SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri — Regolament (KE) Nru 1931/2006 — Regolament (KE) Nru 562/2006 — Tul massimu tas-soġġorn — Regoli dwar il-kalkolu”

Fil-Kawża C-254/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

Szabolcs-Szatmár-Bereg Megyei Rendőrkapitányság Záhony Határrendészeti Kirendeltsége

vs

Oskar Shomodi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, C. Toader, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għas-Szabolcs-Szatmár-Bereg Megyei Rendőrkapitányság Záhony Határrendészeti Kirendeltsége, minn É. Tasnádi, jogtanácsos,

għal O. Shomodi, minn L. Isaák, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, kif ukoll minn K. Szíjjártó u Z. Tóth, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent

għall-Gvern Rumen, minn H. R. Radu, kif ukoll minn F. Abrudan u A. Crişan, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(a), 3(3) u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007 L 29, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Szabolcs-Szatmár-Bereg Megyei Rendőrkapitányság Záhony Határrendészeti Kirendeltsége (Direttorat dipartimentali tal-pulizija ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg - Kummissarjat tal-pulizija tal-fruntieri ta’ Záhony) u O. Shomodi, ċittadin Ukrain, dwar ir-rifjut ta’ dħul fit-territorju Ungeriż impost fuq dan tal-aħħar minħabba li kien qabeż it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju Ungeriż fil-kuntest tat-traffiku lokali tal-fruntiera.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża

3

L-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen”), jistipula:

“Aljeni [Barranin] li ma jeħtieġux viża jistgħu jiċċaqalqu b’mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti għal perjodu massimu ta’ tliet xhur waqt is-sitt xhur wara d-data ta’ l-ewwel dħul [...]”

4

Fil-premessa 3 tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1), jipprovdi:

“L-adozzjoni ta’ miżuri komuni dwar il-qsim tal-fruntieri interni minn persuni u l-kontrolli fil-fruntieri esterni għandhom jirriflettu l-acquis ta’ Schengen inkorporat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-disposizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen [...] u tal-Manwal Komuni (ĠU 2002, C 313, p. 97)].”

5

L-Artikolu 5(1) tar-regolament imsemmi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ dħul imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal soġġorni “li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur”.

6

L-Artikolu 35 ta’ dan l-istess regolament jippreċiża li dan ir-regolament “għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regoli Komunitarji dwar it-traffiku lokali fuq il-fruntiera u għal xi ftehim bilaterali eżistenti dwar it-traffiku lokali fuq il-fruntiera”.

Dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw it-traffiku lokali tal-fruntiera

7

Il-premessi 2 u 3 tar-Regolament Nru 1931/2006 jipprovdu:

“(2)

Huwa fl-interess tal-Komunità mkabbra li tiżgura li l-fruntieri mal-ġirien tagħha ma’ jkunux ostaklu għall-kummerċ, għall-iskambji soċjali u kulturali jew għall-kooperazzjoni reġjonali. Għandha għalhekk tiġi żviluppata sistema għat-traffiku lokali tal-fruntiera.

(3)

Is-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera tikkostitwixxi deroga mir-regoli ġenerali dwar il-kontroll fil-fruntiera ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament [...] Nru 562/2006 [...]”

8

Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1931/2006 tistabbilixxi b’mod partikolari l-prinċipju tal-“iffaċilitar tal-qsim tal-fruntiera għar-residenti bona fide li jkollhom raġunijiet leġittimi biex jaqsmu ta’ spiss il-fruntiera esterna fuq l-art”.

9

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi dawn id-definizzjonijiet:

“[...]

2)   ‘żona tal-fruntiera’ tfisser żona li ma testendix aktar minn 30 kilometru mill-fruntiera. Id-distretti amministrattivi lokali li għandhom jitqiesu bħala ż-żona tal-fruntiera għandhom jiġu speċifikati mill-Istati konċernati fil-Ftehim bilaterali tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 13. Jekk parti minn tali distrett tkun tinsab aktar minn 30 kilometru bogħod mil-linja tal-fruntiera, iżda mhux aktar minn 50, għandha xorta waħda titqies bħala parti miż-żona tal-fruntiera;

3)   ‘traffiku lokali tal-fruntiera’ tfisser il-qsim regolari tal-fruntiera esterna fuq l-art ta’ Stat Membru minn persuni residenti fil-fruntiera, għal soġġorn fiż-żona tal-fruntiera għal, per eżempju, raġunijiet soċjali jew kulturali jew raġunijiet ekonomiċi ppruvati, jew għal raġunijiet familjari, għal perjodu ta’ mhux aktar mil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament;

[...]”

10

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1931/2006, is-sistema speċifika tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandha tiġi implementata mill-Istati Membri permezz ta’ ftehim bilaterali konklużi mal-pajjiżi terzi ġirien tagħhom, suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-ftehim għandhom jippreċiżaw, skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, “it-tul massimu permissibbli ta’ kull soġġorn bla interruzzjoni skond is-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera, li m’għandux ikun ta’ aktar minn tliet xhur”.

11

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1931/2006 jistabbilixxi permess għall-qsim lokali tal-fruntiera u jippreċiża l-karatteristiċi u l-indikazzjonijiet li għandu jkollu dan il-permess, b’mod partikolari l-indikazzjoni li tispeċifika li “l-persuna li f’isimha jkun maħruġ m’hix awtorizzata li tiċċaqlaq barra miż-żona tal-fruntiera u li kwalunkwe abbuż ikun soġġett għal penali previsti fl-Artikolu 17”. Dan l-Artikolu 17 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ sanzjonijiet “effettivi, proporzjonati u dissważivi”, inkluża l-“possibbiltà ta’ kanċellazzjoni jew revoka tal-permessi tat-traffiku [għall-qsim] lokali tal-fruntiera”.

12

Barra minn hekk, il-premessa 5 tal-istess regolament tipprovdi:

“Bħala regola ġenerali, biex jiġi evitat l-abbuż, permess tat-traffiku [għall-qsim] lokali tal-fruntiera għandu jinħareġ biss lil persuni li jkunu ilhom mill-inqas sena joqogħdu leġittimament fiż-żona ta’ mal-fruntiera. Ftehim bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ġirien jistgħu jipprovdu għal perjodu itwal ta’ residenza [...]”

13

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1931/2006, il-permess għall-qsim lokali tal-fruntiera jista’ jinħareġ lil persuni residenti fil-fruntiera biss jekk dawn jippreżentaw dokumenti li jipprovaw b’mod partikolari l-eżistenza ta’ raġunijiet leġittimi li minħabba fihom jaqsmu ta’ spiss fruntiera esterna fuq l-art.

Id-dritt Ungeriż

14

Fir-rigward tar-regoli ġenerali li jikkonċernaw id-dħul u s-soġġorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-Artikolu 40(1) tal-Liġi Nru II tal-2007 dwar id-dħul u s-soġġorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (2007. évi II. törvény a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról), jipprovdi:

“Abbażi tad-dispożizzjonijiet [tar-Regolament Nru 562/2006], l-awtorità kompetenti fil-qasam tat-traffiku konfinali għandha tiċħad id-dħul fit-territorju tagħha ta’ ċittadin li jixtieq jissoġġorna fit-territorju tagħha għal tliet xhur jew inqas, u – filwaqt li tqis l-interessi tal-istess – tibgħatu lura […]”

15

Fir-rigward tat-traffiku lokali tal-fruntiera, il-Ftehim konkluż bejn il-Gvern Ungeriż u l-Kabinett tal-Ministri tal-Ukraina sabiex jiġi rregolat it-traffiku lokali tal-fruntiera jipprovdi, fl-Artikolu 1(5) tiegħu, li l-permess għall-qsim lokali tal-fruntiera “jawtorizza lid-detentur tiegħu jidħol diversi drabi u jissoġġorna bla interruzzjoni għal żmien massimu ta’ tliet xhur, fuq medda ta’ perijodu ta’ sitt xhur, fiż-żona konfinali tal-Istat tal-parti kontraenti l-oħra, b’mod partikolari għal raġunijiet soċjali, kulturali jew familjari, jew għal raġunijiet ekonomiċi ġġustifikati li ma jikkwalifikawx bħala attivitajiet professjonali fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali”. L-Artikolu 3(2) ta’ dan il-ftehim jipprovdi li “kull abbuż mill-permess jagħti lok għal sanzjonijiet iddefiniti mid-dritt nazzjonali tal-partijiet kontraenti”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

O. Shomodi, ċittadin Ukrain, għandu permess għall-qsim lokali tal-fruntiera mogħti fil-kuntest tat-traffiku lokali tal-fruntieri li jawtorizzah jidħol fiż-żona tal-fruntiera tal-Ungerija. Fit-2 ta’ Frar 2010, huwa ppreżenta ruħu fil-post ta’ kontroll mal-fruntiera ta’ Záhony. F’din l-okkażjoni l-pulizija Ungeriża kkonstatat li, bejn it-3 ta’ Settembru 2009 u t-2 ta’ Frar 2010, huwa kien issoġġorna għal 105 jum fit-territorju Ungeriż, fejn kien imur kuljum għal numru ta’ sigħat. Għalhekk, peress li O. Shomodi kien qagħad għal iktar minn tliet xhur fiż-żona ta’ Schengen fuq medda ta’ perijodu ta’ sitt xhur, is-Szabolcs-Szatmár-Bereg Megyei Rendőrkapitányság Záhony Határrendészeti Kirendeltsége, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2010, irrifjutalu d-dħul fit-territorju Ungeriż skont l-Artikolu 40(1) tal-Liġi Nru II tal-2007.

17

O. Shomodi ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Szabolcs-Szatmár-Bereg megyei bíróság (Qorti dipartimentali ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg), li annullatha permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Mejju 2010. Dik il-qorti l-ewwel nett eskludiet l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 562/2006 u tal-Artikolu 40(1) tal-Liġi Nru II tal-2007, li jiżgura t-traspożizzjoni tiegħu. It-tieni nett, hija applikat ir-regoli speċjali dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera u kkunsidrat, minn naħa, li n-numru ta’ dħul li tista’ tagħmel il-persuna li jkollha permess għall-qsim lokali tal-fruntiera kien illimitat u, min-naħa l-oħra, li l-limitu massimu ta’ tliet xhur stabbilit fil-Ftehim imsemmi fil-punt 15 ta’ din is-sentenza kien japplika biss għas-soġġorni bla interruzzjoni. Minn dan is-Szabolcs-Szatmár-Bereg megyei bíróság ikkonkludiet li r-raġunijiet invokati mis-Szabolcs-Szatmár-Bereg Megyei Rendőrkapitányság Záhony Határrendészeti Kirendeltsége ma kinux ta’ natura li jiġġustifikaw li O. Shomodi jintbagħat lura.

18

Adita b’appell fil-kassazzjoni ppreżentat kontra dik is-sentenza mill-amministrazzjoni msemmija, il-Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága (Qorti suprema tar-Repubblika tal-Ungerija) tikkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1931/2006 u għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament […] Nru 1931/2006 […], li tawtorizza soġġorn bla interruzzjoni ta’ mhux iktar minn tliet xhur, għandha tiġi interpretata - fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament - fis-sens li dan ir-regolament jippermetti, abbażi ta’ ftehim bilaterali bejn Stati Membri u pajjiżi terzi ġirien imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan l-istess regolament, iktar minn dħul u ħruġ wieħed u soġġorn bla interruzzjoni ta’ mhux iktar minn tliet xhur b’mod li, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ soġġorn ta’ tliet xhur, resident tal-fruntiera li għandu permess għat-traffiku [għall-qsim] lokali tal-fruntiera jista’ jinterrompi s-soġġorn bla interruzzjoni u sussegwentement, wara li jkun qasam il-fruntiera mill-ġdid, ikollu mill-ġdid dritt ta’ soġġorn bla interruzzjoni ta’ tliet xhur?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, is-soġġorn bla interruzzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1931/2006 jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa interrott meta d-dħul u l-ħruġ ikunu seħħew fl-istess jum, jew f’jumejn konsekuttivi?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, iżda ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, x’intervall jew x’kriterju ta’ evalwazzjoni ieħor għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat sabiex tiġi kkonstatata interruzzjoni ta’ soġġorn bla interruzzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1931/2006?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjoni li tawtorizza soġġorn bla interruzzjoni ta’ mhux iktar minn tliet xhur skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1931/2006 tista’ tiġi interpretata fis-sens li għandu jiġi inkluż iż-żmien li jgħaddi bejn iktar minn dħul u ħruġ wieħed u li, fid-dawl tal-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen […] - jew ta’ kull regola oħra dwar id-dritt taż-żona Schengen - peress li total tal-jiem li jkunu hekk għaddew jilħaq 93 jum, jew tliet xhur, għandu jiġi kkunsidrat li l-permess għat-traffiku [għall-qsim] lokali tal-fruntiera ma jagħtix iktar dritt ta’ soġġorn għall-perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul?

5)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ din l-addizzjoni, iktar minn dħul u ħruġ wieħed matul l-istess jum, jew dħul u ħruġ wieħed matul l-istess jum, u liema metodu ta’ kalkolu għandu jintuża għal dan il-għan?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u r-raba’ domandi

19

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, il-portata preċiża tal-limitazzjoni ta’ tliet xhur ta’ kull “soġġorn bla interruzzjoni” li għalih hija intitolata l-persuna li jkollha permess għall-qsim lokali tal-fruntiera mogħti skont ir-Regolament Nru 1931/2006, u dan fid-dawl tal-limitazzjoni ta’ soġġorn ta’ tliet xhur fuq total ta’ sitt xhur prevista għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża mill-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen u mir-Regolament Nru 562/2006.

20

Fil-qofol ta’ din id-domanda tinsab il-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament Nru 1931/2006 għandux jiġi interpretat fid-dawl tal-acquis ta’ Schengen jew jekk, għall-kuntrarju, għandux jingħata interpretazzjoni awtonoma.

21

Taħt l-ewwel alternattiva, li hija dik ippreferuta mill-Gvern Ungeriż u mill-Gvern Pollakk, ir-Regolament Nru 1931/2006 jiġi kkunsidrat bħala parti integrali mill-acquis ta’ Schengen. F’dan il-każ, ir-regola, speċifika għal din il-leġiżlazzjoni tal-aħħar, li tillimita s-soġġorni għal żmien qasir taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża għal total ta’ tliet xhur fuq perijodu ta’ sitt xhur, ikollha tingħata preċedenza fuq kull dispożizzjoni oħra. B’hekk, il-persuni li jkollhom permess għall-qsim lokali tal-fruntiera u li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża skont ir-Regolament Nru 1931/2006, ma jkunux eċċezzjoni għal din ir-regola. Dawk li jiffavorixxu dan l-approċċ isostnu li, jekk ma jkunx hemm tali limitu massimu għat-total tas-soġġorni suċċessivi awtorizzati, dawn il-persuni li jkollhom tali permess jibbenefikaw de facto minn dritt ta’ residenza potenzjalment illimitat minħabba li jkun biżżejjed jekk jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat meta jgħaddu tliet xhur u mbagħad jerġgħu jidħlu l-għada sabiex jibbenefikaw minn dritt ġdid ta’ soġġorn għal tliet xhur.

22

Madankollu, tali approċċ la huwa konformi mal-formulazzjoni u lanqas mal-ispirtu tar-Regolament Nru 1931/2006.

23

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament iħalli l-iffissar tat-tul massimu permissibbli ta’ kull soġġorn f’idejn il-ftehim bilaterali, iżda jiffissa l-limitu ta’ tliet xhur għal “kull soġġorn bla interruzzjoni”. Din il-preċiżazzjoni, kif ukoll il-kliem li bihom hija fformulata, tissepara b’mod ċar il-limitazzjoni ratione temporis tat-traffiku lokali tal-fruntiera mil-“limitazzjoni Schengen”, li ma hija marbuta b’ebda mod ma’ soġġorni bla interruzzjoni. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ħidma preparatorja tar-Regolament Nru 1931/2006, li minnha jirriżulta li, filwaqt li l-Kummissjoni kienet qiegħda tipproponi inizjalment allinjament dwar is-soġġorn massimu, previst mill-acquis ta’ Schengen, ta’ tliet xhur għal kull sitt xhur, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta limitazzjoni partikolari dwar is-soġġorni bla interruzzjoni. F’dan id-dawl, il-fatt li din il-limitazzjoni għandha, bħal fl-acquis ta’ Schengen, limitu massimu ta’ tliet xhur ma jistax joħloq dubju dwar in-natura speċjali tagħha meta mqabbla mad-dritt komuni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża, u dan sa fejn minn ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1931/2006 ma jirriżulta li dawn it-tliet xhur għandhom iseħħu fl-istess perijodu ta’ sitt xhur.

24

Barra minn hekk, l-ispirtu tar-Regolament Nru 1931/2006 jiffavorixxi, jekk dan ikun meħtieġ, li tingħata interpretazzjoni awtonoma tiegħu. Kemm l-għanijiet tiegħu u kif ukoll id-dispożizzjonijiet tiegħu jindikaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi, għat-traffiku lokali tal-fruntiera, regoli derogatorji fil-konfront tar-Regolament Nru 562/2006. L-għan ta’ dawn ir-regoli huwa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jippermetti lill-popolazzjonijiet taż-żoni tal-fruntiera kkonċernati, u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-realtajiet lokali, attwali jew storiċi, jaqsmu l-fruntieri esterni tal-art tal-Unjoni għal raġunijiet leġittimi ta’ natura ekonomika, soċjali, kulturali jew familjari, u dan b’mod faċli, jiġifieri mingħajr limitazzjonijiet amministrattivi eċċessivi, b’mod frekwenti iżda wkoll regolari.

25

It-tħassib espress mill-Gvern Ungeriż u mill-Gvern Pollakk fir-rigward tal-allegati konsegwenzi negattivi ta’ tali interpretazzjoni fuq l-ordni pubbliku tal-fruntiera ma huwiex konvinċenti peress li d-dritt mogħti b’dan il-mod lill-persuna li jkollha permess għall-qsim lokali tal-fruntiera la huwa inkundizzjonat u lanqas ma huwa assolut. Fil-fatt, sabiex jinkiseb dan il-permess hija meħtieġa residenza minima ta’ sena fiż-żona tal-fruntiera tal-pajjiż ġar, li t-tul tagħha jista’ jiġi estiż permezz ta’ ftehim bilaterali. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprekludi li tali ftehim jadotta tul massimu ta’ soġġorn bla interruzzjoni iktar qasir mit-tliet xhur previsti mir-Regolament Nru 1931/2006, li huma biss limitu massimu. Għandu jingħad ukoll li l-qsim iffaċilitat tal-fruntiera huwa maħsub, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-premessa 4 u tal-Artikolu 9(b) ta’ dan ir-regolament, għall-persuni residenti mal-fruntiera in bona fide li jkollhom raġunijiet leġittimi, debitament iġġustifikati, sabiex jaqsmu ta’ spiss fruntiera esterna tal-art. F’dan id-dawl, l-awtoritajiet kompetenti jibqgħu liberi li jimponu s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1931/2006 fuq dawk il-persuni residenti mal-fruntiera li jużaw b’mod abbużiv jew frawdolenti l-permess tagħhom għall-qsim lokali tal-fruntiera.

26

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għar-raba’ domandi għandha tkun li r-Regolament Nru 1931/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li jkollha permess għall-qsim lokali tal-fruntiera mogħti fil-kuntest tas-sistema speċifika tat-traffiku lokali tal-fruntiera implementata permezz ta’ dan ir-regolament għandha tkun tista’, fil-limiti previsti mir-regolament imsemmi u mill-ftehim bilaterali konkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu bejn il-pajjiż terz li tiegħu din il-persuna tkun ċittadina u l-Istat Membru ġar, minn naħa, tiċċaqlaq liberament fiż-żona tal-fruntiera matul tliet xhur jekk is-soġġorn tagħha hemmhekk ma jkunx interrott u, min-naħa l-oħra, tibbenefika minn dritt ġdid ta’ soġġorn għal tliet xhur wara kull interruzzjoni tas-soġġorn tagħha.

Fuq it-tieni domanda

27

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi dwar il-frekwenza aċċettabbli tal-interruzzjonijiet tas-soġġorn ta’ persuna li jkollha permess għall-qsim lokali tal-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1931/2006.

28

F’dan id-dawl, minn dak li ntqal iktar ’il fuq għandu jiġi dedott li s-soġġorn tal-persuna li jkollha permess għall-qsim lokali tal-fruntiera mogħti fil-kuntest tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandu jitqies bħala interrott malli l-persuna kkonċernata taqsam il-fruntiera sabiex terġa’ tmur fl-Istat ta’ residenza tagħha skont l-awtorizzazzjoni li tkun ingħatat, u dan mingħajr ma jkun meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ passaġġi magħmula kuljum.

29

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1931/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm interruzzjoni tas-soġġorn imsemmija f’dan l-artikolu malli jkun hemm passaġġ, irrispettivament mill-frekwenza tiegħu u anki jekk isir iktar minn darba kuljum, mill-fruntiera bejn l-Istat Membru tal-fruntiera u l-pajjiż terz fejn tirrisjedi l-persuna li jkollha l-permess għall-qsim lokali tal-fruntiera, inkonformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ dan il-permess.

Fuq id-domandi l-oħra

30

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għall-ħames domandi.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li jkollha permess għall-qsim lokali tal-fruntiera mogħti fil-kuntest tas-sistema speċifika tat-traffiku lokali tal-fruntiera implementata permezz ta’ dan ir-regolament għandha tkun tista’, fil-limiti previsti mir-regolament imsemmi u mill-ftehim bilaterali konkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu bejn il-pajjiż terz li tiegħu din il-persuna tkun ċittadina u l-Istat Membru ġar, minn naħa, tiċċaqlaq liberament fiż-żona tal-fruntiera matul tliet xhur jekk is-soġġorn tagħha hemmhekk ma jkunx interrott u, min-naħa l-oħra, tibbenefika minn dritt ġdid ta’ soġġorn għal tliet xhur wara kull interruzzjoni tas-soġġorn tagħha.

 

2)

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1931/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm interruzzjoni tas-soġġorn imsemmija f’dan l-artikolu malli jkun hemm passaġġ, irrispettivament mill-frekwenza tiegħu u anki jekk isir iktar minn darba kuljum, mill-fruntiera bejn l-Istat Membru tal-fruntiera u l-pajjiż terz fejn tirrisjedi l-persuna li jkollha l-permess għall-qsim lokali tal-fruntiera, inkonformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ dan il-permess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.