SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali — Ftehim ŻEE — Proposta għal emenda — Deċiżjoni tal-Kunsill — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 48 TFUE — Artikolu 79(2)(b) TFUE”

Fil-Kawża C‑431/11,

Li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2011,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn A. Dashwood, QC,

rikorrent,

sostnut minn:

L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn N. Travers, BL,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Veiga, A. De Elera u G. Marhic, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, sabiex tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/407/UE, tas-6 ta’ Ġunju 2011, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 mal-Ftehim (ĠU L 182, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, min-naħa l-oħra, fil-każ li hija tannulla din id-deċiżjoni, sabiex iżżomm l-effetti tagħha sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida.

Il-kuntest ġuridiku

Il-dritt tal-Unjoni

2

L-Artikolu 48 TFUE, li tifforma parti mid-deċiżjonijiet dwar il-libertà ta’ moviment li jinsabu fit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE huwa fformulat kif ġej:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom jadottaw dawk il-miżuri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema; għal dan l-għan, għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw il-ħaddiema migranti impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom:

a)

l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċju u fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-benefiċċju, tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti;

b)

il-pagament tal-benefiċċju lil persuni residenti fit-territorji ta’ l-Istati Membri.

[...]”

3

L-Artikolu 79 TFUE, li jifforma parti mid-dispożizzjonijiet dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li jinsabu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, jipprovdi li:

“1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta’ immigrazzjoni maħsuba sabiex tassigura, fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni, it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda b’ saħħa kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri fl-oqsma li ġejjin:

[...]

b)

id-definizzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stati Membri oħra;

[...]”

4

Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja “l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-[Trattat FUE], l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea li tinterpreta xi dispożizzjoni jew miżuri bħal dawn m’għandhom ikunu jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda jew japplikaw għalihom”.

5

Barra minn hekk, skont l-Artikoli 1 u 3 tal-imsemmi protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma għandomx jipparteċipaw fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat [FUE], sakemm ma jinnotifikawx lill-President tal-Kunsill bil-miktub l-intenzjoni tagħhom li jridu jagħmlu dan, f’terminu ta’ tliet xhur mill-preżentazzjoni lill-Kunsill ta’ proposta jew ta’ inizjattiva.

Il-Ftehim ŻEE

6

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) ġie konkluż kemm bħala Ftehim ta’ Assoċjazzjoni abbażi tal-Artikolu 238 tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 217 TFUE, bejn il-Komunitajiet Ewropew u l-Istat Membri tagħha ta’ dak iż-żmien, minn naħa, u l-Istat li dak iż-żmien kienu jifformaw parti mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat ta’ Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra.

7

Skont il-ħames premessa tiegħu, il-partijiet għal dan il-ftehim ftiehmu li “jipprovdu ghall-oghla tiksib possibbli tal-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital matul iż-Żona Ekonomika Ewropea kollha [(ŻEE)]”.

8

L-Artikolu 1 tal-imsemmi ftehim huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-iskop ta’ dan il-Ftehim ta’ assocjazzjoni hu li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomici bejn il-Partijiet Kontraenti b’kondizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza ta’ l-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq [ŻEE] omogenea”.

2.   Biex jintlaħqu l-għanijiet msemmija fil-paragrafu 1, l-assoċjazzjoni għandha tikkomprendi, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim:

a)

il-moviment liberu ta’ merkanzija,

b)

il-moviment liberu ta’ persuni,

c)

il-libertà libertu ta’ servizzi,

d)

il-moviment liberu ta’ kapital;

e)

l-istabbiliment ta’ sistema biex jigi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni u li r-regoli dwar dan jkunu osservati b’mod ugwali; kif ukoll

f)

koperazzjoni mill-qrib f’oqsma oħra, bħal ma huma rricerka u l-iżvilupp, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-politika socjali.”

9

Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ŻEE:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm generali kif ukoll partikolari, biex jiżguraw l-osservanza ta’ l-obbligi li joħorgu minn dan il-Ftehim.

Ma għandhomx jieħdu xi miżura li tista’ tippreġudika l-ksib ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

Barra minn hekk, għandhom jiffaċilitaw il-koperazzjoni fil-qafas ta’ dan il-Ftehim.”

10

L-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għal żviluppi futuri tal-ġurisprudenza, d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, sa fejn huma identici fis-sustanza ghar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u għall-atti adottati fl-applikazzjoni taż-żewg Trattati, għandhom, fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni taghhom, jigu interpretati b’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Gustizzja tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim.”

11

L-Artikolu 7 tal-istess Ftehim jipprovdi:

“L-atti msemmijin jew li hemm fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim jew fid-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandhom jorbtu lill-Partijiet Kontraenti u jkunu, jew jiġu magħmula, parti mill-ordni intern legali kif gej:

a)

att li jikkorrispondi għal regolament KEE għandu bħala tali jsir parti mill-ordni intern legali tal-Partijiet Kontraenti;

[…]”

12

L-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE, li jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-Artikolu 45 TFUE, jipprovdi s-segwenti:

“1.   Għandha tigi assigurata l-libertà tal-moviment lill-ħaddiema fost l-Istati Membri tal-KE u fl-Istati ta’ l-EFTA.

2.   Din il-libertà ta’ moviment għandha tfisser l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni msejsa fuq ċittadinanza bejn ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-KE u l-Istati ta’ l-EFTA għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impiegi, rimunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra tax-xogħol u ta’ l-impieg.

3.   Għandha tfisser id-dritt, suġġett għal limitazzjonijiet ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika:

a)

li wieħed jaċċetta offerti għal xogħol li jkunu fil-fatt saru;

b)

li wiehed jiċċaqlaq liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri tal-KE u l-Istati ta’ l-EFTA għal dan il-għan;

ċ)

li wieħed jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru tal-KE jew ta’ Stat ta’ l-EFTA għall-għanijiet ta’ xoghol skond id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-impieg ta’ cittadini ta’ dak l-Istat stabbiliti b’ligi, regolament jew azzjoni amministrattiva;

d)

li wieħed jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru tal-KE jew ta’ Stat ta’ l-EFTA wara li jkun inghata xoghol hemm.

[...]”

13

L-Artikolu 29 tal-Ftehim ŻEE, li jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-Artikolu 48 TFUE, jipprovdi li:

“Sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom, il-Partijiet Kontraenti għandhom, fil-qasam tas-sigurtà socjali, jassiguraw, kif previst fl-Anness VI, għall-ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom, b’mod partikolari:

a)

l-aggregazzjoni, għall-għan li jiksbu u jżommu d-dritt li jibbenefikaw, u li jigi kalkolat l-ammont ta’ beneficcju, talperijodi kollha li jitqiesu skond il-ligijiet tad-diversi pajjiżi;

b)

il-ħlas ta’ beneficcji lil persuni residenti fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti”.

14

L-Anness VI tal-Ftehim ŻEE, bit-titolu “Sigurtà Soċjali”, taħt it-titolu “Atti msemmijin”, isemmi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83).

15

Fl-1 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE adotta d-Deċiżjoni Nru 76/2011, li hija intiża b’mod partikolari sabiex taġġorna r-referenzi għar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, li jinsabu fl-Anness VI tal-Ftehim ŻEE, peress li dawn ir-regolamenti ġew issostitwiti, permezz tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 284, p. 43, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), kif ukoll permezz tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (JO L 284, p. 1). Barra minn hekk, din l-istess deċiżjoni, skont il-premessa 22 tagħha, hija intiża sabiex temenda l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkludi l-Kummissjoni amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali stabbilita fil-lista tiegħu ta’ Kumitati stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

16

Fid-9 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fuq emenda għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u tal-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE. Din il-proposta kellha bħala bażi legali l-Artikoli 48 TFUE, 218(9) TFUE u 352 TFUE.

17

Fl-10 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata sabiex tbiddel il-bażi legali invokata. Skont l-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta, peress li t-Trattat ta’ Lisbona estenda l-kompetenza stabbilita fl-Artikolu 48 TFUE għall-ħaddiema migranti li jaħdmu għal rashom, l-Artikolu 352 TFUE ma kienx għadu iktar neċessarju bħala bażi legali.

18

Fis-6 ta’ Ġunju 2011, billi bbaża ruħu għalhekk fuq l-Artikoli 48 TFUE u 218(9) TFUE, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata.

19

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 76/2011, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE wettaq l-emendi li kienu maħsuba jsiru għall-Anness IV u għall-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE. Madankollu, qabel ma tidħol fis-seħħ din id-deċiżjoni għad iridu jiġu sodisfatti ċerti rekwiżiti kostituzzjonali minn wieħed mill-partijiet kontraenti taż-ŻEE.

20

Billi qies li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq bażi legali żbaljata u li kellha tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 79(2)(b) TFUE, ir-Renju Unit ippreżenta dan ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din id-deċiżjoni sa meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni ġdida, abbażi tal-Artikolu 79(2)(b) TFUE, u

jikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22

Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-Renju Unit jiġi kkundannat ibati l‑ispejjeż.

23

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2012, l-Irlanda u l-Kummissjoni u r-Renju Unit tħallew jintervjenu insostenn tar-Renju Unit u tal-Kunsill, rispettivament.

24

Il-proċedura orali ngħalqet fil-21 ta’ Marzu 2013 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2013, ir-Renju Unit, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talabha sabiex tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

26

Insostenn ta’ din it-talba, ir-Renju Unit isostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jiżviluppaw argumenti ġodda li qatt ma kienu ġew diskussi bejn il-partijiet u li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew saħansitra meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx diskuss mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Madankollu, f’din il-kawża, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji għaliha sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat mir-Renju Unit u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ dibattiti li seħħew quddiemha.

29

Għaldaqstant, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

30

Ir-Renju Unit, sostnut mill-Irlanda, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li din ġiet adottata billi tqis b’mod żbaljat l-Artikolu 48 TFUE bħala l-bażi legali sostantiva. Fil-fatt, skont ir-Renju Unit, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod ċar fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Lulju 1984, Meade (238/83, Ġabra p. 2631), din il-dispożizzjoni tirregola l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tieħu miżuri biss fir-rigward ta’ ħaddiema li huma ċittadini tal-Istati Membri.

31

Min-naħa l-oħra, sa fejn hija intiża li testendi, permezz ta’ ftehim internazzjonali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 83/2004 għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Islanda, tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein u tar-Repubblika tan-Norveġja, id-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tikkonferixxi drittijiet addizjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Għaldaqstant, att ta’ dan it-tip kellu jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 79(2)(b) TFUE, li speċifikament jippermetti għall-adozzjoni ta’ miżuri li jiddefinixxu “d-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru”. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tat-Trattat FUE kellha tintuża għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri analogi oħrajn li estendew tali drittijiet għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħal b’mod partikolari r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, l-Istat ta’ Iżrael, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Renju tal-Marokk u r-Repubblika tat-Tuneżija.

32

Ir-Renju Unit iżid li l-għażla bejn waħda jew l-oħra mill-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE bħala bażi legali timponi li jiġu segwiti proċeduri leġiżlattivi kunsiderevolment differenti li jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi kemm għalih kif ukoll għall-Irlanda.

33

B’mod partikolari, għad-differenza tal-atti adottati skont l-Artikolu 48 TFUE, dawk adottati abbażi tal-Artikolu 79 TFUE japplikaw biss għall-imsemmija Stati Membri jekk dawn jeżerċitaw il-fakultà li jaderixxu għat-Trattat TFUE, skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 21).

34

Konsegwentement, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi żbaljata tal-Artikolu 48 TFUE ċaħdet ir-Renju Unit u l-Irlanda mill-fakultà, li huma jibbenefikaw minnha skont id-dritt primarju tal-Unjoni, li ma jipparteċipawx għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li testendi drittijiet fil-qasam ta’ sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tal-EFTA u li ma jkunux marbutin b’din id-deċiżjoni.

35

Filwaqt li huwa aċċettat li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Artikolu 79(2) TFUE ġie effettivament użat sabiex jikkonferixxi drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li din il-bażi legali ma hijiex xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

36

Fil-fatt, fit-test tal-Ftehim ŻEE ma hemm xejn li jindika li dan tal-aħħar ġie konkluż fil-kuntest tal-iżvilupp tal-“politika komuni ta’ immigrazzjoni” u li huwa “maħsub sabiex [jiżgura], fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 79 TFUE.

37

Barra minn hekk, skont il-Kunsill, li jqies li l-emenda għall-Ftehim ŻEE, proposta mid-deċiżjoni kkontestata, hija parti mill-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni, bil-konsegwenzi li din timplika, jiġifieri l-esklużjoni tar-Renju tad-Danimarka kif ukoll il-possibbiltà għar-Renju Unit u għall-Irlanda li jeżerċitaw l-għażla tagħhom li ma jipparteċipawx, ma tkunx konformi mal-impenji meħuda mill-Unjoni fir-rigward tal-Istati tal-EFTA skont il-Ftehim ŻEE u tista’ tippreġudika l-ksib tal-għan prinċipali ta’ dan il-ftehim, jiġifieri li jitlesta, bl-iktar mod komplet possibbli, is-suq intern fiż-ŻEE kollha.

38

Madankollu, il-Kunsill iqis li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija intiża li testendi għall-Istati tal-EFTA li huma membri taż-ŻEE l-acquis tal-Unjoni l-ġdid fil-qasam ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali u li dan l-acquis huwa indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan prinċipali segwit mill-Ftehim ŻEE billi jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-imsemmija Stati libertà effettiva ta’ moviment effettiva fit-territorju tal-Unjoni, l-Artikolu 48 TFUE huwa l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

39

Fir-replika tiegħu, ir-Renju Unit jispeċifika iktar ir-raġunijiet għaliex huwa jirrifjuta li jaċċetta l-proposta magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li jiġi inkluż ir-Regolament Nru 883/2004 fil-Ftehim ŻEE. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jenfasizza li dan ir-regolament, b’mod partikolari, fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, imsemmi fl-Anness VI tal-Ftehim ŻEE, estenda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tas-sigurtà soċjali tal-Unjoni għaċ-ċittadini “inattivi”. Madankollu, ir-Renju Unit joġġezzjona għall-estensjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali għaċ-ċittadini inattivi ta’ Stati terzi u huwa barra minn hekk preċiżament għal din ir-raġuni li huwa kien iddeċieda li jipparteċipax għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010, li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU L 344, p. 1).

40

Il-Kunsill jikkontesta din l-analiżi billi jsostni li r-Regolament Nru 1408/71, li kien japplika għall-ħaddiema impjegati, u mis-sena 1981, għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, kien diġà jkopri diversi kategoriji ta’ ċittadini ekonomikament “inattivi”, bħall-persuni rtirati, l-istudenti jew il-persuni fuq leave mingħajr ħlas. Konsegwentement, ma hemm l-ebda differenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmi regolament u dak tar-Regolament Nru 883/2004.

41

Barra minn hekk, minkejja talba espressa min-naħa tal-Kunsill, ir-Renju Unit ma pprovdix informazzjoni konkreta dwar in-numru u l-kategoriji li kienu attwalment koperti bir-Regolament Nru 883/2004 u li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, kif ukoll l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-partijiet kollha f’dawn il-proċeduri jaqblu, mill-aspett proċedurali, li l-Kunsill ġustament ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 218(9) TFUE.

43

Min-naħa l-oħra, dak li r-Renju Unit jikkontesta permezz tar-rikors tiegħu huwa l-użu tal-Artikolu 48 TFUE bħala bażi legali sostantiva għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata, kif dan jirriżulta mill-premessi tagħha u mill-artikolu uniku tagħha, għandha bħala għan li tadotta l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-ŻEE dwar proposta ta’ emenda għall-Anness VI u għall-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE.

46

B’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni kkontestata hija intiża essenzjalment, minn naħa, sabiex taġġorna r-referenzi għar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, li jinsabu fl-Anness VI tal-Ftehim ŻEE, peress li dawn ir-regolamenti ġew issostitwiti permezz tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 988/2009, u min-naħa l-oħra, sabiex tinkludi fil-lista ta’ Kumitati lil jinsabu fil-Protokoll 37 tal-istess ftehim il-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004.

47

Għaldaqstant, l-għan tad-deċiżjoni kkontestata huwa li jippermetti li l-acquis tal-Unjoni li jikkonċerna l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, emendat bir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, japplika wkoll għall-Istati tal-EFTA li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE.

48

Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija intiża li temenda r-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim ŻEE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li din id-deċiżjoni tifforma parti minnu, u b’mod partikolari l-għan u l-kontenut ta’ dan il-ftehim, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 48 TFUE huwiex il-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

49

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li l-Ftehim ŻEE jistabbilixxi assoċjazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati tal-EFTA bbażata fuq rabtiet speċifiċi u privileġġati bejn l-assoċjati.

50

Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tispeċifika dan, wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE, li r-Renju Unit u l-Irlanda huma wkoll jagħmlu parti minnu, huwa li jinkiseb bl-iktar mod komplet possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal‑kapital fiż-ŻEE kollha, b’tali mod li s-suq intern maħluq fit-territorju tal‑Unjoni jiġi estiż għall-Istati tal-EFTA (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C-452/01, Ġabra p. I-9743, punt 29).

51

Għal dak li jirrigwarda din il-kawża, il-Ftehim ŻEE jistabbilixxi b’mod partikolari, fl-Artikolu 28 tiegħu, il-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u l-Istati tal-EFTA u jistabbilixxi, fl-Artikolu 29 tiegħu, ir-rikonoxximent tad-drittijiet ta’ sigurta soċjali li jirrelataw magħhom f’termini essenzjalment identiċi għal dawk previsti fl-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE rispettivament.

52

Hija f’din il-perspettiva li l-assoċjazzjoni stabbilita permezz tal-Ftehim ŻEE tkopri, skont l-Artikolu 1(2)(f) tiegħu, kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-politika soċjali, u teżigi, skont l-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim, li l-partijiet mhux biss jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-imsemmi ftehim, iżda wkoll li huma jastjenu minn kull miżura li tista’ tippreġudika l-kisba tal-għanijiet tiegħu.

53

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi ftehim, l-atti li jsir riferiment għalihom fl-Annessi tal-Ftehim ŻEE jew fid-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jsiru vinkolanti għall-partijiet kontraenti kollha u jiġu integrati fl-ordinament ġuridiku interna tagħhom.

54

B’mod partikolari, rigward regolament tal-Unjoni, l-imsemmi Artikolu 7(a) jipprovdi espressament li tali att jiġi integrat “bħala tali” fl-ordinament ġuridiku intern tal-partijiet kontraenti, jiġifieri mingħajr ma tkun neċessarja miżura ta’ traspożizzjoni għal dan il-għan.

55

Konsegwentement, kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat, id-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tirregola direttament mhux biss id-drittijiet soċjali taċ-ċittadini tat-tliet Stati tal-EFTA kkonċernati, iżda wkoll u bl-istess mod dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-imsemmija Stati. Fi kliem ieħor, l-emenda li kienet maħsuba ssir permezz tal-imsemmija deċiżjoni mhux biss tippermetti, essenzjalment, liċ-ċittadini tal-Islanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja li jinvokaw fit-territorju tal-Unjoni d-drittijiet li huma jisiltu mill-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, iżda jibbenefikaw fl-istess waqt iċ-ċittadini tal-Istati Membri li jistgħu jibbażaw ruħhom fuq dawn id-drittijiet fl-imsemmija Stati.

56

Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jikkonċerna din il-kawża, meta l-Ftehim ŻEE ġie konkluż, ir-Regolament Nru 1408/71, li kien fis-seħħ dak iż-żmien, ġie integrat fl-Anness VI u fil-Protokoll 37 tal-imsemmi ftehim, u l-leġiżlazzjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li kienu inklużi fih ġew għaldaqstant estiżi għaż-ŻEE kollha.

57

Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tissostitwixxi r-riferiment magħmul fir-Regolament Nru 1408/71 b’riferiment magħmul għar-Regolament Nru 883/2004, li dan tal-aħħar ħassar l-ewwel riferiment, għandu jiġi enfasizzat li, mill-perspettiva sostanzjali, din id-deċiżjoni tippermetti, filwaqt li jiġu osservati l-impenji meħuda mill-partijiet għall-Ftehim ŻEE u l-livell ta’ integrazzjoni diġà miksub sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li tkompli tinżamm estensjoni tad-drittijiet soċjali favur iċ-ċittadini tal-Istati kkonċernati, diġà maħsuba u operata permezz tal-Ftehim ŻEE mis-sena 1992.

58

Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija preċiżament fost il-miżuri li permezz tagħhom id-dritt tas-suq intern tal-Unjoni għandu kemm jista’ jkun jiġi estiż għaż-ŻEE b’tali mod li ċ-ċittadini tal-imsemmija Stati jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-persuni taħt l-istess kundizzjonijiet soċjali bħaċ-ċittadini tal-Unjoni.

59

Fil-fatt, fin-nuqqas tal-emenda li kienet maħsuba ssir permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-moviment liberu tal-persuni fiż-ŻEE ma jistax jiġi eżerċitat taħt l-istess kundizzjonijiet soċjali bħal dawk previsti fl-Unjoni, u huwa dan il-fatt li jikkomprometti mingħajr dubju l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni u l-kisba tal-għanijiet tal-Ftehim ŻEE.

60

Minn dan isegwi li l-modernizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li tapplika fi ħdan l-Unjoni Ewropea, imsemmija b’mod speċifiku fid-deċiżjoni kkontestata meta ssostitwixxiet r-Regolament Nru 1408/71 bir-Regolament Nru 883/2004 , għandhom neċessarjament jiġu żgurati wkoll fil-livell taż-ŻEE.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, fid-dawl tal-kuntest li hija tifforma parti minnu, id-deċiżjoni kkontestata setgħet validament tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 48 TFUE.

62

Madankollu, u għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Renju Unit u l-Irlanda, l-Artikolu 79(2) TFUE ma jistax jiġi invokat għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata.

63

Qabelxejn, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 39 sa 41 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fil-kuntest li hija tifforma parti minnu, jiġifieri l-Kapitolu 2, bit-titolu “Politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni”, tat-Titolu V tat-Trattat FUE kif ukoll fi-dawl tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu li bih l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta’ immigrazzjoni maħsuba sabiex tiżgura “l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni, it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi [...] kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda b’saħħa kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin”.

64

Madankollu, huwa ċar li tali miżura bħad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-kuntest tal-iżvilupp tal-assoċjazzjoni mal-Istati tal-EFTA li hija tifforma parti minnu u b’mod partikolari tal-għanijiet segwiti minn din l-assoċjazzjoni, ma hijiex rikonċiljabbli ma’ tali għanijiet.

65

Sussegwentement, ma jistax jiġi eskluż li l-użu tal-Artikolu 79(2) TFUE, li jimplika għażla ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni mir-Renju Unit u/jew mill-Irlanda, ikun fil-prattika jista’, bi ksur tal-Artikolu 3 tal-Ftehim ŻEE msemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, jippreġudika l-kisba tal-għanijiet tal-imsemmi ftehim. B’mod partikolari, fl-ipoteżi fejn ebda ftehim ma jiġi konkluż bejn l-imsemmija Stati Membri u l-Istati tal-EFTA kkonċernati, tali użu jagħti lok għal żewġ sistemi paralleli ta’ koordinazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali.

66

Fl-aħħar nett, sa fejn l-argument imressaq mir-Renju Unit u l-Irlanda li jipprovdi li l-użu tal-Artikolu 79(2) TFUE ikun f’dan il-każ iġġustifikat fid-dawl tal-fatt li din id-dispożizzjoni diġà ntużat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet simili fir-rigward ta’ Stat terzi oħrajn, dan l-argument ma jistax jintlaqa’ fil-kuntest ta’ din il-kawża.

67

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed fil-fatt li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha ssir fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu stess, u mhux fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jkollhom, jekk ikun il-każ, karatteristiċi simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-94/03, Ġabra p. I-1, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu għaldaqstant jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ġustament adottata billi ntuża l-Artikolu 48 TFUE bħala bażi legali sostantiva.

69

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ispejjeż

70

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, l-intervenjenti f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

L-Irlanda u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.