SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Novembru 2011(1)

“Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ Stati terzi membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni – Rifjut ibbażat fuq in-nuqqas tal-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadin – Possibbiltà ta’ differenza fit-trattament meta mqabbla ma’ ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali – Klawżoli ‘standstill’”

Fil-Kawża C‑256/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), bid-deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2011, fil-proċeduri

Murat Dereci,

Vishaka Heiml,

Alban Kokollari,

Izunna Emmanuel Maduike,

Dragica Stevic

vs

Bundesministerium für Inneres,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, J. Malenovský, U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2011 li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Dereci, minn H. Blum, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. McCann, BL,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway u S. Ossowski, bħala aġenti, assistiti minn K. Beal, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u C. Tufvesson kif ukoll minn B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, li jwaqqaf ftehim li li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10) (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni Nru 1/80” u l-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni” rispettivament), u tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 43, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn M. Dereci, V. Heiml, A. Kokollari u I.E. Maduike kif ukoll D. Stevic u l-Bundesministerium für Inneres (Ministeru tal-Intern) dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tat-talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ residenza li tressqu mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, flimkien, fil-każ ta’ erba’ kawżi prinċipali, ma’ ordni ta’ tkeċċija jew ta’ ripatrijazzjoni mit-territorju Awstrijak.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Intitolat “Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal‑Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”) jipprovdi:

“1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal‑familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2.      M’għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il ġid ekonomiku tal-pajjiz, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

4        Skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dan huwa intiż li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi jieħu pjenament inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi assigurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax‑xogħol u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork. Skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, “il-partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [39 KE], [40 KE] u [41 KE] sabiex gradwalment jinkiseb bejniethom il-moviment liberu tal-ħaddiema”. [traduzzjoni mhux uffiċjali], u, skont l-Artikolu 13 ta’ dan il-Ftehim, dawn il-partijiet “jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [43 KE] sa [46 KE] inklużi u l-Artikolu [48 KE] sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jeżistu bejniethom fuq il-libertà ta’ stabbiliment”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-Deċiżjoni Nru 1/80

5        L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg ta’ ħaddiema u membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Protokoll Addizzjonali

6        Skont l-Artikolu 62 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

7        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà tal-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.”

 Id-Direttiva 2003/86/KE

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

9        Skont l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni.

 Id-Direttiva 2004/38/KE

10      Taħt it-Taqsima “Disposizzjonijiet ġenerali”, il-Kapitolu I tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77, u r-rettifiki ĠU L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34), tinkludi l-Artikoli 1 sa 3.

11      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza [libera] fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

ċ)      il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

12      Taħt it-Taqsima “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

a)      ir-raġel jew martu [il-konjuġi];

b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

d)      il-qraba [l-axxendenti] diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3)      ‛Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u residenza.”

13      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

 Id-dritt nazzjonali

14      Il-Liġi Federali dwar l-istabbiliment u r-residenza fl-Awstrija (Bundesgesetz über die Niederlassung und den Aufenthalt in Österreich, BGB1. I, 100/2005, iktar ’il quddiem in-“NAG”), tirregola l-istabbiliment u r-residenza fl-Awstrija billi tagħmel distinzjoni bejn id-drittijiet li jinsiltu mid-dritt tal-Unjoni, minn naħa, u dawk li jinsiltu mid-dritt Awstrijak, min-naħa l-oħra.

15      Taħt it-Taqsima “Kundizzjonijiet ġenerali għall-ksib ta’ permess ta’ residenza”, l-Artikolu 11 tan-NAG jipprovdi:

“[...]

(2)      Il-permessi ta’ residenza jistgħu biss jinħarġu favur persuna barranija jekk

1.      ir-residenza tal-persuna barranija ma tiksirx l-interess pubbliku;

2.      il-persuna barranija tipprova li għandha dritt għal akkomodazzjoni meqjusa normali għal familja ta’ daqs paragunabbli;

3.      il-persuna barranija għandha kopertura ta’ assigurazzjoni medika komprensiva li hija valida fl-Awstrija;

4.      ir-residenza tal-persuna barranija ma tistax timplika piż finanzjarju għall-poteri pubbliċi fl-Awstrija;

[...]

(3)      Il-permess ta’ residenza jista’ madankollu jingħata minkejja motiv ta’ rifjut ibbażat fuq is-subparagrafu 1(3), (5) jew (6), jew jekk waħda mill-kundizzjonijiet fil-paragrafu 2(1) sa (6) ma tkunx sodisfatta, kif meħtieġ mir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-[KEDB]. Il-ħajja privata u tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 [KEDB] għandha tkun evalwata b’mod partikolari, fid-dawl:

1.      tan-natura u tat-tul tar-residenza li jkun iddekorra u tal-kwistjoni tal-legalità jew le tar-residenza li tkun iddekorriet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

2.      tal-eżistenza attwali ta’ ħajja tal-familja;

3.      ta’ jekk il-ħajja privata hijiex denja ta’ protezzjoni;

4.      tal-grad tal-intensità tal-integrazzjoni;

5.      tar-rabtiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ pajjiżu stess;

6.      tan-nuqqas ta’ kondotta kriminali;

7.      tal-ksur tal-ordni pubbliku, b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-ażil, tal-kontroll tal-fruntieri u tal-immigrazzjoni;

8.      tal-kwistjoni dwar jekk il-ħajja privata u tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tnisslitx fil-mument meta l-persuni kkonċernati kellhom għarfien tal-inċertezza tal-istatus ta’ residenza tagħhom.

(4)      ir-residenza ta’ persuna barranija tmur kontra l-interess pubbliku (subparagrafu 2(1)) meta

1.      ir-residenza tiegħu tippreġudika l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika [...]

(5)      Ir-residenza ta’ persuna barranija ma timplikax piż finanzjarju għall-poteri pubbliċi fl-Awstrija (paragrafu 2(4)) meta l-persuna barranija jkollha dħul fiss u regolari li jagħtiha l-possibbiltà tgħix mingħajr ma tirrikorri għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali mill-awtoritajiet pubbliċi u li l-ammont tagħhom jikkorrispondi mal-iskali stabbiliti fl-Artikoli 293 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali [Allgemeines Sozialversicherungsgesetz] [...]”

16      L-Artikolu 21 tan-NAG, intitolat “Proċedura applikabbli għat-talbiet inizjali”, jipprovdi:

“(1)      It-talbiet inizjali għandhom jitressqu minn barra ’il pajjiż, qabel id-dħul fit-territorju tal-Awstrija, u għandhom jiġu ppreżentati quddiem is-servizzi diplomatiċi lokali kompetenti. L-applikant għandu jibqa’ jgħix barra sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba tiegħu.

(2)      B’deroga mill-paragrafu 1, il-persuni li ġejjin jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fl-Awstrija:

1.      Il-membri tal-familji ta’ ċittadini Awstrijaċi, ta’ ċittadini tal-KEE u ċittadini Svizzeri, li jirrisjedu permanentement fl-Awstrija u li ma eżerċitawx id-dritt għal residenza għal iktar minn tliet xhur li jingħatalhom mid-dritt Komunitarju jew mill-Ftehim [bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6)], wara dħul legali u matul residenza legali;

[...]

(3)      B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet jistgħu jaċċettaw, fuq talba mmotivata, li l-applikazzjoni tkun ippreżentata fl-Awstrija fin-nuqqas ta’ motivi ta’ rifjut imsemmija fil-punti 1, 2 jew 4 tal-Artikolu 11(1) u jekk jiġi stabbilit li huwa impossibbli li l-persuna barranija titlaq mill-Awstrija sabiex tippreżenta l-applikazzjoni tagħha jew jekk dan ma jistax jiġi raġonevolment mistenni minn tali persuna:

[...]

2.      sabiex jirrispetta l-ħajja privata u tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB (Artikolu 11(3)).

[...]

(6)      L-applikazzjoni ppreżentata fl-Awstrija skont is-subparagrafu 2(1) u (4) sa (6), is-subparagrafu 3 u s-subparagrafu 5, ma tagħti ebda dritt l-persuna tibqa’ l-Awstrija lil hinn mir-residenza awtorizzata mingħajr viża jew bil-viża. Lanqas ma tipprekludi l-adozzjoni jew l-implementazzjoni tal-miżuri għall-kontroll tal-barranin u għalhekk ma jista’ jkollha ebda effett sospensiv fil-proċeduri tal-kontroll tal-barranin.”

17      L-Artikolu 47 tan-NAG jipprovdi:

“(1)      Il-persuni li jfittxu r-riunifikazzjoni tal-familja fis-sens tas-subparagrafi 2 sa 4 huma l-Awstrijaċi jew iċ-ċittadini tal-KEE jew Svizzeri li joqgħodu permanentement l-Awstrija u li ma eżerċitawx id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur mogħti lilhom mid-dritt Komunitarju jew mill-Ftehim [imsemmi fl-Artikolu 21(2)].

(2)      Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ persuna li tfittex ir-riunifikazzjoni tal-familja fis-sens tas-subparagrafu 1, għandu jingħatalhom permess ta’ residenza “membri tal-familja fis-sens strett” jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-parti 1, dan il-permess ta’ residenza għandu jiġġedded għall-ewwel darba wara tnax-il xhar u sussegwentement kull 24 xahar.

(3)      Il-membri l-oħra tal-familja ta’ persuna li tfittex ir-riunifikazzjoni tal-familja fis-sens tal-paragrafu 1 jistgħu, fuq talba, jingħataw talba għal “awtorizzazzjoni ta’ residenza għall-membri tal-familji l-oħra” jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-parti 1 u

1.      huma axxendenti tal-persuna li tfittex ir-riunifikazzjoni tal-familja, tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat, sakemm ikunu effettivament sostnuti minn din il-persuna;

2.      huma msieħba ta’ din il-persuna li tista’ tipprova l-eżistenza ta’ relazzjoni sostenibbli fil-pajjiż tal-oriġini u huma effettivament sostnuti; jew

3.      huma membri oħra tal-familja,

a)      li diġà ġew sostnuti fil-pajjiż tal-oriġini mill-persuna li tfittex ir-riunifikazzjoni tal-familja;

b)      li diġà għexu fil-pajjiż tal-oriġini taħt l-istess saqaf bħall-persuna li tfittex ir-riunifikazzjoni tal-familja jew

c)      li jsofru minn problemi serji ta’ saħħa b’mod li l-persuna li tfittex ir-riunifikazzjoni tal-familja tkun meħtieġa tieħu ħsiebhom personalment.

[...]”

18      In-NAG tikkunsidra biss bħala “membri tal-familja fis-sens strett” il-konjuġi, l-imsieħba rreġistrati u t-tfal minuri mhux miżżewġa; il-konjuġi u l-imsieħba rreġistrati għandhom barra minn hekk ikollhom iktar minn 21 sena meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Il-membri l-oħra tal-familja, b’mod partikolari l-ġenituri u t-tfal, huma kkunsidrati bħala “membri oħra tal-familja”.

19      Skont l-Artikolu 57 tan-NAG, iċ-ċittadini tal-Istati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin Awstrijak, jirċievu l-istatus mogħti lill-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru minbarra r-Repubblika tal-Awstrija meta ċittadin Awstrijak ikun eżerċita f’tali Stat Membru jew fl-Isvizzera dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur u jkun irritorna l-Awstrija fi tmiem dan il-perijodu ta’ residenza. Minbarra din is-sitwazzjoni, l-imsemmiija ċittadini għandhom jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imposti fuq ċittadini oħra tal-Istat terz li immigraw lejn l-Awstrija, jiġifieri l-kundizzjonijiet previst fl-Artikolu 47 tan-NAG.

20      In-NAG abrogat, fl-1 ta’ Jannar 2006, il-Liġi Federali dwar id-dħul, ir-residenza u l-istabbiliment tal-barranin (Bundesgesetz über die Einreise, den Aufenthalt und die Niederlassung von Fremden, BGBl. I, 75/1997, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1997”). Skont l-Artikolu 49 tal-Liġi tal-1997:

“(1)      Il-membri tal-familja taċ-ċittadini Awstrijaċi skont l-Artikolu 47(3), li huma ċittadini ta’ pajjiż terz, igawdu il-libertà ta’ stabbiliment; huma koperti, bla ħsara għal dak ipprovdut iktar ’il fuq, b’dispożizzjonijeit applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn sistema skont is-sezzjoni 1. L-awtorizzazzjonijiet ta’ residenza li tingħatalhom l-ewwel darbtejn hija valida għal sena kull waħda.

(2)      Tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jingħataw, fuq talba, awtorizzazzjoni għal residenza għal tul indeterminat, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza (Artikolu 8(1) u jekk il-barranin

1.      ilhom miżżewġa minn tal-inqas sentejn u joqogħdu taħt l-istess saqaf fl-Awstrija;

[...]”

21      Il-Liġi tal-1997 kienet ukoll abrogat il-Liġi dwar ir-residenza (Aufenthaltsgesetz, BGBl.  466/1992) u l-Liġi dwar il-Barranin (Fremdengesetz, BGBl. 838/1992), li kienu fis-seħħ meta l-Awstrija ssieħbet mal-Unjoni Ewropea.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

22      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha ċittadini ta’ Stati terzi li jixtiequ joqogħdu mal-membri tal-familja tagħhom, ċittadini tal-Unjoni, li jirrisjedu fl-Awstrija, l-Istat Membru li tiegħu dawn tal-aħħar għandhom in-nazzjonalità. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u ma jiddependux mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-għajxien tagħhom.

23      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-fatti fil-kawżi prinċipali għandhom numru ta’ differenzi bejniethom dwar b’mod partikolari, in-natura legali jew illegali tad-dħul fit-territorju Awstrijak tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tal-post tar-residenza attwali ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll tar-rabta familjari maċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat u tal-eżistenza ta’ dipendenza ekonomika tagħhom fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

24      Pereżempju, M. Dereci, ċittadin Tork, daħal l-Awstrija illegalment, iżżewweġ ċittadina Awstrijaka u kellhom tliet itfal ta’ nazzjonalità Awstrijaka u li għadhom minuri. M. Dereci preżentement joqgħod mal-familja tiegħu fl-Awstrija. E. Maduike, ċittadin Niġerjan, ukoll daħal illegalment fl-Awstrija u żżewweġ ċittadina Awstrijaka li preżentement joqgħod magħha f’dan l-Istat Membru.

25      Min-naħa l-oħra V. Heiml, ċittadina tas-Sri Lanka, iżżewġet ċittadin Awstrijak qabel ma daħlet legalment fl-Awstrija fejn preżentement toqgħod mar-raġel tagħha, anki jekk il-permess ta’ residenza tagħha skada.

26      Għal dak li jikkonċerna lil A. Kokollari, li daħal legalment fl-Awstrija mal-ġenituri tiegħu meta kellu sentejn, li dak iż-żmien kellhom nazzjonalita Jugoslava, huwa għandu 29 sena u jsostni li ommu, li issa saret ċittadina Awstrijaka, hija dipendenti fuqu. Preżentement huwa joqgħod l-Awstrija. D. Stevic, ċittadina Serba, għandha 52 sena u titlob riunifikazzjoni tal-familja ma’ missierha, li ilu joqgħod l-Awstrija għal snin twal u li kiseb in-nazzjonalità Awstrijaka matul is-sena 2007. Missierha kien jipprovdilha sostenn kull xahar u hija ssostni li ser jissokta jagħmel dan jekk hija tkun tirrisjedi fl-Awstrija. Bħalissa D. Stevic tirrisjedi fis-Serbja, flimkien mar-raġel u t-tliet itfal maġġurenni tagħha.

27      L-applikazzjonijiet li ġew ippreżentati mir-rikorrenti kollha ġew miċħuda. Barra minn hekk, V. Heiml, M. Dereci, A. Kokollari u E. Maduike kienu wkoll suġġetti għal ordnijiet ta’ tkeċċija u ta’ ripatrijazzjoni mit-territorju Awstrijak.

28      Id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-Bundesministerium für Inneres huma bbażati, b’mod partikolari, fuq waħda jew iktar mir-raġunijiet segwenti, jiġifieri fuq l-eżistenza ta’ żbalji proċedurali li jivvizzjaw l-applikazzjoni, il-ksur tal-obbligu li wieħed jibqa’ joqgħod barra mit-territorju Awstrijak sakemm tingħata deċiżjoni fuq l-applikazzjoni minħabba dħul illegali fit-territorju Awstrijak jew minħabba dħul legali segwit minn soġġorn itwal minn dak li kien inizjalment awtorizzat, nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti jew anki ksur tal-ordni pubbliku.

29      Fil-kawżi kollha prinċipali, il-Bundesministerium für Inneres irrifjuta li japplika sistema simili għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minn dik prevista mid-Direttiva 2004/38 għal membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, minħabba l-fatt li ċ-ċittadin ikkonċernat ma kienx eżerċita id-dritt għal moviment liberu tiegħu. Bl-istess mod, l-imsemmija aworità rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, minħabba, b’mod partikolari, li l-istatus ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar fl-Awstrija kellha tiġi kkunsidrata bħala inċerta mill-bidu tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom.

30      Il-qorti tar-rinviju hija adita bl-appelli mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjonijiet tal-Bundesministerium für Inneres. Skont din il-qorti, għandu jiġi mistoqsi jekk l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, Ġabra p. I‑1177), humiex applikabbli għal waħda jew iktar mill-kawżi prinċipali.

31      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li bħall-kawża li tat lok għas-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, iċ-ċittadini tal-Istati terzi u l-membri tal-familja tagħhom, ċittadini tal-Unjoni, li għandhom in-nazzjonalità Awstrijaka u li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għal moviment liberu, jixtiequ qabelxejn joqogħdu flimkien.

32      Madankollu, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza. Iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati ma humiex suġġetti għar-riskju li jiċċaħdu mill-mezzi tal-għajxien tagħhom.

33      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rifjut tal-Bundesministerium für Inneres li jagħti dritt ta’ residenza lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandux jiġi interpretat fis-sens li jimplika, għall-membri tal-familja tiegħu, ċittadini tal-Unjoni, ċaħda tat-tgawdija effettiva tagħhom tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus taċ-ċittadin tal-Unjoni.

34      Fil-każ ta’ risposta negattiva għal tali domanda, il-qorti tar-rinviju tirrileva li M. Dereci jixtieq joqgħod fl-Awstrija mhux biss sabiex jgħix mal-membri tal-familja tiegħu, iżda wkoll sabiex jeżerċita attività professjonali bħala impjegat jew indipendentement. Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-1997 kienu iżjed favorevoli minn dawk tan-NAG, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u l-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ M. Dereci, japplikaw id-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli ta’ din il-liġi.

35      Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      a)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-konjuġi u t-tfal minuri tiegħu huma ċittadini tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-konjuġi u tat-tfal, li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni ma humiex dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tagħhom? (Kawża Dereci)

      b)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-konjuġi tiegħu huwa ċittadin tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-konjuġi, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, anki fejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma huwiex dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tiegħu? (Kawżi Heiml u Maduike)

c)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa maġġurenni, u li ommu hija ċittadina tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-omm, li hija ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk ma hijiex iċ-ċittadina tal-Unjoni li tiddependi fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tagħha iżda huwa ċ-ċittadin tal-pajjiż terz li jiddependi fuq iċ-ċittadina tal-Unjoni għall-għajxien tiegħu? (Kawża Kokollari)

d)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa maġġurenni, u li missieru huwa ċittadin tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-missier, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jiddependix fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tiegħu iżda ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jirċievi sostenn għall-għajxien miċ-ċittadin tal-Unjoni? (Kawża Stevic)

2)      Jekk ir-risposta għall-waħda mid-domandi [inklużi fl-ewwel domanda] tkun fl-affermattiv:

L-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE jagħti lok għal dritt ta’ residenza li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni jew huwa suffiċjenti li l-Istat Membru jirrikonoxxi lil ċittadin ta’ pajjiż terz id-dritt ta’ residenza f’att li jistabbilixxi tali dritt?

3)      a)      Jekk, skont ir-risposta għat-tieni domanda, ikun hemm dritt ta’ residenza abbażi tad-dritt tal-Unjoni

F’liema kundizzjonijiet, b’mod eċċezzjonali, id-dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni ma jkunx jeżisti, jew f’liema kundizzjonijiet iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiċċaħħad mid-dritt ta’ residenza?

b)      Jekk, skont ir-risposta għat-tieni domanda, ikun suffiċjenti li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata dritt ta’ residenza skont att li jistabbilixxi tali dritt:

F’liema kundizzjonijiet jista’ jiġi rrifjutat id-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz minkejja l-obbligu tal-Istat Membru li jippermetti lil tali ċittadin jikseb residenza?

4)      Fil-każ fejn l-Artikolu 20 TFUE ma jipprekludix li tiġi rrifjutata r-residenza fl-Istat Membru lil ċittadin li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ M. Dereci:

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/80 [...] jew l-Artikolu 41 tal-protokoll addizzjonali [...] li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jagħmel parti sħiħa mill-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, jipprekludi li, f’każ bħal dak ta’ M. Dereci, id-daħla inizjali ta’ ċittadini Torok tkun suġġetta għal regoli nazzjonali iktar stretti minn dawk li qabel kienu jirregolaw id-daħla inizjali ta’ ċittadini Torok minkejja li dawn tal-aħħar, li ffaċilitaw is-sistema tad-daħla inizjali, daħlu fis-seħħ biss wara li d-dispożizzjonijiet [iċċitati iktar ’il fuq] dwar l-assoċjazzjoni mat-Turkija kienu daħlu fis-seħħ fl-Istat Membru inkwistjoni?

36      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2011, it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

37      L-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija essenzjalment intiża li jsir magħruf jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li ċittadin ta’ Stat terz jirrisjedi fit-territorju tiegħu, għalkemm dan iċ-ċittadin jixtieq joqgħod ma membru tal-familja tiegħu f’dan l-Istat Membru li huwa ċittadin tal-Unjoni, li joqgħod f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, li qatt ma eżerċita d-dritt għal moviment liberu tiegħu u ma jiddependix fuq l-imsemmi ċittadin għall-għajxien tiegħu.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

38      Il-Gvernijiet tal-Awstrija, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Irlanda, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jipprekludux li Stat Membru jirrifjuta dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz fis-sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali.

39      Skont dawn il-gvernijiet u din l-istituzzjoni, minn naħa, id-Direttiva 2004/38 ma tapplikax għall-kawżi prinċipali, peress li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, u min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni lanqas ma japplikaw sa fejn hemm inkwistjoni sitwazzjonijiet purament interni mingħajr ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni.

40      Essenzjalment, l-imsemmija gvernijiet u istituzzjoni jikkunsidraw li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, ikopru sitwazzjonijiet li huma tabilħaqq eċċezzjonali li fihom l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali twassal għaċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fil-każ inkwistjoni, il-fatti li seħħew fil-kawżi prinċipali jvarjaw sostanzjalment minn dawk li taw lok għall-imsemmija sentenza, sa fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati ma kellhomx ir-riskju tal-obbligu li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni u għalhekk li jiċċaħdu mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, lanqas ma hemm ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

41      Min-naħa l-oħra, M. Dereci jikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz residenza fit-territorju tiegħu, minkejja li dan iċ-ċittadin jixtieq jirrisjedi mal-konjuġi u mat-tliet ulied tiegħu li huma ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità.

42      Skont M. Dereci, il-kwistjoni ta’ jekk teżistix jew le sitwazzjoni transkonfinali ma hijiex rilevanti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak li jsir magħruf jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni jiċċaħħadx mit-tgawdija tal-essenzjal tad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus tiegħu. Dan huwa l-każ ta’ ulied M. Dereci, sa fejn jiddependu minnu għall-għajxien tagħhom, u l-effikaċja ta’ dan is-sostenn tiġi ppreġudikata jekk huwa jitkeċċa mit-territorju Awstrijak.

43      Fl-aħħar nett, il-Gvern tal-Greċja jikkunsidra li l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja timponi l-obbligu ta’ gwida, b’analoġija, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tad-Direttiva 2004/38, u għalhekk li jingħata permess ta’ residenza lir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, jekk il-kundizzjonijiet segwenti huma sodisfatti, jiġifieri l-ewwel nett, li s-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għall-moviment liberu hija simili għas-sitwazzjoni ta’ dawk li eżerċitaw tali dritt, li fil-każ inkwistjoni tkun tfisser li ċ-ċittadin nazzjonali u l-membri tal-familja tiegħu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn id-direttiva, it-tieni nett, li l-miżuri nazzjonali jimplikaw ksur sostanzjali tad-dritt għal moviment u residenza libera u, it-tielet nett, li d-dritt nazzjonali ma jipprovdix protezzjoni minn tal-inqas ekwiparabbli għall-persuna kkonċernata.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-applikabbiltà tad-Direttivi 2003/86 u 2004/38

44      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ċittadini tal-Istati terzi li jitolbu dritt ta’ residenza fi Stat Membru sabiex jirrisjedu mal-familja tagħhom, ċittadini tal-Unjoni li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fuq it-territorju tal-Istat Membri.

45      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi analizzat preliminarjament jekk id-Direttivi 2003/86 u 2004/38 humiex applikabbli għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali.

46      Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-Direttiva 2003/86, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tagħha huwa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li fihom huwa eżerċitat id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini tal-Istati terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

47      Madankollu, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/86, din ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

48      Sa fejn, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, huma ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru u l-membri tal-familja tagħhom ċittadini ta’ Stati terzi li jixtiequ jidħlu u jirrisjedu f’dan l-Istat sabiex jgħixu bħala familja mal-imsemmija ċittadini, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2003/86 ma tapplikax għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali.

49      Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, għalkemm il-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja [(2000/C 116 E/15), COM(1999) 638 finali — 1999/0258(CNS)], présentée par la Commission le 11 janvier 2000 (JO, C 116 E, p. 66), tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċittadini tal-Unjoni li ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, tali inklużjoni madankollu tħassret waqt il-proċess leġiżlattiv li wassal għad-Direttiva 2003/86.

50      It-tieni nett, fir-rigward tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li din hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat, u li din id-direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari, li ssaħħaħ dan id-dritt (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et., C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punti 82 u 59, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, Ġabra p. I‑0000, punt 28).

51      Kif jirriżulta mill-punti 24 sa 26 tas-sentenza preżenti, V. Heiml kif ukoll M. Dereci u I.E. Maduike, bħala konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja” imsemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38. Bl-istess mod, A. Kokollari u D. Stevic, bħala dixxendenti diretti maġġurenni ta’ iktar minn wieħed u għoxrin sena ta’ ċittadini tal-Unjoni, jistgħu jaqgħu taħt dan il-kunċett, sa fejn il-kundizzjoni li jkunu dipendenti fuq dawn iċ-ċittadini tkun sodifatta, skont l-Artikolu 2(2)(c) ta’ din id-direttiva.

52      Madankollu, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2004/38 ma tapplikax f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali.

53      Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, din tal-aħħar tapplika għal kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq jew jirrisjedi fi Stat Membru minbarra dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu (ara sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

54      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li, skont interpretazzjoni letterali, teleoloġika u sistematika ta’ din id-dispożizzjoni, ċittadin tal-Unjoni, li qatt ma jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u jkun dejjem għex fi Stat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’tali mod li din id-direttiva ma tapplikax fil-konfront tiegħu (sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 39).

55      Bl-istess mod, ġie kkonstatat ukoll li, sa fejn ċittadin tal-Unjoni ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, lanqas il-membri tal-familja tiegħu ma jaqgħu taħt dan il-kunċett peress li d-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva lill-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ din id-direttiva ma humiex drittijiet mogħtija direttament lil dawn il-membri iżda huma drittijiet derivati, li huma jgawdu fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-familja tal-benefiċjarju (ara, fir-rigward tal-konjuġi, sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fil-fatt, mhux iċ-ċittadini ta’ Stat terz kollha jiksbu, abbażi tad-Direttiva 2004/38, drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ Stat Membru, iżda biss dawk li huma membri tal-familja, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (sentenza Metock et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

57      Fil-każ inkwistjoni, peress li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u permess li dejjem għexu fl-Istat Membru li tiegħu huma kellhom in-nazzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’mod li din tal-aħħar la hija applikabbli għalihom u lanqas għall-membri tal-familja tagħhom.

58      Isegwi li d-Direttivi 2003/86 u 2004/38 ma humiex applikabbli għal ċittadini ta’ Stati terzi li jitolbu dritt ta’ residenza sabiex jingħaqdu ma ċittadini tal-Unjoni membri tal-familja tagħhom li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u li qatt ma rrisjedu fl-Istati Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità.

–       Fuq l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni

59      Minkejja l-inapplikabbiltà tad-Direttivi 2003/86 u 2004/38 għall-kawżi prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi jistgħux madankollu jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u l-atti adottati sabiex jiġu implementati dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda fattur ta’ konnessjoni ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi rilevanti kollha tagħhom ikunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 33; kif ukoll Metock et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, kif ukoll McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

61      Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, bħal kull wieħed miċ-ċittadini membri tal-familja tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi ekwiparata għal sitwazzjoni purament interna (ara sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C‑403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 22 u McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

62      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Bħala ċittadini ta’ Stat Membru, il-membri tal-familja tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jgawdu mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) TFUE u għalhekk jistgħu jinvokaw, inkluż fil-konfront tal-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità, drittijiet marbuta ma’ tali status (ara sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

64      Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (ara sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

65      Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, qamet il-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut ta’ residenza ta’ persuna, ċittadina ta’ Stat terz, fl-Istat Membru fejn jirrisjedu uliedha ta’ età żgħira, liema ulied huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru u huma dipendenti fuq din il-persuna, kif ukoll ir-rifjut li jingħata permess ta’ xogħol lil din il-persuna, għandhomx tali effett. Il-Qorti tal-Ġustizja kkunsidrat b’mod partikolari li tali rifjut ta’ residenza jkollu l-konswegwenza li l-imsemmija wlied, li huma ċittadini tal-Unjoni, ikunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom. F’tali kundizzjonijiet, l-imsemmija ċittadini tal-Unjoni jkunu, fil-fatt, f’pożizzjoni li jkun impossibli għalihom li jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (ara sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

66      Minn dan isegwi li l-kriterju dwar iċ-ċaħda tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jirreferi għal sitwazzjonijiet karatterizzati mill-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun fil-fatt obbligat jitlaq mit-territorju mhux biss tal-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu, iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu.

67      Dan il-kriterju għandu natura partikolari ħafna peress li jkopri sitwazzjonijiet li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex applikabbli, dritt ta’ residenza ma jistax, eċċezzjonalment, jiġi miċħud lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, peress li jkun hemm ksur tal-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jgawdi dan iċ-ċittadin tal-aħħar.

68      Konsegwentement, is-sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu flimkien fit-territorju tal-Unjoni, li membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jgħixu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax.

69      Ċertament, dan ma jippreġudikax il-kwistjoni dwar jekk, fuq bażijiet oħra, b’mod partikolari dak tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, dritt ta’ residenza jistax jiġi rrifjutat. Din il-kwistjoni għandha madankollu tiġi ttrattata fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma applikabbli f’kull każ.

–       Fuq id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja

70      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB u għalhekk lill-Artikolu 7 tal-Karta għandu jingħata l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, Ġabra p. I‑8965, punt 53).

71      Madankollu, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw, skont l‑Artikolu 51(1) tiegħu, għall-Istati Membri biss fil-każ fejn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(2), il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, u lanqas ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (ara sentenzi McB., iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2011, Gueye, C‑483/09 u C‑1/10, Ġabra p. I‑0000, punt 69).

72      Għalhekk, fil-każ inkwistjoni, jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha teżamina jekk ir-rifjut tad-dritt għal residenza ta’ dawn tal-aħħar tippreġudikax id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja previst fl-Artikolu 7 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, jekk hija tikkunsidra li tali sitwazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drit tal-Unjoni, hija gaħdnha twettaq tali eżami fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB.

73      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-KEDB, li tistabbilixxi d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja fl-Artikolu 8 tagħha.

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta li ċittadin ta’ Stat terz jirrisjedi fit-territorju tiegħu, minkejja li dan iċ-ċittadin jixtieq jirrisjedi ma’ membru tal-familja tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu, sa fejn tali rifjut ma jinkludix, għaċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, iċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tiegħu tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

75      Peress li t-tieni u t-tielet domandi ġew magħmula f’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għalihom.

 Fuq ir-raba’ domanda

76      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jew l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jissuġġetta l-ewwel dħul ta’ ċittadini Torok għal regoli interni iżjed stretti minn dawk li qabel kienu jirregolaw tali dħul, minkejja li dawn tal-aħħar, li kienu ffaċilitaw id-dħul inizjali, daħlu fis-seħħ wara li l-imsemmija dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, wara l-adeżjoni tal-Unjoni.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

77      Il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit jikkunsidraw li la l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u lanqas l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma jipprekludu li regoli interni iktar stretti minn dawk li kienu jeżistu fid-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal ċittadini Torok li jixtiequ jeżerċitaw attività bħala impjegat jew indipendentement fi Stat Membru, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija dispożizzjonijiet japplikaw biss għal ċittadini Torok li qegħdin legalment fl-Istat Membru ospitanti u mhux għal sitwazzjonijiet bħal dik ta’ M. Dereci, li daħal u rrisjeda illegalment fl-Awstrija.

78      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li tali dispożizzjonijiet ma jipprekludux l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzonali tal-Istati Memrbi ta’ kull restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà ta’ stabbiliment, inkluż dik dwar il-kundizzjonijiet sostanzjali u/jew proċedurali fil-qasam tal-ewwel ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri.

79      M. Dereci jirrileva li huwa daħal l-Awstrija abbażi tat-talba tiegħu għal ażil u li jekk huwa rtira tali talba, kien abbażi taż-żwieġ tiegħu ma’ ċittadina Awstrijaka. Għalhekk, tali żwieġ kien jagħti l-possibbiltà, skont id-dritt fis-seħħ meta ġraw il-fatti, li jgawdi minn dritt ta’ stabbiliment. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Lulju 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2003, huwa ħadem bħala impjegat u, sussegwentement, mill-1 ta’ Ottubru 2003 sal-31 ta’ Awwissu 2008, huwa ħadem għal rasu billi ħa ħanut tal-parrukkier ta’ ħuh.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ domanda tirreferi għall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u għall-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

81      Għalkemm dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-istess tifsira, kull waħda minnhom ingħatat qasam partikolari, b’mod li ma jistgħux japplikaw konġuntament (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et., C‑317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I‑12301, punt 86).

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, M. Dereci żżewweġ ċittadina Awstrijaka fl-24 ta’ Lulju 2003 u sussegwentement, fl-24 ta’ Ġunju 2004, ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont il-Liġi tal-1997. Barra minn hekk, M. Dereci jsostni li huwa f’dan iż-żmien li ħa l-ħanut tal-parrukkier ta’ ħuh.

83      Isegwi li s-sitwazzjoni ta’ M. Dereci tirreferi għal-libertà ta’ stabbiliment u għalhekk taqa’ taħt l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

84      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-liġi dwar ir-residenza u l-liġi dwar il-barranin, imsemmija fil-punt 21 tas-sentenza preżenti, jikkostitwixxu dispożizzjonijiet applikabbli għall-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini Torok fl-Awstrija, fil-mument tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni Ewropea, fl-1 ta’ Jannar 1995 u, għalhekk, mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

85      Għalkemm il-Liġi tal-1997 abrogat l-imsemmija liġijiet, madankollu hija ġiet abrogata min-NAG, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, u din l-aħħar leġiżlazzjoni kienet tikkostitwixxi, skont il-qorti tar-rinviju, approċċ iktar strett meta mqabbel mal-Liġi tal-1997, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini Torok.

86      Konsegwentement, ir-raba’ domanda għandha tinftiehem bħala li tfittex li jsir magħruf jekk l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandux jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li jiġi kkunsidrat bħala “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni , kull leġiżlazzjoni ġdida iktar stretta minn dik preċedenti, din tal-aħħar tikkostitwixxi hija stess laxkar ta’ leġiżlazzjoni preċedenti dwar il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini Torok waqt id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’mod li d-drittijiet li jagħti liċ-ċittadini Torok li japplika għalihom jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontrih. Din id-dispożizzjoni fil-fatt tipprovdi, f’termini ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet, klawżola “standstill” mhux ekwivoka, li tinkludi obbligu aċċettat mill-partijiet kontraenti li legalment tfisser dmir li ma titteħidx azzjoni (ara sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Hija ġurisprudenza stabbilita li, anki jekk il-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tikkonferixxi liċ-ċittadini Torok, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss, dritt ta’ stabbiliment u dritt korrelattiv ta’ soġġorn, u lanqas dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru, xorta jibqa’ l-fatt li tali klawżola tipprekludi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kull miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju min-naħa ta’ ċittadin Tork tal-imsemmija libertajiet ekonomiċi fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu japplikaw għalih fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (ara sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli, C‑228/06, Ġabra p. I‑1031, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89      Fil-fatt, klawżola ta’ “standstill”, bħal dik stipulata fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, ma toperax bħala regola sostantiva, billi tirrendi inapplikabbli d-dritt sostantiv rilevanti li tissostitwixxi, iżda bħala regola ta’ natura kważi proċedurali, li tistabbilixxi, ratione temporis, liema huma d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ stabbiliment fi Stat Membru (sentenza Tum u Dari, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Oguz, C‑186/10, Ġabra p. I‑0000, punt 28).

90      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali huwa intiż biex joħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-implementazzjoni progressiva tal-libertà ta’ stabbiliment permezz tal-projbizzjoni assoluta imposta fuq l-awtoritajiet nazzjonali milli jintroduċi kwalunkwe ostaklu ġdid għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà billi jaggravaw il-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari, sabiex ma ssirx iktar diffiċli l-kisba gradwali ta’ din il-libertà bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija. L-imsemmija dispożizzjoni b’hekk tidher li hija l-korollarju neċessarju tal-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u tikkostitwixxi l-kundizzjoni indispensabbli għall-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet nazzjonali għal-libertà ta’ stabbiliment (ara sentenza Tum u Dari, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

91      Konsegwentement, anki jekk inizjalment, bil-ħsieb tal-implementazzjoni progressiva tal-imsemmija libertà, jistgħu jinżammu r-restrizzjonijiet nazzjonali eżistenzi fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi żgurat li ebda ostakolu ġdid ieħor ma jiġi introdott sabiex ma tiġix ostakolata iżjed l-implementazzjoni gradwali ta’ tali libertà (ara sentenza Tum u Dari, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata, fir-rigward ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar il-ksib ta’ permess ta’ residenza minn ħaddiema Torok, li għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jitbegħdux mill-għan imfittex billi jħassru d-dispożizzjonijet li huma kienu adottaw favur il‑moviment liberu tal-ħaddiema Torok wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni Nru 1/80 fit-territorju tagħhom (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Toprak u Oguz, C‑300/09 u C‑301/09, Ġabra p. I‑12845, punt 55).

93      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-ħruxija ta’ dispożizzjoni li kienet tipprovdi l-laxkar tad-dispożizzjoni applikabbli għall-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, sentenza Toprak, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

94      Fir-rigward tal-konverġenza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 f’dak li jikkonċerna l-għan imfittex, hemm lok li jitqies li l-portata tal-obbligu ta’ “standstill” li jinsab f’dan l‑Artikolu 13 għandha tinfirex bl-istess mod għal kwalunkwe ostakolu ġdid għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jaggrava l-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari (ara, f’dan is-sens, sentenza Toprak u Oguz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54), b’mod li għandu jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jitbegħdux mill-għan imfittex billi jħassru d-dispożizzjonijet li huma kienu adottaw favur il-moviment liberu tal-ħaddiema Torok wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni  Nru 1/80 jew tal-Protokoll Addizzjonali fit-territorju tagħhom.

95      Fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li d-dħul fis-seħħ tan-NAG, fl-1 ta’ Jannar 2006, għamel iktar stretti il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini Torok f’sitwazzjonijiet bħal dik ta’ M. Dereci.

96      Fil-fatt, skont l-Artikolu 21 tan-NAG, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri, inkluż iċ-ċittadini Torok f’sitwazzjoni bħal dik ta’ M. Dereci, għandhom, b’mod ġenerali, jippreżentaw applikazzjoni għal residenza barra mit-territorju Awstrijak u għandhom jibqgħu jirrisjedu barra dan it-territorju sakemm tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom.

97      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 49 tal-Liġi tal-1997, iċ-ċittadini Torok f’sitwazzjoni bħal dik ta’ M. Dereci jgawdu, bħala membri tal-familja ta’ ċittadini Awstrijaċi, mil-libertà ta’ stabbiliment u jistgħu jippreżentaw fl-Awstrija applikazzjoni għal permess inizjali ta’ residenza.

98      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li n-NAG, billi tagħmel iktar stretti l-kundizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini Torok, meta mqabbla mal-kundizzjonijiet li kienu applikabbli preċedentement skont id-dispożizzjonijiet adottati sa mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fl-Awstrija, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-imsemmi protokoll.

99      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument invokat mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit, li M. Dereci jinsab f’“sitwazzjoni irregolari” u għalhekk ma jistax jibbenefika mill-applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, filwaqt li huwa minnu li M. Dereci daħal illegalment fit-territorju Awstrijak fix-xahar ta’ Novembru 2001, xorta jibqa’ l-fatt li, meta ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza, huwa kellu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien, dritt ta’ stabbiliment, minħabba ż-żwieġ tiegħu ma’ ċittadina Awstrijaka, u li seta’ jippreżenta applikazzjoni f’dan is-sens, li, barra minn hekk, huwa għamel. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa biss id-dħul fis-seħħ tan-NAG li kkawża lir-residenza inizjali legali tiegħu li ssir sussegwentement illegali u li għalhekk wasslet għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu.

100    Isegwi li s-sitwazzjoni tiegħu ma tistax tiġi kklassifikata bħala illegali, peress li tali illegalità nibtet wara l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida.

101    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida iktar stretta minn dik preċedenti, fejn din tal-aħħar tikkostitwixxi hija stess laxkar ta’ leġiżlazzjoni preċedenti li tikkonċerna kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini Torok fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

 Fuq l-ispejjeż

102    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta li ċittadin ta’ Stat terz jirrisjedi fit-territorju tiegħu, minkejja li dan iċ-ċittadin jixtieq jirrisjedi ma’ membru tal-familja tiegħu li huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu, sa fejn tali rifjut ma jinkludix, għaċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, iċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tiegħu tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

2)      L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida iktar stretta minn dik preċedenti, fejn din tal-aħħar tikkostitwixxi hija stess laxkar ta’ leġiżlazzjoni preċedenti li tikkonċerna kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini Torok fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż