Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2012 — Brouwer
(Kawża C-355/11)
“Direttiva 91/629/KEE — Standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett fi ħdan il-politika agrikola komuni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 91/629/KEE u li tiddikjara l-kundizzjonijiet amministrattivi statutorji previsti minnha applikabbli, b’mod partikolari, għall-għoġġiela li jinżammu f’ażjendi għall-produzzjoni tal-ħalib”
1. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti — Direttiva 91/629 — Kunċetti ta’ “trobbija” u ta’ “tħaxxin” (Direttiva tal-Kunsill 91/629, Artikoli 1 u 4) (ara l-punti 36-39)
2. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi — Struttura ġenerali u skop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni bħala bażi ta’ riferiment — Direttiva 91/629 (Direttiva tal-Kunsill 91/629, Artikolu 1) (ara l-punti 40-42)
3. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela — Direttiva 91/629 — Kamp ta’ applikazzjoni — Għoġġiela miżmuma f’azjendi għall-produzzjoni tal-ħalib għal finijiet agrikoli — Inklużjoni (Direttiva tal-Kunsill 91/629, Artikoli 1 u 4) (ara l-punti 44-46 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — College van Beroep voor het Bedrijfsleven — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, li tipprovdi l-livelli minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 144), u tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE[E]) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva billi tiddikjara li l-kundizzjonijiet amministrattivi statutorji japplikaw mhux biss għal għoġġiela li jinżammu għat-trobbija u għat-tħaxxin, iżda wkoll għal għoġġiela li jinżammu għall-produzzjoni tal-ħalib. |
Dispożittiv
Id-Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, li tipprovdi l-livelli minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela, kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li skontu l-kundizzjonijiet dwar it-trobbija tal-għoġġiela għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-anness tal-imsemmija direttiva, fosthom il-punt 8 ta’ dan l-anness li jipprojbixxi, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni, li jintrabtu l-għoġġiela, kien japplika għal għoġġiela li bidwi kien iżomm separati f’azjendi li jipproduċu l-ħalib għal finijiet agrikoli.