SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Aċċess għall-fajl — Proċedura ġudizzjarja dwar multi imposti fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Impriżi terzi li jixtiequ jressqu kawża għad-danni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess għall-fajl għall-kunsens tal-partijiet kollha fil-proċedura — Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C-536/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

Bundeswettbewerbsbehörde

vs

Donau Chemie AG,

Donauchem GmbH,

DC Druck-Chemie Süd GmbH & Co KG,

Brenntag Austria Holding GmbH,

Brenntag CEE GmbH,

ASK Chemicals GmbH, li kienet Ashland-Südchemie-Kernfest GmbH,

ASK Chemicals Austria GmbH, li kienet Ashland Südchemie Hantos GmbH,

fil-preżenza ta’:

Bundeskartellanwalt,

Verband Druck & Medientechnik,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, M. Berger, E. Levits u M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Bundeswettbewerbsbehörde, minn T. Thanner u N. Harsdorf Enderndorf, bħala aġenti,

għal Donau Chemie AG u Donauchem GmbH, minn S. Polster u C. Mayer, avukati,

għal DC Druck-Chemie Süd GmbH & Co KG, minn C. Hummer, avukat,

għal Brenntag KEE GmbH, minn A. Reidlinger, avukat,

għal ASK Chemicals GmbH, li kienet Ashland-Südchemie-Kernfest GmbH, u ASK Chemicals AustriaGmbH, li kienet Ashland Südchemie Hantos GmbH, minn F. Urlesberger, avukat,

għal Verband Druck & Medientechnik, minn T. Richter, avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Wiedmann u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn J. Gstalter, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Antoniadis u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn M. Schneider u X. Lewis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza fid-dawl ta’ regoli applikabbli fl-ordinament ġuridiku Awstrijak għall-kawżi għad-danni fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mibdija quddiem l-Oberlandesgericht Wien, fis-sede tagħha bħala l-Kartellgericht (Qorti tal-Kompetizzjoni), u li għandha bħala suġġett talba ppreżentat mill-Verband Druck & Medientechnik (iktar ’il quddiem il-“VDMT”), assoċjazzjoni ta’ impriżi, sabiex tingħata aċċess għall-proċess relatat mal-proċedura ġudizzjarja mibdija mill-Bundeswettbewerbsbehörde (Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“BWB”) kontra Donau Chemie AG, Donauchem GmbH, DC Druck-Chemie Süd GmbH & Co KG, Brenntag Austria Holding GmbH, Brenntag CEE GmbH, ASK Chemicals GmbH, li kienet Ashland-Südchemie-Kernfest GmbH u ASK Chemicals Austria GmbH, li kienet Ashland Südchemie Hantos GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien “Donau Chemie et”), u li ntemmet permezz ta’ deċiżjoni definittiva tal-Oberlandesgericht Wien li kkundannat lil dawn tal-aħħar għall-ħlas ta’ multa minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE.

Id-dritt Awstrijak

3

L-Artikolu 39(2) tal-Liġi tal-2005 dwar l-akkordji (Kartellgesetz 2005, iktar ’il quddiem il-“KartG”) jipprovdi li:

“Persuni, li ma jkunux partijiet fil-proċedura, jistgħu jiksbu aċċess għall-proċessi tal-Qorti tal-Kartelli biss bil-kunsens tal-partijiet”.

4

Skont l-Artikolu 219(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”) jipprovdi li:

“1.   Il-partijiet jistgħu, fuq spejjeż tagħhom stess, jikkonsultaw u jagħmlu kopji u jiksbu estratti tal-fajls kollha li jikkonċernaw il-kawża tagħhom u li jinsabu fil-pussess tal-qorti (proċess), bl-eċċezzjoni tal-abbozzi ta’ sentenzi u ta’ digrieti, tal-proċessi verbali ta’ diskussjoni u voti tal-qorti u tad-dokumenti bil-miktub li jinkludu dispożizzjonijiet dixxipplinari.

2.   Bil-kunsens taż-żewġ partijiet, terzi jistgħu jiksbu aċċess bl-istess mod, jagħmlu kopji jew jiksbu estratti (il-kopji stampati) minnu, fuq spejjeż tagħhom stess, sa fejn dan ma jkunx prekluż mill-interess prevalenti leġittimi ta’ individwu ieħor jew mill-interessi pubbliċi prevalenti fis-sens l-ewwel sentenza tal-Paragrafu 26(2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-2000 [Datenschutzgesetz 2000]. Fin-nuqqas ta’ tali kunsens, il-parti terza tkun intitolata għall-aċċess u li tikseb kopji biss sa fejn tista’ tippreżenta provi prima facie li juru li hija għandha interess leġittimu li tagħmel dan.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2010, l-Oberlandesgericht Wien imponiet multi, fl-ammont totali ta’ EUR 1.5 miljun, fuq Donau Chemie et għall-ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 101 TFUE fis-suq tad-distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ prodotti kimiċi għall-istampar. Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2010, l-Oberster Gerichtshof ikkonfermat, fl-appell, din id-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Wien, li għaldaqstant saret res judicata.

6

Il-VDMT inħolqot bl-għan li tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-impriżi tas-settur tal-istampar. Fit-3 ta’ Lulju 2011, hija talbet lill-Oberlandesgericht Wien, skont l-Artikolu 219(2) taz-ZPO, l-aċċess għall-proċess relatat mal-proċedura ġudizzjarja bejn il-BWB u Donau Chemie et. L-għan ta’ din it-talba kien il-ġbir ta’ elementi li jippermettu li jiġu eżaminati, b’mod partikolari, in-natura u l-ammont tad-dannu eventwalment subit mill-membri tal-VDMT minħabba ksur imwettaq minn Donau Chemie et, u l-evalwazzjoni tal-opportunità li tinbeda kawża għad-danni kontra dawn l-impriżi.

7

Billi bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 39(2) tal-KartG, il-partijiet kollha fil-proċedura ġudizzjarja bejn il-BWB u Donau Chemie et essenzjalment irrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex il-VDMT tiġi awtorizzata l-aċċess għall-imsemmi proċess.

8

F’dan ir-rigward, l-Oberlandesgericht Wien irrilevat li, bil-kontra ta’ dak provdut fl-Artikolu 219(2) taz-ZPO, l-Artikolu 39(2) tal-KartG jeskludi kwalunkwe fakultà għall-qorti li, fl-assenza tal-kunsens tal-partijiet, tawtorizza l-aċċess għall-proċess relatat mal-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-kompetizzjoni u dan anki meta l-persuna li tagħmel it-talba għal aċċess tista validament tinvoka interess ġuridiku. Fi kliem ieħor, skont il-qorti tar-rinviju, fis-sistema Awstrijaka, huwa l-leġiżlatur innifsu li ħoloq bilanċ bejn, minn naħa, l-interess ġenerali tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni fil-kisba ta’ informazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-interess ta’ terzi li jibbenefikaw minn aċċess għall-fajls bl-għan li jkun iktar faċli għalihom li jagħmlu kawżi għad-danni. Għaldaqstant, f’dan l-ibbilanċjar, ingħatat preferenza assoluta lill-ewwel wieħed minn dawn l-interessi, għad-detriment tat-tieni wieħed. Minn dan isegwi li, anki jekk parti waħda biss fil-proċedura ma tagħtix il-kunsens tagħha, il-qorti, li ma hijiex awtorizzata tibbilanċja l-interessi kontrapposti, hija obbligata, skont il-qorti tar-rinviju, tirrifjuta b’mod ġenerali li terzi jikkonsultaw il-proċess.

9

L-imsemmija qorti tfakkar li, skont is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C-360/09, Ġabra p. I-5161), id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji ma jipprekludux lil persuna milli tikseb l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza li tikkonċerna l-awtur ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu u li japplikaw regoli nazzjonali li jirregolaw l-aċċess, minn persuni milquta b’mod ħażin minn akkordju, għad-dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ klemenza.

10

Madankollu, l-Oberlandesgericht Wien tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, ippreċiżat ukoll li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li r-regoli nazzjonali applikabbli ma jkunux ifformulati b’tali mod li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb tali kumpens u li jiġu bbilanċjati l-interessi li jiġġustifikaw, minn naħa, l-għoti ta’ informazzjoni pprovduta volontarjament mill-applikant għall-klemenza u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tagħha. Tali ibbilanċjar jista’ jsir mill-qrati nazzjonali biss fuq bażi ta’ każ b’każ, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, u billi jiġu kkunsidrati l-elementi kollha rilevanti tal-kawża.

11

Għaldaqstant, l-Oberlandesgericht Wien għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 39(2) tal-KartG ma’ din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi kwalunkwe bbilanċjar mill-qorti tal-interessi kontrapposti.

12

Barra minn hekk, filwaqt li tfakkar ir-riferiment magħmul fil-punt 30 tas-sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, għall-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk minkejja li l-Artikolu 39(2) tal-KartG japplika bl-istess mod għal kull proċedura fil-qasam tal-akkordji, kemm jekk tkun ibbażata fuq id-dritt nazzjonali u kemm jekk fuq id-dritt tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni tibqax madankollu kuntrarja għall-imsemmi prinċipju sa fejn ma tapplikax għall-kawżi għall-kumpens tad-danni subiti minħabba ksur imwettaq f’oqsma oħra tad-dritt ċivili jew tad-dritt kriminali, għaliex dawn il-kawżi huma rregolati b’mod iktar favorevoli, għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-fajl, mill-Artikolu 219(2) taz-ZPO.

13

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza [Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq], jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-akkordji li tissuġġetta, fil-każijiet kollha mingħajr eċċezzjoni, l-għoti ta’ aċċess għall-fajl tal-Kartellgericht lil terzi li ma jkunux partijiet fil-proċedura, għall-finijiet tal-preparazzjoni ta’ talba għad-danni kontra l-membri tal-kartell (anki) fi proċeduri li fihom saret applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, flimkien mar-Regolament [(KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)], għall-kunsens tal-partijiet kollha fil-proċedura mingħajr ma huwa possibbli għall-awtorità ġudizzjarja li tibbilanċja, każ b’każ, l-interessi protetti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom għandu jingħata jew jiġi rrifjutat l-aċċess għall-fajl?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik deskritta meta, minkejja li din id-dispożizzjoni tapplika anki għal proċedura fil-qasam tal-akkordji ta’ natura esklużivament nazzjonali u minkejja li lanqas ma huma previsti regoli speċjali għad-dokumentazzjoni prodotta minn benefiċjarji ta’ klemenza, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ekwivalenti applikabbli għal tipi oħra ta’ proċeduri, b’mod partikolari fil-proċeduri ċivili ta’ ġurisdizzjoni volontarja jew kontenzjuża u fil-proċeduri kriminali, jippermettu l-aċċess għall-fajls ġudizzjarji anki mingħajr il-kunsens tal-partijiet bil-kundizzjoni li t-terz li ma jkunx parti fil-proċedura jistabbilixxi, prima facie, interess legali fl-aċċess għall-fajl u bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm interess superjuri ta’ persuna oħra jew interess pubbliku superjuri li jipprekludi l-aċċess għall-fajl fil-każ ineżami?”

Fuq l-ammissibbiltà

14

Il-Kummissjoni Ewropea għandha dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi tikkunsidra li din għandha natura ipotetika. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tar-rinviju xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet meħtieġa fit-tieni sentenza tal-Artikolu 219(2) taz-ZPO huma stabbiliti f’dan il-każ, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ interess leġittimu għall-VDMT li tibbenefika minn aċċess għall-fajl ikkonċernat, minkejja r-rifjut tal-partijiet ikkonċernati li jagħtu l-kunsens tagħhom. Konsegwentement, anki jekk il-qorti tar-rinviju kellha tiddeċiedi li hemm inkompatibbiltà bejn l-Artikolu 39(2) tal-KartG u d-dritt tal-Unjoni u ma tapplikax din id-dispożizzjoni, fi kwalunkwe każ xorta ma jkunx stabbilit li l-VDMT tibbenefika mid-dritt li jkollha aċċess għall-fajl ikkonċernat, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni taz-ZPO.

15

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara bejn il-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ domanda preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Fédération Cynologique Internationale, C-561/11, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa, fil-fatt, possibbli meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hijiex relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fédération Cynologique Internationale, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Għandu jiġi rrilevat li dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

18

Fil-fatt, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 39(2) tal-KartG huwa dispożizzjoni speċjali li tirregola t-talbiet għal aċċess għall-fajls relatati mal-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, għalhekk, huwa jeskludi li r-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 219(2) taz-ZPO tkun applikata għal dawn il-proċeduri. Konsegwentement, huwa biss fl-ipoteżi li r-risposta pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja twassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tqis l-Artikolu 39(2) tal-KartG bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant, twassalha biex ma tapplikahx, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 219(2) taz-ZPO għandhom f’dan il-każ, ikunu sodisfatti, inkluża dik il-kundizzjoni li, fil-każ tal-assenza tal-kunsens tal-partijiet, titlob li tintwera l-eżistenza ta’ interess ġuridiku. Madankollu, jekk l-imsemmija risposta kellha tippermetti lill-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 39(2) tal-KartG huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi deċiż, fuq talba tal-VDMT, li jingħata aċċess għall-fajl ikkonċernat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula hija manifestament rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u, għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

20

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar qabelxejn li, fl-istess waqt li joħloq obbligi għall-individwi, id-dritt tal-Unjoni huwa wkoll intiż jagħti lok għal drittijiet li jidħlu fil-patrimonju ġuridiku tagħhom. Dawn id-drittijiet ma jinħolqux biss meta jingħataw b’mod espliċitu mit-trattati, iżda wkoll permezz tal-obbligi li huma jimponu b’mod ferm ċar kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 31, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, Ġabra p. I-6297, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li peress li l-Artikolu 101(1) TFUE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu drittijiet għall-individwi (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-effett utli tal-projbizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni tkun ipperikolata jekk ebda persuna ma tkun tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha permezz ta’ kuntratt jew ta’ mġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

22

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati nazzjonali inkarigati sabiex japplikaw, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiżguraw mhux biss l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli iżda wkoll iħarsu d-drittijiet li dawn jagħtu lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 16; tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19; Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; kif ukoll Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

23

Għaldaqstant, minn naħa, id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha permezz ta’ kuntratt jew ta’ mġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, bi ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 101(1) TFUE, isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni sa fejn huwa tali li jiskoraġġixxi l-ftehim jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni lill-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Courage u Crehan, punti 26 u 27; Manfredi et, punt 91, kif ukoll Pfleiderer, punt 28).

24

Min-naħa l-oħra, dan id-dritt jikkostitwixxi protezzjoni effettiva kontra l-effetti negattivi li kwalunkwe ksur tal-imsemmi Artikolu 101(1) jista jipproduċi fir-rigward tal-individwi sa fejn huwa jippermetti lill-persuni li jkunu sofrew dannu minħabba l-imsemmi ksur jitolbu kumpens sħiħ li jinkludi mhux biss id-dannu reali (damnum emergens), iżda wkoll it-telf ta’ qligħ (lucrum cessans), kif ukoll il-ħlas ta’ interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95).

25

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

26

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu u li japplikaw ir-regoli nazzjonali relattivi għad-dritt tal-persuni li jqisu ruħhom milquta b’mod ħażin minn akkordju li jkollhom aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċeduri nazzjonali li jikkonċernaw dan l-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

27

Madankollu, għalkemm l-istipulazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għadhom jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ir-regoli applikabbli għar-rikorsi intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenzi Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62; kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös, C-397/11, punt 29). F’dan ir-rigward u speċifikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, dawn ir-regoli ma għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (ara s-sentenzi Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; u tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C-439/08, Ġabra p. I-12471, punt 57).

28

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jingħataw risposta.

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha l-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-proċess relatat ma’ proċedura nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, inkluż għad-dokumenti kkomunikati fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza, ta’ terzi li ma humiex parti f’din il-proċedura u li għandhom l-intenzjoni li jippreżentaw rikorsi għad-danni kontra parteċipanti f’akkordju, huwa suġġett biss għall-kunsens tal-partijiet kollha fl-imsemmija proċedura, mingħajr ma tħalli l-ebda possibbiltà lill-qrati nazzjonali li jibbilanċjaw l-interessi kontrapposti.

30

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex japplikaw ir-regoli nazzjonali relattivi għad-dritt tal-persuni li jqisu ruħhom milquta b’mod ħażin minn akkordju li jkollhom aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċeduri nazzjonali li jikkonċernaw dan l-akkordju, huwa neċessarju li l-qrati nazzjonali jibbilanċjaw l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni u l-protezzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

31

Il-ħtieġa ta’ tali bbilanċjar tinsab fil-fatt li, partikolarment fil-qasam tal-kompetizzjoni, kwalunkwe regola riġida, kemm fis-sens ta’ rifjut assolut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, kif ukoll f’dak ta’ aċċess iġġeneralizzat għal dawn id-dokumenti, tista’ tippreġudika l-applikazzjoni effettiva, b’mod partikolari, tal-Artikolu 101 TFUE u tad-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti lill-individwi.

32

Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna, minn naħa, regola li tipprovdi li l-aċċess għal kwalunkwe dokument li jirrigwarda proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jiġi rrifjutat, għandu jiġi kkonstatat li tali regola tista’ trendi impossibbli jew, għall-inqas, eċċessivament diffiċli l-protezzjoni tad-dritt għal kumpens li jibbenefikaw minnu l-persuni milquta b’mod ħażin minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-aċċess biss għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl relatat mal-proċedura quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kompetenti jippermetti lil dawn il-persuni li jkollhom provi neċessarji sabiex fuqhom jibbażaw it-talba tagħhom għad-danni. Fil-fatt, meta l-imsemmija persuni ma jkollhom l-ebda possibbiltà oħra li jiksbu dawn il-provi, ir-rifjut li jingħatalhom aċċess għal dan il-fajl ineħħi kull effett utli tad-dritt għal kumpens, li huma mogħtija direttament mid-dritt tal-Unjoni.

33

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, ta’ regola li tipprovdi li kwalunkwe dokument li jirrigwarda proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jiġi kkomunikat lil persuna li titlob dan għas-sempliċi raġuni li din tal-aħħar ikollha l-intenzjoni li tippreżenta kawża għad-danni, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li tali regola ta’ aċċess iġġeneralizzat ma għandhiex neċessarjament l-għan li tiżgura protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens li tibbenefika minnu l-imsemmija persuna, sa fejn ma tantx huwa probabbli li l-kawża għad-danni għandha tkun ibbażata fuq l-elementi kollha li jinsabu fil-proċess relatat ma’ din il-proċedura. Imbagħad, din ir-regola tista twassal għal ksur ta’ drittijiet oħra li d-dritt tal-Unjoni jagħti, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali jew tas-sigriet tan-negozju, jew lill-individwi kkonċernati, bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Fl-aħħar nett, tali aċċess iġġeneralizzat jista’ wkoll jippreġudika xi interessi pubbliċi, bħall-effettività tal-politika ta’ ripressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, inkwantu jista’ jiskoraġġixxi lill-persuni involuti fi ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE milli jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

34

Minn dan isegwi li, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kellha diġà l-okkażjoni li tippreċiża, l-ibbilanċjar tal-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u l-protezzjoni tagħha jista’ jsir biss mill-qrati nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-kawża (sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

35

Għalkemm huwa minnu, kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, li dan l-ibbilanċjar għandu jitwettaq fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, dan id-dritt ma jistax jiġi operat b’tali mod li jeskludi kwalunkwe possibbiltà, għall-qrati nazzjonali, li jwettqu l-imsemmi bbilanċjar fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

36

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fis-sens tal-Artikolu 39(2) tal-KartG, l-aċċess għall-proċess tal-Qorti tal-Kompetizzjoni jingħata biss bil-kundizzjoni li l-ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura ma topponi dan.

37

F’tali sitwazzjoni, il-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar talba għall-aċċess għal dan il-proċess, ma għandhom l-ebda possibbiltà li jibbilanċjaw l-interessi protetti mid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, dawn il-qrati, li għandhom biss is-setgħa li jieħdu nota tal-kunsens jew tar-rifjut espress mill-partijiet fil-proċedura għal dak li jikkonċerna l-iżvelar ta’ elementi li jinsabu f’dan il-proċess, jistgħu jintervjenu biss, fid-dawl tal-protezzjoni ta’ interessi pubbliċi superjuri jew ta’ interessi leġittimi superjuri ta’ persuni oħrajn, b’mod partikolari sabiex jippermettu l-komunikazzjoni tad-dokumenti mitluba, fil-każ li waħda biss minn dawn il-partijiet tirrifjuta li tagħti l-kunsens.

38

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Kartelli jistgħu jopponu l-aċċess għall-proċess mingħajr ma jipprovdu ebda ġustifikazzjoni. Fil-prattika, din il-possibbiltà tħalli lok għal riskju ta’ ċaħda sistematika ta’ kull talba għal aċċess meta, b’mod partikolari, din tkun tirrigwarda dokumenti li l-iżvelar tagħhom imur kontra l-interessi tal-partijiet fil-proċedura, inklużi fuq dawk li jkunu jistgħu jinkludu provi li fuqhom tista’ tkun ibbażata talba għal kumpens u li għalihom il-persuna li tagħmel it-talba ma tkunx tista’ tikseb aċċess b’mod ieħor.

39

Minn dan isegwi li sa fejn ir-regola tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tħalli lill-partijiet fil-proċedura, li kisru l-Artikolu 101 TFUE, il-possibbiltà li jipprekludu lill-persuni allegatament milquta b’mod ħażin mill-ksur ta’ din id-dispożizzjoni li jkollhom aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-aċċess jista’ jirrappreżenta l-unika possibbiltà offruta lil dawn il-persuni sabiex jiksbu l-provi neċessarji sabiex fuqhom jibbażaw it-talba tagħhom għal kumpens, din ir-regola tista’ trendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens li l-imsemmija persuni huma mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

40

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-argument tal-Gvern Awstrijak, li jipprovdi li tali regola hija neċessarja, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-dokumenti inklużi mill-partijiet fil-fajl relatat mal-proċedura taħt programm ta’ klemenza, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ tali programm u, bl-istess mod, dik tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

41

Huwa minnu li, kif ġie rrilevat fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, l-Istati Membri ma jistgħux joperaw l-aċċess għall-fajl b’mod li jippreġudika interessi pubbliċi, bħalma hija, fost oħrajn, l-effettività tal-politika ta’ ripressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

42

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-programmi ta’ klemenza jikkostitwixxu għodod utli fil-ġlieda effikaċi biex jinkixef u jintemm il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u jservu, għaldaqstant, l-għan tal-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, u li l-effettività ta’ dawn il-programmi tista’ tiġi affettwata mill-komunikazzjoni ta’ dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza lill-persuni li jixtiequ jibdew kawża għad-danni. Fil-fatt, jidher raġonevoli li jitqies li persuna involuta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, quddiem il-possibbiltà ta’ tali komunikazzjoni, tkun skoraġġuta milli tuża l-possibbiltà offruta minn tali programmi ta’ klemenza (sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 27).

43

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw li l-aċċess għal ċerti dokumenti li jinsabu fil-proċess ta’ proċedura nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni jista’ jiġi rrifjutat, huma ma jimplikawx madankollu li dan l-aċċess jista’ jiġi rrifjutat sistematikament, billi kull talba għal aċċess għad-dokumenti inkwistjoni għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni fuq il-bażi ta’ każ b’każ li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleiderer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

44

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jevalwaw, minn naħa, l-interess tal-persuni li tagħmel it-talba li tikseb l-aċċess għal dawn id-dokumenti sabiex tipprepara r-rikors tagħha għad-danni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-possibbiltajiet l-oħra eventwalment għad-dispożizzjoni tagħha.

45

Min-naħa l-oħra, dawn il-qrati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li realment jistgħu joħolqu preġudizzju li tali aċċess jista’ jagħti lok għalihom fid-dawl ta’ interessi pubbliċi jew ta’ interessi leġittimi ta’ persuni oħrajn.

46

B’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-interess pubbliku relatat mal-effettività tal-programmi ta’ klemenza li għalih jirreferi l-Gvern Awstrijak f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-importanza tal-kawżi għad-danni mibdija quddiem il-qrati nazzjonali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (ara s-sentenza Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27), is-sempliċi invokazzjoni ta’ riskju li l-aċċess għall-provi, li jinsabu fil-proċess ta’ proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni u li huma neċessarji sabiex fuqhom jiġu bbażati dawn il-kawżi, jaffettwa l-effettività ta’ programm ta’ klemenza, li fil-kuntest tiegħu dawn id-dokumenti ġew ikkomunikati lill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti, ma tistax tiġġustifika rifjut ta’ aċċess għal dawn il-provi.

47

Min-naħa l-oħra, il-fatt li tali rifjut jista’ jipprekludi l-ftuħ tal-imsemmija kawżi, billi jipprovdi lill-impriżi kkonċernati, li jistgħu jkunu diġà bbenefikaw minn immunità, għall-inqas parzjalment, fil-qasam ta’ sanzjonijiet pekunjarji, il-possibbiltà li jevitaw ukoll l-obbligu tagħhom li jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u dan b’detriment tal-persuni milquta b’mod ħażin, jeħtieġ li dan ir-rifjut ikun ibbażat fuq raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-interess invokat u applikabbli għal kull dokument li għalih l-aċċess huwa rrifjutat.

48

Fil-fatt, hija biss l-eżistenza ta’ riskju li dokument partikolari jippreġudika b’mod konkret l-interess pubbliku relatat mal-effettività tal-programm ta’ klemenza li tista tiġġustifika li dan id-dokumenti ma jiġix żvelat.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha l-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-proċess relatat ma’ proċedura nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, inklużi d-dokumenti kkomunikati fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza, ta’ terzi li ma humiex parti f’din il-proċedura u li għandhom l-intenzjoni li jippreżentaw rikorsi għad-danni kontra l-parteċipanti ta’ akkordju, huwa suġġett għall-kunsens tal-partijiet kollha fl-imsemmija proċedura, mingħajr ma tħalli l-ebda possibbiltà lill-qrati nazzjonali li jibbilanċjaw l-interessi kontrapposti.

Fuq it-tieni domanda preliminari

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha l-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-proċess relatat ma’ proċedura nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, inklużi d-dokumenti kkomunikati fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza, ta’ terzi li ma humiex parti f’din il-proċedura u li għandhom l-intenzjoni li jippreżentaw rikorsi għad-danni kontra l-parteċipanti ta’ akkordju, huwa suġġett għall-kunsens tal-partijiet kollha fl-imsemmija proċedura, mingħajr ma tħalli l-ebda possibbiltà lill-qrati nazzjonali li jibbilanċjaw l-interessi kontrapposti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.