SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

15 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Kejbils ibridi “Taifun” prodotti fir-Russja, komposti minn polipropilen u minn ħajt tal-azzar — Vireg tal-morsa f’forma ta’ U bit-trufijiet tagħhom tondi u marbuta b’kavilji — Dazji antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija”

Fil-Kawża C-558/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

SIA Kurcums Metal SIA

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SIA Kurcums Metal, minn I. Faksa, avukat,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tidher fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 301, p. 1, iktar ’il quddiem l-“NM”), b’mod partikolari tas-subintestaturi 5607 49 11, 7312 10 98 u 7317 00 90 tan-NM u tar-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM, kif ukoll tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1601/2001, tat-2 ta’ Awwissu 2001, [dwar] l-imposizzjoni ta’ taxxa definitiva kontra d-dumping u l-ġbir definittiv tat-taxxa proviżorja kontra d-dumping imposta fuq l-importazzjoni ta’ ċertu ħbula u kejbils tal-ħadid jew azzar ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 62).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SIA Kurcums Metal (iktar ’il quddiem “Kurcums Metal”) u Valsts ieņēmumu dienests (l-amministrazzjoni fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”) dwar il-pagament ta’ dazji antidumping definittivi, ta’ dazji fuq l-importazzjoni u tat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-importazzjoni mir-Russja ta’ kejbils u ta’ vireg tal-morsa.

Il-kuntest ġuridiku

Il-klassifikazzjoni tariffarja

3

L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li fiha jinsabu r-regoli ġenerali, il-Parti A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tesponi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

[…]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt titlu [intestatura] waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(ċ)

meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt t-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[…]”

4

Fit-Tieni Parti tan-NM, intitolata, “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, in-NM issemmi b’mod partikolari l-intestaturi 5607, 7312, 7317 00 u 7326.

5

Fir-rigward tal-intestatura 5607, in-NM tipprovdi:

“5607

Spag, ċwiemi, ħbula u kejbils, mitnijin jew immaljati jew le u mimlijin b’sustanza oħra, miksijin, mgħottijin jew inforrati bil-lastku jew bil-plastiks inkella le:

[…]

 

 

Ta’ polietilene jew polipropilene:

[…]

 

5607 49

Oħrajn:

 

Ikbar minn 50 000 deċiteks (5g/m):

5607 49 11

Mitnijin jew immaljati”

6

Fir-rigward tal-intestatura 7312, in-NM tipprovdi:

“7312

Wajer bis-swiegli, ħbula, kejbils, ċineg immaljati, bragi u bħalhom, ta’ ħadid jew azzar, mhux iżolat għall-elettriku:

7312 10

Wajer bis-swiegli, ħbula u kejbils:

7312 10 20

Ta’ stainless steel

 

Oħrajn, b’qies ta’ wiċċ ta’ qatgħa [trażversali] massimu:

[…]

 

 

Aktar minn 3 mm:

[…]

 

 

Ħbula u kejbils (inklużi ħbula koljaturi maqfulin):

[…]

 

7312 10 98

Oħrajn”

7

Fir-rigward tal-intestatura 7317 00, in-NM tesponi:

“7317 00

Imsiemer, taċċi, pins (drawing pins), imsiemer immewwġin, stejpils [...] u oġġetti simili, tal-ħadid jew tal-azzar, bl-irjus ta’ materjal ieħor jew le, iżda esklużi tali oġġetti b’irjus ta’ ramm:

[…]

 

 

Oħrajn:

[…]

 

7317 00 90

Oħrajn”

8

Fir-rigward tal-intestatura 7326, in-NM tipprovdi:

“7326

Oġġetti oħrajn ta’ ħadid jew azzar:

[…]

 

7326 90

Oħrajn:

[…]

 

 

Oġġetti oħrajn ta’ ħadid jew azzar:

[…]

 

7326 90 98

Oħrajn”

9

Skont il-punt VIII tan-Nota ta’ Spjega tas-Sistema Armonizzata Dinjija għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) dwar ir-Regola Ġenerali 3(b), “[i]l-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jvarja skont it-tip ta’ prodott. Dan jista’ jirriżulta, pereżempju, min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal-komponenti tal-prodott, mill-volum tagħhom, mill-kwalità tagħhom, mill-piż tagħhom, mill-valur tagħhom jew mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fid-dawl tal-użu ta’ dawn il-prodotti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

In-Nota ta’ Spjega tas-SA rigward l-intestatura 7317 tesponi:

“L-intestatura preżenti tkopri:

A)

L-imsiemer, taċċi u artikoli simili ta’ kull tip, miksuba prinċipalment permezz tal-metodi li ġejjin:

[…]

B)

Diversi artikoli speċjali li jgħaqqdu, bħal:

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni antidumping

11

Skont it-termini tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1601/2001:

“Għandha hawnhekk tiġi mposta taxxa definittiva ta’ kontra d-dumping [dazju antidumping definittiv] fuq l-importi ta’ ħbula u kejbils tal-ħadid jew azzar, inklużi l-ħbula kolja [ħbula koljaturi maqfulin], esklużi l-ħbula u kejbils magħmula minn tip ta’ taħlita ta’ azzar li la tissaddad u lanqas tittiekel, b’dimensjoni rappreżentattiva massima [b’qies ta’ wiċċ ta’ qatgħa trażversali massimu] ta’ aktar minn 3 mm, bit-tagħmir mhemeż jew le, li jaqaw fi ħdan Kodiċi CN (NM) [fil-verżjoni tan-NM li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2263/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 264, p. 1),] 7312 10 82, 7312 10 84, 7312 10 86, 7312 10 88 u 7312 10 99, ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija.”

12

Ir-Regolament Nru 1601/2001 kien ġie ppubblikat fil-verżjoni tiegħu bil-Latvjan f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea, Edizzjoni Speċjali bil-Latvjan, Vol. 38, Kapitolu 11, p. 62. F’din il-verżjoni lingwistika, is-subintestatura 7312 10 99 tan-NM ma hijiex imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament.

13

Is-subintestatura 7312 10 99 tan-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 2263/2000, tikkorrispondi għas-subintestatura 7312 10 98 tan-NM, hekk kif tirriżulta mir-Regolament Nru 1549/2006.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Kurcums Metal importat matul is-sena 2007 mir-Russja għal Latvja, bil-għan li tqiegħda f’ċirkulazzjoni libera, merkanzija li kienet ġiet iddikjarata li tikkonsisti f’kejbils skont is-subintestatura 5607 49 11 tan-NM u f’vireg tal-morsa għall-ħbula skont is-subintestatura 7317 00 90 tan-NM.

15

Il-kejbils importati minn Kurcums Metal huma kejbils “Taifun” iffabbrikati fir-Russja permezz ta’ materjal ibridu li ċ-ċentru tiegħu, li madwaru hemm imdawwar ħajt tal-azzar miksi biż-żingu li għandu dijametru sa 1 mm, huwa magħmul mill-polipropilen, b’sitt wajers imdawwra maċ-ċentru, li l-qalba tiegħu hija magħmula mill-polipropilen, iżda imdawwar b’wajer tal-azzar miksi biż-żingu li għandu dijametru sa 1 mm, u sitt vini polistili. Dawn il-kejbils huma iżolati permezz ta’ materjal magħmul mill-polipropilen u jista’ jkollhom dijametru ta’ 10 sa 30 mm. L-għan tagħhom huwa li jservu għall-fabbrikazzjoni ta’ materjali għas-sajd u, b’mod iktar partikolari, ta’ xbieki tat-tkarkir.

16

Il-vireg tal-morsa għall-ħbula importati minn Kurcums Metal huma fil-forma ta’ stejpils li t-trufijiet tagħhom huma tondi u li huma marbuta b’kavilja li tista’ tiġi ssikkata.

17

Waqt ispezzjoni, il-VID ikkunsidrat, abbażi tar-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM, li l-kejbils inkwistjoni kienu jaqgħu taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM peress li, minkejja li kienu kkostitwiti minn diversi materjali, jiġifieri l-azzar u l-polipropilen, il-karatteristiċi essenzjali tagħhom, jiġifieri s-saħħa u l-piż tagħhom, kienu attribwiti lilhom mill-azzar. Il-materjal tessili sintetiku kellu biss ir-rwol li jipproteġi x-xbiek tas-sajd kontra d-degradazzjoni, li jnaqqasilhom iċ-ċans li jitgħarrqu minħabba fl-użu u li jżid ir-reżistenza.

18

Fir-rigward tal-vireg tal-morsa inkwistjoni, dawn jaqgħu, skont il-VID, taħt is-subintestatura 7326 90 98 tan-NM, peress li la kellhom ponot u lanqas xfar u peress li ma kellhomx il-karatteristiċi ta’ “stejpils”.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal-VID tal-25 ta’ Frar 2008, Kurcums Metal kienet imġiegħla tħallas dazji antidumping definittivi, dazji fuq l-importazzjoni u t-taxxa fuq il-valur miżjud, flimkien ma’ interessi moratorji fuq dawn id-dazji u din it-taxxa u multa.

20

Kurcums Metal ippreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, billi sostniet li l-kejbils inkwistjoni kellhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti iżolati għall-elettriċità u bħala ħbula, peress li l-kejbil ibridu “Taifun” kien jintuża għall-fabbrikazzjoni ta’ tagħmir għas-sajd, jiġifieri xbieki tat-tkarkir, u peress li l-materjal sintetiku użat kien jiddefinixxi l-karatteristika essenzjali tal-prodott inkwistjoni. Fir-rigward tal-vireg tal-morsa inkwistjoni, dawn kellhom, skont Kurcums Metal, jiġu kkunsidrati bħala vireg tal-morsa għall-ħbula, peress li s-subintestatura 7317 00 90 tan-NM kienet tipprovdi deskrizzjoni iktar preċiża tal-prodotti kkonċernati.

21

Ir-rikors ippreżentat minn Kurcums Metal ġie miċħud kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell. Fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Diċembru 2010, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti amministrattiva reġjonali) b’mod partikolari ddeċidiet li l-argumenti tal-partijiet fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kejbils inkwistjoni ma kinux suffiċjentement konvinċenti sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-kwalitajiet essenzjali ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, inkonformità mar-Regola Ġenerali 3(ċ) għall-interpretazzjoni tan-NM, dawn il-kejbils kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura tan-NM li tinsab fl-aħħar skont l-ordni numeriku fost dawk l-intestaturi li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod validu, jiġifieri fl-intestatura 7312 tan-NM. Għal dak li jirrigwarda l-vireg tal-morsa inkwistjoni, hija ddeċidiet li dawn ma kellhomx il-karatteristiċi ta’ stejpils u, peress li ebda intestatura oħra tal-Kapitolu 73 tan-NM ma ssemmi dawn l-oġġetti jew oġġetti simili, il-VID kellha raġun li tikklassifikhom fis-subintestatura 7326 90 98 tan-NM.

22

Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressaq appell ta’ kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza, tinnota li s-subintestaturi 5607 49 11 u 7312 10 98 tan-NM isemmu, it-tnejn li huma, uħud mill-komponenti li minnhom huma kkostitwiti l-kejbils inkwistjoni, u minħabba f’hekk, skont ir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM, għandu jiġi stabbilit liema huwa l-materjal li jiddetermina l-kwalitajiet essenzjali tal-prodott ikkonċernat. Skont il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx ċar biżżejjed liema huma l-kwalitajiet essenzjali ta’ kejbil għall-irbit u lanqas kif l-imsemmija kwalitajiet għandhom jiġu stabbiliti. Fil-fatt, il-VID ipproċediet għal evalwazzjoni tal-importanza tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-kejbils inkwistjoni u tqis li huwa l-ħajt tal-azzar li jiddetermina s-saħħa tagħhom, bħala karatteristika essenzjali, filwaqt li, għal Kurcams Metal, huwa l-polipropilen li jagħtihom din is-saħħa.

23

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodott ikkonċernat huwa intiż għas-sajd, u iktar preċiżament sabiex jitqabbdu miegħu x-xbieki, u għaldaqstant sabiex il-ħut jinħareġ barra mill-ilma, dan jindika li l-kejbil huwa ħabel u, qabel kollox, jekk wieħed jitlaq mid-deskrizzjoni tal-intestatura tan-NM, il-kejbil ikkonċernat jista’ jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi 5607 49 11 tan-NM.

24

Kunsiderazzjoni supplimentari li, skont il-qorti tar-rinviju, tqajjem dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk kejbil ibridu jistax jiġi kkunsidrat bħala kejbil tal-azzar huwa l-fatt li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1601/2001 jissottometti għad-dazji antidumping il-kejbils tal-azzar li l-qies ta’ wiċċ ta’ qatgħa trażversali massimu tagħhom ikun ta’ iktar minn 3 mm. Fil-każ inkwistjoni, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-ħajt tal-azzar użat f’ kejbil ibridu, li l-qies ta’ wiċċ ta’ qatgħa trażversali massimu tiegħu ma jaqbiżx il-1 mm, anki jekk il-kejbil sħiħ jista’ jkollu dijametru ta’ 10 sa 30 mm, ma jkun hemm ebda dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li l-kejbils ibridi jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM, bħal fil-każ inkwistjoni, jikkostitwixxix jew le miżura sproporzjonata ta’ protezzjoni tas-suq intern.

25

Fir-rigward tal-vireg tal-morsa inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-applikazzjoni tas-subintestatura 7326 90 98 tan-NM għal dawn il-prodotti, li huma vireg tal-morsa f’forma ta’ U li t-trufijiet tagħhom huma tondi, li huma marbuta b’kavilji u li jservu sabiex jintrabtu ħbula, ma hijiex ġustifikata peress li d-deskrizzjoni tas-subintestatura 7317 00 90 tan-NM hija suffiċjentement konkreta sabiex il-prodotti kkonċernati jiġu kklassifikati f’din is-subintestatura. Il-fatt li dawn ma għandhomx il-forma tipika ta’ stejpil, li t-trufijiet tagħhom huma tondi u mhux għall-ponta u li huma marbuta b’kavilja ssikkata ma huwiex determinanti peress li dawn il-vireg jaqdu l-funzjonijiet essenzjali kollha ta’ “stejpil” u peress li għandhom il-funzjoni li jagħqdu żewġ elementi jew iktar.

26

Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni għall-kawża quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Kejbils komposti mill-poliprilen [polipropilen] u minn ħajt tal-azzar bħal fil-każ inkwistjoni jaqgħu a priori taħt is-subintestatura 5607 49 11 [NM]?

2)

Huwa neċessarju li tiġi applikata r-Regola [Ġenerali] 3(b) [...] għall-interpretazzjoni tan-[NM] sabiex jiġu kklassifikati kejbils bħal dawk deskritti fil-każ inkwistjoni?

3)

Jekk kejbils ibridi, li huma komposti minn poliprilen [polipropilen] u minn ħajt tal-azzar, u li l-ikbar daqs tal-qata’ minn nofs [qatgħa trażversali tagħhom] taqbeż it-3 mm – bħal fil-każ inkwistjoni – ikunu jaqgħu xorta taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-[NM], tali kejbils huma wkoll inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 1601/2001]?

4)

Il-vireg tal-morsa f’forma ta’ U li t-tarf tagħhom huwa tond u li huma marbuta b’kavilji jaqgħu taħt is-subintestatura 7317 00 90 tan-[NM]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 5607 49 11 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula kemm mill-polipropilen kif ukoll mill-ħajt tal-azzar miksi biż-żingu, jaqgħux, bħala tali, taħt din is-subintestatura.

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa iktar li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tal-implementazzjoni tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, milli li tikklassifikhom hija stess, u dan iktar u iktar peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex neċessarjament l-elementi indispensabbli kollha għal dan il-għan. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, jidher li l-qorti nazzjonali tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex twettaq din il-klassifikazzjoni. Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Lecson Elektromobile, C-12/10, Ġabra p. I-14173, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċisiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, hekk kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza Lecson Elektromobile, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

In-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni Ewropea u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madanakollu, ma huma legalment vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2011, Delphi Deutschland, C-423/10, Ġabra p. I-4003, punt 24).

31

Fir-rigward tas-subintestaturi tan-NM inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-subintestaturi 5607 49 11 u 7312 10 98 , hemm lok li jiġi nnotat, minn naħa, li din l-ewwel subintestatura tapplika, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-intestatura 5607 tan-NM u tas-subdiviżjonijiet rilevanti tagħha, għal spag, ċwiemi, ħbula u l-kejbils, jekk immaljati u kemm jekk le, tal-polietilene jew tal-polipropilen.

32

Min-naħa l-oħra, is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM tapplika, skont il-formulazzjoni tal-intestatura 7312 tan-NM u tas-subdiviżjonijiet rilevanti tagħha, għall-ħbula u l-kejbils, inklużi l-ħbula koljaturi maqfulin, tal-ħadid jew azzar, bl-eċċezzjoni tal-azzar li ma jissaddadx, li l-qies ta’ wiċċ ta’ qatgħa trażversali massimu tagħhom jaqbeż it-3 mm.

33

Issa, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li, bħala tali, kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali la jaqgħu taħt is-subintestatura 5607 49 11 tan-NM u lanqas taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-deskrizzjoni ta’ dawn il-kejbils fid-deċiżjoni tar-rinviju u msemmija fil-punt 15 tas-sentenza preżenti, dawn huma magħmula kemm mill-polipropilen kif ukoll mill-ħajt tal-azzar miksi biż-żingu, fejn dawn iż-żewġ materjali huma mħallta b’tali mod li flimkien jikkostitwixxu l-kejbils inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-istess kejbils la huma, bħala tali, ċwiemi, ħbula jew kejbils tal-polipropilen u lanqas ma huma kejbils tal-azzar.

34

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li s-subintestatura 5607 49 11 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula kemm mill-polipropilen kif ukoll mill-ħajt tal-azzar miksi biż-żingu, ma jaqgħux, bħala tali, taħt din is-subintestatura.

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha ssir skont din ir-regola.

36

Preliminarjament, huwa xieraq li jiġi nnotat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Kurcums Metal, ir-Regola Ġenerali 3(a) għall-interpretazzjoni tan-NM ma tapplikax għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kwistjoni prinċipali. Fil-fatt, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni t-tieni sentenza ta’ din ir-regola ġenerali u jekk wieħed iqis il-motivi msemmija fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, l-ebda waħda miż-żewġ subintestaturi tan-NM inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija l-iktar waħda speċifika fis-sens tal-imsemmija regola ġenerali.

37

Fir-rigward tar-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM, hemm lok li jitfakkar li, skont din ir-regola, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, jeħtieġ li jiġi stabbilit, minn fost il-materjali li dan il-prodott ikun magħmul minnhom, liema huwa l-materjal li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu, u dan jista’ jsir billi jiġi eżaminat jekk il-prodott, meta jiġi mċaħħad minn xi wieħed jew ieħor mill-komponenti tiegħu, iżommx jew le il-proprjetajiet li jikkaratterizzawh (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2005, Turbon International, C-250/05, Ġabra p. I-10531, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2009, Kloosterboer Services, C-173/08, Ġabra p. I-5347, punt 31).

38

Bl-istess mod, kif jindika l-punt VIII tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar ir-Regola Ġenerali 3(b), il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodott, jirriżulta, pereżempju, min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal-komponenti tal-prodott, mill-volum tagħhom, mill-kwalità tagħhom, mill-piż tagħhom, mill-valur tagħhom jew mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fid-dawl tal-użu ta’ dawn il-prodotti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Turbon International, punt 22, u Kloosterboer Services, punt 32).

39

Issa, mill-inkartament sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, fir-rigward ta’ kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa l-polipropilen jew il-ħajt tal-azzar miksi biż-żingu li jagħtu lil dawn il-kejbils in-natura essenzjali tiegħu. B’mod partikolari, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju fejn tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali kollha ppreżentati quddiemha, ma jidhirx li, fin-nuqqas ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn il-materjali, dawn l-istess kejbils ser iżommu l-proprjetajiet li jikkaratterizzawhom bħala kejbils intiżi sabiex iservu għall-fabbrikazzjoni ta’ tagħmir għas-sajd u, b’mod iktar partikolari, ta’ xbieki tat-tkarkir.

40

Jekk l-ebda wieħed miż-żewġ materjali li minnhom ikunu magħmula l-kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jagħti, waħdu, lil dawn il-kejbils in-natura essenzjali tagħhom, hemm lok li, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja tal-imsemmija kejbils, tiġi applikata r-Regola Ġenerali 3(ċ) għall-interpretazzjoni tan-NM kif isostnu ġustament il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni, u mhux ir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM. Skont l-imsemmija Regola Ġenerali 3(ċ), dawn l-istess kejbils għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura tan-NM li tinsab fl-aħħar skont l-ordni numeriku fost dawk l-intestaturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod validu, li jidher li hija, fil-kawża prinċipali, is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM.

41

Fl-aħħar nett, hemm lok li jingħad ukoll li l-klassifikazzjoni tariffarja tal-kejbils inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha ssir mingħajr ma l-effett ta’ din il-klassifikazzjoni jkun rilevanti fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1601/2001 għal dawn il-kejbils. Fil-fatt, mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li hija l-applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament li tiddependi mill-imsemmija klassifikazzjoni, u mhux bil-kontra.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula hija li r-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex issir skont din ir-regola, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, fejn tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali kollha ppreżentati quddiemha, li l-ebda wieħed miż-żewġ materjali li minnhom huma magħmula dawn il-kejbils ma jagħti, waħdu, lil dawn il-kejbils in-natura essenzjali tagħhom.

Fuq it-tielet domanda

43

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1601/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li jaqgħu taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM, huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

44

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1601/2001 il-“ħbula u kejbils tal-ħadid jew azzar, inklużi l-ħbula kolja [ħbula koljaturi maqfulin], esklużi l-ħbula u kejbils magħmula minn tip ta’ taħlita ta’ azzar li la tissaddad u lanqas tittiekel, b’dimensjoni rappreżentattiva massima [b’qies ta’ wiċċ ta’ qatgħa trażversali massimu] ta’ aktar minn 3 mm, bit-tagħmir mhemeż jew le” li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt is-subintestatura 7312 10 99 tan-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 2263/2000, liema subintestatura kienet tikkorrispondi għas-subintestatura 7312 10 98 tan-NM fil-mument tal-importazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45

Minn dan isegwi li, jekk kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM, dawn ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1601/2001.

46

Madankollu, Kurcums Metal issostni li, fil-verżjoni tiegħu ppubblikat bil-Latvjan, ir-Regolament Nru 1601/2001 ma jipprovdix għall-applikazzjoni tad-dazji antidumping għal prodott li, fl-2007, kien jaqa’ taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM. Filwaqt li tagħmel riferiment għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux (C-161/06, Ġabra p. I-10841, punt 51), hija ssostni li l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33) jipprekludi li l-obbligi inklużi f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwa ta’ Stat Membru ġdid, meta din tkun lingwa uffiċjali tal-Unjoni, jistgħu jiġu imposti fuq individwi ta’ dan l-Istat, anki jekk dawn il-persuni setgħu jsiru jafu b’din il-leġiżlazzjoni permezz ta’ mezzi oħra.

47

Madankollu, il-problema li tirreferi għaliha Kurcums Metal ma hijiex dik ta’ nuqqas ta’ pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1601/2001 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li kien ġie effettivament ippubblikat anki bil-Latvjan, imma dik ta’ diskrepanza bejn il-verżjoni Latvjana tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament u l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din l-istess dispożizzjoni li, għall-kuntrarju tal-verżjoni Latvjana, kollha jsemmu s-subintestatura 7312 10 99 tan-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 2263/2000.

48

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma jista’ jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Approċċ bħal dan fil-fatt ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-41/09, Ġabra p. I-831, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Issa, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1601/2001 ma jelenkax biss uħud mis-subintestaturi tan-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 2263/2000, iżda jinkludi wkoll id-deskrizzjoni tal-prodott inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Hekk kif jirriżulta mill-punti 32 u 44 tas-sentenza preżenti, dan il-prodott huwa l-istess bħall-kejbil li għalih tapplika, b’mod partikolari, is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM.

50

F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1601/2001, is-sempliċi ommissjoni ta’ riferiment, fil-verżjoni Latvjana tal-imsemmija dispożizzjoni, għas-subintestatura 7312 10 99 tan-NM fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 2263/2000, ommissjoni li hija żball manifest tal-abbozzar, ma tippermettix li din l-istess dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-importazzjoni mir-Russja għal Latvja ta’ kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li jaqgħu taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda magħmula hija li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1601/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li jaqgħu taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-NM, huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq ir-raba’ domanda

52

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 7317 00 90 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li vireg tal-morsa f’forma ta’ U li t-tarf tagħhom huwa tond u li huma marbuta b’kavilji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt din is-subintestatura.

53

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li s-subintestatura 7317 00 90 tan-NM tapplika, skont il-formulazzjoni tal-intestatura 7317 00 tan-NM, għall-imsiemer, taċċi, pins (drawing pins), imsiemer immewġin, stejpils u oġġetti simili, tal-ħadid jew tal-azzar.

54

Issa, kif ġustament josservaw il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni, tali prodotti għandhom truf li ġejjin għall-ponta, hekk kif tikkonferma n-Nota ta’ Spjega tal-SA rigward l-intestatura 7317, li, filwaqt li tirreferi għall-imsiemer, taċċi u oġġetti simili ta’ kull tip kif ukoll għad-diversi artikoli speċjali li jgħaqqdu, telenka l-prodotti li huma kkaratterizzati minn truf għall-ponta. Dan ma huwiex il-każ tal-vireg tal-morsa f’forma ta’ U li t-tarf tagħhom huwa tond u li huma marbuta b’kavilji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

55

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li s-subintestatura 7317 00 90 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-vireg tal-morsa f’forma ta’ U li t-tarf tagħhom huwa tond u li huma marbuta b’kavilji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt din is-subintestatura.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-subintestatura 5607 49 11 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula kemm mill-polipropilen kif ukoll mill-ħajt tal-azzar miksi biż-żingu, ma jaqgħux, bħala tali, taħt din is-subintestatura.

 

2)

Ir-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendata bir-Regolament Nru 1549/2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex issir skont din ir-regola, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, fejn tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali kollha ppreżentati quddiemha, li l-ebda wieħed miż-żewġ materjali li minnhom huma magħmula dawn il-kejbils ma jagħti, waħdu, lil dawn il-kejbils in-natura essenzjali tagħhom.

 

3)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kusnill (KE) Nru 1601/2001, tat-2 ta’ Awwissu 2001, [dwar] l-imposizzjoni ta’ taxxa definitiva kontra d-dumping u l-ġbir definittiv tat-taxxa proviżorja kontra d-dumping imposta fuq l-importazzjoni ta’ ċertu ħbula u kejbils tal-ħadid jew azzar ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li kejbils bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jitqies li jaqgħu taħt is-subintestatura 7312 10 98 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendata bir-Regolament Nru 1549/2006, huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 

4)

Is-subintestatura 7317 00 90 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendata bir-Regolament Nru 1549/2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-vireg tal-morsa f’forma ta’ U li t-tarf tagħhom huwa tond u li huma marbuta b’kavilji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt din is-subintestatura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.