkunx biżżejjed sabiex jindividwalizzahom b’mod analogu għal kif ikun id-destinatarju ta’ deċiżjoni.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikors għal annullament.

It-talbiet tal-partijiet

25

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digriet appellat;

tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli jekk tqis li huma ssodisfatti l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż;

fin-nuqqas ta’ dan, tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill ibatu l-ispejjeż tal-appellanti,

tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

26

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell,

tikkundanna lill-appellanti in solidum għall-ispejjeż.

27

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell,

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

29

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma ppreżentax risposta.

Fuq l-appell

30

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi.

Fuq l-ewwel aggravju

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “atti regolatorji” li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u b’mod partikolari billi eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett l-atti leġiżlattivi, bħalma huwa r-Regolament kontenzjuż.

32

Skont l-appellanti, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti regolatorji ma hijiex issostanzjata mit-termini użati fit-Trattat FUE, b’mod partikolari, fl-Artikoli 288 TFUE, 289 TFUE u 290 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu distinzjoni bejn atti leġiżlattivi u atti mhux leġiżlattivi. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-kunċett ta’ “atti regolatorji” ma jkoprix biss ċerti att ta’ applikazzjoni ġenerali iżda jkoprihom kollha, b’tali mod li l-interpretazzjoni letterali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 41 sa 48 tad-digriet appellat hija żbaljata.

33

Id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali għandha l-konsegwenza li jkunu biss ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet adottati mill-Parlament u/jew mill-Kunsill li jkunu jistgħu jitqiesu bħala atti regolatorji, u dan minħabba li l-atti leġiżlattivi jinkludu r-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet adottati mill-Parlament u mill-Kunsill filwaqt li l-atti ddelegati jinkludi l-atti adottati mill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet ma humiex inklużi fost l-atti elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

34

Li kieku l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona kellhom l-intenzjoni li jużaw it-termini “atti regolatorji” fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jidentifikaw il-kuntrarju tal-atti leġiżlattivi, kienu minflok jużaw il-kunċett ta’ “att iddelegat” fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE. Il-fatt li l-awturi tat-Trattat użaw it-termini “atti regolatorji” huwa dovut għall-fatt li kienu qegħdin jirreferu għal atti differenti minn atti leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi. Barra minn hekk, l-atti ta’ implementazzjoni previsti fl-Artikolu 291 TFUE ma humiex koperti mid-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali.

35

Għaldaqstant, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tat-termini “atti regolatorji”, b’differenza mit-termini “atti leġiżlattivi”, iġġib fix-xejn is-sens tar-rikors kontra l-atti regolatorji li jista’ jiġi ppreżentat fil-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, introdotta permezz tat-Trattat ta’ Lisbona bil-għan li jiġu estiżi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Tali interpretazzjoni jkollha l-effett, dejjem skont l-appellanti, li teskludi kull rikors ippreżentat minn individwu fuq il-bażi tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

36

Skont l-appellanti, anki l-interpretazzjoni storika tat-termini “atti regolatorji” magħmula mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata. Għalkemm fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi – bħalma jagħmel l-Artikolu III-365(4) tal-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa – l-atti regolatorji, it-Trattat ta’ Lisbona ma jużax il-klassifikazzjoni tal-atti ġuridiċi prevista f’dan l-abbozz ta’ Trattat, fosthom, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ “regolament Ewropew” bħala att mhux leġiżlattiv. Fil-kuntest tat-Trattat FUE, ir-regolamenti jistgħu jkunu atti leġiżlattivi jew atti mhux leġiżlattivi.

37

In-nuqqas ta’ bidla fil-formulazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE juri, skont l-appellanti, li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni twessa’ fis-sens li jkopri r-regolamenti kollha, irrispettivament minn jekk ikunux ta’ natura leġiżlattiva jew le. Din l-interpretazzjoni teleoloġija tikkorrispondi barra minn hekk għall-preokkupazzjoni inizjali kemm tal-awturi tal-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa kif ukoll ta’ dawk tat-Trattat ta’ Lisbona, li xtaqu jeliminaw il-lakuni li kienu ġew identifikati b’mod ċar permezz tas-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677), u Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, iċċitata iktar ’il fuq.

38

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu mal-interpretazzjoni tat-termini “atti regolatorji” mogħtija mill-Qorti Ġenerali.

39

Il-Parlament isostni li, għalkemm huwa minnu li l-ġerarkija tan-normi stabbilita fl-Artikolu I-33 tal-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, fejn kienet issir distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi, minn naħa, u l-atti regolatorji, min-naħa l-oħra, ma ġietx inkluża fit-Trattat FUE, l-Artikolu 289(3) TFUE jidentifika b’mod ċar l-atti leġiżlattivi bħala dawk adottati fi tmiem il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali. Barra minn hekk, l-Artikolu 263 TFUE, fl-ewwel u fir-raba’ paragrafi tiegħu, jagħmel distinzjoni bejn l-“atti leġiżlattivi” u l-“atti regolatorji”. Dawn iż-żewġ kunċetti għandhom jiġu kkonċiljati sabiex tiġi mħarsa l-effettività sħiħa tal-Artikolu 263 TFUE.

40

L-istess istituzzjoni ssostni li l-kritika magħmula mill-appellanti fir-rigward tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li mhux l-atti ta’ applikazzjoni ġenerali kollha jistgħu jiġu kkunsidrati bħala atti regolatorji, ma hijiex ifformulata b’mod speċifika iżda ttenni l-argumenti li tressqu diġà fl-ewwel istanza. B’hekk, l-argumenti tal-appellanti fir-rigward ta’ din il-konklużjoni huma fi kwalunkwe każ inammissibbli.

41

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti fis-sens li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “atti regolatorji” magħmula mill-Qorti Ġenerali ġġib fix-xejn il-kontenut ta’ dan il-kunċett, il-Parlament, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li dan il-kunċett jinkludi kategoriji differenti ta’ atti ġuridiċi, li fosthom jinsabu b’mod partikolari l-atti ddelegati u l-atti ta’ implementazzjoni ta’ portata ġenerali, adottati fuq il-bażi tal-Artikoli 290 TFUE jew 291 TFUE, fejn dawn tal-aħħar jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-argument tal-appellanti, fis-sens li l-awturi tat-Trattat FUE kienu jużaw it-terminu “ddelegat” li kieku xtaqu jirreferu għall-atti ta’ portata ġenerali li ma humiex atti leġiżlattivi, huwa żbaljat. Il-Kummissjoni żżid li, barra minn hekk, il-kunċett ta’ “atti regolatorji” jkopri l-atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali adottati fuq il-bażi ta’ bażijiet legali speċjali, bħall-Artikoli 43(3) TFUE, 109 TFUE u 215(1) TFUE, kif ukoll l-atti ta’ portata ġenerali adottati mid-diversi “korpi jew organi” oħra msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

42

Fir-rigward tal-oriġini tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Parlament iqis li l-appellanti ma jippreżentaw ebda kritika speċifika fir-rigward tad-digriet appellat, b’tali mod li qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza, talba li madankollu hija inammissibbli fl-istadju ta’ appell. Fi kwalunkwe każ, l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-appell huma infondati. F’dan id-dawl, il-Parlament u l-Kummissjoni jsostnu li huwa evidenti li l-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Ewropa kienet għażlet it-termini “atti regolatorji” bl-intenzjoni li jiġu esklużi l-atti leġiżlattivi u li l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona xtaqu jżommu l-istess distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti regolatorji fir-rigward tar-rikorsi ġudizzjarji.

43

Fir-rigward tal-approċċ teleoloġiku tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li l-għan tal-introduzzjoni tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li huwa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-locus standi, ma jfissirx għaldaqstant li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” għandu jkopri l-atti leġiżlattivi.

44

Skont il-Parlament, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “atti regolatorji” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma tmurx kontra l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jkunu permessi rikorsi diretti kontra atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali f’kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk applikabbli għar-rikorsi ppreżentati fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Skont il-Parlament u l-Kunsill, billi jawtorizza lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jippreżentaw rikorsi diretti kontra atti regolatorji li jikkonċernawhom direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni, l-Artikolu 263 TFUE jirrimedja kompletament is-sitwazzjoni li ħarġet fis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré. Jista’ jingħad li, fis-sentenza il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, iċċitata iktar ’il fuq, l-att kontenzjuż kien regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni li, skont l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali, kellu evidentement jiġi kklassifikat bħala “att regolatorju” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Kunsill jindika, barra minn hekk, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għan-natura kompleta tas-sistema ta’ rimedji implementata permezz tat-Trattati.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-kunċett ta’ “atti regolatorji”, li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jinkludix l-atti leġiżlattivi fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE, bħalma huwa r-Regolament kontenzjuż.

46

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba. Appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li jkunu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti miċħuda espliċitament minn dik il-qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra p. I-2125, punti 15 u 16, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C-280/08 P, Ġabra p. I-9555, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jitqajmu fil-kuntest tal-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, Ġabra p. I-7795, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti ma humiex jipprovaw jiksbu sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, permezz ta’ din l-ewwel parti, l-appellanti jindikaw b’mod ċar is-siltiet tad-digriet appellat li fil-fehma tagħhom huma vvizzjati bi żball ta’ liġi kif ukoll l-argumenti legali invokati insostenn tat-talba tagħhom, fosthom b’mod partikolari dawk dwar id-diversi metodi ta’ interpretazzjoni applikati mill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Parlament, l-argumenti diġà mressqa fl-ewwel istanza ma humiex qegħdin sempliċement jiġu rrepetuti iżda fil-verità qegħdin jiġu indirizzati kontra parti essenzjali mill-motivazzjoni tad-digriet appellat u, għaldaqstant, jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha.

49

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ammissibbli.

50

Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha u l-għanijiet segwiti minnha iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet b’mod ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et283/81, Ġabra p. 3415, punt 20). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni wkoll jista’ jipprovdi elementi rilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, punt 135).

51

B’hekk, għandu jiġi eżaminat, fuq il-bażi ta’ dawn il-metodi ta’ interpretazzjoni, jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 56 tad-digriet appellat, li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jinkludi l-atti ta’ portata ġenerali ħlief għall-atti leġiżlattivi.

52

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jidentifika l-atti tal-Unjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni, jiġifieri, minn naħa, l-atti leġiżlattivi u, min-naħa l-oħra, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tad-digriet appellat, l-atti vinkolanti l-oħra, li jkunu maħsuba sabiex joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, liema atti jistgħu jkunu atti individwali jew atti ta’ portata ġenerali. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dawn l-atti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ kull dispożizzjoni legali dwar l-applikazzjoni tagħhom, jew dwar użu ħażin ta’ poter.

53

Sussegwentement, l-Artikolu 263 TFUE jagħmel distinzjoni ċara bejn id-dritt għal azzjoni legali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, min-naħa l-oħra. B’hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija f’dan il-paragrafu kif ukoll lill-Istati Membri d-dritt li jikkontestaw, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ kull att imsemmi fl-ewwel paragrafu, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku (ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑355/10, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-istituzzjonijiet u l-kumitati msemmija f’dan il-paragrafu jistgħu jippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal annullament indirizzat kontra dawn l-atti, bil-kundizzjoni li l-għan ta’ dan ir-rikors ikun li jipproteġu l-prerogattivi tagħhom.

54

Għall-kuntrarju, fir-rigward tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

55

Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkorrispondu għal dawk li kienu previsti, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 tat-Trattat KE (ara, fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 sa 37).

56

Billi jagħmlu riferiment għall-“atti” b’mod ġenerali, dawn il-partijiet ikopru kull att tal-Unjoni li jipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 29; tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C-322/09 P, Ġabra p. I-11911, punt 45, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, C-463/10 P u C-475/10 P, Ġabra p. I-9639, punti 36 sa 38). Għalhekk, dan il-kunċett ikopri atti ta’ portata ġenerali, ta’ natura leġiżlattiva jew le, u atti individwali. It-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tispeċifika li jekk il-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta r-rikors għal annullament ma tkunx id-destinatarju tal-att ikkontestat, l-ammissibbiltà tar-rikors tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-att ikun jirrigwarda lir-rikorrent direttament u individwalment.

57

Min-naħa l-oħra, permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, ġiet introdotta, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, parti oħra, it-tielet parti, li naqqset is-severità tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt, din il-parti, mingħajr ma tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għall-kundizzjoni dwar l-interess individwali, tagħti dan ir-rimedju fir-rigward tal-“atti regolatorji” li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni u li jirrigwardaw direttament lir-rikorrent.

58

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “atti regolatorji”, mit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li dan il-kunċett għandu portata iktar limitata minn dik ta’ “atti” użat fl-ewwel u fit-tieni partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jiġu kklassifikati t-tipi l-oħra ta’ miżuri li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jitolbu l-annullament tagħhom. Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tad-digriet appellat, il-kunċett ta’ “atti regolatorji” ma jistax ikopri l-atti kollha ta’ portata ġenerali, iżda jikkonċerna kategorija iktar limitata ta’ atti ta’ dan it-tip. Jekk tingħata interpretazzjoni kuntrarja, jinġab fix-xejn is-sens tad-distinzjoni magħmula fit-tieni u fit-tielet partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE bejn it-termini “atti” u “atti regolatorji”.

59

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE rriproduċa b’termini identiċi l-kontenut tal-Artikolu III-365(4) tal-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Mix-xogħlijiet preparatorji fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li, filwaqt li l-emenda tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kienet maħsuba sabiex jitwessgħu l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà, previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE fir-rigward tal-atti leġiżlattivi ma kellhomx jiġu emendati. B’hekk, l-użu tat-termini “atti regolatorji” fl-abbozz ta’ emenda ta’ din id-dispożizzjoni kien jippermetti li tiġi identifikata l-kategorija ta’ atti li minn dak iż-żmien ’il quddiem setgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament f’kundizzjonijiet inqas stretti milli kienu qabel, u dan filwaqt li jinżamm “approċċ restrittiv fir-rigward tar-rikorsi tal-individwi kontra l-atti leġiżlattivi (li fir-rigward tagħhom tibqa’ applikabbli l-kundizzjoni ‘jirrigwardawha direttament u individwalment’)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, b’mod partikolari, Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport finali tal-Grupp ta’ diskussjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Marzu 2003, CONV 636/03, punt 22, u nota ta’ trażmissjoni tal-Presidju tal-Konvenzjoni, tat-12 ta’ Mejju 2003, CONV 734/03, p. 20).

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-emenda tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kienet intiża sabiex tippermetti lil dawn il-persuni jippreżentaw, f’kundizzjonijiet inqas stretti, rikors għal annullament kontra atti ta’ portata ġenerali bl-esklużjoni tal-atti leġiżlattivi.

61

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkonkludiet li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jinkludix l-atti leġiżlattivi.

62

Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

63

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta eżaminat jekk kinux ikkonċernati direttament u individwalment mir-Regolament kontenzjuż.

64

Fir-rigward tal-kundizzjoni li r-rikorrent ikun ikkonċernat direttament mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-Regolament kontenzjuż jikkonċerna b’mod dirett biss lill-erba’ appellanti li huma attivi fit-tqegħid fis-suq tal-Unjoni Ewropea ta’ prodotti dderivati mill-foki. Fil-punt 82 tad-digriet appellat, dwar is-sitwazzjoni ta’ K. Aariak, il-Qorti Ġenerali qieset li r-Regolament kontenzjuż jikkonċerna b’mod dirett biss lill-appellanti li huma attivi fit-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati mill-foki għajr il-prodotti dderivati mill-foki allegatament koperti bl-eċċezzjoni favur l-Inuits. Madankollu, huwa irrilevanti jekk il-prodotti li K. Aariak tqiegħed fis-suq jaqgħux jew le taħt eċċezzjoni sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tkun ikkonċernata direttament minn dan ir-regolament. L-appellanti jsostnu li b’hekk il-Qorti Ġenerali żiedet element addizzjonali għall-kundizzjoni ta’ interess dirett.

65

Fir-rigward tal-kundizzjoni li r-rikorrent ikun ikkonċernat individwalment mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta tat interpretazzjoni restrittiva tagħha. Issa, meta emendaw ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, l-Istati Membri kellhom l‑intenzjoni li jestendu l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà fir-rigward tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi b’reazzjoni għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré. Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp, il-Qorti tal-Ġustizzja jmissha tirrevedi l-interpretazzjoni restrittiva tal-kundizzjoni tal-interess individwali, stabbilita permezz tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-kriterju tal-“effett dannuż sostanzjali” prodott mir-Regolament kontenzjuż fuq l-interessi tal-appellanti, kif propost mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija jkollha tasal għall-konklużjoni li l-appellanti f’din il-kawża huma kkonċernati individwalment minn dan ir-regolament.

66

Il-Parlament, il-Kunsill, kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li t-Trattat ta’ Lisbona ma bidilx il-kontenut tal-kundizzjonijiet li r-rikorrent ikun ikkonċernat direttament u individwalment mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu. Ma hemm ebda indikazzjoni f’dan is-sens fit-Trattat jew fix-xogħlijiet preparatorji li tista’ twassal sabiex ikun meħtieġ li tinbidel il-ġurisprudenza eżistenti dwar din il-kwistjoni. Skonthom, il-Qorti Ġenerali interpretat dawn il-kundizzjonijiet bl-istess mod bħal qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi.

67

Il-Kunsill jikkunsidra, barra minn hekk, li l-allegazzjonijiet tal-appellanti fir-rigward ta’ xi jfisser il-fatt li wieħed ikun ikkonċernat individwalment għandhom, fil-prattika, l-effett li kull persuna direttament ikkonċernata mill-att li tkun qiegħda titlob l-annullament tagħhom jkollha titqies bħala li hija wkoll ikkonċernata individwalment minn dan l-att. B’hekk, id-distinzjoni stabbilita bejn l-atti regolatorji u l-atti leġiżlattivi titlef kważi kull rilevanza.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jippreżentaw rikors għal annullament, sa fejn ma humiex ikkonċernati direttament u individwalment mir-Regolament kontenzjuż.

69

Fir-rigward tal-kundizzjoni li r-rikorrent ikun ikkonċernat individwalment mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu, għandu jiġi osservat li filwaqt li l-appellanti ma humiex isostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudena tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dwar din il-kundizzjoni għall-ammissibbiltà, huma qegħdin jitolbu espliċitament li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni u tissostitwixxihom bil-kriterju tal-“effett dannuż sostanzjali”.

70

F’dan id-dawl, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tikkorrispondi, kif ġie kkonstatat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, għal dik tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Issa, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma ġietx emendata. Barra minn hekk, ma hemm ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona kellhom l-intenzjoni jemendaw il-portata tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà li kienu diġà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Barra minn hekk, mix-xogħlijiet preparatorji fir-rigward tal-Artikolu III-365(4) tal-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa jirriżulta li l-portata ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma kellhiex tinbidel (ara, b’mod partikolari, Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport finali tal-Grupp ta’ diskussjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Marzu 2003, CONV 636/03, punt 23).

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kontenut tal-kundizzjoni li r-rikorrent ikun ikkonċernat individwalment mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha sa mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma ġiex emendat bit-Trattat ta’ Lisbona. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta applikat il-kriterji ta’ evalwazzjoni previsti minn din il-ġurisprudenza.

72

Skont din il-ġurisprudenza, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jissodisfaw il-kundizzjoni dwar l-interess individwali biss jekk l-att ikkontestat jikkonċernahom minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzahom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju (ara s-sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 36, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuolte vivere” vs Il-Kummissjoni, C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 52).

73

Fil-kawża ineżami, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 88 sa 93 tad-digriet appellat, eżaminat biss jekk erbgħa mill-appellanti kinux ikkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mir-Regolament kontenzjuż, sa fejn l-appellanti l-oħra ma kinux, fi kwalunkwe każ, ikkonċernati direttament mir-regolament imsemmi fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-appellanti ma huwa individwalizzat mir-Regolament kontenzjuż b’mod analogu bħalma jkun destinatarju fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-projbizzjoni fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati mill-foki, stabbilita fir-Regolament kontenzjuż, hija fformulata b’termini ġenerali u tapplika mingħajr distinzjoni għal kull operatur ekonomiku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li huma biss l-appellanti li huma attivi fit-trasformazzjoni u/jew fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti dderivati mill-foki ġejjin minn kaċċaturi u nassaba Inuits u mhux Inuits li huma kkonċernati direttament mir-Regolament kontenzjuż, u dan minħabba li eventwali żball ta’ liġi f’dan ir-rigward ma jkollu ebda rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża u ma jkollu ebda impatt fuq id-dispożittiv tad-digriet appellat.

75

Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li persuna fiżika jew ġuridika ma tistax titlob l-annullament ta’ att li la jkun att li tkun id-destinatarju tiegħu u li lanqas ma jkun att regolatorju ħlief meta tkun ikkonċernata mhux biss direttament iżda wkoll individwalment minn tali att (ara, fir-rigward tal-Artikolu 230 KE, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2004, Rothley et vs Il-Parlament, C-167/02 P, Ġabra p. I-3149, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

Għalhekk, peress li l-kundizzjonijiet li r-rikorrent ikun ikkonċernat direttament u individwalment mill-att li jkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu huma kumulattivi, il-fatt li waħda minnhom ma tkunx issodisfatta minn rikorrent jimplika li r-rikors għal annullament ippreżentat minn dan ir-rikorrent kontra dan l-att ikollu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel aggravju kollu kemm hu.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

78

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrispondietx b’mod speċifiku u espliċitu għall-argumenti mressqa fil-punti 53 sa 57 tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, fis-sens li interpretazzjoni wiesgħa biss tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tkun konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB.

79

Barra minn hekk, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 51 tad-digriet appellat, fis-sens li l-kundizzjonijiet dwar il-preżentata ta’ rikors kontra regolament “huma previsti espressament” fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tinsab f’kontradizzjoni mal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni letterali, storika u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni daqstant fid-dettall tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija ma setgħetx tiċħad l-argumenti tal-appellanti billi tiddikjara sempliċement li l-kundizzjonijiet għad-dritt għal azzjoni legali huma “previsti espressament”.

80

Skont il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali rrispondiet b’mod suffiċjenti għall-argumenti tal-appellanti. Ma kienx meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tagħmel osservazzjonijiet distinti dwar l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB sa fejn dawn l-artikoli u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom sens u portata identiċi. Il-Parlament iżid li l-Qorti Ġenerali lanqas ma kienet obbligata tirrispondi fid-dettall għall-allegazzjonijiet tal-appellanti sa fejn kienet diġà ċaħdet għal raġunijiet differenti, fil-punti preċedenti tad-digriet appellat, l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE proposta mill-appellanti. Il-Kunsill iżid li, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx b’mod iddettaljat l-Artikolu 47 tal-Karta, l-obbligu ta’ motivazzjoni kien ġie osservat permezz ta’ riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stess, li minnha jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tinjora l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Huwa paċifiku li l-Qorti Ġenerali rrispondiet, fil-punt 51 tad-digriet appellat, għall-argumenti tal-appellanti dwar id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jinsabu fil-punti 53 sa 57 tal-osservazzjonijiet li ppreżentaw dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-qorti tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma taqbeż il-limiti tal-kompetenzi tagħha, tinterpreta l-kundizzjonijiet li fihom individwu jista’ jippreżenta rikors kontra regolament b’mod li jwassal sabiex ma jiġux applikati dawn il-kundizzjonijiet, previsti espressament fit-Trattat, u dan lanqas fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

82

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma kinitx meħtieġa tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti, ir-raġunamenti kollha żviluppati mill-partijiet fil-kawża. Skont din il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li permezz tagħha l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet għalfejn ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u l-qorti kompetenti jkun jista’ jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 51 tad-digriet appellat, ma ssemmix espliċitament l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, imressqa mill-appellanti, u ma tindirizzax espliċitament id-dettalji kollha tal-argumenti tagħhom ma jistax jitqies bħala ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

84

L-istess għandu jingħad għall-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fl-istess punt, li ma setgħetx ma tapplikax il-kundizzjonijiet dwar il-preżentata ta’ rikors kontra regolament li “huma previsti espressament” fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li wettqet interpretazzjoni letterali, storika u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-portata tal-kunċett ta’ “atti regolatorji” previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, billi wettqet interpretazzjoni klassika skont il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni. Tali proċess ma għandu ebda impatt fuq il-fatt li dan il-kunċett huwa kundizzjoni għall-ammmissibbiltà prevista espressament fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li għandha tkun issodisfatta mir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u ma huwiex ta’ natura li jagħmel il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali kontradittorja.

85

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju ma huwiex fondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

86

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tikser l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. Fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Mejju 2002, Jégo-Quéré vs Il-Kummissjoni (T-177/01, Ġabra p. II-2365), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-interpretazzjoni restrittiva tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi diretti mill-qorti tal-Unjoni ma setgħetx titqies bħala li tiggarantixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi d-dritt għal azzjoni legali effettiva li permezz tagħha jkunu jistgħu jikkontestaw l-atti ta’ applikazzjoni ġenerali li jikkonċernaw direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom.

87

L-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fid-digriet appellatt tikkostitwixxi saħansitra rigressjoni meta mqabbla mas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat, il-qrati tal-Unjoni kienu japplikaw kriterju materjali sabiex jiddeterminaw il-locus standi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex jippreżentaw rikors għal annullament filwaqt li issa qiegħed jiġi applikat kriterju purament formali.

88

Il-Parlament, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li l-appellanti jgawdu minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn għandhom dritt għal azzjoni legali kontra r-Regolament Nru 737/2010, li huwa l-att ta’ implementazzjoni tar-Regolament kontenzjuż li huma kkontestaw fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (T‑526/10), kawża li fiha setgħu jsostnu l-istess argumenti sostantivi bħal dawk li ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża ineżami. Barra minn hekk, filwaqt li jirreferu għall-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 47 tal-Karta, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li dan l-artikolu ma huwiex maħsub sabiex jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi diretti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tikser l‑Artikolu 47 tal-Karta sa fejn tippermetti lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni fil-każ biss li dawn l-atti jkunu jikkonċernawhom direttament u individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

90

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-qrati tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, Ġabra p. I‑1137, punt 66).

91

Barra minn hekk, l-Unjoni hija Unjoni tad-dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattati, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll mad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C-550/09, Ġabra p. I-6213, punt 44).

92

Għal dan il-għan, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23; ; Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40; Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C‑59/11, punt 34).

93

B’hekk, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jkunux jistgħu jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, huma protetti kontra l-applikazzjoni, fil-konfront tagħhom, ta’ tali atti. Meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu responsabbli għall-implementazzjoni ta’ tali atti, dawn il-persuni jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implementazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jkunu jistgħu jinvokaw, skont l-Artikolu 277 TFUE, insostenn ta’ dan ir-rikors, l-illegalità tal-att ġenerali inkwistjoni. Meta l-Istati Membri jkunu responsabbli għal din l-implementazzjoni, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jistgħu jwasslu lil dawn il-qrati sabiex, skont l-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu dwar dan lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Les Verts vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

94

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-individwi għandhom, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, u dan billi jqajmu l-kwistjoni tal‑invalidità ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 42, kif ukoll E u F, punt 45).

95

Minn dan isegwi li r-rinviju għal evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, l-istess bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 18, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punt 103).

96

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta qorti nazzjonali tqis li motiv jew motivi ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni mressqa mill-partijiet jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, ikunu fondati, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità, u dan sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punti 27 u 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97

Fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi osservat li dan l-artikolu ma huwiex intiż li jibdel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-Artikolu 47 li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Karta (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, punt 42, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et, C‑426/11, punt 32).

98

B’hekk, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati l-kundizzjonijiet previsti espressament fl-imsemmi trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 44, u Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, punt 36).

99

Fir-rigward tar-rwol tal-qrati nazzjonali, imsemmi fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali jservu, b’kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, funzjoni mogħtija lilhom b’mod konġunt, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati (Opinjoni 1/09, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

100

Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 41, u Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, punt 31).

101

Dan l-obbligu tal-Istati Membri ġie kkonfermat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdi li dawn “għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.

102

F’dan id-dawl, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jidentifika, fl-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punti 100 u 101 ta’ din is-sentenza kif ukoll mill-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, il-qrati kompetenti, u li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi maħsuba sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C-118/08, Ġabra p. I-635, punt 31, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punti 47 u 61).

103

Fir-rigward tar-rimedji li għandhom jiġu previsti mill-Istati Membri, għalkemm it-Trattat FUE stabbilixxa numru ta’ azzjonijiet diretti li jistgħu jiġu eżerċitati, meta jkun il-każ, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi quddiem il-qorti tal-Unjoni, la t-Trattat FUE u lanqas l-Artikolu 19 TUE ma kienu maħsuba sabiex joħolqu quddiem il-qrati nazzjonali, bl-iskop li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, rimedji għajr dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 40).

104

Ikun jista’ jingħad mod ieħor biss jekk mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni jirriżulta li ma hemm ebda rimedju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, jew inkella jekk l-uniku mod sabiex l-individwi jkollhom aċċess għal qorti jkun billi jiksru l-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 64, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti fis-sens li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “atti regolatorji”, previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, toħloq lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja u hija inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn twassal sabiex kull att leġiżlattiv ikun prattikament eżentat minn stħarriġ ġudizzjarju, għandu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta ma teħtieġx li individwu għandu jkun jista’, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni, jippreżenta rikors għal annullament, direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni.

106

Fl-aħħar nett, la dan id-dritt fundamentali u lanqas it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jeżiġu li individwu għandu jkun jista’ jippreżenta rikors kontra tali atti, b’mod prinċipali, quddiem il-qrati nazzjonali.

107

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

108

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw żnaturament tal-provi. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat, f’diversi okkażjonijiet, l-argumenti tagħhom dwar il-kwistjoni ta’ sa fejn l-atti leġiżlattivi huma koperti mill-kunċett ta’ “atti regolatorji” previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’mod partikolari, skonthom, il-Qorti Ġenerali ma ddistingwietx l-argumenti tagħhom minn dawk tal-Parlament u tal-Kunsill. B’hekk, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-digriet appellat, minn tal-inqas il-parti ddedikata għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “atti regolatorji”, u għandha teżamina hija stess l-argumenti tal-appellanti f’dan ir-rigward.

109

Il-Parlament iqis li dan l-aggravju huwa manifestament inammissibbli. Fil-verità, l-appellanti qegħdin jipprovaw jiksbu eżami mill-ġdid tal-argumenti invokati fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa infondat peress li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod żbaljat l-argumenti tal-appellanti. Barra minn hekk, l-appellanti ma stabbilixxewx li l-allegati żbalji kellhom konsegwenzi fuq il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-Regolament kontenzjuż ma huwiex “att regolatorju” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

110

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-fatt li l-appellanti ma jindikawx fatti jew provi li setgħu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti qegħdin essenzjalment jinvokaw żnaturament ta’ wħud mill-argumenti li huma ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali u qegħdin għalhekk jipprovaw jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jinkludix l-atti leġiżlattivi.

112

Madankollu, fil-kawża ineżami għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li dan il-kunċett ta’ “atti regolatorji” ma jinkludix l-atti leġiżlattivi. B’hekk, anki li kieku l-Qorti Ġenerali żnaturat uħud mill-argumenti tal-appellanti, tali żnaturament ma jaffettwax id‑dispożittiv tad-digriet appellat u għalhekk ma jistax iwassal għall-annulament ta’ dan id-digriet.

113

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

114

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

115

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

116

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Meta intervenjent fl-ewwel istanza, li ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, jipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli msemmija, tiddeċiedi li dan l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, li huwa applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

117

Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu, l-appellanti għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Parlament u tal-Kunsill marbuta mal-appell.

118

Il-Kummissjoni, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Inuit Tapiriit Kanatami, Nattivak Hunters and Trappers Association, Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products Inc., Fur Institute of Canada, NuTan Furs Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC-Greenland), Johannes Egede u Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK) huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.