SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

“Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas konkluż mill-ETUC, UNICE u CEEP dwar xogħol għal żmien determinat — Klawżola 4 — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — Awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni — Proċedura ta’ stabilizzazzjoni — Reklutaġġ ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat bħala uffiċjali permanenti mingħajr kompetizzjoni pubblika — Determinazzjoni tal-anzjanità — Assenza totali ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tas-servizz imwettqa taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C-302/11 sa C-305/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ April 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2011, fil-proċeduri

Rosanna Valenza (C-302/11 u C-304/11),

Maria Laura Altavista (C-303/11),

Laura Marsella,

Simonetta Schettini,

Sabrina Tomassini (C-305/11)

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn U. Lõhmus, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Valenza u Altavista, minn G. Pafundi, avukat,

għal Marsella, Schettini u Tomassini, minn G. Arrigo u G. Patrizi, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 4 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [xogħol għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [xogħol għal żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, rispettivament, R. Valenza, M. L. Altavista, L. Marsella, S. Schettini u S. Tomassini, minn naħa waħda, u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (iktar ’il quddiem l-“AGCM”), min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tagħhom fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat, fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, bħala uffiċjali permanenti, perijodi ta’ servizz li saru preċedentement ma’ din l-istess awtorità pubblika taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, ibbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE, jirriżulta li l-partijiet firmatarji tal-Ftehim qafas xtaqu, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim bħal dan, itejbu l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u jistabbilixxu qafas sabiex jipprekludu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din għandha l-għan “li [ġġib] fis-seħħ il-ftehim qafas […], konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) [anness] hawn”.

5

L-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdu:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-10 ta’ Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

[...]

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.”

6

Skont l-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 1999/70 daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 1999, id-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

7

Skont il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas, dan għandu l-għan:

“a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

8

Il-punt 1 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas huwa redatt kif ġej:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.”

9

Il-Klawżola 3 tal-Ftehim qafas tipprovdi li:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

1.

il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ [ħaddiem għal żmien determinat] ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

2.

il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ [ħaddiem komparabbli għal żmien indeterminat] ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

10

Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi li:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva [minn raġunijiet oġġettivi].

[...]

4.

Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

11

Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tistipula:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12

L-Artikolu 3 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana jistipula l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

13

Fi kliem l-Artikolu 97 ta’ din l-istess kostituzzjoni:

“L-aċċess għall-impjiegi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jingħata permezz ta’ kompetizzjonijiet, minbarra l-każijiet stabbiliti mil-liġi”.

14

L-Artikolu 1(519) tal-Liġi Nru 296 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-istabbiliment tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi tal-finanzi 2007) [legge n. 296 disposizioni per la formaziione del bilancio e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2007)], tas-27 ta’ Diċembru 2006 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 299 tas-27 ta’ Diċembru 2006, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 296/2006”), jipprevedi dan li ġej:

“Għas-sena 2007, somma fl-ammont ta’ 20 % mill-fondi previsti fil-paragrafu 513 hija intiża għall-istabilizzazzjoni fuq talba tal-persunal li ma huwiex maniġerjali impjegat għal żmien determinat għal mill-inqas tliet snin, anki mhux konsekuttivi, jew li jissodisfa din il-kundizzjoni fuq il-bażi ta’ kuntratti mogħtija qabel id-29 ta’ Settembru 2006, jew kien fis-servizz għal mill-inqas tliet snin, anki mhux konsekuttivi fil-ħames snin qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-liġi u li għamel it-talba, sa fejn kien impjegat permezz ta’ proċeduri ta’ selezzjoni taħt forma ta’ kompetizzjoni jew previsti mil-liġi. L-istabilizzazzjoni tal-persunal impjegat għal żmien determinat għandha ssir skont diversi proċeduri, permezz tal-organizzazzjoni ta’ testijiet selettivi [...]”.

15

Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Taljan jirriżulta li tali stabilizzazzjoni, inkwantu saret permezz ta’ miżura amministrattiva adottata fi tmiem ta’ proċedura prevista mil-liġi, tagħti lill-benefiċjarju tagħha l-istatus ta’ uffiċjal, li b’dan il-mod jiddistingwi ruħu mill-“ħaddiema impjegati minn amministrazzjoni pubblika” fuq il-bażi ta’ kuntratt tad-dritt privat.

16

L-Artikolu 75(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 112 li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku, tas-simplifikazzjoni, tal-kompetittività, tal-istabilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll tal-ekwalizzazzjoni fiskali (decreto-legge n. 112 disposizioni urgenti per lo sviluppo economico, la semplificazione, la competitività, la stabilizzazione della finanza pubblica e la perequazione tributario), tal-25 ta’ Ġunju 2008 (Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 147 tal-25 ta’ Ġunju 2008), huwa redatt kif ġej:

“Fir-rigward tal-organizzazzjonijiet indipendenti, id-drittijiet pekunjarji tal-persunal affettwat mill-proċeduri previsti fl-Artikolu 1(519) tal-Liġi [Nru 296/2006], huma stabbiliti fil-pożizzjoni ta’ remunerazzjoni tad-dħul, mingħajr rikonoxximent tal-anzjanità tas-servizz miksuba fl-attività għal żmien determinat jew ta’ speċjalizzazzjoni, mingħajr spejjeż supplimentari, iżda bl-għoti ta’ allowance ‘ad personam’, assorbabbli u mhux rievalwabbli li tammonta għad-differenza eventwali bejn id-drittijiet pekunjarji rċevuti u dawk korrispondenti fil-livell tad-dħul fi ħdan il-persunal permanenti”.

17

L-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 li jipprovdi regoli ġenerali dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-amministrazzjonijiet pubbliċi (decreto-legislativo n. 165 norme generali sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche), tat-30 ta’ Marzu 2001 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 106, tad-9 ta’ Mejju 2001), jipprovdi:

“1.   Għall-ħtiġijiet marbuta mal-bżonnijiet ordinarji tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jirreklutaw biss permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol bis-salarju għal żmien indeterminat skont il-proċeduri ta’ reklutaġġ previsti fl-Artikolu 35.

2.   Sabiex jagħmlu tajjeb għall-ħtiġijiet temporanji u eċċezzjonali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jirrikorru għall-forom kuntrattwali flessibbli ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg tal-persunal previsti mill-Kodiċi Ċivili u mil-liġijiet dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol fl-impriża, bl-osservanza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ fis-seħħ. Mingħajr ħsara għall-kompetenza tal-amministrazzjonijiet fir-rigward tad-definizzjoni tal-bżonnijiet ta’ organizzazzjoni b’mod koerenti mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ, il-ftehim kollettivi nazzjonali jirregolaw il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. […]

[...]

5.   Fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi fil-qasam tar-reklutaġġ jew tal-impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà u sanzjonijiet li dawn jistgħu jsostnu. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għall-kumpens tad-danni li jirriżultaw mis-servizz ta’ xogħol li jsir bi ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi. L-amministrazzjonijiet huma marbuta li jirkupraw l-ammonti mħallsa fuq din il-bażi mingħand id-diriġenti responsabbli meta l-ksur ikun intenzjonat jew riżultat ta’ nuqqas serju [...]

[...]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18

Wara t-talba tagħhom ta’ stabilizzazzjoni mressqa fis-27 ta’ Jannar 2007 skont il-Liġi Nru 296/2006, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li kienu lkoll impjegati mill-AGCM b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, ġew irreklutati minn din l-istess awtorità fuq il-bażi ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bl-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-persunal permanenti fid-data tas-17 ta’ Mejju 2007.

19

B’deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2008, l-AGCM ikklassifikat lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, b’effett retroattiv mis-17 ta’ Mejju 2007, fil-livell inizjali tal-iskala li huma kellhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tagħhom għal żmien determinat preċedenti, mingħajr rikonoxximent tal-anzjanità miksuba permezz ta’ dawn il-kuntratti, u tathom allowance “ad personam” li tammonta għad-differenza bejn id-drittijiet pekunjarji li huma kienu jgawdu fid-data tas-17 ta’ Mejju 2007 u dawk li jirriżultaw mill-istabilizzazzjoni tagħhom.

20

It-Tribunale amministrativo Lazio — Roma ċaħad l-azzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kontra din id-deċiżjoni minħabba li, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ stabilizzazzjoni, minkejja li din tippermetti deroga mir-regola tal-kompetizzjoni ġenerali, ma tippermettix, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tal-anzjanità miksuba fl-attività għal żmien determinat.

21

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, ksur tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas inkwantu s-sistema ta’ stabilizzazzjoni stabbilita mil-Liġi Nru 296/2006 tħassar l-anzjanità miksuba fil-kuntest tal-attività eżerċitata għal żmien determinat, meta għadhom jiġu eżerċitati l-istess dmirijiet u li s-suċċessjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kienet abbużiva.

22

Il-Consiglio di Stato jirrileva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ppermettiet ir-reklutaġġ dirett ta’ persuni b’impjieg prekarju permezz ta’ deroga mir-regola tal-kompetizzjoni ġenerali intiża għall-aċċess għall-impjieg pubbliku, iżda bl-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-persunal permanenti fil-livell inizjali tal-iskala, mingħajr ma tiġi kkonservata l-anzjanità miksuba fl-attività għal żmien determinat.

23

Skont din il-qorti, il-leġiżlatur nazzjonali ma riedx, b’din il-leġiżlazzjoni, jirregolarizza reklutaġġi għal żmien determinat illegali u abbużivi bil-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, minħabba użu abbużiv tagħhom bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas. Min-naħa l-oħra, huwa kkunsidra li l-anzjanità miksuba fl-attività għal żmien determinat kienet tikkostitwixxi titolu li jiġġustifika l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, permezz ta’ deroga mir-regola tal-kompetizzjoni ġenerali għall-aċċess għall-persunal permanenti tal-amministrazzjoni pubblika. It-tħassir tal-anzjanità huwa, f’dan il-kuntest, iġġustifikat min-neċessità li tiġi evitata diskriminazzjoni inversa kontra l-ħaddiema li kienu diġà parti mill-persunal permanenti u li kienu ġew irreklutati għal żmien indeterminat wara kompetizzjoni ġenerali. Fil-fatt, jekk il-benefiċjarji tal-istabilizzazzjoni jistgħu jikkonservaw l-anzjanità tagħhom, dawn jieħdu post dawn il-ħaddiema li għandhom inqas anzjanità.

24

Il-Consiglio di Stato jfakkar, barra minn hekk, li r-regola tal-projbizzjoni tal-konverżjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat hija prevalenti fis-settur pubbliku. Issa, fid-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2010, Affatato (C-3/10), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-leġittimità ta’ din il-projbizzjoni.

25

Fl-aħħar nett, il-Consiglio di Stato jenfasizza li, fis-sentenza tiegħu Nru 1138, tat-23 ta’ Frar 2011, huwa eskluda wkoll l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mal-Ftehim qafas, minħabba li dan jipprojbixxi trattament sfavorevoli tal-ħaddiem għal żmien determinat meta mqabbel mal-ħaddiem għal żmien indeterminat biss matul ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat. Min-naħa l-oħra, dan il-ftehim qafas ma jipprekludix it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat fl-iskadenza stabbilita u l-istabbiliment sussegwenti ta’ relazzjoni ġdida ta’ xogħol għal żmien indeterminat mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità miksuba qabel, sa fejn din tkun preċiżament relazzjoni ġdida ta’ xogħol. Għalhekk, il-Ftehim qafas ma huwiex applikabbli. B’żieda ma’ dan, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiem għal żmien determinat ma tistax twassal sal-punt li timponi diskriminazzjoni inversa kontra l-ħaddiem għal żmien indeterminat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ kriterji differenti għal ħaddiema għal żmien determinat u għal dawk għal żmien indeterminat hija ġġustifikata permezz ta’ raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

26

Madankollu, il-Consiglio di Stato jirrileva li t-Tribunale del lavoro di Torino, f’sentenza Nru 4148 tad-9 ta’ Novembru 2009, iddeċieda li l-osservanza tal-punt 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas jeżiġi ż-żamma tal-anzjanità miksuba fil-każ ta’ konverżjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta, anki jekk din is-sentenza tikkonċerna ċirkustanzi differenti minn dawk tal-każ ineżami, diverġenza fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement hemm dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mad-dritt tal-Unjoni.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Il-[punt 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas], li [j]ipprovdi li ‘[k]walifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi’, flimkien mal-Klawżola 5 [ta’ dan il-ftehim] kif diġà interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, li tipprovdi li hija leġittima l-prassi Taljana li, fis-servizz pubbliku, tiġi prekluża l-konverżjoni tal-kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat f’kuntratt tax-xogħol għal żmien indeterminat, tipprekludi s-sistema nazzjonali tal-istabilizzazzjoni tal-impjegati għal żmien determinat (Artikolu 1(519) tal-Liġi Nru 296/2006) li ppermettiet l-impjieg dirett għal żmien indeterminat tal-ħaddiema diġà impjegati għal żmien determinat, b’deroga mir-regola tal-kompetizzjoni pubblika, iżda bit-tneħħija tal-anzjanità miksuba matul il-perijodu ta’ xogħol għal żmien determinat, jew it-telf tal-anzjanità, stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali, jifforma parti mid-deroga għal “bażi oġġettivi” li tapplika meta jkun hemm il-ħtieġa li jiġi evitat li t-teħid tar-rwol tal-impjegati għal żmien determinat isir b’detriment għall-ħaddiema li diġà għandhom dak ir-rwol, liema ħaġa ssir jekk ikun possibbli li l-anzjanità kweżita tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-impjegati għal żmien determinat?

2)

L-[imsemmi punt 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas], li [j]ipprovdi li ‘[k]walifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi’, flimkien mal-Klawżola 5 [ta’ dan il-ftehim] kif diġà interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, li tgħid li hija leġittima l-prassi Taljana li, fis-servizz pubbliku, tiġi prekluża l-konverżjoni tal-kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat f’kuntratt tax-xogħol għal żmien indeterminat, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tinżamm l-anzjanità fir-rigward tar-relazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat, tistabbilixxi li jiġi tterminat il-kuntratt għal żmien determinat u li jiġi stabbilit kuntratt ġdid għal żmien indeterminat, differenti minn dak preċedenti u mingħajr ma tinżamm l-anzjanità kweżita (Artikolu 1(519) tal-Liġi Nru 296/2006)?”

28

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Lulju 2011, il-Kawżi C-302/11 sa C-305/11 ingħaqda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

29

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, moqri flimkien mal-Klawżola 5 tiegħu, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li teskludi totalment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li jkunu saru minn ħaddiem għal żmien determinat ta’ awtorità pubblika għad-determinazzjoni tal-anzjanità ta’ dan tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat mill-istess awtorità bħala uffiċjal permanenti fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu.

Fuq l-applikabbiltà tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas

30

Il-Gvern Taljan isostni li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas ma huwiex applikabbli għall-kwistjonijiet fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi biss kull differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien indeterminat u l-ħaddiema prekarji matul iż-żmien tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat. Issa, il-kawżi prinċipali ma jqajmux kwistjonijiet ta’ paragun bejn dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema, peress li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat preċedenti huwa meqjus mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali bħala titolu li jiġġustifika l-kisba ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, permezz ta’ deroga mir-regola ġenerali tal-kompetizzjoni ġenerali għall-aċċess għall-persunal permanenti tal-amministrazzjoni pubblika. Għalhekk, dan il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jikkostitwixxi biss kundizzjoni sabiex ikun hemm aċċess għall-proċedura speċjali intiża għal reklutaġġ awtonomu fuq il-bażi ta’ relazzjoni għal żmien indeterminat totalment distinta minn dik preċedenti. Għalhekk, il-proċedura ta’ stabilizzazzjoni għandha bħala effett mhux it-trasformazzjoni jew il-konverżjoni f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi abbużivament bi ksur tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, iżda l-istabbiliment ta’ relazzjoni ġdida ta’ xogħol li tinvolvi l-obbligu li wieħed jagħmel perijodu ta’ prova. B’mod parallel, tali stabilizzazzjoni ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, bl-obbligu li tingħalaq kull sitwazzjoni pendenti u li ssir, b’mod partikolari, likwidazzjoni tas-salarju dovut fi tmiem ir-relazzjoni kif ukoll tal-kumpens għall-ġranet tal-leave li ma tteħdux.

31

B’din l-argumentazzjoni, li taqbel essenzjalment mal-evalwazzjoni tal-Consiglio di Stato fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju kif ukoll fis-sentenza tiegħu Nru 1138, tat-23 ta’ Frar 2011, il-Gvern Taljan isostni essenzjalment li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas hija inapplikabbli f’sitwazzjonijiet bħalma huma dawk tal-kawżi prinċipali, peress li titfaċċa d-differenza fit-trattament invokata mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li huma marbuta, sa mis-17 ta’ Mejju 2007, mal-AGCM permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, fir-rigward ta’ ħaddiema oħra għal żmien indeterminat.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim qafas, dan japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat li għandhom kuntratt jew relazzjoni tax-xogħol iddefinita mil-leġiżlazzjoni, il-ftehim kollettivi jew il-prattiċi fis-seħħ f’kull Stat Membru (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana C-177/10, Ġabra p. I-7907, punt 39).

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 28 u Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

34

Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kisbu l-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat ma jeskludix il-possibbiltà li jinvokaw, f’ċerti ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas (ara s-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Huet, C-251/11, punt 37).

35

Fil-fatt, fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti għandhom essenzjalment bħala għan, fil-kwalità tagħhom ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat, li jqajmu kwistjoni dwar id-differenza fit-trattament li ssir meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità u l-esperjenza professjonali miksuba għall-finijiet ta’ proċedura ta’ reklutaġġ li skontha huma saru uffiċjali permanenti. Filwaqt li l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala ħaddiema għal żmien indeterminat jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-anzjanità u, għalhekk, għall-iffissar tal-livell tar-remunerazzjoni, dawk imwettqa bħala ħaddiema għal żmien determinat ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, mingħajr ma, skonthom, in-natura tax-xogħol imwettaq u l-karatteristiċi inerenti għalih ma jiġu eżaminati. Peress li d-diskriminazzjoni li tmur kontra l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li huma l-vittmi tagħha tikkonċerna l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala ħaddiema għal żmien determinat, il-fatt li, fil-frattemp, dawn tal-aħħar saru ħaddiema għal żmien indeterminat huwa irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

36

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas tipprovdi, fil-punt 4 tagħha, li l-kriterji dwar perijodi ta’ anzjanità fir-rigward ta’ kundizzjonijiet partikolari ta’ impjieg għall-ħaddiema għal żmien determinat għandhom ikunu l-istess bħalma huma għall-ħaddiema għal żmien indeterminat, ħlief meta kriterji differenti huma ġġustifikati minn raġunijiet oġġettivi. La mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-kuntest tagħha ma jirriżulta li din ma tibqax applikabbli ladarba l-ħaddiem ikkonċernat jikseb l-istatus ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat. Fil-fatt, l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas, li huma intiżi kemm biex jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kif ukoll biex jipprekludu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, jimmilitaw favur interpretazzjoni kuntrarja (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

37

L-esklużjoni mill-bidu tal-applikazzjoni tal-Ftehim qafas f’sitwazzjonijiet bħalma huma dawk fil-kawżi prinċipali, twassal sabiex jitnaqqas, bi ħsara għall-għan tal-imsemmija Klawżola 4, il-kamp tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati kontra d-diskriminazzjonijiet u twassal għal interpretazzjoni indebitament restrittiva ta’ din il-klawżola li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni sostnuta mill-Gvern Taljan, xejn ma jipprekludi l-applikabbiltà tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas għall-kwistjoni fil-kawżi prinċipali.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas

39

Hemm lok li jiġi mfakkar li l-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistipula projbizzjoni li l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema komparabbli għal żmien indeterminat biss għar-raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistipula l-istess projbizzjoni għal dak li jirrigwarda l-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità relattivi għal kundizzjonijiet partikolari tal-impjieg (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

40

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għalhekk wieħed għandu, fl-ewwel lok, jeżamina l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, imbagħad, fit-tieni lok, jeżamina l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva li jista’ jkun hemm.

Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni

42

Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, b’mod konformi mal-punt 2 tal-Klawżoli 3 u mal-punt 1 tal-Klawżola 4 tiegħu, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, kif ukoll id-digrieti tat-18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C-273/10, punt 37, kif ukoll tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C-556/11, punt 43).

43

Bħala regola, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, meta kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mal-AGCM fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, kinux f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-uffiċjali permanenti rreklutati għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità (ara s-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, u d-digriet Lorenzo Martínez, iċċitat iktar ’il fuq punt 44).

44

Fil-fatt, in-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fis-snin li matulhom ħadmu fis-servizzi tal-AGCM fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u l-kwalità tal-esperjenza li kisbu fuq din il-bażi ma jikkostitwixxux biss wieħed mill-fatturi li jistgħu jiġġustifikaw oġġettivament differenza fit-trattament fir-rigward tal-uffiċjali permanenti. Huma jinsabu wkoll fost il-kriterji li jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-persuni kkonċernati jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

45

F’dan il-każ, jidher li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, benefiċjarji tal-proċedura ta’ stabilizzazzjoni, ma għaddewx, bħalma għamlu uffiċjali permanenti, mill-kompetizzjoni ġenerali tal-aċċess għas-servizz pubbliku. Madankollu, tali fatt, kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, ma jistax jimplika li dawn jinsabu f’sitwazzjoni differenti, peress li l-kundizzjonijiet tal-istabilizzazzjoni stabbiliti mil-leġiżlatur nazzjonali fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw rispettivament it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat u r-rekwiżit li jkunu ġew irreklutati għal dan il-għan permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni taħt il-forma ta’ kompetizzjoni jew ta’ proċedura prevista mil-liġi, huma speċifikament intiżi sabiex jippermettu biss l-istabilizzazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat li s-sitwazzjoni tagħhom tista’ tiġi assimilata ma’ dik tal-uffiċjali permanenti.

46

Fir-rigward tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati fil-kawżi prinċipali, ma jirriżultax ċar mill-proċessi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha liema funzjonijiet ġew eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fis-snin li matulhom huma ħadmu taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-AGCM u lanqas ma jirriżulta ċar x’kienet ir-relazzjoni bejn dawn u l-funzjonijiet li waqgħu fuq l-istess rikorrenti bħala uffiċjali permanenti.

47

Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu, kif tirrileva wkoll il-Kummissjoni, li l-funzjonijiet eżerċitati minnhom bħala uffiċjali permanenti fi tmiem il-proċedura ta’ stabilizzazzjoni huma l-istess bħal dawk eżerċitati qabel taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet stess tal-Gvern Taljan jirriżulta fir-rigward tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li, billi tiżgura r-reklutaġġ għal żmien indeterminat tal-ħaddiema impjegati qabel għal żmien determinat, hija tfittex li tagħti iktar importanza lill-esperjenza miksuba minn dawn fi ħdan l-AGCM. Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

48

Fil-każ li jirriżulta li l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali mal-AGCM taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkorrispondux ma’ dawk eżerċitati minn uffiċjal permanenti li jaqa’ taħt il-kategorija rilevanti ta’ din l-awtorità, id-differenza fit-trattament allegata dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz fil-mument tar-reklutaġġ tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali bħala uffiċjali permanenti ma tkunx kuntrarja għall-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, peress li din id-differenza fit-trattament tkun marbuta ma’ sitwazzjonijiet differenti (ara, bħala analoġija, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

49

Min-naħa l-oħra, kemm-il darba l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali mal-AGCM taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kienu jikkorrispondu għal dawk eżerċitati minn uffiċjal permanenti li jaqa’ taħt il-kategorija rilevanti ta’ din l-awtorità, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk hemmx raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-assenza ta’ kull teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz li jkunu saru taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fil-mument tar-reklutaġġ tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali bħala uffiċjali permanenti u, għaldaqstant, tal-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-persunal permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

50

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 tal-Klawżola 4 għandu jiġi interpretat bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, Ġabra p. 14031, punt 54, kif ukoll Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u d-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Montoya Medina, punt 40, u Lorenzo Martínez, punt 47).

51

L-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tħaddin ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Del Cerro Alonso, punti 53 u 58; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, punt 55, kif ukoll Rosado Santana, punt 73, u d-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Montoya Medina, punt 41, u Lorenzo Martínez, punt 48).

52

L-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika biss ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma jistax, waħdu, jammonta għal “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni tal-argument li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat iġġib fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas u tipperpetwa l-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gavieiro Gavieiro, punti 56 u 57, kif ukoll Rosado Santana, punt 74, u d-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Montoya Medina, punti 42 u 43, u Lorenzo Martínez, punti 49 u 50).

53

F’dan il-każ, sabiex id-differenza fit-trattament sostnuta fil-kawżi prinċipali tiġi ġġustifikata, il-Gvern Taljan jinvoka l-eżistenza ta’ diversi differenzi oġġettivi bejn l-uffiċjali permanenti u l-ħaddiema għal żmien determinat irreklutati iktar tard bħala uffiċjali permanenti.

54

Qabelxejn, huwa jsostni li tali reklutaġġ fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni msejħa ta’ “stabilizzazzjoni” seħħ fl-ambitu ta’ proċedura li ma għandhiex l-elementi karatteristiċi tal-proċedura ta’ kompetizzjoni u li, għalhekk, inkwantu hija deroga mill-proċeduri normali ta’ reklutaġġ, ma tistax tikkostitwixxi raġuni valida għall-għoti ta’ trattament superjuri għal dak previst għal-livell inizjali tal-iskala applikabbli għall-uffiċjali permanenti.

55

Imbagħad, il-Gvern Taljan isostni li tali leġiżlazzjoni, sa fejn din tqis l-anzjanità miksuba fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat bħala kundizzjoni għall-benefiċċju tal-istabilizzazzjoni u mhux bħala element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ambitu tar-relazzjoni ġdida ta’ xogħol għal żmien indeterminat, issib il-ġustifikazzjoni tagħha fin-neċessità li tiġi evitata diskriminazzjoni inversa fil-konfront tal-uffiċjali permanenti diġà integrati fi ħdan il-persunal permanenti. Fil-fatt, jekk il-ħaddiema stabilizzati jistgħu jikkonservaw din l-anzjanità, l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan il-persunal permanenti sseħħ bi preġudizzju għall-ħaddiema diġà permanenti rreklutati għal żmien indeterminat, wara kompetizzjoni ġenerali, li iżda għandhom inqas anzjanità. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jitqiegħdu fi ħdan il-persunal permanenti f’livell inferjuri għal dak tal-benefiċjarji tal-istabilizzazzjoni.

56

Fl-aħħar nett, huwa jenfasizza li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba taħt kuntratti preċedenti ta’ xogħol għal żmien determinat imur kontra l-Artikolu 3 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana, moqri fis-sens li trattament sfavorevoli ma jistax jiġi applikat għal sitwazzjonijiet li għandhom mertu ogħla, u, min-naħa l-oħra, kontra l-Artikolu 97 ta’ din l-istess kostituzzjoni, li jipprovdi li l-kompetizzjoni ġenerali, inkwantu hija mekkaniżmu imparzjali ta’ selezzjoni teknika u newtrali tal-persuni l-iktar kompetenti fuq il-bażi ta’ merti, tikkostitwixxi l-forma ġenerali ta’ reklutaġġ għall-amministrazzjonijiet pubbliċi bil-għan li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ imparzjalità u ta’ effikaċja tal-azzjoni amministrattiva.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istat Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, huma jistgħu, bħala regola ġenerali, mingħajr ma jiksru d-Diretettiva 1999/70 jew il-Ftehim qafas, jipprovdu għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ uffiċjali permanenti kif ukoll għall-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ dawn l-uffiċjali, b’mod partikolari meta dawn ikunu preċedentement ġew impjegati minn dawn l-amministrazzjonijiet permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

58

Għalhekk, kif sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, l-esperjenza professjonali ta’ ħaddiema għal żmien determinat, riflessa mill-perijodi ta’ servizz imwettqa minnhom fl-amministrazzjoni pubblika taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, tista’ tikkostitwixxi, bħalma tipprovdi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-istabilizzazzjoni, b’mod partikolari, għat-twettiq ta’ perijodu ta’ servizz ta’ tliet snin taħt kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, kriterju ta’ selezzjoni għall-finijiet ta’ proċedura ta’ reklutaġġ bħala uffiċjal.

59

Madankollu, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha ssir b’mod trasparenti u għandha tkun tista’ tiġi kkontrollata sabiex jiġi prekluż kull trattament sfavorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat biss abbażi tal-perijodu tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom (ara s-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li ċerti differenzi invokati mill-Gvern Taljan fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat fl-ambitu ta’ proċeduri ta’ stabilizzazzjoni bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali b’paragun mal-uffiċjali permanenti rreklutati fi tmiem kompetizzjoni ġenerali, fir-rigward tal-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-funzjonijiet li tagħhom huma għandhom jassumu r-responsabbiltà jistgħu, bħala regola ġenerali, jiġġustifikaw differenza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

61

Meta tali trattament differenzjat jirriżulta mill-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi fir-rigward tal-impjieg li l-proċedura ta’ reklutaġġ hija intiża li timla u li ma għandhomx x’jaqsmu maż-żmien determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-ħaddiem mal-persuna li timpjegah, dan it-trattament jista’ jiġi ġġustifikat fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

62

F’dan il-każ, fir-rigward tal-għan pretiż li jiġu evitati diskriminazzjonijiet inversi kontra uffiċjali permanenti impjegati fi tmiem b’suċċess ta’ kompetizzjoni ġenerali, għandu jiġi osservat li, minkejja li tali għan jista’ jikkostitwixxi “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, tali għan ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali sproporzjonata bħalma hija dik fil-kawżi prinċipali li teskludi totalment u f’kull ċirkustanza t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi kollha ta’ servizz magħmula minn ħaddiema fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-anzjanità tagħhom fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom għal żmien indeterminat u, għalhekk, tal-livell ta’ remunerazzjoni tagħhom. Fil-fatt, tali esklużjoni totali u assoluta tistrieħ intrinsikament fuq il-premessa ġenerali li ż-żmien indeterminat tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ ċerti uffiċjali pubbliċi jiġġustifika fih innifsu differenza fit-trattament fir-rigward tal-uffiċjali pubbliċi impjegati għal żmien determinat, b’mod li jinġiebu fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim-qafas.

63

Fir-rigward tal-fatt sostnut fis-seduta mill-Gvern Taljan, li l-proċedura ta’ stabilizzazzjoni tagħti lok, fid-dritt nazzjonali, għal relazzjoni ġdida ta’ xogħol, għandu jitfakkar li ċertament il-Ftehim qafas ma jippreskrivix il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u ma għandux l-għan li jarmonizza r-regoli nazzjonali kollha dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Fil-fatt, dan il-ftehim qafas huwa biss intiż, billi jistabbilixxi prinċipji ġenerali u kundizzjonijiet minimi, li jistabbilixxi qafas ġenerali sabiex jiżgura trattament ugwali għall-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni u jipprevjeni l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huet, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Madankollu, is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kontenut tar-regoli nazzjonali tagħhom ma tistax twassal sal-punt li dawn ikunu jistgħu jippreġudikaw l-għan jew l-effett prattiku tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas ikun nieqes minn kull kontenut jekk is-sempliċi natura ġdida ta’ relazzjoni ta’ xogħol skont id-dritt nazzjonali kellha titqies li tista’ tikkostitwixxi “bażi oġġettiva” fis-sens tal-imsemmija klawżola b’mod li tiġġustifika differenza fit-trattament, bħalma hija dik pretiża fil-kawżi prinċipali, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-mument tar-reklutaġġ għal żmien indeterminat minn awtorità pubblika ta’ ħaddiema għal żmien determinat, tal-anzjanità miksuba minn dawn tal-aħħar ma’ din l-istess awtorità fuq il-bażi tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat.

66

Min-naħa l-oħra, huwa importanti li titqies in-natura speċifika tax-xogħol tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat li, jekk jiġi stabbilit, bħalma r-rikorrenti sostnew fil-kawżi prinċipali, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-funzjonijiet eżerċitati minnhom bħala uffiċjali permanenti huma identiċi għal dawk li huma eżerċitaw qabel fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, u jekk, kif il-Gvern Taljan sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża sabiex tingħata iktar importanza lill-esperjenza miksuba mill-uffiċjali temporanji fi ħdan l-AGCM, tali elementi jistgħu jissuġġerixxu li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa mill-ħaddiema għal żmien determinat huwa, fir-realtà, iġġustifikat biss miż-żmien tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom u, għalhekk, li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistrieħx fuq ġustifikazzjonijiet marbuta mar-rekwiżiti oġġettivi tal-impjiegi li kienu s-suġġett tal-proċedura ta’ stabilizzazzjoni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala li jaqgħu taħt il-“bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

68

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li, fil-kawżi prinċipali, għandha, minn naħa, tivverifika jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kinitx, fir-rigward tal-perijodi ta’ servizz li wettqu fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, komparabbli ma’ dik ta’ impjegat ieħor tal-AGCM li wettaq il-perijodi ta’ servizz tiegħu bħala uffiċjal permanenti fil-kategoriji rilevanti tal-persunal permanenti u, min-naħa l-oħra, tevalwa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, jekk ċerti argumenti ppreżentati quddiemha mill-AGCM jikkostitwixxux “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas (sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

69

Peress li l-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas hija f’dan il-kuntest irrilevanti, u barra minn hekk id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jipprovdu ebda informazzjoni konkreta u preċiża dwar użu abbużiv eventwali ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, ma hemmx lok, kif ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali sostnew, li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola.

70

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas hija inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sabiex tkun tista’ tiġi invokata, b’effett mid-data li fih jiskadi t-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttiva 1999/70, fil-konfront tal-Istat minn individwi quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78 sa 83 kif ukoll 97 u 98; digriet Montoya Medina, iċċitat iktar ’il fuq, punt 46, kif ukoll is-sentenza Rosado Santana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għad-domanda li saret għandha tingħata r-risposta li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li huwa anness mad-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li teskludi totalment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li jkunu saru minn ħaddiem għal żmien determinat ta’ awtorità pubblika għad-determinazzjoni tal-anzjanità ta’ dan tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità bħala uffiċjal permanenti fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata fuq “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 ta’ din il-klawżola. Il-fatt biss li l-ħaddiem għal żmien determinat ikun għamel dawn il-perijodi ta’ servizz fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali bażi oġġettiva.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [xogħol għal żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li teskludi totalment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li jkunu saru minn ħaddiem għal żmien determinat ta’ awtorità pubblika għad-determinazzjoni tal-anzjanità ta’ dan tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità bħala uffiċjal permanenti fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata fuq “bażi oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 u/jew 4 ta’ din il-klawżola. Il-fatt biss li l-ħaddiem għal żmien determinat ikun għamel dawn il-perijodi ta’ servizz fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali bażi oġġettiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.