SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“Politika Agrikola Komuni — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Artikolu 7(1) u (2) — Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa — Tnaqqis supplimentari tal-ammonti ta’ pagamenti diretti — Validità — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C-545/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt (Oder) (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

Agrargenossenschaft Neuzelle eG

vs

Landrat des Landkreises Oder-Spree,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Agrargenossenschaft Neuzelle eG, minn U. Karpenstein u C. Johann, avukati,

għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Sitbon u Z. Kupčová, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Rossi u B. Schima, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Agrargenossenschaft Neuzelle eG (iktar ’il quddiem “Agrargenossenschaft Neuzelle”) u Landrat des Landkreises Oder-Spree (iktar ’il quddiem il-“Landrat”) dwar it-tnaqqis, minħabba l-modulazzjoni, ta’ pagamenti diretti li ġew allokati lilha għas-sena 2009.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

3

Il-premessi 5, 21 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1009/2008, tad-9 ta’ Ottubru 2008 (ĠU L 276, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1782/2003”), huma fformulati kif ġej:

“(5)

Biex jiġi milħuq bilanċ aħjar bejn għodod tal-politika ntenzjonati biex jippromovu agrikoltura sostenibbli u dawk intenzjonati biex jippromovu żvilupp rurali, għandha tiġi ntrodotta sistema ta’ riduzzjoni progressiva tal-pagamenti diretti fuq bażi Komunitarja obbligatorja għas-snin 2005 sal-2012. Il-pagamenti diretti kollha, ’il fuq minn ċerti ammonti, għandhom ikunu mnaqqsa b’ċertu persentaġġ kull sena. L-iffrankar li jkun sar għandu jkun użat biex jiffinanzja miżuri taħt l-iżvilupp rurali u għandu jkun allokat bejn l-Istati Membri skond kriterji oġġettivi li jridu jiġu definiti. Madankollu, hu xieraq li jkun stabbilit li ċertu persentaġġ mill-ammonti għandu jibqa’ fl-Istati Membri fejn ġew ġenerati. Sa l-2005, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw il-modulazzjoni kurrenti fuq bażi mhux obbligatorja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett skond il-politika komuni agrikola [...]

[...]

(21)

L-iskemi ta’ appoġġ taħt il-politika agrikola komuni jipprovdu għal appoġġ permezz ta’ dħul dirett b’mod partikolari bil-għan li jiġi żgurat livell ta’ għajxien imparzjali għall-Komunità agrikola. Dan l-għan hu relatat mill-qrib mal-manteniment taż-żoni rurali. Biex tkun evitata l-misallokazzjoni tal-fondi tal-Komunità, l-ebda pagamenti m’għandhom isiru lill-bdiewa li artifiċjalment ħolqu l-kondizzjonijiet mitluba biex jinkisbu tali pagamenti.

(22)

Skemi komuni ta’ appoġġ għandhom jiġu adattati skond l-iżviluppi, jekk hu neċessarju fi żmien perjodi qosra. Il-benefiċjarji għalhekk, ma jistgħux iserħu fuq il-fatt li l-kondizzjonijiet għall-għajnuna mhux ser jiġu mibdula u għandhom ikunu ppreparati għar-reviżjoni possibli ta’ l-iskemi fid-dawl ta’ l-iżviluppi tas-suq.”

4

L-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Modulazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-ammonti kollha ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw lill-bidwi f’sena kalendarja partikolari fi Stat Membru partikolari għandhom jiġu mnaqqsa għal kull sena sa l-2012 bil-persentaġġi li ġejjin:

[...]

2009: 5 %,

2010: 5 %,

2011: 5 %,

2012: 5 %

2.   L-ammonti riżultanti mill-applikazzjoni tat-tnaqqis ipprovdut fil-paragrafu 1, wara li jkunu mnaqqsa l-ammonti totali msemmija fl-Anness II, għandhom ikunu disponibbli bħala appoġġ Komunitarju addizzjonali għall-miżuri taħt programmi ta’ żvilupp rurali iffinanzjati mit-taqsima ‘Garanti’ tal-FAEGG [Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija] skond ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999.”

5

L-Artikolu 30 tal-istess regolament, intitolat “Reviżjoni”, jipprovdi:

“L-iskemi ta’ appoġġ imniżżla fl-Anness 1 għandhom jiġu applikati mingħajr preġudizzju għall-possibilità ta’ reviżjoni f’kull mument fid-dawl ta’ l-iżviluppi tas-suq u s-sitwazzjoni tal-‘budget’.”

6

F’dan ir-rigward, l-Anness I tal-imsemmi regolament jinkludi l-“[l]ista ta’ skemi ta’ appogg li jissodisfaw il-kriterji mnizzla fl-Artikolu 1”

Ir-Regolament Nru 73/2009

7

Ir-Regolament Nru 73/2009, li skont l-Artikolu 149 tiegħu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009, ħassar ir-Regolament Nru 1782/2003 skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 146 tiegħu u stabbilixxa sistema ġdida ta’ modulazzjoni obbligatorja.

8

F’dan ir-rigward, il-premessi 8 sa 11 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(8)

Biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn l-għodod ta’ politika mfassla biex jippromovu l-agrikoltura sostenibbli u dawk intenzjonati biex jippromovu l-iżvilupp rurali, ġiet introdotta sistema ta’ tnaqqis progressiv fil-pagamenti diretti (‘il-modulazzjoni’) permezz tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Dik is-sistema għandha tinżamm u għandha tinkludi l-eżenzjoni ta’ pagamenti diretti sa [EUR] 5000.

(9)

L-iffrankar permezz tal-modulazzjoni jintuża għall-finanzjament ta’ miżuri taħt il-politika għall-iżvilupp rurali. Sa mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, is-settur agrikolu kellu jiffaċċja għadd ta’ sfidi ġodda u impenjattivi bħat-tibdil fil-klima u l-importanza dejjem tikber tal-bijoenerġija, kif ukoll il-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tal-ilma u protezzjoni aktar effettiva tal-bijodiversità. Il-Komunità, bħala parti kontraenti għall-Protokoll ta’ Kjoto [...], ġiet mitluba tadatta l-linji politiċi tagħha fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, wara problemi serji relatati ma’ skarsezza tal-ilma u nixfa, il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu ‘Skarsezza tal-Ilma u Nixfa’ tat- 30 ta’ Ottubru 2007, kkunsidra li l-kwistjonijiet tal-ġestjoni tal-ilma fl-agrikoltura għandhom jiġu indirizzati iżjed. Flimkien ma’ dan, il-Kunsill enfasizza fil-Konklużjonijiet tiegħu ‘Il-Waqfien tat-Telf tal-Bijodiversità’ tat- 18 ta’ Diċembru 2006 li l-protezzjoni tal-bijodiversità tibqa’ sfida kbira u filwaqt li sar progress importanti, il-ksib tal-mira tal-Komunità dwar il-bijodiversità għall-2010 ser jirrikjedi sforzi addizzjonali. Barra minn hekk, peress li l-innovazzjoni tista’ tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji, prodotti u proċessi ġodda, din ser issaħħaħ l-isforzi biex jiġu affrontanti dawn l-isfidi ġodda. L-iskadenza tar-reġim tal-kwota tal-ħalib fl-2015 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli [...] ser titlob sforzi speċifiċi min-naħa ta’ bdiewa sabiex jadattaw għal kondizzjonijiet li qed jinbidlu, b’mod partikolari f’reġjuni żvantaġġati. Huwa għalhekk xieraq li din is-sitwazzjoni partikolari għandha tkun ddefinita wkoll bħala sfida ġdida li l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jindirizzaw bil-ħsieb li jiżguraw ‘soft-landing’ tas-setturi tagħhom tal-prodotti tal-ħalib.

(10)

Il-Komunità tirrikonoxxi l-ħtieġa li dawn l-isfidi ġodda jiġu ttrattati fil-qafas tal-politiki tagħha. Fil-qasam tal-agrikoltura, programmi għall-iżvilupp rurali adottati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [...] huma għodda xierqa biex jindirizzawhom. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrevedu l-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom skont dan mingħajr ma jiġu mitluba jnaqqsu l-attivitajiet tal-iżvilupp rurali ta’ bħalissa f’oqsma oħra, jeħtieġ li jkun disponibbli ta’ finanzjament addizzjonali. Madankollu l-perspettiva finanzjarja għall-perijodu 2007 sal-2013 ma tipprevedix il-mezzi finanzjarji għar-rinfurzar tal-politika Komunitarja għall-iżvilupp rurali kif meħtieġ. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa xieraq li parti kbira tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa tiġi mobilizzata għal żieda gradwali fit-tnaqqis tal-pagamenti diretti permezz tal-modulazzjoni.

(11)

Id-distribuzzjoni ta’ appoġġ dirett ta’ dħul fost il-bdiewa huwa kkaratterizzat bl-allokazzjoni ta’ kwantità ta’ pagamenti lil għadd pjuttost żgħir ta’ benefiċjarji kbar. Huwa ċar li l-benefiċjarji kbar ma jirrikjedux l-istess livell ta’ appoġġ unitarju sabiex jinkiseb b’effiċjenza l-għan ta’ appoġġ għad-dħul. Minbarra dan, il-potenzjal għal adattament jagħmilha aktar faċli għall-benefiċjarji kbar biex joperaw livelli aktar baxxi ta’ appoġġ unitarju. Għaldaqstant tkun ħaġa ġusta li wieħed jistenna li l-bdiewa b’ammonti kbar ta’ appoġġ jagħtu kontribut speċjali għall-finanzjament ta’ miżuri għall-iżvilupp rurali li jindirizzaw sfidi ġodda. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jipprovdi għat-tnaqqis imsaħħaħ fil-pagamenti akbar, li d-dħul minnhom għandu jintuża biex jiġu indirizzati l-isfidi ġodda fil-qafas tal-iżvilupp rurali.”

9

Fl-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 73/2009 jistabbilixxi b’mod partikolari “regoli komuni dwar pagamenti diretti”.

10

L-Artikolu 2 tal-istess regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

a)

‘bidwi’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, hu x’inhu l-istatus legali mogħti lil dan il-grupp u lill-membri tiegħu mil-liġi nazzjonali, li l-azjenda tiegħu tinsab f’territorju Komunitarju, kif definit fl-Artikolu [299 KE], u li jeżerċita attività agrikola;

[...]

d)

‘pagament dirett’ tfisser pagament mogħti direttament lil bdiewa taħt skema ta’ appoġġ ta’ dħul imniżżla fl-Anness I;

[...]

h)

‘erja agrikola’ tfisser l-erja totali kollha użata bħala art għall-kultivazzjoni, mergħa permanenti jew uċuħ permanenti.”

11

L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmi regolament, intitolat “Modulazzjoni” jipprovdi:

“1.   Kwalunkwe ammont ta’ pagamenti diretti li ser jingħata lil bidwi f’sena kalendarja partikolari li jaqbeż l-[EUR] 5000 għandu jiġi mnaqqas għal kull sena sal-2012 bil-perċentwali li ġejjin:

a)

fl-2009: b’7 %,

b)

fl-2010: bi 8 %,

c)

fl-2011: b’9 %,

d)

fl-2012: b’10 %.

2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1i għandu jiżdied b’4 punti perċentwali għal ammonti ’il fuq minn [EUR] 300000.”

12

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Ammonti li jirriżultaw mill-modulazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“L-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tnaqqis previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, fi kwalunkwe Stat Membru minbarra fl-Istati Membri l-ġodda, għandhom ikunu disponibbli bħala appoġġ Komunitarju addizzjonali għal miżuri tal-ipprogrammar ta’ żvilupp rurali ffinanzjat taħt il-FAEŻR kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Agrargenossenschaft Neuzelle, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minnha stess, hija kooperattiva agrikola rreġistrata taħt id-dritt Ġermaniż, attiva fl-oqsma tal-agrikoltura u tat-trobbija. Hija għandha 119-il membru u timpjega 123 impjegat.

14

Wara talba ppreżentata minn din il-kooperattiva fit-12 ta’ Mejju 2009, b’deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2009, il-Landrat akkordalha s-somma ta’ EUR 1 461 037,51 abbażi ta’ skema ta’ pagament uniku għas-sena 2009, fil-kwalità tagħha ta’ bidwi fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 73/2009. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Landrat, fid-dawl tal-erja meħuda inkunsiderazzjoni u tal-valur medju tad-drittijiet għall-pagament kif previst fl-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess regolament, naqqas is-somma ta’ EUR 166 701.26 mis-somma li kienet ġiet iffissata proviżorjament għal EUR 1 627 738.77.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2010, il-Landrat ċaħad l-ilment imressaq mill-Agrargenossenschaft Neuzelle fil-konfront tal-imsemmija deċiżjoni li tnaqqas id-drittijiet tagħha, dan l-ilment kien indirizzat biss skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 73/2009.

16

Fit-22 ta’ Marzu 2010, l-Agrargenossenschaft Neuzelle ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt (Oder), fejn talbet il-ħlas ta’ ammont supplimentari ta’ EUR 85 564.33 abbażi tal-iskema ta’ pagament uniku għas-sena 2009.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni fil-kawża prinċipali tiddependi, fl-ewwel lok, mir-risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn jipprovdi, għas-snin 2009 sa 2012, perċentwali ta’ tnaqqis ta’ pagamenti diretti ogħla minn dawk li kienu ġew previsti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1782/2003.

18

Fit-tieni lok, din is-soluzzjoni tiddependi fuq il-validità tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009 fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni espost fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE, li jgħid li, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli għandha teskludi kull diskriminazzjoni bejn produtturi jew konsumaturi tal-Unjoni Ewropea.

19

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jista’ joħloq differenza mhux iġġustifikata fit-trattament bejn il-bdiewa li jaħdmu erja agrikola kunsiderevoli u dawk li jaħdmu erja żgħira. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tippenalizza lill-bdiewa li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’kooperazzjoni ma bdiewa oħra, kif inhuwa l-każ fi ħdan kooperattivi agrikoli rregolati bid-dritt Ġermaniż, li jikkostitwixxu “grupp” skont l-Artikolu 2(a) tal-istess regolament, meta mqabbla ma bdiewa li jorganizzaw ruħhom mingħajr ma jirrikorru għal strutturi korporattivi, abbażi ta’ ftehim ta’ portata iżgħar, filwaqt li fl-istess ħin jibbenefikaw minn sinerġiji paragunabbli fuq livell ekonomiku. Fil-fatt, dawn il-kooperattivi jilħqu b’iktar faċilità l-ammont ta’ pagamenti diretti previsti fl-imsemmi Artikolu 7(2), ammont li meta jintlaħaq jagħti lok għal żieda fil-perċentwali tat-tnaqqis.

20

Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien eżenta lill-groupements agricoles d’exploitation en commun Franċiżi (iktar ’il quddiem il-“GAEC”) mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009. F’dan ir-rigward, kif tirrileva l-Agrargenossenschaft Neuzelle fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, matul l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, ġiet inkluża fil-minuti tal-Kunsill “[d]ikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-modulazzjoni u ta’ dixxiplina finanzjarja għall-[GAEC] (Artikolu 12 ‘Ammont supplementari ta’ għajnuna’ tar-Regolament [...] Nru 1782/2003”) (dokument tal-Kunsill Nru 5263/09 ADD 1, tal-15 ta’ Jannar 2009), li jaqra kif ġej:

“Il-Kummissjoni tfakkar il-prinċipji li fuqhom hija bbażata d-dikjarazzjoni li hija għamlet matul l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li kull impriża agrikola li tifforma parti minn GAEC [...] kif inhu stabbilit mill-kodiċi rurali Franċiż, hija kkunsidrata, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ dixxiplina finanzjarja, bħala bidwi individwali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ammont supplementari ta’ għajnuna previst f’każ ta’ modulazzjoni u wkoll ta’ negozji konċessjonarji.”

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Frankfurt (Oder) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament [...] Nru 73/2009 [...] huwa validu sa fejn jipprevedi, għas-snin 2009 sa 2012, tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti diretti f’perċentwali ogħla minn 5 %?

2)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament [...] Nru 73/2009 [...] huwa validu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn, għas-snin 2009 sa 2012, jipprovdi tnaqqis supplimentari tal-pagamenti diretti meta mqabbel mal-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1782/2003.

23

Primarjament, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, Ġabra p. 1095, punt 48; tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, C-369/09 P, Ġabra p. I-2011, punt 122, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C-335/09 P, punt 180).

24

Id-dritt li persuna tinvoka dawn il-prinċipji jestendi għal kull individwu li fih istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, Ġabra p. I-1155, punt 44; ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123, kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C-426/10 P, Ġabra, p. I-8849, punt 56).

25

Irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata, koerenti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi garanzija li tista’ toħloq tali tamiet. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilu mill-amministrazzjoni (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C-221/09, Ġabra p. I-1655, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan ma jistax jinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta din il-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, punt 44, kif ukoll AJD Tuna, punt 73).

27

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprovdi li, abbażi tal-modulazzjoni, l-ammonti ta’ pagamenti diretti li għandhom jingħataw għal sena kalendarja partikolari lil bidwi fi Stat Membru partikolari għandhom jitnaqqsu kull sena b’5% f’dak li jikkonċerna s-snin 2009 sa 2012.

28

Kif kien jindika l-Artikolu 10(2), l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis kellhom jiġu ddedikati, abbażi ta’ għajnuna komunitarja supplimentari, għal miżuri li jaqgħu taħt il-programm għall-iżvilupp rurali.

29

Issa, skont ir-Regolament Nru 73/2009, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1782/2003, l-ammonti tal-pagamenti diretti ogħla minn EUR 5000 li għandhom jingħataw lil bidwi għal sena kalendarja partikolari raw tnaqqis supplimentari meta mqabbla mal-perċentwali previsti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1782/2003. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009, l-ammonti kellhom issa jitnaqqsu b’7 % għas-sena 2009, bi 8 % għas-sena 2010, b’9 % għas-sena 2011 u b’10 % għas-sena 2012.

30

Għalkemm l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kien jinkludi perċentwali ta’ tnaqqis ta’ pagamenti diretti għas-snin 2009 sa 2012 inqas għoljin minn dawk previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009, madankollu l-bdiewa tal-Unjoni ma jistgħux jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

31

Fil-fatt, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprovdi li l-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament kienu “applikati mingħajr preġudizzju għall-possibilità ta’ reviżjoni f’kull mument fid-dawl ta’ l-iżviluppi tas-suq u s-sitwazzjoni tal-‘budget’”.

32

Bl-istess mod, il-premessa 22 tal-imsemmi regolament kienet tipprovdi li: “[s]kemi komuni ta’ appoġġ għandhom jiġu adattati skond l-iżviluppi, jekk hu neċessarju fi żmien perjodi qosra”, u li “[i]l-benefiċjarji għalhekk, ma jistgħux iserħu fuq il-fatt li l-kondizzjonijiet għall-għajnuna mhux ser jiġu mibdula u għandhom ikunu ppreparati għar-reviżjoni possibli ta’ l-iskemi fid-dawl ta’ l-iżviluppi tas-suq.”

33

Għalhekk, operatur ekonomiku prudenti u avżat kien f’pożizzjoni li jipprevedi li l-pagamenti diretti abbażi tal-iskemi ta’ appoġġ tad-dħul setgħu jitnaqqsu wara reviżjoni, fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq u tas-sitwazzjoni tal-baġit.

34

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 73/2009 stabbilixxa tnaqqis supplimentari tal-pagamenti diretti għar-raġunijiet esposti fil-premessi 9 u 10 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari minħabba l-fatt li, skont din l-aħħar premessa, “[il]-perspettiva finanzjarja għall-perijodu 2007 sal-2013 ma tipprevedix il-mezzi finanzjarji għar-rinfurzar tal-politika Komunitarja għall-iżvilupp rurali” u li, “[f]’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa xieraq li parti kbira tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa tiġi mobilizzata għal żieda gradwali fit-tnaqqis tal-pagamenti diretti permezz tal-modulazzjoni.”

35

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1782/2003. Din il-qorti tfakkar li l-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett fil-kuntest tal-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi skemi ta’ appoġġ għall-produtturi ta’ ċerti prodotti, ippreżentati mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Jannar 2003 [COM(2003) 23 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament”], kienet tinkludi Artikolu 10(2), li abbażi tiegħu il-perċentwali indikati fl-Artikolu 10(1) setgħu “jinbidlu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 82(2)”.

36

Madankollu, minn dan l-Artikolu 82(2) tal-proposta għal regolament jirriżulta li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni sabiex jiġu emendati l-perċentwali ta’ tnaqqis tal-ammonti ta’ pagamenti diretti kienu ngħataw lill-Kummissjoni.

37

Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, in-nuqqas ta’ riproduzzjoni tal-Artikolu 10(2) tal-proposta għal regolament fir-Regolament Nru 1782/2003 jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-Kunsill irriżerva, abbażi tal-Artikolu 30 ta’ dan ir-Regolament, id-dritt li huwa stess jemenda l-imsemmija perċentwali, mingħajr ma ddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li twettaq tali emenda.

38

Konsegwentement, hekk kif ġustament jirrilevaw il-Gvern Elleniku, il-Kunsill u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-bdiewa tal-Unjoni ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma, għas-snin 2009 sal-2012, perċentwali ta’ tnaqqis tal-pagamenti diretti kif iffissati fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1782/2003.

39

Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-istħarriġ tagħha ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009 fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009, li jiddikjara li t-tnaqqis previst fl-Artikolu 7(1) għandu jiżdied b’erba’ punti ta’ perċentwali għall-ammonti ’il fuq minn EUR 300 000, huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fejn l-eżistenza tad-diskriminazzjoni għandha tiġi evalwata skont, minn naħa, id-daqs tal-impriżi agrikoli kkonċernati u, min-naħa l-oħra, tal-forma ġuridika li taħtha hija eżerċitata l-attività agrikola.

41

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u fil-qasam tal-agrikoltura huwa espress fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C-535/03, Ġabra p. I-2689, punt 53, kif ukoll tat-2 ta’ Settembru 2010, Karanikolas et, C-453/08, Ġabra p. I-7895, punt 49).

42

Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C-313/04, Ġabra p. I-6331, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Sa fejn jikkonċerna l-portata tal-istħarriġ tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju, għandu jitfakkar li fil-qasam tal-agrikoltura, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi mogħtija lilu taħt l-Artikoli 40 TFUE sa 43 TFUE. Għaldaqstant, l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat għal verifika ta’ jekk il-miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew b’abbuż ta’ poter u jekk l-awtorità inkwistjoni marritx manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza AJD Tuna, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

44

Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, l-ewwel nett, jekk id-differenza fit-trattament bejn il-bdiewa skont id-daqs tal-erja agrikola maħduma, kif previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009, tistax tkun iġġustifikata b’raġunijiet oġġettivi li ma humiex manifestament mhux xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 128).

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 73/2009, il-Kunsill iġġustifika t-tnaqqis supplimentari previst fl-imsemmi Artikolu 7(2), billi sostna li għall-finijiet tal-għan tal-appoġġ ta’ dħul, il-benefiċjarji l-kbar ma għandhomx bżonn tal-istess livell ta’ appoġġ u li l-potenzjal tagħhom li jadattaw jippermettilhom li jiffunzjonaw b’mod iktar faċli b’livelli ta’ appoġġ imnaqqsa. Skont din l-istituzzjoni, huwa għalhekk ekwu li bdiewa benefiċjarji ta’ somom ta’ appoġġ għoljin jintalbu jagħtu kontribuzzjoni speċjali għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali intiżi sabiex jindirizzaw sfidi ġodda.

46

Fil-kuntest tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, tali kunsiderazzjonijiet ma jidhrux manifestament mhux xierqa. Fil-fatt, il-Kunsill seta’ jikkunsidra li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-benefiċjarji l-kbar, dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dawk tal-bdiewa l-oħra, u dan jippermetti li jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-modulazzjoni tal-pagamenti diretti.

47

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhrilhiex li għandha teżamina fid-dettall l-argumenti tad-deċiżjoni tar-rinviju bbażati, b’mod partikolari, fuq l-ikbar numru ta’ impjegati għal kull ettaru suġġetti għall-assigurazzjoni obbligatorja li huma impjegati regolarment mill-benefiċjarji l-kbar, fuq il-fatt li dawn tal-aħħar normalment jużaw persunal permanenti, kif ukoll fuq il-limiti ta’ ekonomija ta’ skala għall-impriżi agrikoli kbar jew ukoll fuq il-karatterisitiċi speċifiċi tal-istrutturi ta’ impriżi agrikolu fil-Länder tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża. Anki jekk jitqies li dawn l-elementi huma eżatti, dawn huma biss elementi fost oħrajn fl-evalwazzjoni globali li l-Kunsill kellu jagħmel fil-kwalita’ tiegħu ta’ leġiżlatur tal-Unjoni, peress li huwa paċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ta’ dawn l-elementi, għal dawk ta’ dan tal-aħħar.

48

It-tieni nett, fir-rigward tal-forma ġuridika li taħtha hija eżerċitata l-attività agrikola, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kooperattivi agrikoli rregolati bid-dritt Ġermaniża jikkostitwixxu “grupp”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 73/2009, kuntrarjament għal bdiewa li jorganizzaw ruħhom abbażi ta’ ftehim li huma legalment inqas restrittivi. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni eżenta lill-GAEC mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009 ma jagħmilx distinzjoni skont il-forma ġuridika li taħtha hija eżerċitata l-attività agrikola.

50

Fir-rigward tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 73/2009, jirrigwarda kull “grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ikun x’ikun l-istatus legali mogħti lill-grupp u lill-membri tiegħu”. Konsegwentement, ladarba bdiewa jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ tali “grupp”, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala “bidwi” individwali fis-sens tar-Regolament Nru 73/2009.

51

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-GAEC, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma ssemmi tali gruppi rregolati bid-dritt Franċiż. Is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tissemma biss fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mdaħħla fil-minuti tal-Kunsill matul l-adozzjoni tar-Regolament Nru 73/2009, iċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza. F’din id-dikjarazzjoni il-Kummissjoni fakkret li fl-opinjoni tagħha kull impriżi agrikoli li tifforma parti minn GAEC għandha tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ dixxiplina finanzjarja, bħala bidwi individwali b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ammont supplimentari ta’ għajnuna previst f’każ ta’ modulazzjoni.

52

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali dikjarazzjoni ma tistax tintuża għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni sussidjarja meta, bħal f’dan il-każ, il-kontenut tagħha ma ġiex rifless fit-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni u għalhekk ma għandha l-ebda piż legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C-292/89, Ġabra p. I-745, punt 18, u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C-149/11, punt 46).

53

Fid-dawl ta’ dan kollu li jippreċedi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-istħarriġ tagħha ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009 fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-istħarriġ tal-ewwel domanda ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 

2)

L-istħarriġ tat-tieni domanda ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 73/2009 fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.