SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Appell — Rikors għad-danni — Ċaħda ta’ offerta magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-Unjoni — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza — Applikazzjoni tat-terminu għal raġuni ta’ distanza”

Fil-Kawża C-469/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2011,

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, dikigoros,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Manhaeve u M. Wilderspin, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), imħallfin

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur:L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2012,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Evropäiki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (iktar ’il quddiem “Evropaïki Dynamiki”) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-22 ta’ Ġunju 2011, Evropäiki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T-409/09, Ġabra p. II-3765, iktar ’il quddiem d-“digriet ikkontestat”), li permezz tiegħu l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li hija tallega li sofriet minħabba ċ-ċaħda ta’ offerta magħmula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

Il-kuntest ġuridiku

L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2

L-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-preżentata tar-rikors:

“L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f’materja ta’ responsabbillta non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ l-Unjoni. F’dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi preżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 [TFUE]; japplikaw meta jkun il-każ, rispettivament id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikoli 265 [TFUE].”

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

3

L-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi:

“It-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

F’Mejju 2004, Evropaïki Dynamiki ppreżentat offerta fir-rigward ta’ sejħa għal offerti tal-Kummissjoni Ewropea.

5

Fil-15 ta’ Settembru 2004, Evropaïki Dynamiki rċeviet ittra mingħand il-Kummissjoni, li kellha d-data ta’ dak l-istess jum, li permezz tagħha din tal-aħħar informatha li l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet, filwaqt li ppreċiżat li l-motivi ta’ din iċ-ċaħda kienu jirrigwardaw il-kompożizzjoni u l-istabbiltà tat-tim, il-proċeduri proposti għat-trasferiment tal-għarfien fi tmiem il-proġett, kif ukoll il-fatt li l-offerta ma kinitx l-aħjar waħda f’termini ta’ kwalità u prezz. Hija indikat ukoll li Evropaïki Dynamiki setgħet titlob bil-miktub għal informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tagħha.

6

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni, fuq talba ta’ Evropaïki Dynamiki, ipprovdiet xi informazzjoni addizzjonali dwar l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha.

7

Evropaïki Dynamiki ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2004, li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni li għandha l-istess data, li tiċħad l-offerta tagħha u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T-465/04), il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Hija kkunsidrat li kemm mill-imsemmija deċiżjoni kif ukoll, b’mod partikolari, mill-ittri sussegwenti, ma kinux jirriżultaw b’mod ċar ir-raġunijiet taċ-ċaħda tal-offerta ta’ Evropaïki Dynamiki.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

8

Fil-25 ta’ Settembru 2009, Evropaïki Dynamiki ppreżentat, permezz ta’ faks, rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li hija tallega li sofriet minħabba ċ-ċaħda illegali tal-offerta tagħha li kien jikkonsisti fil-profitt gross li hija setgħet tikseb mill-kuntratt li kieku dan ingħatalha. Barra minn hekk, hija talbet kumpens għat-telf ta’ opportunità, sa fejn hija sofriet dannu minħabba t-telf tal-opportunità kemm li teżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni kif ukoll li tingħata kuntratti oħra, b’mod partikolari l-kuntratt mogħti lill-offerent li rebaħ l-ewwel kuntratt.

9

Il-pakkett bir-rikors oriġinali ffirmat, kif ukoll il-kopji u l-annessi tiegħu, intbagħtu fit-3 ta’ Ottubru 2009, permezz ta’ servizz ta’ tqassim tal-posta.

10

Fil-5 ta’ Ottubru 2009, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali avża lill-avukati tar-rikorrenti li l-pakkett li kien fih l-oriġinali kien għadu ma wasalx. Kopja tad-dokumenti nieqsa u oriġinal ġdid iffirmat tar-rikors ġew ippreżentati fir-Reġistru fl-istess jum

11

Fis-16 ta’ Novembru 2009, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lil-Evropaïki Dynamiki li l-oriġinali l-ġdid tar-rikors, ippreżentat fil-5 ta’ Ottubru 2009, kien differenti mill-kopja tiegħu li ntbagħtet bil-faks fil-25 ta’ Settembru 2009. Għalhekk, skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-data tal-5 ta’ Ottubru 2009 tqieset bħala d-data tal-preżentata tar-rikors.

12

Wara dan, permezz ta’ żewġ ittri Evropaïki Dynamiki esponiet kemm ir-raġunijiet li għalihom l-oriġinal tar-rikors ma kienx wasal fit-termini previsti kif ukoll iċ-ċirkustanzi tat-telf tal-pakkett min-naħa tal-kumpannija li kienet ġiet inkarigata mis-servizz ta’ tqassim tal-posta. Barra minn dan, hija talbet lill-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li dan kien każ ta’ forza maġġuri u li tikkunsidra li d-data tal-preżentata tal-oriġinal tar-rikors kienet il-25 ta’ Settembru 2009 u mhux il-5 ta’ Ottubru 2009.

13

F’Diċembru 2009, Evropaïki Dynamiki ġiet infurmata mill-kumpannija tat-tqassim tal-posta li hija kienet użat li l-pakkett nieqes ma nstabx.

14

Quddiem il-Qorti Ġenerali l-Kummissjoni invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali peress li t-talba għal kumpens hija preskritta.

Id-digriet ikkontestat

15

L-ewwel nett, permezz tad-digriet ikkontestat il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri minn meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti ġiet ikkomunikata lil din tal-aħħar, jiġifieri fil-15 ta’ Settembru 2004. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li hija ċ-ċaħda tal-offerta, u mhux il-motivazzjoni ta’ din iċ-ċaħda, li kienet tikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għall-azzjoni għal responsabbiltà fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li timmaterjalizza d-danni allegatament sofruti mill-offerent mhux magħżul. Għalkemm, ċertament, il-punti 44, 45 u 48 tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2005, Ehcon vs Il-Kummissjoni (T-140/04, Ġabra p. II-3287), jistgħu jinqraw, kif sostniet ir-rikorrenti, li jfissru l-oppost, madankollu dawn ma jistgħux jikkonfutaw din is-soluzzjoni, peress li dawn għandhom jinqraw fil-kuntest tagħhom u skont l-ordni loġika tagħhom.

16

Jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jitwaqqaf milli jibda jiddekorri sakemm il-parti allegatament leża tkun personalment konvinta li ġarrbet dannu, dan ikollu l-konsegwenza li jvarja l-mument tal-estinzjoni tal-imsemmija azzjoni skont il-perċezzjoni individwali li kull parti jista’ jkollha tar-realtà tad-dannu, u dan imur kontra l-eżiġenza taċ-ċertezza legali.

17

F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi osservat li minn ittra li r-rikorrenti bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li din kienet tqis li l-aġir illegali tal-Kummissjoni deher sa minn meta ntbagħtet l-ittra tal-15 ta’ Settembru 2004 li kkomunikat iċ-ċaħda tal-offerta, peress li din impliċitament bdiet id-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni sa minn din id-data.

18

Għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin skada fil-15 ta’ Settembru 2009.

19

Wara dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma kienx estiż mit-terminu għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Dan it-terminu jikkonċerna biss it-termini tal-proċedura u mhux it-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-mogħdija tiegħu twassal għall-estinzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Jannar 2002, Biret u Cie vs Il-Kunsill, T-210/00, Ġabra p. II-47, punti 19 u 45, u tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T-28/03, Ġabra p. II-1357, punt 74, kif ukoll id-digrieti tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Mejju 2008, Transport Schiocchet – Excursions vs Il-Kummissjoni, T-220/07, punti 15 u 35, u tas-16 ta’ Diċembru 2009, Cattin vs Il-Kummissjoni, T-194/08, punti 61 u 65].

20

Dawn iż-żewġ tipi ta’ termini huma, min-natura tagħhom stess, differenti u dan jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza. It-termini tal-proċedura, bħalma huma t-termini ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti. Min-naħa l-oħra, il-qorti ma tistax tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà. Barra minn hekk, l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħmilx distinzjoni, sabiex jiġi kkalkulat it-terminu ta’ preskrizzjoni, skont jekk il-kawża tal-interruzzjoni ta’ dan it-terminu tirriżultax mill-preżentata ta’ rikors jew mill-preżentata ta’ talba minn qabel.

21

Issa, l-applikazzjoni tat-terminu tal-proċedura previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha bħala konsegwenza li l-preskrizzjoni tinkiseb wara perijodu differenti, skont jekk il-vittma tkunx għażlet li tindirizza direttament lill-qorti Komunitarja jew, minn qabel, lill-istituzzjoni kompetenti. Differenza bħal din, li ma hijiex prevista fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, twassal sabiex l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tkun tiddependi minn fattur li ma huwiex oġġettiv u jkollha wkoll bħala konsegwenza li tiffavorixxi r-riżoluzzjoni tat-tilwim permezz tal-litigazzjoni iktar milli t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet amikevoli.

22

Il-fatt li fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1995, Lefebvre et vs Il-Kummissjoni, (T-571/93, Ġabra p. II-2379, punt 26), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet kontra l-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-terminu għal raġuni ta’ distanza, ma jikkonfutax din il-konklużjoni peress li din is-sentenza baqgħet każ iżolat.

23

Fl-aħħar nett, abbażi ta’ dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali mressqa quddiemha kienet preskritta, f’dak li jikkonċerna ż-żewġ danni allegati, peress li din ġiet ippreżentata iktar minn ħames snin wara li seħħew il-fatti li taw lok għaliha, fis-sens tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mressqa mill-partijiet, inkluż dak ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi imprevedibbli jew ta’ każ ta’ forza maġġuri.

24

Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti għall-kumpens għad-dannu li rriżulta mit-telf ta’ opportunità li tikseb il-kuntratti segwenti, il-Qorti Ġenerali qieset li din hija manifestament infondata, mingħajr l-ebda bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha.

It-talbiet tal-partijiet

25

Evropaïki Dynamiki titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

Tiċħad fit-totalità tagħha l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha fuq il-mertu, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha inkorsi matul iż-żewġ istanzi, anki jekk l-appell jiġi miċħud.

26

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż relatati maż-żewġ istanzi.

Fuq l-appell

27

Insostenn tal-Appell tagħha Evropaïki Dynamiki tqajjem erba’ aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali. L-ewwel u r-raba’ aggravji huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata rispettivament tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, moqri flimkien mal-imsemmi Artikolu 46. It-tieni u t-tielet aggravji huma bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

28

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, Evropaïki Dynamiki ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri sa minn meta d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tagħha kienet ġiet ikkomunikata lilha, jiġifieri fil-15 ta’ Settembru 2004. Bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, fis-sentenza Ehcon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-istess qorti kienet ikkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri sa minn meta l-offerent isir effettivament jaf il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu. Skont Evropaïki Dynamiki, offerent jista’ jevalwa l-legalità tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt biss minn meta jiġu kkomunikati lilu l-motivi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tiegħu.

29

F’dan il-każ, kien biss bejn l-20 ta’ Ottubru u t-23 ta’ Ottubru 2004 li hija rċeviet il-motivi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fit-23 ta’ Ottubru 2004.

30

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fil-15 ta’ Settembru 2004. Kif jirriżulta mid-diġriet appellat, Evropaïki Dynamiki impliċitament ammettiet li din id-data kienet il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu.

31

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu hija, f’kull każ, korretta.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjonijiet kontra l-Unjoni f’materja ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom.

33

It-terminu ta’ preskrizzjoni hekk kif previst f’din id-dispożizzjoni ġie ddeterminat bit-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, taż-żmien neċessarju għall-parti allegatament leża sabiex tiġbor l-informazzjoni xierqa għal rikors eventwali u sabiex tivverifika l-fatti li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dan ir-rikors (digriet tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, C-136/01 P, Ġabra p. I-6565, punt 28).

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu jibda jiddekorri meta jkunu sodisfatti r-rekwiżiti li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, meta jimmaterjalizza ruħu d-dannu li jrid jiġi kkumpensat [sentenzi, tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 10, tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C-282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 29, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C-51/05 P, Ġabra p. I-5341, punt 54].

35

Ċertament, l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preskrizzjoni ma tistax tiġi invokata kontra vittma li sofriet danni u li saret taf biss tard wisq bil-fatt li ta lok għal dawn id-danni u għalhekk ma setgħetx ikollha żmien raġonevoli biex tippreżenta r-rikors jew it-talba tagħha qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni (sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 50).

36

Madankollu, ir-rekwiżiti li huwa suġġett għalihom l-obbligu ta’ kumpens għad-danni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u, għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi għall-kumpens tal-imsemmija danni, jistgħu jkunu bbażati biss fuq kriterji strettament oġġettivi (sentenza Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

37

Għalhekk, għarfien preċiż tal-fatti tal-kawża ma jinsabx fost l-elementi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni (digriet Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 31, u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61). Barra minn hekk, l-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-dannu mill-vittma ta’ dan id-dannu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (sentenza Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et.)

38

Fil-każ ta’ tilwimiet li joriġinaw minn atti individwali, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn meta d-deċiżjoni pproduċiet l-effetti tagħha fir-rigward tal-persuni kkonċernati minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Transports Schiocchet - Excursions vs Il-Kummissjoni, C-335/08 P, punt 33].

39

F’dan il-każ, it-talba għal kumpens ta’ Evropaïki Dynamiki hija bbażata fuq iċ-ċaħda tal-offerta li hija għamlet għal sejħa għal offerti tal-Kummissjoni.

40

F’tali każ, kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fid-digriet appellat, mingħajr ma ġiet ikkontestata minn Evropaïki Dynamiki, id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tiċħad l-offerta magħmula tikkostitwixxi l-fatt li ta’ lok għad-dannu li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din l-awtorità. L-effetti dannużi ta’ tali deċiżjoni jirriżultaw, fir-rigward tal-offerent ikkonċernat, sa minn meta l-offerta tiegħu tiġi miċħuda. Għalhekk, huwa l-fatt li l-offerent isir jaf b’tali deċiżjoni li għandu, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala li jibda d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u mhux il-fatt li huwa jsir jaf bil-motivazzjoni tal-istess deċiżjoni.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-jum ta’ meta Evropaïki Dynamiki rċeviet l-ittra tal-Kummissjoni li permezz tagħha din tal-aħħar informatha li l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet, jiġifieri l-15 ta’ Settembru 2004. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrenti rċeviet, f’data ulterjuri, informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tagħha ma huwiex rilevanti.

42

F’dan il-kuntest, lanqas ma huwa rilevanti l-fatt li d-deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2004 ġiet annullata, fl-10 ta’ Settembru 2008, bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Huwa fil-fatt irrilevanti, sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, li l-aġir illegali tal-Unjoni jkun ġie kkonstatat b’deċiżjoni ġudizzjarja [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31].

43

F’kull każ, Evropaïki Dynamiki ma sostnietx li hija ma setgħetx ikollha żmien raġonevoli biex tippreżenta r-rikors jew it-talba tagħha qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni minħabba l-fatt li dan it-terminu beda jiddekorri minn meta hija saret taf bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tagħha jew saħansitra minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-15 ta’ Settembru 2004 u r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

45

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Evropaïki Dynamiki ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi terminu għal raġuni ta’ distanza, ma japplikax għat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tqis li t-terminu għal raġuni ta’ distanza japplika għat-termini kollha għall-preżentata ta’ rikorsi jew għall-produzzjoni ta’ atti proċedurali. Id-distinzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet bejn “terminu tal-proċedura” u “terminu ta’ preskrizzjoni” la hija sostnuta mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas mill-ġurisprudenza.

46

Il-ġurisprudenza li l-Qorti Ġenerali ċċitat insostenn tat-teżi tagħha li tgħid li l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma japplikax għat-terminu ta’ preskrizzjoni, tikkonċerna unikament it-termini tal-proċedura u mhux it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bil-kontra ta’ dan, fil-punt 26 tas-sentenza Lefebvre et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet espliċitament li l-Artikoli 101 sa 103 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali japplikaw fir-rigward ta’ kawżi fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali u għalhekk għat-terminu ta’ preskrizzjoni.

47

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li t-terminu għal raġuni ta’ distanza ma huwiex applikabbli għat-terminu ta’ preskrizzjoni, peress li dan huwa ta’ natura sui generis. Kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ġenerali ddeċidew li rikors għad-danni huwa preskritt meta jiġi introdott ħames snin wara d-data ta’ meta seħħ id-dannu. Is-sentenza Lefebvre et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma taqbilx mal-ġurisprudenza ulterjuri u ma tistax tiġi invokata minħabba l-fatt li din ma titrattax espliċitament il-kwistjoni dwar jekk it-terminu għal raġuni ta’ distanza kienx applikabbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-terminu għal raġuni ta’ distanza japplika għat-termini tal-proċedura u huwa intiż sabiex jieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li magħhom jistgħu jiltaqgħu l-partijiet minħabba d-distanza li, ftit jew wisq, tifridhom mis-sede tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 40).

49

It-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxix, madankollu, terminu tal-proċedura. Dawn iż-żewġ termini huma, min-natura tagħhom stess u kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, differenti.

50

It-termini tal-proċedura ġew stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, iċ-ċarezza kif ukoll iċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Moussis vs Il-Kummissjoni, 227/83, Ġabra p. 3133, punt 12, kif ukoll tas-7 ta’ Mejju 1986, Barcella et vs Il-Kummissjoni, 191/84, Ġabra p. 1541, punt 12). Għalhekk, b’mod partikolari, it-termini għall-preżentata ta’ rikors, bħal dak previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u t-terminu għall-preżentata ta’ appell, bħal dak previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma intiżi li jiżguraw li d-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji jiksbu karattru definittiv, u għalhekk sabiex jipproteġu interessi pubbliċi. Konsegwentement, it-termini tal-proċedura huma ta’ ordni pubblika u għalhekk la huma għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas għal dik tal-qorti, peress li l-osservanza tagħhom għandha tiġi eżaminata ex offici mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen, C-246/95, Ġabra p. I-403, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Min-naħa l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni ma tistax tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni iżda għandha titqajjem mill-parti kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il-Kummissjoni, 20/88, Ġabra p. 1553, punt 12).

52

Fil-fatt, b’kuntrast mat-termini tal-proċedura, it-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni, peress li jinvolvi l-estinzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja, huwa relatat mad-dritt sostantiv peress li dan jaffettwa l-eżerċizzju ta’ dritt suġġettiv li l-persuna kkonċernata ma tistax iktar tinvoka quddiem qorti.

53

Barra minn hekk, il-funzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija b’mod partikolari dik li, minn naħa, tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża, peress li din għandu jkollha biżżejjed żmien sabiex tiġbor informazzjoni xierqa fid-dawl ta’ eventwali rikors, u, min-naħa l-oħra, li tevita li l-persuna leża tkun tista’ ddewwemm b’mod indefinit l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għad-danni. Għalhekk dan it-terminu jipproteġi, fl-aħħar mill-aħħar, lill-persuna leża u lill-persuna responsabbli għad-dannu.

54

Għalhekk, il-preskrizzjoni hija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li, b’kuntrast mat-termini tal-proċedura, ma hijiex ta’ ordni pubbliku iżda ttemm l-azzjoni għal responsabbiltà biss fuq talba tal-konvenuta.

55

Għal dan il-għan, l-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddetermina, fl-ewwel sentenza tiegħu, it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Fit-tieni sentenza tagħha din id-dispożizzjoni tipprovdi l-avvenimenti li jwasslu għall-interruzzjoni tal-imsemmi terminu, jiġifieri rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiż li jikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jew talba minn qabel indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni. Għalkemm huwa ċertament minnu li din it-tieni sentenza tindika l-effetti proċedurali tal-avvenimenti elenkati fiha li jinterrompu l-preskrizzjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, att proċedurali, madankollu din ma hijiex intiża li timponi fuq il-parti leża terminu għall-preżentata ta’ rikors u għalhekk terminu tal-proċedura, peress li din tal-aħħar tista’ wkoll tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ talba minn qabel indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni.

56

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jkun ibbażat biss fuq kriterji strettament oġġettivi u ma jistax ikun, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, differenti skont jekk l-interruzzjoni ta’ dan it-terminu tkunx ir-riżultat tal-preżentata ta’ rikors jew ta’ preżentazzjoni ta’ talba minn qabel. Il-konsegwenza tal-applikazzjoni tat-terminu għal raġuni ta’ distanza għat-terminu ta’ preskrizzjoni tkun li l-preskrizzjoni tinkiseb wara żmien differenti skont jekk il-parti leża tkunx għażlet li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jew li tindirizza, permezz ta’ talba minn qabel, lill-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni, u dan ikun imur kontra r-rekwiżit ta’ ċertezza legali neċessarju għall-applikazzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

57

Fir-rigward tal-effett li jista’ jkollu l-punt 26 tas-sentenza Lefebvre et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq u invokata minn Evropaïki Dynamiki insostenn tal-ewwel aggravju tagħha, għandu jiġi osservat li għalkemm f’din is-sentenza ġie applikat it-terminu għal raġuni ta’ distanza sabiex tinkiseb il-konklużjoni li r-rikors inkwistjoni kien ammissibbli, madankollu din l-applikazzjoni ma kinitx akkumpanjata minn xi motivazzjoni li tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni esposta iktar ’il fuq.

58

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa paragunabbli għal dak tat-termini relatati mal-preżentata ta’ rikors jew ta’ appell, b’tali mod li ma jistax jiġi sostnut li l-applikazzjoni tat-terminu għal raġuni ta’ distanza għal dan it-terminu ta’ preskrizzjoni hija neċessarja sabiex tiġi żgurata t-tgawdija effettiva tad-dritt għad-danni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma japplikax għat-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni u t-tielet aggravji

L-argumenti tal-partijiet

60

Permezz tat-tieni u tat-tielet aggravji tagħaha, Evropaïki Dynamiki ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi kkunsidrat li l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma japplikax għall-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali.

61

Sakemm l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jibqa fis-seħħ, il-Qorti Ġenerali tibqa marbuta li tapplikah b’mod uniformi. Għalkemm illum il-ġurnata d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-individwi jew l-Istati Membri sabiex jirrispettaw it-termini huma kunsiderevolment iżgħar milli kienu fiż-żmien ta’ meta ġie stabbilit it-terminu għal raġuni ta’ distanza, madankollu t-tneħħija tat-terminu għal raġuni ta’ distanza tkun tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-partijiet u l-avukati stabbiliti fil-Lussemburgu u dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra.

62

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li r-relazzjoni bejn l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ippreċiżata fit-testi proċedurali inkwistjoni, bdil fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura jista’ jsir biss permezz ta’ emenda tar-Regoli tal-Proċedura, u mhux permezz ta’ digriet interpretattiv tal-Qorti Ġenerali.

63

Skont il-Kummissjoni dawn l-aggravji huma infondati fid-dawl tal-argumenti mqajma fir-rigward tal-ewwel aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Permezz tat-tieni u tat-tielet aggravji tagħha, Evropaïki Dynamiki essenzjalment tipprova turi li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika, f’dan il-każ, it-terminu għal raġuni ta’ distanza previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-applikabbiltà, f’dan il-każ, tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tiddependi, skont kif ikkonstatat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, biss fuq il-kwistjoni ta’ jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandux jew le jiġi kklassifikat bħala terminu tal-proċedura.

66

Skont dak li ġie kkonstatat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma huwiex terminu tal-proċedura.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni u t-tielet aggravji, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ċertezza legali, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mir-rikorrenti ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

69

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Evropaïki Dynamiki tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.