SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Appell — Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) — Protezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet — Nota tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar il-proposti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva għar-reviżjoni tal-istess Regolament Nru 1049/2001 — Aċċess parzjali — Rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-identità tal-Istati Membri awturi tal-proposti”

Fil-Kawża C‑280/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2011,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u C. Fekete, bħala aġenti,

appellant,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Access Info Europe, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn O. Brouwer u J. Blockx, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Caiola u M. Dean, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent fl-appell,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.‑M. Mamouna u K. Boskovits, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill (T-233/09, Ġabra p. II-1073, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) li tirrifjuta lil Access Info Europe (iktar ’il quddiem “Access Info”) aċċess għal ċerta informazzjoni li tinsab f’nota tas-26 ta’ Novembru 2008 mibgħuta mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-grupp ta’ ħidma dwar l-informazzjoni, imwaqqaf fi ħdan il-Kunsill, dwar il-proposta ta’ regolament ġdid dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“dokument mitlub”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-premessa 6 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), hija fformulata b’dan il-mod:

“Għandu jingħata aktar aċċess għad-dokumenti f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kapaċitajiet leġislattivi tagħhom, inklużi dawk taħt setgħat delegati, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm l-effettività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jsiru direttament aċċessibbli bl-aktar mod possibbli.”

3

L‑Artikolu 1 ta’ dan ir‑regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)

li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [...] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti,

[...]”

4

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Permezz ta’ ittra elettronika tat-3 ta’ Diċembru 2008, Access Info talbet lill-Kunsill aċċess għad-dokument mitlub. Dan id-dokument kien jiġbor fih il-proposti ta’ emendi jew ta’ formulazzjonijiet ġodda kkomunikati minn diversi Stati Membri matul il-laqgħa tal-25 ta’ Novembru 2008 tal-grupp ta’ ħidma dwar l-informazzjoni msemmi fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

6

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kunsill ta aċċess parzjali għad-dokument mitlub. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni kkomunikat lil Access Info verżjoni ta’ dan id-dokument li ma kinitx tippermetti li jiġu identifikati l-Istati Membri li kienu l-awturi tal-proposti msemmija.

7

Il-Kunsill iġġustifika r-rifjut tiegħu li jiżvela l-identitajiet tal-Istati Membri inkwistjoni fuq il-bażi tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi kkunsidra li l-iżvelar ta’ dawn l-identitajiet kien ser jippreġudika b’mod serju l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu, mingħajr ma tali żvelar ma kien meħtieġ minħabba interess pubbliku ogħla. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura preliminari tad-diskussjonijiet li kienu għaddejjin f’dak iż-żmien, l-iżvelar tal-identitajiet tal-Istati Membri kkonċernati kien ser inaqqas il-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet matul in-negozjati li jikkaratterizzaw il-proċedura leġiżlattiva fi ħdan il-Kunsill u għalhekk kien ser jippreġudika l-kapaċità tal-Kunsill li jasal għal ftehim.

8

Fis-26 ta’ Novembru 2008, jiġifieri l-jum stess li fih ġie redatt id-dokument mitlub, verżjoni sħiħa ta’ dan id-dokument tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch, mingħajr ma dan l-iżvelar ma kien awtorizzat (iktar ’il quddiem l-“iżvelar mhux awtorizzat”).

Is-sentenza appellata

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2009, Access Info ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ntlaqa’ permezz tas-sentenza appellata.

10

Il-Qorti Ġenerali esponiet, l-ewwel nett, il-prinċipji fundamentali fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti. B’mod partikolari, fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar u li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa maħsub sabiex jiggarantixxi dritt ta’ aċċess li jkun kemm jista’ jkun wiesa’, b’tali mod li l-eċċezzjonijiet għall-iżvelar għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett. Il-Qorti Ġenerali sostniet li dawn il-prinċipji jakkwistaw rilevanza iktar partikolari meta l-Kunsill ikun qiegħed jaġixxi, bħal fil-każ ineżami, fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur.

11

It-tieni nett, fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li s-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni għall-iżvelar ma jistax ikun biżżejjed sabiex tiġi applikata din l-eċċezzjoni sa fejn tali applikazzjoni tkun iġġustifikata biss jekk l-aċċess għal dan id-dokument ikun jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett. Barra minn hekk, tali perikolu ma jistax ikun ta’ natura purament ipotetika u għandu jkun raġonevolment prevedibbli. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tar-rifjut ta’ żvelar ta’ parti mid-dokument mitlub – f’dan il-każ l-identità tal-Istati Membri awturi tal-proposti – u l-interess ġenerali li d-dokument kollu jkun aċċessibbli.

12

B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 68 sa 80 tas-sentenza appellata, eżaminat ir-raġuni prinċipali fost ir-raġunijiet allegati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika n-natura parzjali tal-iżvelar tad-dokument mitlub, jiġifieri l-allegat tnaqqis fil-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill, li jirriżulta mill-fatt li l-iżvelar tal-identità tal-Istati Membri responsabbli għall-proposti jagħti lok għal tant pressjoni mill-opinjoni pubblika fuq dawn l-Istati li ma jibqax possibbli għal delegazzjoni tal-istess Stati li tippreżenta proposta li tmur fis-sens ta’ restrizzjoni għat-trasparenza.

13

Fl-ewwel lok, fil-punti 69 sa 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ikkunsidrat li huwa preċiżament il-prinċipju ta’ leġittimità demokratika li jeżiġi li l-awturi tal-proposti li jinsabu fid-dokument mitlub jassumu responsabbiltà għall-atti tagħhom fir-rigward tal-pubbliku, u dan iktar u iktar meta dan id-dokument jagħmel parti mill-proċedura leġiżlattiva. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-iżvelar tal-identitajiet tal-awturi ta’ proposta ma kienx ser jipprekludi lid-delegazzjonijiet milli jwarrbu tali proposta sussegwentement. Fil-fatt, proposta ssir sabiex tiġi diskussa, irrispettivament minn jekk tkunx anonima jew le, u ma tkunx maħsuba sabiex tibqa’ kif inhi, jiġifieri mingħajr ma jsirulha bidliet, wara diskussjoni meta l-identità tal-awtur tagħha tkun magħrufa. L-opinjoni pubblika hija perfettament kapaċi tifhem din il-karatteristika tal-proposti fil-proċess leġiżlattiv. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi preżunt li l-opinjoni pubblika b’mod ġenerali hija opposta għal-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li lanqas l-iżvelar mhux awtorizzat ma kellu konsegwenzi dannużi fuq il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

14

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tal-Kunsill fis-sens li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura preliminari tad-diskussjonijiet sabiex jiġi evalwat ir-riskju ta’ preġudizzju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet marbut mat-tnaqqis tal-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri. Skont il-Qorti Ġenerali, in-natura preliminari tad-diskussjonijiet ma tippermettix li tiġi ġġustifikata, bħala tali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni skont l-istadju li fih ikunu waslu d-diskussjonijiet.

15

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument fis-sens li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura partikolarment sensittiva tal-proposti magħmula, f’dan il-każ, mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li l-proposti ta’ emendi inkwistjoni jagħmlu parti mill-iżvolġiment normali tal-proċess leġiżlattiv. Għaldaqstant, dawn il-proposti ma humiex partikolarment sensittivi fis-sens li interess fundamentali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri ser ikun ippreġudikat mill-iżvelar tal-identità tal-awturi tal-proposti, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li fil-każ ineżami l-kwistjoni ma kinitx tikkonċerna l-iżvelar tal-kontenut tal-proposti magħmula mill-Istati Membri iżda sempliċement l-identifikazzjoni tad-delegazzjonijiet li kienu l-awturi ta’ dawn il-proposti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li proposta ta’ emenda ta’ abbozz ta’ regolament tkun suġġetta għal kummenti kemm pożittivi u kemm negattivi min-naħa tal-pubbliku u tal-mezzi tax-xandir jirriżulta min-natura stess tad-diskussjoni demokratika.

16

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument fis-sens li t-tul mhux normali tal-proċedura għall-approvazzjoni ta’ regolament ġdid fil-qasam ta’ aċċess għal dokumenti kien dovut għad-diffikultajiet li l-iżvelar mhux awtorizzat kien ikkawża għan-negozjati. Fil-verità, skont il-Qorti Ġenerali, it-tul tal-proċess leġiżlattiv seta’ kien dovut għal raġunijiet oħra ta’ natura politika u ġuridika.

17

Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument li l-Kunsill ressaq sabiex juri li kien minħabba l-iżvelar mhux awtorizzat li r-rapporti tal-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma tiegħu ma baqgħux ikunu daqstant eżawrjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-identitajiet tad-delegazzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li din il-bidla setgħet tkun dovuta wkoll għall-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża minn Access Info. Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ rabta kawżali bejn l-iżvelar lill-pubbliku tal-identità tad-delegazzjonijiet u l-preġudizzju serju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni hija kkonfermata minn dokument sussegwenti għall-iżvelar mhux awtorizzat, li ma jindikax b’mod anonimu biss il-proposti ta’ emenda għat-test leġiżlattiv iżda jippreċiża l-identità tad-delegazzjonijiet, minn tal-inqas fil-verżjoni oriġinali ta’ dan id-dokument.

18

Fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19

Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Ottubru 2011, minn naħa, ġie aċċettat l-intervent tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju ta’ Spanja insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, u, min-naħa l-oħra, ġie aċċettat l-intervent tal-Parlament Ewropew insostenn tat-talbiet ta’ Access Info. Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Frar 2012, ġie aċċettat l-intervent tar-Repubblika Franċiża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

20

Il-Kunsill, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tagħti deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell; u

tikkundanna lil Access Info għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

21

Access Info u l-Parlament Ewropew jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

22

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill iqajjem, essenzjalment, tliet aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

23

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Kunsill, sostnut fuq dan il-punt mir-Renju ta’ Spanja, isostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx l-ekwilibriju intenzjonat kemm mid-dritt primarju – l-Artikolu 207(3) KE u l-Artikolu 255 KE, applikabbli ratione temporis – u kemm mid-dritt idderivat – il-premessa 6 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 – bejn, minn naħa, id-dritt ta’ aċċess wiesa’ għad-dokumenti li jikkonċernaw l-attività leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li titħares l-effikaċja tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 69 tas-sentenza appellata, interpretat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) imsemmi billi attribwixxiet kunsiderazzjoni indebita u eċċessiva lit-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, mingħajr b’ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-effikaċja ta’ dan il-proċess.

24

B’mod iktar speċifiku, il-Kunsill, sostnut f’dan ir-rigward mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Ellenika u mir-Renju ta’ Spanja, isostni li l-proċess leġiżlattiv tiegħu huwa mexxej ħafna u jeħtieġ flessibbiltà kbira min-naħa tal-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jibdlu l-pożizzjoni inizjali tagħhom u sabiex b’hekk jitkabbru kemm jista’ jkun il-possibbiltajiet li jintlaħaq ftehim. Sabiex jiġi ggarantit “spazju ta’ negozjar” u sabiex b’hekk titħares l-effikaċja ta’ dan il-proċess leġiżlattiv, huwa meħtieġ li jiġi ggarantit lil dawn l-Istati Membri marġni ta’ manuvra kemm jista’ jkun wiesa’ fid-diskussjonijiet, u dan sa mill-ewwel stadji tal-proċedura. Issa, tali marġni ta’ manuvra jkun limitat jekk l-identità tad-delegazzjonijiet tkun żvelata kmieni wisq matul il-proċedura sa fejn dan l-iżvelar ikollu l-effett li joħloq pressjoni min-naħa tal-opinjoni pubblika, pressjoni li ċċaħħad lid-delegazzjonijiet stess mill-flessibbiltà meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

25

Ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja jżidu, f’dan ir-rigward, li, fil-każ ineżami, l-iżvelar tal-identità tad-delegazzjonijiet ma kienx neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-aċċess sħiħ għall-kontenut tad-dokument mitlub huwa biżżejjed sabiex jiġi ggarantit li jkun hemm diskussjoni demokratika dwar il-kwistjonijiet indirizzati minn dan id-dokument. L-unika konsegwenza tal-iżvelar addizzjonali tal-identità tad-delegazzjonijiet kienet tkun li jkun possibbli li tiġi eżerċitata pressjoni fuq l-Istati Membri u mhux fuq il-Kunsill.

26

Access Info tirribatti li, permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Kunsill qiegħed jikkritika biss tliet punti tas-sentenza appellata, jiġifieri, minn naħa, il-punti 57 u 58 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret biss il-ġurisprudenza rilevanti, u, min-naħa l-oħra, il-punt 69 ta’ din is-sentenza fejn, skont Access Info, sostnuta f’dan ir-rigward mill-Parlament, il-Qorti Ġenerali wettqet preċiżament ibbilanċjar bejn ir-rekwiżiti tat-trasparenza u r-rekwiżit tal-protezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, filwaqt li kkonkludiet li l-iżvelar tal-identitajiet tal-Istati Membri kkonċernati ma kienx, fil-każ ineżami, ta’ natura tali li jippreġudika l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan l-aggravju, hemm lok li jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel parti mir-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE li jinbeda stadju ġdid fil-proċess li tinħoloq unjoni dejjem eqreb bejn il-popli tal-Ewropa, unjoni li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ trasparenza u bl-iktar mod qrib taċ-ċittadini. Kif tfakkar il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I-4723, punt 34; tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. I-8533, punt 68, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C-506/08 P, Ġabra p. I-6237, punt 72).

28

Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun kemm jista’ jkun wiesa’ (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 33; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 69, kif ukoll L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 73).

29

Huwa minnu li dan id-dritt xorta waħda huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u inkonformità mal-premessa 11 tiegħu, dan ir-regolament jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, regoli b’eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika lil wieħed mill-interessi protetti permezz ta’ dan l-artikolu (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 62; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 u 71, kif ukoll L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

30

Madankollu, sa fejn jidderogaw mill-prinċipju tal-iktar aċċess pubbliku wiesa’ possibbli għad-dokumenti, tali eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Sison vs Il-Kunsill, punt 63, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 36; L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, punt 73, kif ukoll L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 75).

31

Għaldaqstant, minn naħa, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbitilha l-komunikazzjoni tiegħu, din l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokat minn din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Min-naħa l-oħra, meta tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, istituzzjoni għandha tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tosserva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

33

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom, manifestament, rilevanza partikolari meta l-Kunsill jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li preċiżament f’tali każ għandu jiġi awtorizzat aċċess iktar wiesa’ għal dokumenti. F’dan ir-rigward, it-trasparenza tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jeżaminaw l-informazzjoni kollha li serviet bħala bażi għal att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà, għaċ-ċittadini, li jkunu jafu l-bażi tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

34

Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju, li permezz tiegħu l-Kunsill qiegħed essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu.

35

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, fakkret preċiżament, inkonformità mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li l-aċċess pubbliku għall-kontenut sħiħ tad-dokumenti tal-Kunsill jikkostitwixxi l-prinċipju u li dan il-prinċipju huwa suġġett għal eċċezzjonijiet li għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.

36

Għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-effikaċja tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Fil-fatt, fil-punti 69 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami fil-fond tal-argumenti mressqa mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni fil-każ ineżami tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata.

37

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali mhux talli ma naqsitx milli twettaq ibbilanċjar bejn il-prinċipju ta’ trasparenza u l-ħarsien tal-effikaċja tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill iżda, inkonformità mal-prinċipji mfakkra fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza, hija eżaminat, fir-rigward tal-mertu, l-argumenti kollha mressqa mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni, fil-każ ineżami, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

38

Kien biss wara li eżaminat dawn l-argumenti u li kkunsidrat li ebda wieħed minnhom ma kien jippermetti li jiġi stabbilit li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-identità tal-Istati Membri inkwistjoni kien ser jagħti lok għal riskju konkret ta’ preġudizzju serju għall-interess protett mill-eċċezzjoni inkwistjoni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li l-Kunsill kien kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta rrifjuta, bis-saħħa tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni.

39

Barra minn hekk, sa fejn il-kritika mressqa mill-Kunsill tista’ tinftiehem fis-sens li qiegħed jikkontesta l-evalwazzjoni ta’ dawn l-argumenti li wettqet il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill, insostenn ta’ dan l-aggravju, ma jinvoka ebda element intiż sabiex jirribatti l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-argumenti tal-Kunsill fl-ewwel istanza ma kinux issostanzjati b’mod suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-identità tal-Istati Membri inkwistjoni kien ser jagħti lok għal riskju konkret ta’ preġudizzju serju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

40

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-iżvelar tal-identità tad-delegazzjonijiet ma kienx neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun kemm jista’ jkun wiesa’. Huwa fid-dawl ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali ġustament ippreċiżat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jiggarantixxi lill-pubbliku aċċess għall-kontenut kollu tad-dokumenti tal-Kunsill, inkluż fil-każ ineżami għall-identità tal-awturi tad-diversi proposti, u dan sa fejn l-aċċess sħiħ għad-dokumenti msemmija jista’ jiġi ristrett biss fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet għal dan id-dritt li jinsabu f’dan ir-regolament u li għandhom ikunu bbażati fuq riskju konkret ta’ preġudizzju serju għall-interessi li jipproteġu. Sa fejn fil-każ ineżami l-Qorti Ġenerali eskludiet l-eżistenza ta’ tali riskju, aċċess parzjali għad-dokument mitlub ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan segwit mir-regolament imsemmi.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

42

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok u li huwa maqsum fi tliet partijiet, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi li wassluha sabiex tikkonkludi li din l-istituzzjoni ma kinitx stabbilixxiet “suffiċjentement skont il-liġi u skont il-fatti” r-riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu.

43

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Ellenika u mir-Renju ta’ Spanja, isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, irrikjediet prova ta’ preġudizzju reali għall-interess protett mill-eċċezzjoni inkwistjoni. Issa, skont il-Kunsill, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sempliċi riskju ta’ preġudizzju huwa biżżejjed sabiex ikun iġġustifikat l-użu ta’ din l-eċċezzjoni, b’tali mod li l-istituzzjoni li tirċievi talba għal aċċess għal dokumenti għandha sempliċement tistabbilixxi l-probabbiltà li mill-iżvelar ta’ dan id-dokument jirriżulta preġudizzju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni.

44

Access Info kif ukoll il-Parlament isostnu, min-naħa tagħhom, li l-Qorti Ġenerali mhux talli ma rrikjeditx li l-Kunsill jipprovdi prova ta’ preġudizzju reali għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet iżda, fil-punti 73 u 74 imsemmija, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-argument imqajjem mill-Kunsill stess fis-sens li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni kien ġarrab preġudizzju reali u konkret minħabba l-iżvelar mhux awtorizzat.

45

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill, sostnut f’dan ir-rigward mir-Repubblika Ellenika, jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-importanza tal-istadju li kienu wasslu fih id-diskussjonijiet sabiex tevalwa r-riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrappreżenta l-iżvelar tal-identità tad-delegazzjonijiet. Skont il-Kunsill, il-fatt li l-pubbliku jingħata dritt jikkonsulta x-xogħlijiet preparatorji kollha matul il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kollu jiskoraġġixxi lid-delegazzjonijiet milli jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom fl-istadju inizjali tal-proċedura. Fil-fatt, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi marbuta mal-funzjonament tal-Kunsill, dawn l-opinjonijiet, b’mod partikolari meta jkunu dwar fajls tekniċi, ħafna drabi jkollhom natura tentattiva u ma jirriflettux neċessarjament il-pożizzjoni preċiża u definittiva tal-Istat Membru minn fejn ikunu ġejjin dawn id-delegazzjonijiet, b’tali mod li dawn l-opinjonijiet jistgħu jiżviluppaw matul il-proċedura. Jekk jiġi rrikonoxxut dritt ta’ konsultazzjoni sa minn dan l-istadju preliminari tal-proċedura, il-konsegwenza tkun li d-delegazzjonijiet ma jesprimux il-pożizzjoni tagħhom qabel ma jkunu kisbu, min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, pożizzjoni ta’ negozjar, konsegwenza din li tkun ta’ natura li tagħmel il-proċess leġiżlattiv iktar riġidu.

46

Sabiex tirribatti dawn l-argumenti, Access Info ssostni, l-ewwel nett, li l-Kunsill ma speċifikax l-allegati karatteristiċi speċifiċi tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu. It-tieni nett, huwa biss fl-istadju tal-appell li l-Kunsill qajjem l-argument dwar allegat preġudizzju għall-possibbiltà, għad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, li jibdlu l-pożizzjoni tagħhom matul il-proċedura. Fi kwalunkwe każ, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 76 tas-sentenza appellata, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jsemmix l-istadju tan-negozjati bħala kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess. Huwa minnu li dan l-element jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, l-identifikazzjoni tad-delegazzjonijiet li jippreżentaw proposti fi stadju inizjali tad-diskussjonijiet ma hijiex ta’ natura li tipprekludi lil dawn id-delegazzjonijiet milli jkunu jistgħu jibdlu l-pożizzjoni tagħhom fi stadju ulterjuri. Fl-aħħar nett, Access Info tosserva li huwa preċiżament fil-mument meta tinbeda l-proċedura li t-trasparenza għandha tkun estiża kemm jista’ jkun. Fil-fatt, fi stadju fejn id-diskussjonijiet ikunu diġà saru jew fejn ikunu ntlaħqu pożizzjonijiet ta’ kompromess, it-trasparenza u d-dibattitu pubbliku ma jkunux għadhom utli.

47

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni, essenzjalment, li, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 69 tas-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni, fil-punti 72 u 79 sa 83 tas-sentenza appellata, in-natura sensittiva tad-dokument mitlub sabiex tevalwa r-riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ikkawżat mill-iżvelar ta’ dan id-dokument kollu. Skont il-Kunsill, in-natura sensittiva ta’ dan id-dokument tirriżulta, fil-każ ineżami, mill-fatt li l-proposti inkwistjoni kienu jikkonċernaw l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ trasparenza li kellhom ikunu previsti fir-regolament il-ġdid dwar l-aċċess għal dokumenti. Is-sensittività ta’ dawn il-kwistjonijiet hija kkonfermata, barra minn hekk, minn naħa, mill-fatt li l-qrati tal-Unjoni reċentement iddeċidew dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, mid-diskussjonijiet u mill-pressjoni mill-opinjoni pubblika li joħolqu dawn il-kwistjonijiet.

48

Insostenn ta’ din il-parti, il-Kunsill jinvoka diversi argumenti. L-ewwel nett, huwa jsostni li s-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, tippermetti lill-istituzzjoni tinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 meta l-att mitlub ikun ta’ natura partikolarment sensittiva. Issa, il-Qorti Ġenerali interpretat din id-dispożizzjoni, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, fis-sens li tapplika biss meta jiddaħħal inkwistjoni interess fundamentali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. Skont il-Kunsill, tali interpretazzjoni la hija ġġustifikata mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ partijiet oħra tar-Regolament, u lanqas mis-sentenza msemmija L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill stess. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni, ikkunsidrata flimkien mal-livell għoli ta’ prova meħtieġ mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġi stabbilit dan il-prinċipju, tagħmel prattikament impossibbli li jiġi invokat il-benefiċċju tad-dispożizzjoni msemmija.

49

It-tieni nett, sabiex jenfasizza għal darb’oħra n-natura sensittiva tal-kwistjonijiet inkwistjoni, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li t-tul inabitwali tal-proċedura leġiżlattiva kkonċernata kien dovut għal raġunijiet ġuridiċi u politiċi marbuta mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għall-elezzjonijiet tal-Parlament u għat-tiġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill, filwaqt li jirreferi għal ċerti bidliet li seħħew fil-modalitajiet ta’ redazzjoni ta’ dokumenti maħruġa mill-gruppi ta’ ħidma tiegħu b’effett mit-tieni nofs tas-sena 2008 – jiġifieri wara l-iżvelar mhux awtorizzat – isostni li, fil-verità, dan id-dewmien kien dovut minn tal-inqas parzjalment għat-tnaqqis fin-natura eżawrjenti u għan-nuqqas ta’ frankezza fil-kuntest tad-diskussjonijiet li segwew l-iżvelar mhux awtorizzat, li wasslu għal telf ta’ effikaċja fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjoni.

50

Fl-aħħar nett, id-dewmien li bih ġie ttrattat il-fajl leġiżlattiv inkwistjoni kien dovut ukoll, minn tal-inqas parzjalment, għall-fatt li l-Istati Membri, preċiżament minħabba l-iżvelar mhux awtorizzat, kellhom diffikultajiet kbar sabiex jibdlu l-pożizzjonijiet inizjali tagħhom fil-kuntest tan-negozjati. B’mod partikolari, id-delegazzjonijiet ta’ dawn l-Istati li xtaqu jipproponu emendi li setgħu jiġu pperċepiti mill-opinjoni pubblika bħala li kienu qegħdin jillimitaw id-dritt ta’ aċċess pubbliku sabuha diffiċli sabiex jagħmlu tali proposti. Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma rrikonoxxietx tali effetti negattivi li kellu l-iżvelar mhux awtorizzat fuq il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat infondat tali argument fid-dawl tal-fatt li waħda mill-proposti inkwistjoni, sussegwenti għall-iżvelar mhux awtorizzat, kienet tillimita d-dritt ta’ aċċess pubbliku, meta fil-fatt tali proposta, għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, ma kinitx ġiet ippreżentata mid-delegazzjoni ta’ Stat Membru iżda mill-Kummissjoni stess. Min-naħa l-oħra, fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet il-provi prodotti mill-Kunsill sabiex jispjega t-tnaqqis fin-natura eżawrjenti tar-rapporti tal-fajl inkwistjoni u dwar l-identifikazzjoni bl-isem tad-delegazzjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma. Filwaqt li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan il-fatt kien dovut għall-preżentata tar-rikors quddiemha, il-Kunsill jikkunsidra li, fid-dawl tan-natura sensittiva tal-kwistjonijiet inkwistjoni, din il-bidla kienet dovuta preċiżament għall-iżvelar mhux awtorizzat. Il-Kunsill jagħti eżempju ta’ dan it-tnaqqis fil-livell tad-dettall billi jsemmi rapport ta’ Lulju 2009 mill-grupp ta’ ħidma inkwistjoni, fejn l-identità tad-delegazzjonijiet ma baqgħetx tissemma u li minflok juża espressjonijiet bħal “ċertu numru ta’ delegazzjonijiet” u “delegazzjonijiet oħra”.

51

Access Info tirribatti, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali rreferiet għal sitwazzjoni fejn jiddaħħal inkwistjoni “interess fundamentali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri” sempliċement sabiex tagħti eżempju ta’ sitwazzjoni fejn kwistjoni tkun tista’ titqies li hija “partikolarment sensittiva”, mingħajr ma eżiġiet li tali sitwazzjonijiet biss jistgħu jitqiesu li huma sensittivi. It-tieni nett, għall-kuntrarju tad-dokument inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, id-dokument mitlub ma fihx opinjoni legali iżda fih biss proposti ta’ emendi għal abbozz ta’ leġiżlazzjoni. Fl-aħħar nett, Access Info żżid li l-Kunsill ma mmotivax ir-rifjut tiegħu b’mod iddettaljat, kif teżiġi s-sentenza msemmija L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill.

52

Barra minn hekk, Access Info tikkunsidra li t-tielet parti tat-tielet aggravju tal-Kunsill għandha titqies li hija inammissibbli sa fejn tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura sensittiva tad-dokument mitlub u sa fejn tikkonċerna r-raġunijiet li allegatament jiġġustifikaw it-tul inabitwali tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, Access Info, sostnuta essenzjalment mill-Parlament, tikkunsidra, l-ewwel nett, li l-Kunsill jibbaża n-natura sensittiva tal-kwistjonijiet li huma s-suġġett tad-dokument mitlub fuq il-fatt li dawn il-kwistjonijiet iqajmu dibattitu pubbliku u fuq il-fatt li dawn il-kwistjonijiet huma s-suġġett ta’ ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. Issa, skont Access Info, il-Kunsill ma ssostanzjax l-affermazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, parti kbira mill-proċeduri leġiżlattivi jikkonċernaw kwistjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal pressjoni minn gruppi ta’ interess jew għal diskussjonijiet fil-mezzi tax-xandir. Madankollu, dan huwa preċiżament dak li jimplikaw it-trasparenza u d-demokrazija u ma jistabbilixxix in-natura sensittiva ta’ kwistjoni li tiġġustifika t-trattament kunfidenzjali ta’ dokument bħal dak mitlub. Barra minn hekk, li kieku l-kwistjonijiet eżaminati kienu tant sensittivi, mhux biss l-identitajiet tal-Istati Membri ma kellhomx jiġu żvelati iżda anki l-kontenut tal-proposti. It-tieni nett, Access Info tikkontesta l-argument tal-Kunsill fis-sens li d-dewmien inabitwali fil-proċess leġiżlattiv inkwistjoni kien ikkawżat mill-iżvelar mhux awtorizzat. Fil-verità, id-dewmien jista’ jkun iġġustifikat anki mill-assenza ta’ ftehim politiku bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar ir-reviżjoni tar-Regolament. It-tielet nett, Access Info tikkontesta l-fatt li l-iżvelar mhux awtorizzat kien wassal għal bidliet fil-livell tad-dettall tar-rapporti tal-grupp ta’ ħidma.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-Kunsill, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija misluta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

54

Fil-fatt, fil-punt 59 tas-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali ġustament ippreċiżat li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tkun ġustifikata meta jkun hemm riskju ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi protetti, filwaqt li tali riskju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

55

Sabiex tivverifika jekk, fil-każ ineżami, kienx hemm tali riskju, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ikkonstatat, fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma kienx ipprova l-premessa li fuqha bbaża l-argumenti tiegħu, jiġifieri l-fatt li l-iżvelar tal-identità tad-delegazzjonijiet kellu l-konsegwenza li l-pressjoni eżerċitata mill-pubbliku kienet ta’ natura tali li ma kienx għadu possibbli għal dawn id-delegazzjonijiet li jippreżentaw proposta li tmur fis-sens ta’ restrizzjoni għat-trasparenza. Fl-assenza ta’ tali prova, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-iżvelar tal-identità tad-delegazzjonijiet li xtaqu jifformulaw tali proposti ma kienx ta’ natura li seta’ jippreġudika l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

56

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, l-argument – żviluppat fil-qosor fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkritikat mill-Kunsill – fis-sens li l-iżvelar mhux awtorizzat “kellu impatt negattiv fuq is-sinċerità u l-kompletezza tad-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill, u pprojbixxa lid-delegazzjonijiet milli jaħsbu f’soluzzjonijiet jew emendi differenti sabiex jaslu għal konverġenza fil-fehmiet tagħhom, fuq il-kwistjonijiet l-iktar kontroversjali”.

57

Issa, fl-imsemmija punti 73 u 74, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrispondiet għal dan il-motiv u kkonkludiet li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill, dan l-iżvelar ma kienx, fil-każ ineżami, ta’ natura li jippreġudika l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

59

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li permezz tagħha l-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-importanza tal-istadju li jkunu wasslu fihom id-diskussjonijiet sabiex tevalwa r-riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill li jirrappreżenta l-iżvelar sħiħ tal-pożizzjonijiet tad-delegazzjonijiet, għandu jiġi osservat li din il-parti hija wkoll misluta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

60

Fil-fatt, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li n-natura preliminari tad-diskussjonijiet ma kinitx tippermetti li tiġi ġġustifikata, bħala tali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’hekk, peress li l-Qorti Ġenerali eskludiet il-fatt li l-argumenti l-oħra tal-Kunsill setgħu jistabbilixxu riskju ta’ preġudizzju għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu, hija ġustament ikkunsidrat li s-sempliċi fatt li t-talba għal żvelar kienet saret fi stadju kmieni ħafna tal-proċess leġiżlattiv ma kienx biżżejjed sabiex tkun permessa l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.

61

Għaldaqstant, it-tieni parti ma hijiex fondata.

62

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti tat-tielet aggravju ppreżentat mill-Kunsill, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, meta l-Qorti Ġenerali, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-kwistjonijiet li kienu s-suġġett tad-dokument mitlub ma kinux partikolarment sensittivi, hija ma għamlitx riferiment għas-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u dan ġustament minħabba li l-punt 69 ta’ din is-sentenza tal-aħħar, li fuqu hija bbażata din il-parti, jikkonċerna biss dokumenti speċifiċi, jiġifieri l-opinjonijiet legali. F’dan il-każ, minbarra l-fatt li d-dokument mitlub ġie redatt fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva, dan id-dokument lanqas ma jaqa’ f’kategorija ta’ dokumenti li fir-rigward tagħha r-Regolament Nru 1049/2001 jirrikonoxxi interess li jistħoqqlu li jiġi speċifikament protett, bħal dik tal-opinjonijiet legali.

63

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-kriterju li permezz tiegħu tista’ tiġi stabbilita n-natura partikolarment sensittiva ta’ dokument huwa dak tar-riskju li l-iżvelar ta’ dan id-dokument idaħħal inkwistjoni interess fundamentali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-każ ineżami, ma eskludietx in-natura partikolarment sensittiva tad-dokument mitlub fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju. Fil-fatt, għal dan il-għan hija kkunsidrat li d-diversi proposti ta’ emenda jew ta’ formulazzjoni ġdida mressqa mill-erba’ delegazzjonijiet tal-Istati Membri msemmija fid-dokument mitlub kienu jagħmlu parti mill-iżvolġiment normali tal-proċess leġiżlattiv, kunsiderazzjoni li timplika li dawn il-proposti ma setgħux jitqiesu bħala sensittivi, u dan mhux minħabba l-kriterju li jikkonċerna l-preġudizzju għal interess fundamentali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri iżda irrispettivament mill-kriterju użat.

64

Għaldaqstant, il-Kunsill ma għandux raġun meta jsostni li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx in-natura partikolarment sensittiva tad-dokument mitlub.

65

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti l-oħra invokati mill-Kunsill insostenn tat-tielet parti tat-tielet aggravju tiegħu, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ li l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-elementi fil-proċess li jkunu ppreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, skont l-Artikolu 256 TFUE, li teżerċita stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li tkun siltet minnhom il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun ikkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Għaldaqstant, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C-510/06 P, Ġabra p. I-1843, punt 105, u d-digriet tal-10 ta’ Novembru 2011, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA, C‑626/10 P, punt 107).

66

Issa, permezz tal-argument tiegħu fis-sens li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta attribwixxiet it-tul inabitwali tal-proċedura kkonċernata lil raġunijiet ta’ natura ġuridika u politika marbuta b’mod partikolari mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, mal-elezzjonijiet tal-Parlament u mat-tiġdid tal-Kummissjoni, il-Kunsill, mingħajr ma jinvoka żnaturament tal-provi, qiegħed jipprova jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li t-tul inabitwali tal-proċedura leġiżlattiva ma kienx dovut għad-diffikultajiet li kkawża l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti iżda għal tali raġunijiet ta’ natura ġuridika u politika, kif isostni barra minn hekk il-Kunsill stess, kif jirriżulta mill-punt 46 tas-sentenza appellata.

67

Bl-istess mod, fir-rigward tal-allegati konsegwenzi tal-iżvelar mhux awtorizzat fuq il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill, din l-istituzzjoni qiegħda sempliċement tipprova tikkontesta, mingħajr ma tinvoka b’mod ċar żnaturament tal-provi, minn naħa, l-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, ta’ prova – jiġifieri l-verżjoni pubblika ta’ dokument li jinkludi l-proposti miktuba fformulati minn delegazzjonijiet fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni, jiġifieri d-dokument Nru 9716/09 tal-11 ta’ Mejju 2009 – li minnha ddeduċiet li dan l-iżvelar, għall-kuntrarju ta’ dak li kien qiegħed isostni l-Kunsill fl-ewwel istanza, ma kienx ġiegħel lid-delegazzjonijiet jevitaw li jissottomettu proposti li jmorru fis-sens ta’ restrizzjoni għat-trasparenza. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill qiegħed jikkontesta l-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, ta’ prova oħra – jiġifieri d-dokument 10859/0/09 REV 1 – li minnha l-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-prassi tal-Kunsill kienet inbidlet sussegwentement għall-iżvelar mhux awtorizzat, u dan sa fejn l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li fformulaw osservazzjonijiet u suġġerimenti dwar il-proposta tal-Kummissjoni bdiet titħalla barra, u li din il-bidla setgħet tkun dovuta għall-fatt li Access Info kienet ippreżentat rikors sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

68

Għaldaqstant, peress li dawn l-aħħar argumenti huma inammissibbli, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill qiegħed essenzjalment isostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tawtorizza lill-istituzzjonijiet jinvokaw kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali sabiex jirrifjutaw l-iżvelar ta’ ċerti kategoriji ta’ dokumenti. Fil-fatt, kif issostni wkoll ir-Repubblika Ellenika, id-deċiżjoni kontenzjuża tindika l-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jiġġustifikaw ir-raġunijiet għaliex id-dokument mitlub ma setax jiġi żvelat kif ukoll ir-raġunijiet għaliex dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu effettivament applikabbli għad-dokument mitlub. B’hekk, il-Kunsill ma llimitax l-eżami tiegħu għan-natura tad-dokument iżda bbaża r-rifjut tiegħu fuq spjegazzjonijiet iddettaljati dwar in-natura sensittiva tal-kwistjonijiet ittrattati u dwar il-fatt li dawn il-kwistjonijiet kienu qegħdin jitqajmu fil-kuntest ta’ diskussjonijiet preliminari għall-proċedura leġiżlattiva fil-veru sens tal-kelma.

70

Access Info tosserva, l-ewwel nett, li, peress li t-tieni aggravju ma jagħmel ebda riferiment espliċitu għal punt preċiż tas-sentenza appellata, dan l-aggravju huwa inammissibbli u ineffettiv. Fi kwalunkwe każ, skont Access Info, sostnuta fuq dan il-punt mill-Parlament, il-Kunsill ma ppreċiżax, la fl-appell tiegħu u lanqas fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-preżunzjoni ġenerali li fuqha kien ibbażat ir-rifjut tiegħu ta’ aċċess fil-każ ineżami. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt ma jistgħu jservu ta’ bażi għal preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għal dokumenti bħad-dokument mitlub, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li dan tal-aħħar jikkonċerna proċedura ta’ natura leġiżlattiva.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Għandu qabel kollox jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega Access Info, dan l-aggravju huwa ammissibbli sa fejn, għalkemm il-Kunsill ma jidentifikax punt preċiż tas-sentenza appellata li fih żball ta’ liġi, mill-espożizzjoni tal-argumenti insostenn ta’ dan l-aggravju jirriżulta b’mod ċar li l-Kunsill qiegħed jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma kkunsidratx li huwa seta’ jiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-dokument mitlub fuq il-bażi ta’ preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali.

72

Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument jaqa’ taħt attività jew interess imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-istituzzjoni kkonċernata għandha tispjega wkoll kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett permezz ta’ eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu, huwa madankollu possibbli għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, u dan sa fejn kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jikkonċernaw dokumenti tal-istess natura (sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C-139/07 P, Ġabra p. I-5885, punt 54, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, punt 57).

73

Madankollu, f’tali każ, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tippreċiża l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali li fuqhom tkun qiegħda tibbaża l-preżunzjoni li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti ser jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan mingħajr ma tkun meħtieġa twettaq evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

74

Issa, fil-każ ineżami, anki jekk jitqies li l-Kunsill sostna fl-ewwel istanza li seta’ jirrifjuta l-aċċess għal dokument, bħad-dokument mitlub, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-qosor fil-punt 43 tas-sentenza appellata u li jikkonċernaw il-ħtieġa li jitħares il-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet matul id-diskussjonijiet preliminari dwar il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 70 sa 79 tas-sentenza appellata, eżaminat dawn il-kunsiderazzjonijiet u, fil-punt 80 tal-istess sentenza, ikkunsidrat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, it-tentattiv tal-Kunsill li jikkontesta, permezz tat-tielet aggravju tiegħu, din l-evalwazzjoni ma rnexxiex sa fejn it-tielet aggravju ġie miċħud.

75

Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax isostni b’mod validu li seta’ jirrifjuta l-aċċess għad-dokument mitlub fuq il-bażi ta’ preżunzjoni bbażata fuq tali kunsiderazzjonijiet.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huma ineffettivi l-argumenti maħsuba sabiex juru li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-raġunijiet għaliex il-Kunsill ikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali kienu applikabbli għad-dokument mitlub fil-każ ineżami.

77

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

79

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

80

Peress li l-appell tal-Kunsill ġie miċħud, huwa għandu, skont it-talbiet ta’ Access Info, jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż ta’ Access Info.

81

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż ta’ Access Info Europe.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.