SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Informazzjoni dwar l-ambjent — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Artikolu 6(1) — Dokumenti dwar il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu li jsir eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti li hemm riferiment għalihom fit-talba għal aċċess — Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawżi magħquda C‑514/11 P u C‑605/11 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-25 ta’ Novembru 2011,

Liga para a Protecção da Natureza (LPN), stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), irrappreżentata minn P. Vinagre e Silva u L. Rossi, avukati,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, M. Pere u J. Leppo, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuti minn:

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn M. Linntam, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn V. Pasternak Jørgensen u C. Thorning, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministatur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, il-Liga para a Protecção da Natureza (iktar ’il quddiem il-“LPN”) (C-514/11 P) u r-Repubblika tal-Finlandja (C-605/11 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il-Kummissjoni (T-29/08, Ġabra p. II-6021, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tal-LPN intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2007 li tikkonferma r-rifjut għal aċċess tad-dokumenti inklużi fil-fajl ta’ proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontra r-Repubblika Portugiża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previsti fl‑Artikolu 255(2) KE.

3

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għanijiet”, jipprovdi:

“1.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

a)

l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

is-sigurtà pubblika,

kwistjonijiet militari u tad-difiża,

relazzjonijiet internazzjonali,

il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;

b)

il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

l-għan ta’ l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.   Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[...]

5.   Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6.   Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu mikxufin.

7.   L-eċċezzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument.”

4

Il-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13) jipprovdi:

“Fejn ir-Regolament [Nru 1049/2001] jipprevedi eċċezzjonijiet, dawn għandhom japplikaw, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent. Ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku fl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent [...]”

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006, li jinsab fit-Titolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent”, jipprovdi:

“Ir-Regolament [Nru 1049/2001] għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità minghajr diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv ta’ l-attivitajiet tagħha.”

6

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, intitolat “Applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ talbiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent”, jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament [Nru 1049/2001], b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 1049/2001], ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-atti inkwistjoni

7

L-LPN hija organizzazzjoni mhux governattiva li għandha bħala skop il-ħarsien tal-ambjent. Matul ix-xahar ta’ April 2003, hija ppreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea li permezz tiegħu sostniet li l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ diga fix-xmara Sabor, fil-Portugall, kien jikser id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102). Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Portugiża u kkuntattjat l-awtoritajiet Portugiżi sabiex tivverifika sa fejn il-proġett ta’ diga seta’ jikser id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), kif ukoll id-Direttiva 92/43.

8

Matul ix-xahar ta’ Marzu 2007, l-LPN talbet lill-Kummissjoni aċċess għal informazzjoni dwar l-ipproċessar tal-ilment tagħha u għal konsultazzjoni ta’ dokumenti mfassla mill-“grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni” kif ukoll dawk skambjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi. Abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba b’ittra tat-22 ta’ Mejju 2007.

9

Wara li l-LPN irtirat it-talba tagħha permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonfermat ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, billi kkunsidrat li d-dokumenti mitluba kienu kollha koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika. Il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni huwa deskritt fil-qosor fis-sentenza appellata kif ġej:

“20

B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jkun hemm sfond ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat sabiex hija tkun tista’ tibda proċess ta’ negozjati u ta’ kompromess bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli għad-diżgwid mingħajr ma tinbeda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija osservat ukoll li, minn naħa, il-proċess ta’ negozjati bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi kien dejjem pendenti u, min-naħa l-oħra, li kienu saru jew li kellhom isiru diversi skambji ta’ opinjonijiet u laqgħat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt tal-proġett ta’ diga. Minn dan hija ddeduċiet li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kien jippreġudika l-kapaċità tal-Kummissjoni li tittratta l-ksur allegat, peress li din setgħet tikkontesta soluzzjoni amikevoli tad-diżgwid mal-awtoritajiet Portugiżi qabel ma l-kawża tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li ‘aċċess parzjali’ fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kienx possibbli għall-imsemmija dokumenti, peress li l-eċċezzjoni invokata kienet tapplika għad-dokumenti kollha.

21

Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ‘interess pubbliku akbar [superjuri]’ fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan ma kienx il-każ. Fl-opinjoni tagħha, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li jistabbilixxi li l-iżvelar għandu jitqies li jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent, ma japplikax għal investigazzjonijiet relatati ma’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju, bħal f’dan il-każ. Hija ppreċiżat li r-riskju tal-eżistenza ta’ ksur gravi tad-direttiva dwar il-habitat lanqas ma jikkostitwixxi tali interess, peress li hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li hija kompetenti tistabbilixxi li l-Istat Membru kkonċernat naqas li jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-Trattat KE. Fl-opinjoni tagħha, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jirriżultax fi kjarifika f’dan ir-rigward sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx iddeċidiet b’mod definittiv dwar din il-kwistjoni.”

10

Fit-18 ta’ Jannar 2008, jiġifieri meta ġie ppreżentat ir-rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni, id-Direttorat Ġenerali “Ambjent” tal-Kummissjoni kkomunika l-intenzjoni tiegħu lil-LPN li jipproponi lill-Kummissjoni ma tiħux azzjoni fir-rigward tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dwar il-proġett ta’ diga inkwistjoni.

11

Matul ix-xahar ta’ Frar 2008, l-LPN tenniet it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti inklużi fil-fajl tal-imsemmija proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

12

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lil-LPN li kienet iddeċidiet, waqt il-laqgħa tagħha tat-28 ta’ Frar 2008, li ma tiħux azzjoni fir-rigward tal-imsemmi proġett ta’ diga. Fir-rigward tat-talba għal aċċess għad-dokumenti, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx għadha applikabbli, b’mod li d-dokumenti mitluba setgħu jingħatawlha, bil-kundizzjoni li ma jkunux koperti b’eċċezzjoni oħra, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

13

Sussegwentement, l-LPN setgħet tikkonsulta l-fajls tal-Kummissjoni u jkollha aċċess għall-kontenut ta’ ċertu numru ta’ dokumenti. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008”), il-Kummissjoni awtorizzat aċċess sħiħ jew parzjali għall-kontenut ta’ dokumenti oħra kkonċernati, filwaqt li żammet ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti, billi invokat l-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġurisdizzjonali.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14

Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-18 ta’ Jannar 2008, l-LPN talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni. Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-LPN.

15

Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikors ma kienx għad kellu skop, peress li l-aċċess għal parti mid-dokumenti inkwistjoni kien ingħata u r-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti ma kienx għadu bbażat fuq l-istess motiv.

16

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li, sa fejn l-LPN ingħatat, fil-mori tal-kawża, aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, il-kawża kienet tilfet l-iskop tagħha u li, għalhekk, ma kienx hemm iżjed lok li tingħata deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dokumenti li għadhom ma ġewx żvelati jew ġew żvelati biss parzjalment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors peress li ż-żewġ motivi mqajma mil-LPN u li kienu bbażati rispettivament fuq ksur tar-Regolament Nru 1367/2006, b’mod partikolari l-Artikolu 6, u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma kinux fondati.

17

Fil-kuntest tal-eżami konġunt ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali ħadet bħala premessa, fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata, il-prinċipju li, minn naħa, il-Kummissjoni hija marbuta teżamina konkretament u individwalment kull dokument mitlub sabiex tevalwa jekk l-iżvelar jistax effettivament jikser interess protett u, min-naħa l-oħra, dan l-eżami għandu jinkludi l-motivi tad-deċiżjoni tal-istituzzjoni kkonċernata.

18

Fil-fatt, fil-punt 126 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ammettiet, fid-dawl tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I-4723, punt 50), u b’analoġija mal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, Ġabra p. I-5885, punti 54 sa 62), l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv li kien marbut ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jikkonċerna, fil-prinċipju, ksur tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, peress li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kienet fl-istadju tal-fażi prekontenzjuża meta ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi li din il-preżunzjoni ġenerali kienet tapplika għad-dokumenti kollha kkonċernati.

19

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li l-kontroll li l-Kummissjoni tintalab twettaq fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ natura amministrattiva, li fil-kuntest tiegħu hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u għandha djalogu bilaterali mal-Istat Membru kkonċernat. Hija kkunsidrat li l-persuna li kienet ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni ma kellhiex il-possibbiltà tressaq rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra deċiżjoni possibbli ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni dwar dan l-ilment u ma tibbenefikax mid-drittijiet proċedurali li jippermettulha teħtieġ lill-Kummissjoni tinformaha u tismagħha.

20

L-imsemmija preżunzjoni ma teskludix, skont il-Qorti Ġenerali, id-dritt għall-persuni kkonċernati li juru li dokument mogħti ma huwiex kopert minnu jew li jeżisti interess pubbliku superjuri, fis-sens tat-tieni parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument. Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrilevat li la l-LPN u lanqas l-Istati Membri intervenjenti ma pproduċew elementi li jistgħu jikkonfutaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni li skontha d-dokumenti kollha kkonċernati kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2).

21

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll, fil-punti 116, 117 u 122 tas-sentenza appellata, li r-Regolament Nru 1367/2006 ma jaffettwax il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tirrinunzja eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.

22

Fil-punti 132 sa 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball ta’ liġi jew ta’ fatt meta kkunsidrat li, fil-każ ineżami, ma kienx hemm interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati.

23

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dokumenti kinux jinkludu informazzjoni li kienet effettivament tikkonċerna “emissjonijiet” fl-ambjent, peress li l-preżunzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma kinitx applikabbli fil-każ ineżami. Għal din l-istess raġuni, hija kkunsidrat li ma kienx possibbli li minn din id-dispożizzjoni tinsilet l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-imsemmija l-aħħar parti tal-Artikolu 4(2).

24

Skont il-Qorti Ġenerali, l-LPN lanqas ma setgħet tinvoka t-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(1). Fil-fatt, hija kkunsidrat li din il-frażi kienet sempliċement tikkonċerna l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta ta’ eċċezzjonijiet oħra għajr dawk previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija żżid tgħid li t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) ma tirreferix għal interess pubbliku “superjuri” fis-sens tal-aħħar parti tal-frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

25

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tagħha, l-LPN u l-Istati Membri intervenjenti la kienu f’pożizzjoni li jidentifikaw interess pubbliku superjuri għajr dak li jirriżulta mill-allegata trasparenza fil-qasam ambjentali u lanqas li jispjegaw jekk u sa fejn l-informazzjoni mitluba kinitx tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

26

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2012, iż-żewġ appelli ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

27

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2012, ir-Repubblika tal-Estonja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt il-proċedura orali.

28

Bl-appell tagħha, l-LPN titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni u kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni;

tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn tikkonċerna d-dokumenti u l-estratti ta’ dokumenti li għalihom inżamm ir-rifjut tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mil-LPN fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-appell.

29

Bl-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Finlandja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-LPN;

tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsaha l-ispejjeż imġarrba fl-eżami tal-appell preżenti.

30

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Renju tal-Isvezja jsostnu t-talbiet tar-rikorrenti. Ir-Renju tal-Isvezja jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tirrimborsah l-ispejjeż tiegħu.

31

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

Fuq l-appelli

33

Insostenn tal-appell tagħhom, l-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja jinvokaw tliet aggravji prinċipali. Dawn l-aggravji huma bbażati fuq ksur, rispettivament, tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

34

Barra minn hekk, l-LPN tinvoka r-raba’ aggravju, li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta kkundannata għall-ispejjeż. Barra minn hekk, l-LPN titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkoreġi d-dispożittiv tas-sentenza appellata, li ma kinitx tidentifika b’mod korrett id-deċiżjoni inkwistjoni.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

L-argumenti tal-partijiet

35

L-ewwel aggravju tal-LPN u tar-Repubblika tal-Finlandja huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali meta interpretat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens li l-Kummissjoni għandha dritt tirrifjuta l-iżvelar tad-dokumenti kollha li jikkonċernaw proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, mingħajr ma teżamina konkretament u individwalment dawn id-dokumenti. Ma jkunx ġustifikat li jiġi preżunt li ebda dokument jew ebda parti mid-dokument marbuta ma’ tali proċedura ma jkun jista’ jiġi kkomunikat mingħajr preġudizzju għall-għan imħaddan minn din il-proċedura u li jwassal lill-Istat Membru kkonċernat jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni.

36

Ir-raġuni li tiġġustifika r-rikors għal preżunzjoni ġenerali fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti dwar proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li sar rikors għaliha fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata (punti 56 sa 59), ma tistax tiġi trasposta għad-dokumenti dwar il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ din l-aħħar proċedura, ma hemmx leġiżlazzjoni speċifika dwar il-kunfidenzjalità u l-aċċess għall-informazzjoni. L-LPN issostni wkoll li hija ma tiddefendix l-interessi personali tagħha, iżda l-interessi pubbliċi. Barra minn hekk, id-dokumenti dwar proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jikkostitwixxux kategorija ta’ dokumenti omoġeni.

37

Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jsostnu dan l-argument billi jenfasizzaw, b’mod partikolari, li r-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawżi preċedenti (sentenzi Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. I-8533), tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ma humiex, fil-każ ineżami, applikabbli b’analoġija, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fatt li l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma diversi fir-rigward tal-kontenut materjali, tal-portata u tas-sensittività tal-każ u tal-interess leġittimu li jkun hemm konoxxenza ta’ dan. Ir-Renju tal-Isvezja jallega, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kellha, fi kwalunkwe każ, tivverifika jekk l-imsemmija preżunzjoni tapplikax attwalment għal każ ineżami.

38

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jqisu li l-ewwel aggravju huwa infondat. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat hija sempliċement varjant tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li din l-aħħar proċedura tipprovdi l-istabbiliment ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, li fiha l-individwi ma jgawdux minn drittijiet proċedurali. Barra minn hekk, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha l-għan li ttemm malajr u b’mod effettiv il-ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi twassal għal ftehim bonarju tal-kawża matul il-proċedura amministrattiva. Kieku l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat kienu żvelati, ir-rieda, b’mod partikolari tal-Istati Membri, li jikkollaboraw f’ambjent ta’ fiduċja, tkun kompromessa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni hija awtorizzata tiċħad talba għall-aċċess ta’ sett ta’ dokumenti, identifikati globalment, mill-fajl amministrattiv dwar proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, matul il-fażi prekontenzjuża tagħha, mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull dokument, billi tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

40

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-dokument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 251 KE. Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 4 tiegħu, li jikkonferixxi lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet l-iktar estiż possibbli. Minn dan ir-regolament, b’mod partikolari mill-premessa 11 u mill-Artikolu 4, jirriżulta wkoll li dan jipprovdi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li dan id-dritt huwa, madankollu, suġġett għal ċerti limitazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata, punt 51; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata, punti 69 u 70; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, punt 111; kif ukoll Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, punt 53).

41

Bis-saħħa tal-eċċezzjoni invokata mill-Kummissjoni, jiġifieri dik inkluża fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, sakemm l-iżvelar tad-dokument imsemmi ma jkunx iġġustifikat minħabba interess pubbliku superjuri.

42

Minn dan jirriżulta li s-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4, u b’mod partikolari fil-paragrafu 2 tiegħu, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma favoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess tad-dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevalixxi fil-każ ineżami.

43

Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li d-dokumenti koperti mit-talba tal-LPN jaqgħu effettivament taħt attività “ta’ investigazzjoni” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

44

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut tal-aċċess għal dokument li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex biżżejjed, fil-prinċipju, li dan id-dokument jaqa’ taħt attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tagħti spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-aċċess tal-imsemmi dokument jistax konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett bl-eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (ara s-sentenzi ċċitati L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 49; Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 53; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 72; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 116; kif ukoll Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 57).

45

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jikkonċernaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 54; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 74; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 116; kif ukoll Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 57).

46

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali preżunzjonijiet ġenerali fi tliet każijiet, jiġifieri fir-rigward ta’ dokumenti tal-fajl amministrattiv marbuta mal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata, punt 61), id-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikati jew terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ara s-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata, punt 123, u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata, punt 64), kif ukoll in-noti ddepożitati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġurisdizzjonali (ara s-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 94).

47

Dawn il-każijiet kollha kienu kkaratterizzati mill-fatt li t-talba għal aċċess inkwistjoni ma kinitx tikkonċerna dokument wieħed, iżda sett ta’ dokumenti (ara s-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 50; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 9; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 10, li tirriproduċi l-punti 1 u 2 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali kkontestata fil-kuntest ta’ appell li ta lok għal din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; kif ukoll Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 7, li tirriproduċi l-punt 2 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkontestata fil-kuntest ta’ appell li ta lok għal din l-aħħar sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja).

48

F’din it-tip ta’ sitwazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li, fil-prinċipju, l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċertu natura jippreġudika l-protezzjoni ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, jippermetti l-istituzzjoni kkonċernata tittratta talba globali u twieġeb għaliha debitament.

49

Hija sitwazzjoni bħal din li tinsab fil-kawża ineżami. Fil-fatt, bħat-talba ppreżentata mill-persuna kkonċernata fil-kawża Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata, li kienet tikkonċerna fajl amministrattiv dwar proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat li ngħatatilha, l-LPN talbet li tingħata aċċess għad-dokumenti kollha, identifikati globalment, inklużi fil-fajl dwar il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontra r-Repubblika Portugiża, relatata ma’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ diga.

50

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li din it-talba ġiet ippreżentata minkejja li l-imsemmija proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet għadha fl-istadju tal-fażi prekontenzjuża, u li l-istess proċedura la kienet twaqqfet mill-Kummissjoni u lanqas kienet tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

51

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk għandhiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li, f’tali ċirkustanzi, l-iżvelar ta’ dokumenti marbuta mal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-istadju tal-fażi prekontenzjuża jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attività ta’ investigazzjoni.

52

F’dan ir-rigward, għandha qabelxejn tittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

53

Għalkemm, skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, ir-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari, l-Artikolu 4 ta’ dan tal-aħħar, japplika, fil-prinċipju, għat-talbiet kollha ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-istituzzjonijiet jew mill-organi Komunitarji, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 iżid regoli iktar speċifiċi dwar tali talbiet għal aċċess li, parzjalment jiffavorixxu, u parzjalment jillimitaw l-aċċess għal dokumenti.

54

L-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(1), li tistabbilixxi regola intiża li tiffaċilita l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu informazzjoni ambjentali, tipprovdi li din ir-regola ma tapplikax għal “investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja”.

55

Minn dan jirriżulta li l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu titqies, mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħala tip ta’ proċedura li, bħala tali, għandha karatteristiċi li jipprekludu li tingħata trasparenza sħiħa f’dan il-qasam u li konsegwentement, tokkupa pożizzjoni partikolari fi ħdan is-sistema dwar l-aċċess għal dokumenti.

56

Barra minn hekk, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha karatteristiċi li huma paragunabbli ma’ dawk ta’ proċedura għal kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali f’dan ir-rigward fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata.

57

Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, hemm inkwistjoni proċedura mibdija kontra l-Istat Membru responsabbli, jew għal għoti tal-għajnuna inkwistjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata, punt 57), jew għall-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni.

58

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha wkoll fuq il-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-persuni kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna kkonċernata, ma għandhomx id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, u li, jekk abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dawn il-persuni kkonċernati setgħu jiksbu aċċess għal dawn id-dokumenti, is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna tal-Istat tkun ippreġudikata (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata, punti 58 u 61).

59

Fir-rigward tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 226 KE, lanqas ma jipprovdi d-dritt, għal individwu, li jikkonsulta l-fajl, anki jekk il-proċedura tkun inbdiet minħabba l-ilment tiegħu. Il-Kummissjoni sempliċement aċċettat, fir-regoli proċedurali interni li jikkonċernaw miżuri amministrattivi favur il-lanjant, li tinforma lil dan tal-aħħar bid-deċiżjonijiet adottati u bil-proposta li ma tiħux azzjoni sussegwenti [ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2002) 141 finali lill-Parlament Ewropew u lill-Medjatur Ewropew, tal-20 ta’ Marzu 2002, dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju (ĠU C 244, p. 5, punti 7, 9 u 10)].

60

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, lanjant fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma għandux dritt li jeżiġi mill-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni partikolari jew li tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni, 247/87, Ġabra p. 291, punt 11; 17 ta’ Mejju 1990, Sonito et vs Il-Kummissjoni, C-87/89, Ġabra p. I-1981, punt 6; kif ukoll digriet tal-14 ta’ Lulju 2011, Ruipérez Aguirre u ATC Petition vs Il-Kummissjoni, C‑111/11 P, punti 11 u 12). F’dan ir-rigward, il-fatt li l-lanjant jaġixxi sabiex jiddefendi interess personali jew interess pubbliku ma huwiex rilevanti.

61

Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li, meta tikkunsidra li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra dan l-Istat, tiddetermina d-dispożizzjonijiet li huwa kiser u li tagħżel il-mument li fih tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-33/04, Ġabra p. I-10629, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑154/09, punt 51). L-għan tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa barra minn hekk stabbilit bl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-171/08, Ġabra p. I-6817, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jissottometti b’mod effikaċi r-raġunijiet tad-difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03, Ġabra p. I-5969, punt 22, u tal-14 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija, C-522/09, Ġabra p. I-2963, punt 15).

63

Żvelar tad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu matul il-fażi prekontenzjuża tagħha tista’, barra minn hekk, taffettwa n-natura u l-iżvolġiment ta’ tali proċedura, fid-dawl tal-fatt li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun iktar diffiċli li jinbeda proċess ta’ negozjar u li jkun hemm ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat li jtemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, sabiex id-dritt tal-Unjoni jiġi osservat u sabiex jiġu evitati proċeduri legali.

64

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-dokumenti marbuta mal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkostitwixxu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq, kategorija unika ta’ dokumenti. Fil-fatt, minn naħa, l-eċċezzjoni stabbilita, fir-rigward tal-investigazzjonijiet dwar in-nuqqas possibbli tat-twettiq tal-obbligi tad-dritt Komunitarju, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma tipprovdi ebda distinzjoni skont it-tip ta’ dokument li jagħmel parti mill-fajl dwar tali investigazzjonijiet jew tal-awtur tad-dokumenti kkonċernati. Minn naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dokumenti marbuta ma’ proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dokumenti kollha tal-fajl amministrattiv dwar tali proċedura jifformaw kategorija unika li fir-rigward tagħha tapplika preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jikkonċerna, fil-prinċipju, ksur tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata, punt 61).

65

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li jista’ jiġi preżunt li l-iżvelar tad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul il-fażi prekontenzjuża tagħha, għandu r-riskju li jibdel in-natura ta’ din il-proċedura kif ukoll jimmodifika l-iżvolġiment tagħha, u li, għalhekk, dan l-iżvelar jikkonċerna, fil-prinċipju, ksur għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66

Din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 62; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 103; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 126, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 68).

67

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-imsemmija preżunzjoni ġenerali. Hija tista’ dejjem twettaq eżami konkret tad-dokumenti koperti mit-talba għal aċċess u tipprovdi tali motivazzjoni. Barra minn hekk, meta hija tikkonstata li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu koperta mit-talba għall-aċċess partikolari għandha karatteristiċi li jippermettu l-iżvelar komplet jew parzjali tad-dokumenti tal-fajl, hija għandha tipproċedi b’tali żvelar.

68

Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax attwalment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba fil-każ ineżami. Tali rekwiżit iċaħħad din il-preżunzjoni mill-effett utli tagħha, jiġifieri jippermetti lill-Kummissjoni twieġeb għal talba għall-aċċess ġenerali b’mod ġenerali wkoll.

69

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li ma huwiex konċepibbli li l-Kummissjoni setgħet tagħti aċċess għal wieħed biss minn dawn id-dokumenti jew għal parti mill-kontenut tiegħu, mingħajr ma tikkontesta n-negozjati pendenti mal-awtoritajiet Portugiżi. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkonfutata mir-rikorrenti, li ma invokaw ebda żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet lill-Kummissjoni l-fakultà li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni ġenerali li l-aċċess, anki parzjali, tal-pubbliku għad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul il-fażi prekontenzjuża tagħha, kien jippreġudika l-għanijiet ta’ din il-proċedura, sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dawn id-dokumenti abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

L-argumenti tal-partijiet

72

L-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja, sostnuti mir-Renju tal-Isvezja, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, b’mod partikolari fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma huwiex applikabbli għall-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tkopri l-eċċezzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li ma humiex koperti mill-preżunzjoni legali stabbilita fl-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(1), kif jirriżulta mill-finalità tar-Regolament Nru 1367/2006, mill-premessa 15 tiegħu u mill-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus, fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 1), li tipprovdi wkoll obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-motivi ta’ ċaħda tat-talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent.

73

Skont l-LPN, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 hija inkompatibbli mar-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ ksur fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti, minħabba r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta stabbilita mill-imsemmija dispożizzjoni u peress li din tal-aħħar trendi neċessarju l-verifika, konkretament, dwar jekk l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti li l-iżvelar tagħhom huwa mitlub hijiex jew le marbuta mal-emissjonijiet fl-ambjent.

74

Fl-aħħar nett, l-LPN issostni li d-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li hija ma kinitx kapaċi tispjega jekk u sa fejn l-informazzjoni mitluba kienet tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(1), hija żbaljata. Fil-fatt, kien ikun impossibbli li tingħata tali spjegazzjoni, fid-dawl tal-fatt li ma kinitx taf bil-kontenut ta’ dokumenti li kienu għadhom ma ġewx żvelati.

75

Il-Kummissjoni ssostni li, billi teskludi l-preżunzjoni legali prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, l-investigazzjonijiet marbuta man-nuqqas possibbli ta’ twettiq tal-obbligi tad-dritt Komunitarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu manifestament jieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tiegħu. Għaldaqstant, l-eżistenza eventwali ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti għandha tiġi eżaminata fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001 u ma jistax jiġi dedott mir-Regolament Nru 1367/2006 li l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-qasam tal-ambjent għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti minn proċeduri oħra f’oqsma oħra, fir-rigward tal-preżunzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti jippreġudika l-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

76

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti dwar l-ambjent u li jikkonċernaw proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu matul il-fażi prekontenzjuża tagħha, liema evalwazzjoni hija rregolata mir-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirriproduċi biss ir-rekwiżit, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ interpretazzjoni stretta tal-motivi ta’ rifjut u tistabbilixxi sempliċement ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi ambjentali waqt l-ibbilanċjar tal-interessi opposti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jeskludix ir-rikors tal-Kummissjoni għall-preżunzjoni ġenerali li tipprovdi li l-iżvelar ta’ dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul il-fażi prekontenzjuża tiegħu, tippreġudika l-interessi tal-attività ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

78

Sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi eżaminat jekk u, skont il-każ, sa fejn l-Artikolu 6(1) ibiddel, fir-rigward tal-proċeduri li jikkonċernaw l-ambjent, l-eżami li għandha twettaq il-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

79

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 iżid mar-Regolament Nru 1049/2001 regoli speċifiċi dwar it-talbiet għal aċċess għal informazzjoni ambjentali.

80

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-tieni u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tipprovdi li l-iżvelar għandu interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent. Din il-preżunzjoni legali hija relatata mal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) li teskludi r-rifjut ta’ aċċess għal dokument jekk interess pubbliku superjuri għall-interessi protetti jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Madankollu, l-imsemmija preżunzjoni legali ma tapplikax għal “investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja”.

81

It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi li “[f]ir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

82

Madankollu, mill-kliem u mill-istruttura tal-imsemmi Artikolu 6(1) jirriżulta li l-“eċċezzjonijiet l-oħra” fis-sens tat-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu, ma jinkludux il-protezzjoni tal-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

83

Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(1) tistabbilixxi regola li tikkonċerna l-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni sentenza tal-istess Artikolu 6(1) ma ssemmix sempliċement l-“eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001”. Għaldaqstant, f’din id-dispożizzjoni hemm riferiment ukoll għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) u (5). Fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jaqgħu taħt attività ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li hemm riferiment għaliha fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, tali attività ma hijiex inkluża fil-kunċett ta’ “eċċezzjonijiet oħra” li jinsabu fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1).

84

Dan it-tfassil taż-żewġ sentenzi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 u l-istruttura tagħhom juru l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jeskludi l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-intier tagħha.

85

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ma huwiex rilevanti għall-eżami li għandha twettaq il-Kummissjoni bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001 meta talba għal aċċess għandha bħala suġġett id-dokumenti marbuta ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tkun għadha fl-istadju tal-fażi prekontenzjuża.

86

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

L-argumenti tal-partijiet

87

Ir-Repubblika tal-Finlandja, li l-argumentazzjoni tagħha hija sostnuta mir-Repubblika tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja, issostni li, indipendentement mill-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu ma evalwatx il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx ivverifikat jekk interess pubbliku superjuri kienx jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni. Skont is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata (punti 44, 45 u 49), il-Qorti Ġenerali kellha tirrikjedi li l-Kummissjoni tipparaguna l-interess marbut mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni mal-interess pubbliku sabiex ikollha għarfien tad-dokumenti inkwistjoni, fid-dawl tal-interessi li għandha trasparenza ikbar. Meta talba għal aċċess tikkonċerna dokument li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006, il-ksib ta’ informazzjoni ambjentali u l-importanza li d-disponibbiltà ta’ tali informazzjoni għandha għall-protezzjoni tal-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem tista’ tikkostitwixxi interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

88

Ir-Renju tal-Isvezja jżid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 138 u 139 tas-sentenza appellata, billi imponiet lill-persuna li titlob l-aċċess għal dokumenti l-oneru li tinvoka u turi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-fatt li l-istituzzjoni kkonċernata biss tista’ tara l-kontenut tad-dokumenti li l-iżvelar tagħhom huwa mitlub.

89

Il-Kummissjoni ssostni li huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bbilanċjar korrett tal-interessi diverġenti, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90

Permezz tat-tielet aggravju, ir-Repubblika tal-Finlandja essenzjalment tallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx ivverifikat, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk interess pubbliku superjuri kienx jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

91

Fil-punti 132 u 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, skont id-deċiżjoni inkwistjoni, ma kienx hemm interess pubbliku superjuri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ ineżami, u li din l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ interess pubbliku ma kienet ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew ta’ fatt. L-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja ma jinvokawx interess konkret li jiġġustifika, fil-każ ineżami, l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni, iżda biss l-importanza li d-disponibbiltà ta’ informazzjoni ambjentali għandha għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

92

Huwa minnu li l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata, punti 74 u 75).

93

Madankollu, kunsiderazzjonijiet tant ġenerali bħal dawk invokati fil-kawża ineżami ma jistgħux jistabbilixxu li, fil-każ ineżami, il-prinċipju ta’ trasparenza kellu rilevanza partikolari li setgħet tipprevalixxi fuq ir-raġunijiet tar-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 158).

94

Ir-rekwiżit li jimponi lill-applikant jinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata, punt 62; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 103; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, iċċitata, punt 126; kif ukoll Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, iċċitata, punt 68).

95

Sa fejn l-LPN talbet aċċess għall-imsemmija dokumenti sabiex tkun tista’ tikkompleta l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni dwar il-proġett ta’ diga li kien is-suġġett tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, konsegwentement, li tipparteċipa b’mod attiv f’din il-proċedura, dan il-fatt ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ “interess pubbliku superjuri” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 70; Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punti 145 u 146; u Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punti 85 u 86), anki jekk l-LPN, bħala organizzazzjoni mhux governattiva, taġixxi skont l-għan statutorji tagħha, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent.

96

Minkejja li, skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1367/2006, dan tal-aħħar jagħmel parti mill-kuntest ta’ programm ta’ azzjoni Komunitarja għall-ambjent li jinsisti fuq in-neċessità li tiġi pprovduta informazzjoni ambjentali xierqa u li joffri lill-pubbliku possibbiltajiet veri ta’ parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, xorta’ jibqa’ l-fatt li din il-parteċipazzjoni ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti marbuta ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar jipprovdi parteċipazzjoni tal-pubbliku biss meta l-istituzzjonijiet jew l-organi Komunitarji jelaboraw, jimmodifikaw jew jeżaminaw mill-ġdid il-pjanijiet u l-programmi dwar l-ambjent. Min-naħa l-oħra, il-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma humiex koperti minn dan l-artikolu.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li l-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tevalwa l-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx ivverifikat, skont it-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk interess pubbliku superjuri kienx jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

98

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju, dwar il-kundanna tal-LPN għall-ispejjeż

99

L-LPN issostni li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, immotivata fil-punti 141 sa 143 tas-sentenza appellata, li tikkundanna lil-LPN għall-ispejjeż hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.

100

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra ġew miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li appell ma jistax jikkonċerna biss l-attribuzzjoni u l-ammont tal-ispejjeż (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsenet vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punt 124; tas-26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C-301/02 P, Ġabra p. I-4071, punt 88; kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C-263/09 P, Ġabra p. I-5853, punt 78).

101

Peress li l-aggravji kollha l-oħra invokati mil-LPN ġew miċħuda, l-aħħar aggravju, dwar il-qsim tal-ispejjeż għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli.

Fuq it-talba supplimentari tal-LPN intiża għall-korrezzjoni tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata

102

Fl-appell tagħha, l-LPN titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkoreġi l-punt 1 tas-sentenza appellata. Skont din, il-Qorti Ġenerali ma identifikatx b’mod korrett id-deċiżjoni inkwistjoni, li ma kinitx deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008, iżda dik tat-22 ta’ Novembru 2007. L-LPN tipproponi li jkun espliċitament speċifikat, fl-imsemmi punt 1, li r-rikors kien ippreżentat “kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2007” u li, b’deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008, l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni “baqa’ jiġi rrifjutat”.

103

Il-Kummissjoni tqis li din it-talba hija inammissibbli.

104

Skont l-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-introduzzjoni tal-appell preżenti, it-talbiet ta’ appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

105

It-talba supplimentari tal-LPN ma hijiex intiża għall-annullament, anki jekk parzjali, tas-sentenza appellata, jiġifieri tad-dispożittiv tagħha (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda sempliċement għall-bidla tat-tfassil ta’ dan id-dispożittiv li la taffettwa l-kontenut tiegħu u lanqas is-soluzzjoni li ngħatat fl-ewwel istanza. Fil-fatt, mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar, b’mod partikolari mill-punti 18, 38 u 59, li r-rikors miċħud fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza kien ikopri d-deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2007.

106

Barra minn hekk, sa fejn is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tinkludi żbalji tal-pinna jew ineżattezzi manifesti, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ temendahom, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

107

Isegwi li t-talba supplimentari tal-LPN għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

108

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appelli tal-LPN u tar-Repubblika tal-Finlandja għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

109

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

110

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 138(2), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

111

Peress li l-LPN u r-Repubblika tal-Finlandja tilfu l-kawża u l-Kummissjoni talbet li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż b’mod indaqs.

112

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Renju tal-Isvezja, bħala intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Il-Liga para a Protecção da Natureza u r-Repubblika tal-Finlandja huma kkundannati għall-ispejjeż b’mod indaqs.

 

3)

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.