SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Appell — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Identifikazzjoni ta’ livell ta’ riskju assoċjat ma’ entità – Sistema ta’ twissijiet bikrija — Investigazzjoni tal-OLAF — Deċiżjonijiet — Talbiet għal attivazzjoni tat-twissijiet W1a u W1b — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C-314/11 P,

li għandha bħala suġġett appell abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Ġunju 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u F. Dintilhac, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Planet AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J.-J. Kasel (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ April 2011, Planet vs Il-Kummissjoni (T-320/09, Ġabra p. II-1673, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-imsemmija istituzzjoni fir-rigward tat-talba mressqa minn Planet AE (iktar ’il quddiem “Planet”) intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li permezz tagħhom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni ta’ Planet fis-sistema ta’ twissijiet bikrija (iktar ’il quddiem “EWS”), rispettivament permezz tal-attivazzjoni tat-twissija W1a u sussegwentement permezz ta’ dik tat-twissija W1b.

Il-kuntest ġuridiku

2

Bil-għan li tiġi miġġielda l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kummissjoni adottat fis-16 ta’ Diċembru 2008, id-Deċiżjoni 2008/969/KE, Euratom dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 344, p. 125).

3

Skont il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2008/969, “L-għan tal-EWS huwa li, fl-ambitu tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi tagħha, tiżgura ċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni ristretta dwar partijiet terzi li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-Komunitajiet jew għal kwalunkwe fond ieħor amministrat mill-Komunitajiet”.

4

B’mod konformi mal-premessi 5 sa 7 tal-imsemmija deċiżjoni, l-OLAF, li għandu aċċess għall-EWS fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet u l-ġbir ta’ informazzjoni maħsuba sabiex jimpedixxu l-frodi, huwa responsabbli, b’mod konġunt mal-uffiċjal responsabbli u s-servizz ta’ verifika interna, biex jitlob ir-reġistrazzjoni, il-modifika jew it-tneħħija ta’ twissijiet EWS, li l-amministrazzjoni tagħhom hija żgurata mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jew mill-persunal li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ġerarkika tiegħu.

5

F’dak ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2008/969 jipprovdi li “L-uffiċjal tal-kontabilità [tal-Kummissjoni jew mill-persunal li jaqa’ taħt ir-responsabbilità ġerarkika tiegħu] għandu jdaħħal, jimmodifika jew ineħħi t-twissijiet tal-EWS skont it-talbiet mill-[uffiċjal delegat] responsabbli, [mill-OLAF u mis-Servizz ta’ Verifika Interna]”.

6

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ dik id-deċiżjoni “It-talbiet kollha għar-reġistrazzjoni, il-modifikazzjoni jew it-tneħħija tat-twissijiet għandhom jiġi indirizzati lill-uffiċjal tal-kontabilità”.

7

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija deċiżjoni, “Fil-każ ta’ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ għotjiet, l-AOD [uffiċjal delegat] responsabbli jew il-persunal tiegħu għandhom jivverifikaw jekk ikunx hemm twissija fl-EWS mhux iktar tard minn meta tittieħed id-deċiżjoni tal-għotja”.

8

Mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/969 jirriżulta li l-EWS hija mibnija fuq twissijiet li jippermettu li jiġi identifikat il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ entità skont kategoriji li jvarjaw minn W1, li tikkorrispondi għal-livell ta’ riskju l-iktar baxx, sa W5, li tikkorrispondi għall-ogħla livell ta’ riskju.

9

L-Artikolu 10 ta’ dik id-deċiżjoni, intitolat “Twissijiet tal-kategorija W1”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-OLAF għandu jressaq talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W1a meta l-investigazzjonijiet tiegħu fi stadju bikri jwasslu għal raġuni biżżejjed biex jitwemmen li l-probabbiltà li jiġi rreġistrat il-kxif ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi marbuta ma’ partijiet terzi tkun kbira, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ [għandu jitlob l-attivazzjoni ta’ twissija W1a meta fil-fażi inizjali ta’ investigazzjoni tiegħu jirriżultaw raġunijiet suffiċjenti sabiex jitwemmen li jistgħu jiġu rreġistrati fl-EWS konstatazzjonijiet ta’ frodi jew żbalji amministrattivi gravi fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ terzi li jibbenefikaw jew li bbenefikaw minn] fondi Komunitarji. […]

2.   L-OLAF u l-IAS għandhom iressqu talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W1b meta l-investigazzjonijiet tagħhom iwasslu għal raġuni li tkun biżżejjed biex jitwemmen li l-probabbiltà li jiġi rreġistrat il-kxif finali ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi marbuta ma’ partijiet terzi tkun kbira, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji. [għandu jitlob l-attivazzjoni ta’ twissjia W1b meta minn investigazzjoni tiegħu jirriżultaw raġunijiet suffiċjenti sabiex jitwemmen li jistgħu jiġu rreġistrati fl-EWS konstatazzjonijiet ta’ frodi jew żbalji amministrattivi gravi fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ terzi li jibbenefikaw jew li bbenefikaw minn fondi Komunitarji]. […]”

10

Skont l-Artikolu 11(1) ta’ dik id-deċiżjoni, “L-OLAF [għandu jressaq talba] għall-attivazzjoni ta’ twissija W2a meta l-investigazzjonijiet [tiegħu] iwasslu għal kxif ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi li tkun tinvolvi partijiet terzi, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji [għandu jitlob l-attivazzjoni ta’ twissjia W2a meta minn investigazzjoni tiegħu jirriżultaw konstatazzjonijiet ta’ frodi jew żbalji amministrattivi gravi fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ terzi li jibbenefikaw jew li bbenefikaw minn fondi Komunitarji.]”

11

L-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2008/969 jippreċiża li twissija W1 “għandha tiġi rreġistrata għall-fini ta’ informazzjoni biss u tista’ ma timplika l-ebda konsegwenza għajr għal tisħiħ fil-miżuri [ma għandu jkollha l-ebda konsegwenza oħra ħlief it-tisħiħ tal-miżuri] ta’ sorveljanza”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

12

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 8 sa 13 tad-digriet appellat bil-mod segwenti:

“8

[Planet] hija kumpannija Griega li tipprovdi servizzi ta’ konsulenza fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-impriżi. Mill-2006, hija tinsab involuta, bħala membru ta’ tliet konsorzji, fi tliet proġetti fis-Sirja li huma ffinanzjati mill-Kummissjoni. Mis-16 ta’ Ottubru 2007, ġiet suġġetta għal investigazzjoni tal-OLAF marbuta ma’ suspetti ta’ irregolaritajiet fil-kuntest tal-imsemmija tliet proġetti.

9

Wara proċedura ta’ sejħa għal offerti varata fil-kuntest tas-seba’ programm qafas tar-riċerka u żvilupp teknoloġiku, [Planet] ġiet mistiedna mill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ April 2008, sabiex tidħol f’negozjati bil-għan li jiġu ffissati t-termini definittivi ta’ ftehim ta’ għoti li jikkonċerna l-proposta tagħha li tassumi r-rwol ta’ koordinatur ta’ konsorzju [relatat ma]l-proġett “Advancing knowledge – intensive entrepreneurship and innovation for growth and social well-being in Europe” (iktar ’il quddiem il-“proġett AEGIS”). L-ittra tal-Kummissjoni kienet tiddikjara li l-ftehim ta’ għoti eventwali minn naħa tal-Komunità ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ EUR 3 300 000 u li jeħtieġ li n-negozjati jiġu konklużi qabel it-30 ta’ Ġunju 2008.

10

L-iżvolġiment tal-investigazzjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq wassal lill-OLAF sabiex jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ [Planet] fl-EWS f’żewġ okkażjonijiet. Fis-26 ta’ Frar 2009, huwa talab l-attivazzjoni tat-twissija W1a u, fid-19 ta’ Mejju 2009, huwa talab l-attivazzjoni tat-twissija W1b. Ir-reġistrazzjonijiet twettqu fl-10 ta’ Marzu u fil-25 ta’ Mejju 2009.

11

Fis-27 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet [lil Planet] il-Ftehim ta’ għoti innegozzjat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”) bil-għan li dan jiġi ffirmat minn din tal-aħħar kif ukoll mill-membri l-oħra tal-konsorzju li hija tifforma parti minnu. Fil-11 ta’ Marzu 2009, [Planet] irritornat il-Ftehim iffirmat lill-Kummissjoni sabiex jiġi iffirmat minn din tal-aħħar.

12

Fl-4 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni informat [lil Planet] permezz ta’ posta elettronika [iktar ’il quddiem il-‘posta elettronika tal-4 ta’ Ġunju 2009’] li l-proċess tal-iffirmar tal-Ftehim kien ġie sospiż sakemm tiġi sodisfatta kundizzjoni addizzjonali, jiġifieri l-ftuħ [minn Planet] ta’ kont bankarju bblokkat, li permezz tiegħu din tal-aħħar tiddepożita biss il-parti mill-ħlas minn qabel li jirriżulta mill-Ftehim li jappartjeni lilha, filwaqt li l-kumplament tal-ħlas minn qabel jiġi ttrasferit direttament mill-bank lill-membri l-oħra tal-konsorzju. Il-posta elettronika kienet tiddikjara li r-rekwiżit ta’ dik il-kundizzjoni l-ġdida kienet dovuta għal avveniment mhux mistenni, jiġifieri r-reġistrazzjoni [ta’ Planet] fl-EWS rispettivament permezz tal-attivazzjoni tat-twissija W1a, u sussegwentement minn dik tat-twissija W1b.

13

Peress li [Planet] ftehmet mal-bank tagħha li huwa kellu jimpenja ruħu li jittrasferixxi, meta jirċievi l-ħlas minn qabel li kellu jiġi ttrasferit mill-Kummissjoni, lil kull membru tal-konsorzju l-ammont li kien jappartjeni lilu, il-Kummissjoni ffirmat il-Ftehim fit-3 ta’ Lulju 2009.”

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet ikkontestat

13

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Awwissu 2009, Planet ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-OLAF.

14

Permezz ta’ att separat tad-9 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, abbażi tal-Artikolu 114(1) tar-Reġoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fl-opinjoni tagħha, ir-rikors ta’ Planet huwa inammissibbli minħabba n-natura stess tal-atti kkontestati li kienu biss sempliċi miżuri ta’ informazzjoni interna u ta’ prudenza u li ma jistgħux jiġu ssuġġettati għal stħarriġ tal-legalità abbażi tal-Artikolu 230 KE.

15

Il-Qorti Ġenerali, qabel xejn, fil-punti 21 sa 27 tad-digriet appellat, ippreċiżat, fir-rigward tas-suġġett tal-kawża, li għalkemm ir-rikors għal annullament kien formalment dirett kontra d-deċiżjonijiet tal-OLAF li permezz tagħhom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni ta’ Planet fl-EWS, huwa kellu jiġi kkunsidrat bħala li kien dirett ukoll kontra d-deċiżjonijiet ta’ attivazzjoni tat-twissijiet W1a u W1b (iktar ’il quddiem, l-“atti kkontestati”).

16

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 37 u 38 tad-digriet appellat, il-ġurisprudenza stabbilita li abbażi tagħha rikors għal annullament huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex ikollhom effetti legali. Għall-kuntrarju ma humiex ammissibbli r-rikorsi ppreżentati kontra l-atti li jikkostitwixxu biss miżuri interni għall-amministrazzjoni u li ma jiġġeneraw l-ebda effett barra minn f’din tal-aħħar.

17

Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 39 tad-digriet appellat, li l-fatt li l-amministrazzjoni tipproċessa informazzjoni għal finijiet purament interni bl-ebda mod ma jeskludi li tali operazzjonijiet jistgħu jippreġudikaw l-interessi ta’ dawk ikkonċernati. Skont il-Qorti Ġenerali, eżistenza ta’ tali preġudizzju tiddependi fuq diversi fatturi, fosthom, partikolarment, fuq il-konsegwenzi li dan l-ipproċessar jista’ jiġġenera kif ukoll fuq il-konformità bejn, minn naħa, l-għan tal-ipproċessar inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet relatati mal-kompetenza tal-amministrazzjoni kkonċernata.

18

Wara li indirizzat, fil-punt 40 tad-digriet appellat, il-kwistjoni tal-bażi legali tad-Deċiżjoni 2008/969, u li ddeċidiet, fil-punt 41 ta’ dak id-digriet, l-inkompetenza tal-awtur ta’ att ikkontestat tikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubbliku li bħala tali għandha titqajjem ex officio, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami tal-kontenut tal-atti kkontestati.

19

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk it-twissija ta’ entità fl-EWS u, b’mod partikolari, fil-kategorija W1 hijiex operazzjoni li tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet interni tal-Kummissjoni u jekk l-effetti tagħha humiex limitati għall-isfera interna ta’ din tal-aħħar.

20

Wara li analizzat, fil-punti 44 u 45 tad-digriet appellat, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2008/969, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 46 tal-imsemmi digriet, li f’dan il-każ, l-atti kkontestati ma kinux limitati għar-relazzjonijiet interni tal-Kummissjoni, iżda li kienu pproduċew effetti esterni, jiġifieri s-sospensjoni tal-iffirmar tal-ftehim u l-inklużjoni ta’ kundizzjoni addizzjonali fuq Planet.

21

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 47 sa 50 tad-digriet appellat, il-kwistjoni dwar jekk l-effetti prodotti mill-atti kkontestati setgħux jiġu kkunsidrati bħala effetti legali obbligatorji, li jaffettwaw l-interessi ta’ Planet u li jimmodifikaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha.

22

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 51 tad-digriet appellat, li l-atti kkontestati affettwaw il-marġni ta’ negozjar ta’ Planet, l-organizzazzjoni fi ħdan il-konsorzju li minnu hija kienet tifforma parti u, għaldaqstant, id-dispożizzjoni ta’ Planet li effettivament tikkonkludi l-proġett inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-fatt li Planet tiġi mċaħħda minn kull stħarriġ ġudizzjarju huwa inkompatibbli mal-unjoni tad-dritt, u dan iktar u iktar meta d-deċiżjoni 2008/969 ma tipprovdi għall-ebda dritt għal persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jiġu infurmati jew mismugħa qabel l-inklużjoni tagħhom fl-EWS permezz tal-attivazzjoni tat-twissijiet W1 sa W4 u W5b.

23

Finalment, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 53 tad-digriet appellat, li l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala atti intermedjarji u preparatorji li ma jistgħux jiġu kkontestati, safejn huma mhux biss jissodisfaw il-karatteristiċi ġuridiċi ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati, iżda jikkostitwixxu wkoll it-tmiem ta’ proċedura speċjali, jiġifieri r-reġistrazzjoni ta’ entità f’lista ta’ twissija.

24

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

It-talbiet tal-partijiet

25

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, tiddikjara r-rikors ammissibbli u tikkundanna lil Planet għall-ispejjeż.

26

Planet titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

27

Il-Kummissjoni tinvoka tmien aggravji insostenn tal-appell tagħha dirett kontra d-digriet appellat. Dawk l-aggravji huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni 2008/969, fit-tieni lok, fuq nuqqas ta’ bidla sostanzjali tas-sitwazzjoni legali ta’ Planet permezz tat-twissijiet inkwistjoni, fit-tielet lok, fuq l-effett mhux dirett fuq din tal-aħħar mill-imsemmija twissijiet, fir-raba’ lok, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali, fil-ħames lok, fuq konfużjoni tar-rimedji, fis-sitt lok, fuq ksur tal-libertà kuntrattwali u tal-prinċipju tal-kunsens, fis-seba’ lok, fuq klassifikazzjoni żbaljata u nieqsa minn kull motivazzjoni tat-twissijiet bħala deċiżjonijiet u, fit-tmien lok, fuq l-issuġġettar tal-ammissibbiltà tar-rikors għall-fondatezza ta’ dan tal-aħħar.

28

Peress li l-ewwel tliet aggravji huma marbuta mill-qrib, jeħtieġ li jiġu eżaminati konġuntement.

Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet aggravji

L-argumenti tal-partijiet

29

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni 2008/969 mill-Qorti Ġenerali, safejn hija wettqet ġeneralizzazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-deċiżjoni billi assimilat it-twissija W1 mat-twissijiet W2 sa W5. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali tinvolvi kontradizzjoni peress li, minn naħa, fil-punt 44 tad-digriet appellat, hija kkonkludiet li kull twissija fl-EWS taffettwa neċessarjament ir-relazzjonijiet bejn l-uffiċjal u l-entità kkonċernati, u li min-naħa l-oħra, fil-punt 45 ta’ dak id-digriet, hija tikkonstata li l-Artikolu 16 tad-deċiżjoni 2008/969, relatat mal-konsegwenzi ta’ twissija W1, huwa inqas restrittiv meta mqabbel mal-Artikoli 15, 17 u 19 sa 22 ta’ dik id-deċiżjoni.

30

Skont il-Kummissjoni, it-twissija W1 tiddistingwi ruħha b’mod evidenti mit-twissijiet l-oħra, safejn, kif jirriżulta mill-Artikolu 10 tad-deċiżjoni 2008/969, l-attivazzjoni tagħha hija bbażata fuq sempliċi probabbiltà ta’ żball jew ta’ irregolarità u mhux, bħalma huwa l-każ fir-rigward tat-twissijiet l-oħra, fuq ċertezza assoluta. Dik id-distinzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2008/969, li jistabbilixxi li t-twissija W1 għandha tiġi rreġistrata għall-fini ta’ informazzjoni biss u ma għandu jkollha l-ebda konsegwenza oħra ħlief it-tisħiħ tal-miżuri ta’ sorveljanza. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi kklassifikat bħala “inqas restrittiv” il-kontenut tal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2008/969, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li, f’tali każ, l-għoti tal-protezzjoni ġuridika kienet bl-istess mod provviżorja biss.

31

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 44 tad-digriet appellat, li t-twissija W1 affettwat neċessarjament ir-relazzjonijiet bejn l-uffiċjal ikkonċernat u Planet. Skont il-Kummissjoni, l-obbligu ta’ sorveljanza jinkludi ċertament dimensjoni obbligatorja fil-livell tad-dipartimenti tal-istituzzjoni kkonċernata, iżda t-tisħiħ tal-miżuri ta’ sorveljanza jikkorrispondi l-iktar l-iktar għal attenzjoni miżjuda u bl-ebda mod ma jimplika effetti obbligatorji fir-rigward tal-entità msemmija.

32

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 48 tad-digriet appellat, rabta ta’ kawżalità diretta bejn l-atti kkontestati u l-miżuri addizzjonali li Planet kellha tadotta qabel l-iffirmar tal-ftehim, meta dawk il-miżuri ma kinux jirriżultaw mit-twissija W1, iżda kienu jaqgħu taħt l-evalwazzjoni indipendenti tal-uffiċjal responsabbli.

33

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddefinixxi, fil-punt 49 tad-digriet appellat, liema miżuri kienu poġġew lil Planet f’sitwazzjoni sfavorevoli u, barra minn hekk, kisret il-prinċipju proċedurali tal-eżami mhux diskriminatorju tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa mill-partijiet, billi ma ħaditx kont, minn naħa, tal-korrispondenza bejn il-partijiet kontraenti u, min-naħa l-oħra, tan-negozjati li pparteċipaw fihom Planet u l-bank tagħha.

34

Planet issostni li l-ewwel żewġ aggravji mqajjma mill-Kummissjoni jekwivalu għal żnaturament tal-kontenut tal-punti 44 u 45 tad-digriet appellat, safejn, f’dawk il-punti, il-Qorti Ġenerali sempliċiment ikkonkludiet li l-uffiċjali kienu obbligati jadottaw miżuri speċifiċi fil-konfront tal-entitajiet ikkonċernati, indipendentement mit-twissija inkwistjoni, inkluża t-twissija W1, u ma tatx deċiżjoni fuq ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti u fuq bdil eventwali tas-sitwazzjoni legali tagħha permezz tal-atti kkontestati.

35

Planet tikkunsidra li t-tielet aggravju għandu jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, bil-għan li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Planet kontra l-atti kkontestati, il-Qorti Ġenerali vverifikat, preliminarjament, fil-punti 44 sa 46 tad-digriet appellat, jekk it-twissija ta’ entità fl-EWS hijiex operazzjoni li tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet interni tal-istituzzjoni kkonċernata u jekk l-effetti tagħha humiex limitati għall-isfera interna ta’ din tal-aħħar.

37

F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, wara li esponiet il-funzjonament tal-EWS u l-għan inerenti tad-Deċiżjoni 2008/969, jiġifieri dak li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ miżuri baġitarji, li l-Artikoli 15 sa 17 u 19 sa 22 tad-Deċiżjoni 2008/969 mhux biss jawtorizzaw, iżda wkoll u fuq kollox, jimponu li l-uffiċjali kkonċernati għandhom jadottaw miżuri speċifiċi fil-konfront tal-entità jew tal-proġett inkwistjoni.

38

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 44 tad-digriet appellat, li l-impatt ta’ twissija ta’ entità fl-EWS, inkluża t-twissija W1, ma jistax ikun limitat għall-isfera interna tal-istituzzjoni kkonċernata u li tali twissija taffettwa neċessarjament ir-relazzjonijiet bejn l-uffiċjal tal-istituzzjoni kkonċernata u dik l-entità.

39

Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 45 tad-digriet appellat, li dik il-konklużjoni ma kinitx affettwata mill-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2008/969, li jistabbilixxi li t-twissija W1 għandha tiġi rreġistrata għall-fini ta’ informazzjoni biss u ma għandu jkollha l-ebda konsegwenza oħra ħlief it-tisħiħ tal-miżuri ta’ sorveljanza, safejn il-konstatazzjoni ta’ twissija W1 twassal, sabiex ma titlifx l-utilità kollha tagħha, għal obbligu għall-uffiċjal ikkonċernat li jadotta miżuri msaħħa ta’ sorveljanza.

40

Kien biss wara li kkonstatat, fil-punt 46 tad-digriet appellat, li l-atti kkontestati kienu effettivament ipproduċew effetti barra l-isfera interna tal-istituzzjoni kkonċernata, li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 47 sa 51 tad-digriet appellat, billi bbażat ruħha fuq elementi fattwali tal-każ odjern, jekk dawk l-effetti jistgħux jiġu kkunsidrati bħala legalment obbligatorji, li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-entità kkonċernata billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha.

41

Qabel xejn, minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx assimilazzjoni bejn it-twissija W1 u t-twissijiet W2 sa W5, iżda li hija, għall-kuntrarju, enfasizzat l-ispeċifiċità tat-twissija W1 fid-dawl tal-konsegwenzi inqas restrittivi li jirriżultaw minnha b’mod konformi mal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2008/969.

42

Sussegwentement, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 44 u 45 tad-digriet appellat ma jinvolvi l-ebda kontradizzjoni, safejn din tal-aħħar ikkonstatat li, anki jekk il-konsegwenzi ta’ twissija W1 huma inqas restrittivi, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżuri msaħħa ta’ sorveljanza li l-uffiċjal ikkonċernat huwa obbligat jadotta fil-konfront tal-entità kkonċernata ma humiex limitati internament għall-isfera interna tal-istituzzjoni, iżda jista’ jkollhom effett fuq ir-relazzjonijiet bejn dik l-istituzzjoni u l-entità kkonċernata.

43

Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni hija stess tammetti fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha li l-obbligu ta’ sorveljanza li jirriżulta minn twissija W1 tinvolvi dimensjoni obbligatorja fil-livell tad-dipartimenti tal-istituzzjoni kkonċernata.

44

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, fil-punt 44 tad-digriet appellat, li kull twissija, inkluża t-twissija W1, taffettwa neċessarjament is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, hemm lok li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jinftiehem fis-sens li għalkemm twissija ta’ entità fl-EWS, inkluż l-eżempju ta’ twissija W1, għandha neċessarjament riperkussjonijiet fuq ir-relazzjonijiet bejn l-uffiċjal ikkonċernat u l-entità inkwistjoni, dan ma jimplikax madankollu li l-effetti esterni tagħha huma awtomatikament ta’ natura li twassal għal tibdil sostanzjali fis-sitwazzjoni legali tal-entità kkonċernata. Tali tibdil għandu, għall-kuntrarju, jiġi vverifikat fuq bażi ta’ każ b’każ, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 47 sa 51 tad-digriet appellat.

45

L-argument tal-Kummissjoni relatat mal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2008/969 għandu wkoll jiġi miċħud peress li huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punti 44 u 45 tad-digriet appellat.

46

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li, b’mod konformi mal-Artikolu 10 tad-deċiżjoni 2008/969, il-fatt li l-attivazzjoni ta’ twissija W1 issir fi stadju bikri u hija bbażata fu sempliċi probabbiltà ta’ żball jew ta’ irregolarità, b’mod kuntrarju għal twissijiet li jiġu attivati f’każ ta’ ċertezza li tkun avverat ruħha, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali relatati mar-riperkussjonijiet li t-twissijiet jista’ jkollhom fuq ir-relazzjonijiet bejn l-uffiċjal ikkonċernat u l-entità inkwistjoni.

47

Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2008/969, peress li l-konsegwenzi ta’ twissija W1 huma inqas restrittivi, ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja lil Planet peress li dan tal-aħħar japplika mill-mument li fih tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tibdil sostanzjali fis-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata.

48

F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-effett tal-atti kkontestati fuq is-sitwazzjoni ta’ Planet u kkonstatat li dik il-kumpannija kienet obbligata, minn naħa, li tirrinunzja għall-ġestjoni tat-tqassim tal-ħlasijiet minn qabel bejn il-membri tal-konsorzju li hija kienet tifforma parti minnu u, min-naħa l-oħra, li tieħu miżuri addizzjonali sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet il-ġodda imposti fuqha mill-Kummissjoni sabiex tiffirma l-ftehim.

49

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-atti kkontestati affettwaw il-marġni ta’ negozjar ta’ Planet, l-organizzazzjoni fi ħdan il-konsorzju li hija kienet tifforma parti minnu u, għaldaqstant, id-dispożizzjoni ta’ dik il-kumpannija li effettivament tikkonkludi l-kuntratt relatat mal-proġett AEGIS.

50

Fir-rigward b’mod iktar preċiż tar-rabta kawżali eżistenti bejn l-atti kkontestati u l-kundizzjonijiet addizzjonali li Planet kellha tissodisfa sabiex il-ftehim jiġi ffirmat mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 46 tad-digriet appellat, li jista’ jiġi dedott b’mod ċar mill-ittra elettronika tal-4 ta’ Ġunju 2009 li s-sospensjoni tal-iffirmar tal-ftehim u l-introduzzjoni ta’ kundizzjoni addizzjonali kienu kkważati mill-atti kkontestati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 48 tad-digriet appellat, li l-entitajiet li jitolbu l-impenn ta’ riżorsi finanzjarji tal-Unjoni u li jkunu s-suġġett ta’ twissija fl-EWS, huma obbligati li jaddattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet u għall-miżuri ta’ prudenza msaħħa imposti mill-uffiċjal responsabbli.

51

F’dawk il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi billi kkonstatat li l-miżuri ta’ prudenza msaħħa imposti f’dan il-każ fuq Planet jirriżultaw direttament mill-atti kkontestati.

52

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li dawk il-miżuri addizzjonali ma jirriżultawx mit-twissija fl-EWS iżda mill-evalwazzjoni indipendenti tal-uffiċjal responsabbli, ikun suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, dan mhux biss ma huwiex sostnut minn ebda element ta’ natura li juri żball ta’ liġi fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, iżda li huwa jikkontradixxi wkoll id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, kif diġà ġie mfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li d-dipartimenti tal-istituzzjoni kkonċernata huma obbligati li jadottaw miżuri ta’ sorveljanza msaħħa wara twissija W1.

53

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni relatat mal-ommissjoni mill-Qorti Ġenerali li tippreċiża b’liema mod Planet sabet ruħha f’sitwazzjoni sfavorevoli, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 48 tad-digriet appellat, li l-miżuri ta’ prudenza msaħħa imposti wara twissija W1 fl-EWS kellhom, fil-konfront ta’ Planet, riperkussjonijiet fuq l-organizzazzjoni interna tal-konsorzju li dik il-kumpannija kienet tifforma parti minnu.

54

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 49 tad-digriet appellat, li Planet, sa mir-reġistrazzjoni tal-ewwel twissija fl-EWS, sabet ruħha f’sitwazzjoni differenti minn dik li kienet fiha fi ħdan il-konsorzju waqt in-negozjati li saru bejn il-partijiet kontraenti qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati. F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ibbażat ruħha fuq skambji ta’ korrispondenza bejn il-partijiet li minnhom jirriżulta partikolarment li Planet kienet obbligata, sabiex tkun tista’ tikseb il-firma tal-ftehim mill-Kummissjoni, li tirrinunzja għall-ġestjoni tat-tqassim tal-ħlasijiet minn qabel bejn il-membri tal-konsorzju li hija kienet tifforma parti minnu. Barra minn hekk, mill-punti 50 u 51 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal miżuri differenti li Planet kellha tadotta sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet il-ġodda imposti mill-Kummissjoni sabiex tiffirma l-imsemmi ftehim u minn dan hija ddeduċiet li l-atti kkontestati affettwaw mhux biss il-marġni ta’ negozjar ta’ Planet, iżda wkoll id-dispożizzjoni tagħha li effettivament tikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni.

55

F’dawk il-kundizzjonijiet, għaldaqstant ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali ma ppreċiżatx b’liema mod Planet tpoġġiet f’sitwazzjoni sfavorevoli.

56

Fir-rigward tal-argument imressaq mill-Kummissjoni relatat ma’ nuqqas ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali tal-provi prodotti mill-partijiet, jeħtieġ li jitfakkar li jirriżulta mill-Artikoli 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawk il-fatti. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 256 KE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 51, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni, C-101/07 P u C-110/07 P, Ġabra p. I-10193, punt 58).

57

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti la sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, kemm-il darba dawk il-provi jinkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jiġu osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jitressqulha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il-Kummissjoni, punt 52, u Coop de France bétail et viande et vs Il-Kummissjoni, punt 59).

58

F’dan il-każ, mill-punt 49 tad-digriet appellat jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali, billi għamlet riferiment għall-ittra elettronika tal-4 ta’ Ġunju 2009 u għall-iskambji li segwewha, ħadet kont tal-provi differenti, u b’mod iktar partikolari tal-korrispondenza skambjata bejn il-partijiet kontraenti li minnha qiegħda tipprevalixxi ruħha minnha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-appell.

59

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-provi differenti li ġew trattati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 49 sa 51 tad-digriet appellat ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’riżerva għal każ ta’ żnaturament ta’ dawk il-provi, li madankollu ma ġiex invokat mill-Kummissjoni.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel tliet aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha għandhom jinċaħdu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

61

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 49 tad-digriet appellat, li l-fatt innifsu li Planet ġiet meħlusa mill-obbligi tagħha ta’ ġestjoni fi ħdan il-konsorzju u li ma tibqax tiżgura d-distribuzzjoni tar-remunerazzjoni lill-membri differenti, seta’ jikkostitwixxi tibdil sfavorevoli tas-sitwazzjoni legali ta’ dik il-kumpannija. Il-Kummissjoni tenfasizza li Planet bl-ebda mod ma ġiet imċaħħda minn xi vantaġġ finanzjarju.

62

Planet tikkunsidra li dak l-aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-digriet appellat u li l-Kummissjoni qiegħda tipprova, fil-fatt, li tikseb eżami mill-ġdid tal-fatti li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

63

Għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li, bħala tali, tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 90).

64

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sabiex il-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni meħuda u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens, C-259/96 P, Ġabra p. I-2915, punti 32 u 33, kif ukoll tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, Ġabra p. I-3875, punt 70).

65

F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 49 u 50 tad-digriet appellat, li Planet ġiet obbligata tirrinunzja għall-ġestjoni tat-tqassim tal-ħlasijiet minn qabel bejn il-membri tal-konsorzju li hija kienet tifforma parti minnu u li tissodisfa l-kundizzjonijiet addizzjonali rikjesti mill-Kummissjoni sabiex din tal-aħħar tiffirma l-ftehim. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-atti kkontestati kienu affettwaw il-marġni ta’ negozjar ta’ Planet kif ukoll il-kapaċità tagħha li effettivament tikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni.

66

F’dawk il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 49 sa 51 tad-digriet appellat huwa fih innifsu ċar u komprensibbli u li huwa ta’ natura li jimmotiva l-konklużjoni li waslet għaliha din tal-aħħar.

67

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li Planet bl-ebda mod ma ġiet imċaħħda minn vantaġġ finanzjarju tikkostitwixxi element ta’ natura fattwali, li ma jaqax, għar-raġunijiet ddikjarati diġà fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

68

Minn dak li ntqal jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, ibbażat fuq konfużjoni tar-rimedji, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-kundizzjonijiet relatati mal-organizzazzjoni tal-konsorzju jifformaw parti integrali mill-ftehim, kull kontestazzjoni fir-rigward tagħhom ma taqax iktar taħt ir-rimdeju ta’ rikors għal annullament, iżda għandha tiġi analizzata, skont regoli oħra dwar il-funzjonament tal-ftehim kif ukoll modalitajiet tal-ħlas, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE.

70

Planet tikkunsidra li l-argument invokat fil-kuntest ta’ dak l-aggravju huwa ġdid li għaldaqstant għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-digriet appellat huwa relatat biss mal-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament tat-twissijiet W1 li Planet kienet suġġetta għalihom u li l-Qorti Ġenerali ma ġietx adita la bil-kwistjoni dwar il-fondatezza u lanqas dwar il-legalità tat-tibdil tar-relazzjonijiet kuntrattwali li ġraw wara l-atti kkontestati.

72

Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq konfużjoni tar-rimedji ma jistax jintlaqa’ u l-ħames aggravju għandu jiġi kkunsidrat bħala infondat.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

73

Permezz tas-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-libertà kuntrattwali u tal-prinċipju tal-kunsens, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 51 tad-digriet appellat, li n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar il-materjalità tal-elementi invokati ma huwiex kompatibbli ma’ unjoni tad-dritt, meta f’dan il-każ is-suġġett ma kinitx deċiżjoni unilaterali li tinvolvi effetti negattivi għall-persuni kkonċernati, iżda relazzjoni kuntrattwali li fiha l-Kummissjoni u Planet ipparteċipaw billi eżerċitaw il-libertà kuntrattwali tagħhom.

74

Planet issostni li l-Kummissjoni wettqet konfużjoni bejn ir-relazzjonijiet kuntrattwali u s-suġġett tar-rikors għal annullament.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75

F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 49 u 51 tad-digriet appellat, li minn ittra elettronika tal-4 ta’ Ġunju 2009 jirriżulta li, wara t-twissija W1 fl-EWS, is-sitwazzjoni ta’ Planet fi ħdan il-konsorzju li hija kienet tifforma parti minnu nbidlet u li, għaldaqstant, il-marġni ta’ negozjar ta’ dik il-kumpannija ġiet affettwata mill-atti kkontestati.

76

Issa, safejn il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali ma kkonfermatx il-pożizzjoni li l-partijiet eżerċitaw biss il-libertà kuntrattwali tagħhom, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-aggravju, hija tikkontesta konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti Ġenerali.

77

Minn dak li ntqal jirriżulta li s-sitt aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli għall-istess raġunijiet invokati fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza.

Fuq is-seba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

78

Permezz tas-seba’ aggravju tagħha, ibbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata u nieqsa mill-motivazzjoni tat-twissijiet bħala deċiżjonijiet, il-Kummissjoni ssostnni, qabel xejn, li l-formulazzjoni tal-punt 51 tad-digriet appellat turi li ma hijiex it-twissija W1 li tippreġudika lil Planet, iżda l-investigazzjoni tal-OLAF, li tikkostitwixxi motiv legali tal-imsemmija twissija. Il-Kummissjoni tfakkar li din tal-aħħar tikkostitwixxi sempliċi miżura ta’ natura interna li hija awtorizzata tadotta minħabba l-awtonomija organizzazzjonali li hija tibbenefika minnha, li hija ma tipproduċi l-ebda effett legali u li hija limitata għall-isfera interna tal-Kummissjoni.

79

Sussegwentement, skont il-Kummissjoni, ir-raġunament ifformulat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tad-digriet appellat huwa żbaljat safejn it-twissija ma tikkostitwixxix it-tmiem ta’ proċedura speċjali.

80

Fl-aħħar, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 52 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni 2008/969 ma tipprovdi għal ebda dritt ta’ informazzjoni għall-persuni kkonċernati, hija nieqsa minn kull motivazzjoni safejn il-Qorti Ġenerali wettqet mill-ġdid ġeneralizzazzjoni billi ssemmi t-twissijiet kollha mingħajr ma tagħmel riferiment għas-smigħ previst fil-każ ta’ twissija W5.

81

Planet ittenni li s-seba’ aggravju jillimita ruħu sabiex jirriproduċi l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, b’tali mod li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, Planet tikkunsidra li r-raġunament tal-Kummissjoni jiżnatura l-kontenut tal-punt 52 tad-digriet appellat.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

82

Permezz tal-ewwel argument tas-seba’ aggravju, il-Kummissjoni fir-realtà ma tagħmel xejn ħlief li tirriproduċi l-argumentazzjoni li kienet diġà żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr madankollu ma tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-motivazzjoni mogħtija minn din tal-aħħar f’dak ir-rigward.

83

Fil-fatt, fil-punt 26 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, minkejja l-konklużjonijiet formali ta’ Planet li jirrigwardaw it-talbiet tal-OLAF għar-reġistrazzjoni fl-EWS, il-Kummissjoni telqet mill-premessa żbaljata li kienu biss id-deċiżjonijiet ta’ attivazzjoni tat-twissijiet W1a u W1b li ġew ikkontestati u li kienu s-suġġett tal-kawża.

84

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 25 tad-digriet appellat, li, mill-perspettiva tal-entità rreġistrata fl-imsemmija sistema, it-talba għall-attivazzjoni ta’ twissija u t-twissija effettiva jikkostitwixxu għadd ta’ atti li jifformaw totalità. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 27 tal-istess digriet, li r-rikors ta’ Planet, formalment dirett kontra d-deċiżjonijiet tal-OLAF, għandu jiġi kkunsidrat bħala li ġie ppreżentat ukoll, safejn dan ikun meħtieġ, kontra l-atti kkontestati.

85

Issa, safejn, minn naħa, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-argumentazzjoni tal-Qorti Ġenerali relatata mal-għan tal-kawża, li tinsab fil-punti 25 sa 27 tad-digriet appellat, u safejn, min-naħa l-oħra, hija ma waslitx sabiex turi, fil-kuntest tal-aggravji preċedenti, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-atti kkontestati setgħu jaffettwaw l-interessi ta’ Planet peress li jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha, dan l-argument għandu jinċaħad bħala infondat.

86

Fir-rigward tat-tieni argument tas-seba’ aggravju, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li dan jirriżulta minn qari żbaljat tal-punt 52 tad-digriet appellat u li għaldaqstant għandu jinċaħad. Fil-fatt, dak il-punt jagħmel riferiment espress għat-twissijiet W1 sa W4 u W5b u għaldaqstant ma jikkonċernax it-twissija W5a, li fil-kuntest tagħha huwa previst b’mod speċjali dritt ta’ smigħ mill-Artikolu 8(2)(a) tad-deċiżjoni 2008/969.

87

Fir-rigward tat-tielet argument ta’ dak l-aggravju dirett kontra l-punt 53 tad-digriet appellat, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-Qorti Ġenerali, l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala atti intermedjarji u preparatorji li ma jistgħux jiġu kkontestati, mhux biss minħabba l-fatt li ġie kkonstatat fil-punti 44 sa 48 tad-digriet appellat li dawk l-atti jissodisfaw il-karatteristiċi legali tal-atti li jistgħu jiġu kkontestati, iżda wkoll peress li huma jirrappreżentaw it-tmiem ta’ proċedura speċjali.

88

Issa, kif jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-imsemmi punt 53 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kellha biss l-intenzjoni li ttenni l-konklużjoni li kienet diġà waslet għaliha fi tmiem l-argumentazzjoni li tinsab fil-punti 44 sa 48 ta’ dak id-digriet, u żiedet madankollu, li l-atti kkontestati jikkostitwixxu l-materjalizzazzjoni tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ entità fl-EWS.

89

Peress li l-Kummissjoni ma waslitx sabiex tikkontesta din l-aħħar konklużjoni, l-argument dirett kontra l-punt 53 tad-digriet appellat għandu jinċaħad bħala ineffettiv.

90

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali intiżi kontra motivi li saru biss għall-finijiet ta’ kompletezza ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant huma ineffettivi (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 148).

91

Minn dak li ntqal jirriżulta li s-seba’ aggravju għandu jiġi kkunsidrat bħala infondat.

Fuq it-tmien aggravju

L-argumenti tal-partijiet

92

Permezz tat-tmien aggravju tagħha, ibbażat fuq l-issuġġettar tal-ammissibbiltà tar-rikors għall-fondatezza ta’ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni parzjali tat-twissija W1 minħabba dubji li hija sostniet fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta d-Deċiżjoni 2008/969.

93

Safejn it-tmien aggravju huwa dirett kontra motiv tas-sentenza mhux deċiżiv għar-riżultat li jwassal għalih id-dispożittiv, Planet tikkunsidra li għandu jiġi ddikjarat ineffettiv.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

94

Kif jirriżulta mill-punt 37 tad-digriet appellat, ir-rikors għal annullament huwa disponibbli, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 29, u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-362/08 P, Ġabra p. I-669, punt 51).

95

Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament għandha tiġi evalwata skont kriterji oġġettivi marbuta mas-sustanza stess tal-atti kkontestati.

96

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tibqa’ ma turix kif il-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 ta’ din is-sentenza.

97

Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li huwa neċessarju, fil-punti 40 sa 42 tad-digriet appellat, li tittratta l-kwistjoni tal-kompetenza ratione materiae tal-Kummissjoni u żiedet li, “anki għal din ir-raġuni”, jeħtieġ li jiġi analizzat il-kontenut tal-atti kkontestati, xorta jibqa’ l-fatt li dak il-kontenut tal-atti kkontestati għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi analizzat fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ inammissibblità mqajma mill-Kummissjoni.

98

Għaldaqstant l-ilment tal-Kummissjoni mressaq fir-rigward tal-punt 41 tad-digriet appellat, li bih hija tallega li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni parzjali tal-atti kkontestati, ma jistax jiġi milqugħ.

99

Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

100

Minħabba li l-ebda wieħed mit-tmien aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha, ma jista’ jintlaqa’, hemm lok li l-appell jinċaħad fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

101

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawk ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikoli 184(1) u 190(1) ta’ dawn tal-aħħar, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Planet.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.