SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-kuntratti magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista — Tibdila unilaterali mill-bejjiegħ tal-prezz tas-servizz — Informazzjoni, fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din”

Fil-Kawżi magħquda C‑359/11 u C‑400/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal domanda preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet, rispettivi, tat-18 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Ġunju 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 u fit-28 ta’ Lulju 2011, fil-proċeduri

Alexandra Schulz

vs

Technische Werke Schussental GmbH und Co. KG,

u

Josef Egbringhoff

vs

Stadtwerke Ahaus GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Schulz, minn K. Guggenberger, avukat,

għal J. Egbringhoff, minn L. Voges-Wallhöfer, avukat,

għal Technische Werke Schussental GmbH und Co. KG, minn P. Rosin, avukat,

għal Stadtwerke Ahaus GmbH, minn P. Rosin u A. von Graevenitz, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, O. Beynet u M. Owsiany-Hornung kif ukoll minn J. Herkommer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) u tal-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211, u rettifika ĠU 2004, L 16, p. 74), kif ukoll tal-Artikolu 3(3), u tal-punti (b) u (ċ) tal-Anness A tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, A. Schulz u Technische Werke Schussental GmbH und Co. KG (iktar ’il quddiem “TWS”) u, min-naħa l-oħra, J. Egbringhoff u Stadtwerke Ahaus GmbH (iktar ’il quddiem “SA”) dwar l-użu, minn TWS u SA, ta’ klawżoli allegatament illegali fil-kuntratti magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13/KEE

3

Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288):

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

Id-Direttiva 2003/54

4

Il-premessi 24 u 26 tad-Direttiva 2003/54 huma redatti kif ġej:

“(24)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li klijenti domestiċi […] igawdu d-dritt li jkunu fornuti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata bi prezzijiet komparabbli b’mod ċar, tarsparenti u raġonevoli. Biex tkun żgurata ż-żamma ta’ standards għoljin ta’ servizz pubbliku fil-Komunità, il-miżuri kollha li jkunu ttieħdu mill-Istati Membri biex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu notifikati regolarment lill-Kummissjoni. […]

[…]

(26)

Ir-rispett tal-kriterji tas-servizz pubbliku huwa kriterju fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li standards minimi komuni, li jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha, jiġu speċifikati f’din id-Direttiva, liema standards għandhom jikkunsidraw l-għanijiet tal-protezzjoni komuni, is-sigurtà tal-provvista […] u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li l-kriterji tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u soġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-Komunità.”

5

Skont l-Artikolu 3 ta’ tad-Direttiva 2003/54:

“[…]

2.   F’kunsiderazzjoni sħiħa lejn id-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat, […] l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur ta’ l-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti […]. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, non-diskriminatorji, li jistgħu jiġu verifikati […]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha […] ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu fornuti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jkunu raġonevoli, kumparabbli b’mod ħafif u ċar u trasparenti. Biex tkun żgurata d-disposizzjoni ta’ servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. […]

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli, inklużi miżuri biex jgħinuhom jevitaw il-qtugħ tal-konnettività. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-klijenti finali f’żoni remoti. Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijent eliġibbli jkun fil-fatt jista’ imur ma’ fornitur ġdid. B’rabta minn ta’ l-anqas mal-klijenti domestiċi, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness A.

[…]”

6

L-Anness A tad-Direttiva 2003/54, li jikkonċerna l-miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, jiddisponi:

“Mingħajr preġudizzju għar-regolamenti tal-Komunità rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi, partikolarment id-direttivi 97/7/KE tal-parlament Ewropew u tal-Kunkill[, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319) u d-Direttiva 93/13], il-mizuri riferiti f’Artiklu 3 jiżguraw li l-Konsumaturi:

[…]

b)

iridu jingħataw informazzjoni neċessarja dwar it-titjib fil-prodotti u l-mod ta’ kif iridu jagħmlu biex itejbu s-servizz. L-agenti għandhom jagħrfu lill-klijenti Mekk ikun se jogħala xi prodott [dwar kwalunkwe żieda fil-piżijiet, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn perjodu wieħed fejn isir il-kont, wara li ż-żieda tkun daħlet fis-seħħ]. L-Istati Membri għamdhom jagħmlu minn kollox biex jagevolaw lill-klijenti li jridu jinhallu mill-kuntratti meta dawn jogħlilhom id-dawl.

ċ)

Jirċievu informazzjoni trasparenti fuq prezijiet ohara u l-kondizzjonijeit għandha terrifletti l-hlasijiet differenti. Il-konsumaturi għandom ikunu protetti minn reklami filoz. U kliem qarrieqi. Kollox għandu jkun ċar.

[…]”

Id-Direttiva 2003/55

7

Il-premessi 26 u 27 tad-Direttiva 2003/55 jistabbilixxu:

“(26)

Sabiex tiġi aċċertata ż-żamma ta’ standards għoljin tas-servizz pubbliku fil-Komunità, il-miżuri kollha meħudin mill-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu notifikati b’mod regolari lill-Kummissjoni. […]

L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li meta jiġu konnessi mas-sistema tal-gass, il-klijenti huma infurmati dwar id-drittijiet tagħhom li jiġu forniti b’gass naturali ta’ kwalità speċifikata bi prezzijiet raġonevoli. […]

(27)

Ir-rispett tar-rekwiziti tas-servizz pubbliku huwa rekwiżit fundamentali ta’ din id-Direttiva u huwa important li jiġu speċifikati hawn l-istandards komuni, rispettati mill-Istati Membri kollha, li jqisu l-għanijiet tal-ħarsiet tal-konsumatur, sigurtà tal-fornitura […] u livelli ta’ kompetizzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-rekwiziti tas-servizz pubbliku jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, kont meħud għaċ-ċirkostanzi nazzjonali bla ħsara għall-osservanza tal-liġijiet tal-Komunità.”

8

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/55 huwa redatt kif ġej:

“[…]

2.   Tenut kont sħiħ tad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, […] l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku generali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għal sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti […]. Dawn l-obbligazzjonijiet għandhom jigu identifikati b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorju, verifikabbli […]

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti finali u jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għandhom, b’mod partikolari, jaċċertaw illi hemm salvagwardji xieraq għall-ħarsien tal-klijenti vulnerabbli, inklużi miżuri xierqa biex jgħinuhom jevitaw id-diskonnessjoni. F’dan il-kuntest jistgħu jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti f’żoni remoti li huma konnessi mas-sistema tal-gass. L-Istati Membri jistgħu jaħtru provditur ta’ l-aħħar riżort għall-klijenti mqabbdin man-netwerks tal-gass. Għandhom jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward trasparenza rigward it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ l-appalti, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijent eliġibbli effettivament jista’ jaqleb għal provditur ġdid. Rigward klijenti tad-dar dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness A.

[…]”

9

L-Anness A tad-Direttiva 2003/55 f’dak li jikkonċerna l-miżuri relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi huwa redatt kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari [d-Direttiva 97/7] u [d-Direttiva 93/13], il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jaċċertaw li l-klijenti:

[…]

b)

jingħata avviż xieraq dwar kwalunkwe intenzjoni li l-kondizzjonijiet tal-kuntratti jiġu modifikati u jiġu informati dwar id-dritt tagħhom ta’ rtir meta jingħata l-avviż. Il-provdituri tas-servizzi għandhom javżaw lis-sottoskritti tagħhom direttament dwar kwalunkwe żieda fil-piżijiet, fi żmien xieraq mhux aktar tard minn perjodu wieħed fejn isir il-kont, wara li ż-żieda tkun daħlet fis-seħħ. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijenti huma liberi li jirtiraw mill-kuntratti jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet ġodda, notifikati lilhom mill-provditur tagħhom tas-servizzi tal-gass;

ċ)

jirċievu informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet li japplikaw u t-tariffi u dwar termini kondizzjonijiet standard, rigward l-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-gass;

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

10

Skont l-Artikolu 36(1) tal-Liġi dwar il-ġestjoni tal-Enerġija [Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz)], tas-7 Lulju 2005 (BGBl, 2005 I, p. 1970, iktar ’il quddiem l-“EnWG”):

“L-impriżi ta’ provvista tal-enerġija huma meħtieġa, għaż-żoni tan-netwerk ta’ distribuzzjoni li tagħhom huma jiżguraw il-provvista bażika tal-klijenti domestiċi, li jagħmlu pubbliċi l-kundizzjonijiet u l-prezzijiet ġenerali relatati mal-provvista b’vultaġġ baxx jew bi pressjoni baxxa u li jippubblikawhom fuq l-internet, kif ukoll li jipprovdu lill-klijenti domestiċi kollha b’dawn il-kundizzjonijiet u b’dawn il-prezzijiet […]”

11

L-Artikolu 39 tal-EnWG jipprovdi:

“1.   Il-Ministeru Federali […] jista’ […] jirregola b’digriet […] l-iffissar tal-prezzijiet ġenerali tal-fornitur bażiku […]. Barra minn hekk huwa jista’ wkoll ifassal dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kontenut u l-istruttura tal-prezzijiet ġenerali u jirregola d-drittijiet u l-obbligi tariffarji tal-fornituri tal-elettriku u tal-klijenti tagħhom.

2.   Il-Ministeru […] jista’ […] jiddefinixxi b’mod adegwat, permezz ta’ digriet […], il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ enerġija b’vultaġġ baxx jew pressjoni baxxa għall-klijenti domestiċi fil-kuntest tal-provvista bażika jew tal-provvista ta’ sostituzzjoni u, permezz ta’ dan, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet kuntrattwali b’mod uniformi, ifassal r-regolamenti li għandhom x’jaqsmu mal-konklużjoni, mal-għan u mat-terminazzjoni tal-kuntratti, kif ukoll jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti. Dan għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi taż-żewġ partijiet. L-ewwel u t-tieni sentenza għandhom japplikaw b’analoġija għall-kundizzjonijiet tal-kuntratti pubbliċi għal provvisti, bl-eċċezzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċeduri amministrattivi.”

12

Ir-Regolament li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ gass lill-klijenti bit-tariffa standard (Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Gasversorgung von Tarifkunden), tal-21 ta’ Ġunju 1979 (BGBl, 1979 I, p. 676, iktar ’il quddiem l-“AVBGasV”), applikabbli għall-kawża prinċipali fil-Kawża C‑359/11, ġie mħassar bir-Regolament fuq il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista bażika lil klijenti domestiċi u ta’ provvista ta’ gass ta’ sostituzzjoni bi pressjoni baxxa (Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Grundversorgung von Haushaltskunden und die Ersatzversorgung mit Gas aus dem Niederdrucknetz), tas-26 ta’ Ottubru 2006 (BGBl, 2006 I, p. 2396).

13

Konformement mal-Artikolu 9(1) u (2) tal-AVBGasV:

“(1)   Il-kundizzjonijiet ġenerali li l-impriżi tal-gass għandhom l-obbligu […] li jgħaqqdu kull persuna man-netwerk ta’ distribuzzjoni u li jipprovdu prezzijiet ġenerali huma ffissati fl-Artikoli 2 sa 34 ta’ dan ir-regolament. Dawn il-kundizzjonijiet jagħmlu parti mill-kuntratt ta’ provvista.

(2)   Il-klijent fis-sens ta’ dan ir-regolament huwa l-klijent li jaqa’ taħt it-tariffa standard.”

14

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-AVBGasV jistabbilixxi:

“(1)   L-impriża li tipproduċi l-gass tipprovdi l-gass taħt il-kundizzjonijiet u tariffi ġenerali rispettivament applikabbli. Il-valur kalorifiku mal-marġni ta’ varjazzjoni li jirriżulta mill-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ xiri tal-impriża kif ukoll il-pressjoni statika tal-gass li jikkorrispondu mal-provvista lill-klijent għandhom ikunu ddeterminati skont it-tariffi ġenerali.

(2)   Il-modifiki li jsiru lit-tariffi ġenerali u l-kundizzjonijiet ġenerali ma jkollhomx effett qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.

[…]”

15

L-Artikolu 32(1) u (2) tal-AVBGasV jipprovdi:

“(1)   Il-kuntratt jibqa’ japplika kontinwament sat-tħassir tiegħu minn waħda miż-żewġ partijiet permezz ta’ preavviż ta’ xahar fi tmiem xahar […]

(2)   F’każ ta’ bidliet fit-tariffi ġenerali jew ta’ bdil fil-kundizzjonijiet ġenerali mill-impriża tal-gass fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, il-klijent jista’ jirrexxindi l-kuntratt permezz ta’ preavviż ta’ ġimagħtejn fit-tmiem ix-xahar li jsegwi l-pubblikazzjoni uffiċjali.

[…]”

16

Ir-Regolament fuq il-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista tal-elettriku lill-klijenti bit-tariffa standard (Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Elektrizitätsversorgung von Tarifkunden), tal-21 ta’ Ġunju 1979 (BGBl, 1979 I, p. 684, iktar ’il quddiem l-“AVBEltV”), ġie mħassar bir-Regolament li jirrigwarda il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista bażika domestika u ta’ provvista ta’ elettriku ta’ sostituzzjoni bi vultaġġ baxx (Verordnung über Allgemeine Bedingungen für die Grundversorgung von Haushaltskunden und die Ersatzversorgung mit Elektrizität aus dem Niederspannungsnetz, Stromgrundversorgungsverordnung), tas-26 ta’ Ottubru 2006 (BGBl, 2006 I, p. 2391, iktar ’il quddiem is-“StromGVV”).

17

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-AVBEltV:

“(1)   Il-kundizzjonijiet ġenerali li l-fornituri tal-elettriku għandhom l-obbligu […] li jgħaqqdu kull persuna man-netwerk ta’ distribuzzjoni u li jipprovdu prezzijiet ġenerali għal vultaġġ baxx huma ffissati fl-Artikoli 2 sa 34 ta’ dan ir-regolament. Dawn il-kundizzjonijiet jagħmlu parti mill-kuntratt ta’ provvista.

(2)   Il-klijent fis-sens ta’ dan ir-regolament huwa l-klijent li jaqa’ taħt it-tariffa standard.”

18

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-AVBEltV jiddisponi:

“(1)   Il-fornitur tal-elettriku jipprovdi l-elettriku taħt il-kundizzjonijiet u t-tariffi ġenerali rispettivament applikabbli:

[…]

(2)   It-tibdiliet li jsiru lit-tariffi ġenerali u lill-kundizzjonijiet ġenerali ma jkollhomx effett qabel il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.”

19

L-Artikolu 32(1) u (2) tal-AVBEltV jipprovdi:

“(1)   Il-kuntratt jibqa’ japplika kontinwament sat-tħassir tiegħu minn waħda miż-żewġ partijiet permezz ta’ preavviż ta’ xahar fi tmiem xahar […]

(2)   F’każ ta’ bidliet fit-tariffi ġenerali jew ta’ bdil fil-kundizzjonijiet ġenerali mill-impriża tal-gass fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, il-klijent jista’ jirrexxindi l-kuntratt permezz ta’ preavviż ta’ ġimagħtejn fit-tmiem ix-xahar li jsegwi l-pubblikazzjoni uffiċjali.”

20

Skont l-Artikolu 1(1) tas-StromGVV:

“Dan ir-regolament jistipula l-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-fornituri tal-elettriku jridu jipprovdu l-elettriku, bi prezz ġenerali, lill-klijenti domestiċi bi vultaġġ baxx fil-kuntest tal-provvista bażika, skont l-Artikolu 36(1) tal-EnWG. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma parti inerenti mill-kuntratt għall-provvista bażika miftiehem bejn il-fornituri bażiċi u l-klijenti domestiċi […]”

21

Konformement mal-Artikolu 5(2) u (3) tas-StromGVV:

“(2)   It-tibdiliet fil-prezzijiet ġenerali u fit-termini u l-kundizzjonijiet l-oħra jidħlu fis-seħħ fil-bidu tax-xahar rilevanti, iżda biss wara l-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, li għandu jseħħ tal-inqas sitt ġimgħat qabel il-bidla ppjanata. Fl-istess waqt li jagħmel il-pubblikazzjoni, il-fornitur bażiku huwa mitlub li jibgħat notifika bil-miktub lill-klijent bil-bidliet ippjanati u li jippubblika l-bidliet fuq is-sit elettroniku tiegħu.

(3)   It-tibdiliet fil-prezzijiet ġenerali u u fit-termini u l-kundizzjonijiet l-oħra ma japplikawx għall-klijent li juri, fil-każ ta’ xoljiment fiż-żmien iddeterminat ta’ kuntratt mal-fornitur bażiku, li bdil ta’ fornitur seħħ permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt f’dan is-sens fix-xahar wara n-notifika tax-xoljiment.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑359/11

22

Mal-akkwist ta’ art, matul l-1990, mill-assoċjazzjoni ta’ komunitajiet lokali, A. Schulz kien ftiehmet fil-kuntratt tax-xiri, li l-gass naturali kien ser ikun is-sors prinċipali ta’ enerġija tal-immobbli li kellu jinbena fuq dik l-art u li kienet ser tkopri l-ħtiġijiet kollha ta’ gass għat-tisħin tal-immobbli u tal-ilma sħun mill-awtorità muniċipali ta’ Weingarten (il-Ġermanja).

23

Fl-1991, kuntratt għall-provvista ta’ gass intlaħaq bejn A. Schulz u l-awtorità muniċipali ta’ Weingarten. TWS, fornitur tal-gass naturali li tassumi l-funzjonijiet ta’ din l-awtorità, ipprovdiet dan il-gass lil A. Schulz bħala klijenta bir-rata standard.

24

Konformement mal-Artikolu 1(1) tal-AVBGasV, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti tal-provvista ta’ gass previsti minn dan ir-regolament ġew inklużi mill-ewwel fil-kuntratt inkwistjoni.

25

Din il-leġiżlazzjoni kienet tippermetti lill-fornitur li jvarja unilateralment il-prezzijiet tal-gass mingħajr ma jindika r-raġuni, il-kundizzjonijiet jew il-portata ta’ tali tibdila, filwaqt li madankollu jiggarantixxxi li l-klijenti jiġu infurmati b’kull żieda fit-tariffi u li jkunu liberi, li jekk ikun il-każ, ixolju l-kuntratt.

26

Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 sal-1 ta’ Jannar 2007, TWS żiedet il-prezzijiet tal-gass għal erba’ darbiet. A. Schulz oġġezzjonat għar-rendikonti annwali tagħha għas-snin 2005 sa 2007 għar-raġuni li hija kkunsidrat iż-żieda fit-tariffa bħala waħda mhux raġonevoli.

27

L-Amtsgericht, li kienet adita minn TWS b’talba għall-ħlas minn A. Schulz tas-somom dovuti skont dawn ir-rendikonti, ordnat lill A. Schulz il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 2 733.12, miżjud bl-interessi moratorji u bl-ispejjeż.

28

A. Schulz tilfet l-appell u ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju.

29

Billi tikkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/55, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(3) […] tad-Direttiva 2003/55[…], [moqri flimkien mal-punti (b) u/jew (ċ) tal-Anness A ta’ din,] għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirrigwarda r-reviżjoni tal-prezzijiet f’kuntratti ta’ provvista ta’ gass naturali konklużi ma’ klijenti domestiċi, li jirċievu l-provvisti fl-ambitu tal-obbligu ġenerali ta’ provvista (klijenti suġġetti għal tariffa standard), tissodisfa r-rekwiżiti marbuta mal-grad neċessarju ta’ trasparenza jekk, għalkemm ir-raġuni, ir-rekwiżiti u l-portata tar-reviżjoni ma jirriżultawx fiha, il-klijenti jkunu madankollu żgurati li l-impriża tad-distribuzzjoni tal-gass tinformahom minn qabel, permezz ta’ preavviż raġonevoli, b’kull żieda fil-prezz, u dawn ikunu liberi li jirrexxindu l-kuntratt fil-każ li ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet ġodda nnotifikati lilhom?”

Il-Kawża C‑400/11

30

Id-distributur muniċipali SA jipprovdi l-elettriku u l-gass lil J. Egbringhoff. Matul il-perijodu bejn l-2005 u l-2008, SA żiedet il-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass numru ta’ drabi. J. Egbringhoff oġġezzjona għar-rendikonti annwali tas-sena 2005 għar-raġuni li dawn iż-żidiet ma kinux raġonevoli. Bla ħsara għal din il-kontestazzjoni huwa ħallas il-kontijiet għall-perijodu li jmur mill-2005 sal-2007.

31

J. Egbringhoff ressaq kawża sabiex jikseb ir-rimbors minn SA tas-somma ta’ EUR 746.54 bl-interessi kif ukoll sabiex jiġi kkonstatat li SA, fil-kuntest tal-kalkolu tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass għall-2008, għandha l-obbligu li tapplika l-prezzijiet fis-seħħ fl-2004.

32

Għalkemm dik il-kawża ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u fl-appell, J. Egbringhoff ippreżenta rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju.

33

Din tal-aħħar sostniet li, fir-rigward tal-provvista tal-elettriku, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti magħmula mal-konsumaturi kienu stabbiliti, matul il-perijodu kkontestat, permezz tal-AVBEltV u lis-StromGVV u integrati, bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-kuntratti magħmula mal-klijenti bir-rata standard.

34

Din il-leġiżlazzjoni kienet tippermetti lill-fornitur li jvarja unilateralment il-prezzijiet tal-elettriku mingħajr ma jindika r-raġuni, il-kundizzjonijiet jew il-portata ta’ tali tibdila, filwaqt li madankollu jiggarantixxxi li l-klijenti jiġu infurmati b’kull żieda fit-tariffi u li jkunu liberi, li jekk ikun il-każ, ixolju l-kuntratt.

35

Fid-dawl tal-fatt li, fil-Kawża C‑359/11, il-Bundesgerichtshof kienet ressqet talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/55, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa biżżejjed li fil-kuntest tal-Kawża C‑400/11, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/54. Konsegwentement, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(5) […] tad-Direttiva 2003/54[…], [moqri flimkien mal-punti (b) u/jew (ċ) tal-Anness A ta’ din,] għandu jiġi interpretat fis-sens li, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar bidliet fil-prezzijiet fil-kuntratti tal-provvista tal-elettriku magħmula ma’ klijenti residenzjali li huma fornuti bħala parti mill-obbligu ġenerali ta’ provvista (klijent bit-tariffi standard) tissodisfa r-rekwiżiti ta’ trasparenza jekk ma tippreċiżax il-motivi, il-kundizzjonijiet u l-importanza ta’ bidla eventwali fil-prezzijiet, iżda li fi kwalunkwe każ tiggarantixxi li l-fornitur tal-elettriku javża lill-klijenti tiegħu bi kwalunkwe żieda fil-prezz fi żmien xieraq u li dawn tal-aħħar jingħataw id-dritt li jtemmu l-kuntratt permezz ta’ xoljiment, jekk ma jkunux jixtiequ jaċċettaw il-bdil fil-kundizzjonijiet li jkunu ġew ikkomunikati lilhom?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36

Fl-14 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda l-proċeduri fil-Kawżi C‑359/11 u C‑400/11 sakemm, fil-21 ta’ Marzu 2013, tingħata s-sentenza tal-Kawża C‑92/11.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2014, il-Kawżi C‑359/11 u C‑400/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

38

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/54, moqri flimkien mal-Anness A ta’ din, u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, moqri flimkien mal-Anness A ta’ din, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddetermina l-kontenut tal-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u tal-gass magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista u li jipprovdu l-possibbiltà ta’ bidla fit-tariffa ta’ din il-provvista, iżda li ma jiggarantixxux li l-konsumaturi jkunu informati fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din.

39

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-għan ta’ dawn id-direttivi huwa dak li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku u tal-gass. L-aċċess għan-netwerk li ma jkunx diskriminatorju u li jkun trasparenti u disponibbli bi prezz ġust huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u huwa ta’ importanza kbira sabiex jitkompla s-suq intern tal-elettriku tal-gass (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sabatauskas et, C‑239/07, EU:C:2008:551, punt 31).

40

It-tħassib dwar il-protezzjoni tal-konsumatur huwa wara d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/54 u 2003/55 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Enel Produzione, C‑242/10, EU:C:2011:861, punti 39, 54 u 56). Dan it-tħassib huwa relatat mill-qrib kemm mal-liberalizzazzjoni tas-swieq inkwistjoni kif ukoll mal-għan li huwa wkoll imfittex minn dawn id-direttivi, li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista kontinwa tal-elettriku u tal-gass (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punti 59 sa 65).

41

F’dan ir-rigward, l-Artikoli 3(5) tad-Direttiva 2003/54 u 3(3) tad-Direttiva 2003/55 jipprovdu dispożizzjonijiet li jippermettu l-ksib tal-għan imsemmi fil-punt preċedenti.

42

Minn naħa, jirriżulta mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti finali u b’mod partikolari jaċċertaw illi hemm salvagwardji xierqa għall-ħarsien tal-klijenti vulnerabbli, inklużi miżuri xierqa biex jgħinuhom jevitaw id-diskonnessjoni tal-provvista tal-enerġija. Għal dan il-għan, bis-saħħa tal-Artikolu 3(3), ta’ kull waħda minn dawn id-direttivi, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur tal-aħħar għażla.

43

Fil-kawża preżenti, hekk kif isostni l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kuntratti ta’ provvista inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kuntratti magħmula minn fornituri li jaġixxu bħala fornituri tal-aħħar għażla mal-klijenti li jkunu talbu għalihom.

44

Dawn il-fornituri tal-elettriku u tal-gass huma meħtieġa fil-kuntest tal-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jidħlu f’kuntratti mal-klijenti li jkunu talbu għalihom u li huma intitolati għall-kundizzjonijiet stipulati mill-imsemmi regolament, l-interessi ekonomiċi ta’ dawn il-fornituri għandhom jiġu kkunsidrati sa fejn dawn ma jkollhomx l-għażla tal-parti kontraenti l-oħra u ma jistgħux ittemmu liberament il-kuntratt.

45

Min-naħa l-oħra, fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tad-drittijiet tal-klijenti, hekk kif ġie deċiż fil-punt 45 tas-sentenza RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180) f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2003/55, din tal-aħħar tobbliga, bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) tagħha, lill-Istati Membri li jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni għoli tal-konsumaturi f’dak li jikkonċerna t-trasparenza tal-kundizzjonijiet kuntrattwali. Din il-konstatazzjoni tgħodd ukoll f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/54.

46

Minbarra d-dritt tagħhom li jxolju l-kuntratt ta’ provvista, stabbilit fil-punt (b) tal-Anness A ta’ kull waħda minn dawn id-direttivi, il-klijenti għandhom ukoll jingħataw is-setgħa li jikkontestaw it-tibdil tal-prezz tal-provvista.

47

Taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, sabiex igawdu b’mod sħiħ u effettiv minn dawn id-drittijiet u jieħdu, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, deċiżjoni dwar it-terminazzjoni possibbli tal-kuntratt jew sabiex jikkontestaw it-tibdil tal-prezz tal-provvista, il-klijenti għandhom ikunu informati, fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din.

48

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li f’dawn iċ-ċirkustanzi ma tiggarantixxix li l-informazzjoni msemmija fil-punt preċedenti tkun ipprovduta lil klijent residenzjali fi żmien xieraq ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttivi 2003/54 u 2003/55.

49

Huwa minnu li fis-sentenza RWE Vertrieb (EU:C:2013:180) dwar il-kuntratti ta’ provvista ta’ gass irregolati mid-Direttivi 93/13 u 2003/55, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ta’ importanza essenzjali l-informazzjoni, trażmessa lill-konsumatur b’mod trasparenti qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar ir-raġuni u l-modifiki possibbli ta’ dawn l-ispejjeż tal-provvista ta’ dan il-gass.

50

Madankollu, għandu jiġi nnotat li fil-kawża li tat lok għas-sentenza RWE Vertrieb (EU:C:2013:180), id-dmir ta’ informazzjoni qabel ma jsir il-kuntratt inkwistjoni kienet ukoll ibbażata taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

51

Madankollu, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu liġijiet jew regolamenti obbligatorji ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

52

Peress li f’dan il-każ, il-kontenut tal-kuntratti li huma s-suġġett tal-kawżi prinċipali huwa determinat mir-regolamenti Ġermaniżi li huma obbligatorji, id-Direttiva 93/13 ma tapplikax.

53

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/54, moqri flimkien mal-Anness A ta’ din, u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, moqri flimkien mal-Anness A ta’ din, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddetermina l-kontenut tal-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u tal-gass magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista u li jipprovdu l-possibbiltà ta’ bidla fit-tariffa ta’ din il-provvista, iżda li ma jiggarantixxux li l-konsumaturi jkunu informati fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din.

Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta ’ din is-sentenza

54

Fil-każ li s-sentenza tiddeċiedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ trasparenza tad-Direttivi 2003/54 u 2003/55, TWS u SA, TWS u SA talbu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, sabiex tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza, b’tali mod li dawn jiġu ddiferiti b’20 xahar sabiex il-leġiżlatur nazzjonali jkun jista’ jittratta l-konsegwenzi ta’ din is-sentenza. Il-Gvern Ġermaniż talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, tikkunsidra l-opportunità li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza.

55

Insostenn ta’ din it-talba, TWS u SA invokaw il-konsegwenzi serji li ser ikollu s-settur kollu tal-provvista tal-elettriku u tal-gass fil-Ġermanja. Fil-fatt, jekk it-tibdiliet tat-tariffi jkunu kkunsidrati kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, il-fornituri jkollhom iwettqu rimbors retroattiv tas-somom imħallsa mill-konsumaturi matul is-snin, li jista’ jhedded l-eżistenza nnifisha ta’ dawn il-fornituri u dan ikollu konsegwenzi negattivi fuq il-provvista tal-konsumaturi Ġermaniżi tal-elettriku u tal-gass.

56

Dawn il-partijiet żiedu wkoll li hekk kif jirriżulta mir-rapport tal-Aġenzija Federali tan-Netwerk (Bundesnetzagentur) għall-2012, 4.1 miljun klijent domestiku kienu fornuti b’gass fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet vinkolanti tar-Regolament tas-26 ta’ Ottubru 2006, fuq il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista lil klijenti domestiċi u ta’ provvista ta’ gass ta’ sostituzzjoni bi pressjoni baxxa. Jirriżulta wkoll minn dan ir-rapport li 40 % mis-46 miljun klijent domestiku huma fornuti bl-elettriku skont is-sistema obbligatorja tas-StromGVV.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss f’każijiet għal kollox eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fides. Sa biex tali limitazzjoni tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jiġu sodisfatti, jiġifieri l-bona fides tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza RWE Vertrieb, EU:C:2013:180, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi, b’mod partikolari meta kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fides fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw imġiba li ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Fir-rigward tar-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jiġi nnotat li huwa minnu li TWS u SA kienu rreferew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, għall-istatistika mill-Aġenzija Federali tan-Netwerk għas-sena 2012 billi indikaw in-numru ta’ klijenti li kkonkludew kuntratti li jirriżultaw f’obbligi ġenerali relatati mal-provvista u li jirrigwardaw is-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvista tal-elettriku u tal-gass, suġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

60

Madankollu, ma ġiex muri li l-ikkontestar tar-relazzjonijiet legali li kienu eżawrew l-effetti tagħhom fil-passat kienu b’mod retroattiv qallbu s-settur kollu tal-provvista tal-elettriku u tal-gass fil-Ġermanja.

61

Barra minn hekk, fir-rigward tal-Gvern Ġermaniż, dan irrikonoxxa fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li huwa ma kienx kapaċi li jevalwa l-konsegwenzi li din is-sentenza jista’ jkollha għall-impriżi fis-settur tal-provvista tal-elettriku u tal-gass.

62

Bħala konsegwenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ riskju ta’ diffikultajiet serji, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

63

Peress illi t-tieni kriterju msemmi fil-punt 57 ta’ din is-sentenza ma kienx issodisfatt, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk ġiex issodisfat il-kriterju relatat mal-bona fides tal-persuni kkonċernati.

64

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE, moqri flimkien mal-Anness A ta’ din, u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, moqri flimkien mal-Anness A ta’ din, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddetermina l-kontenut tal-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u tal-gass magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista u li jipprovdu l-possibbiltà ta’ bidla fit-tariffa ta’ din il-provvista, iżda li ma jiggarantixxux li l-konsumaturi jkunu informati fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.