SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
8 ta’ Marzu 2012 ( *1 )
“Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas ETUC, UNICE u CEEP dwar xogħol għal żmien determinat — Klawżola 5(1) — Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ tali kuntratti — Trasformazzjoni tal-aħħar kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat — Obbligu li jiġu riprodotti b’mod identiku l-klawżoli prinċipali tal-aħħar kuntratt għal żmien determinat”
Fil-Kawża C-251/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal administratif de Rennes (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura
Martial Huet
vs
Université de Bretagne occidentale,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn U. Lõhmus, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal M. Huet, minn M. Faguer u V. Lahalle, avukati, |
|
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J. Rossi, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u M. van Beek, bħala aġenti, |
– wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Huet u l-istituzzjoni li timpjegah, l’université de Bretagne occidentale (iktar ’il quddiem l-“UBO”), dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol li huwa kkonkluda ma’ din l-università wara t-trasformazzjoni tal-aħħar kuntratt tiegħu ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, il-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u kundizzjonijiet minimi relatati ma’ kuntratti u ma’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”. |
|
5 |
It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-preambolu tal-ftehim qafas jipprovdu kif ġej: “Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss [determinat] jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema. Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat] fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.” |
|
6 |
Il-punti 6 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas jipprovdu kif ġej:
[…]
|
|
7 |
Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, dan għandu l-iskop:
|
|
8 |
Il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas tipprovdi: “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. |
|
9 |
Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tipprovdi: “1. Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss [żmien determinat] sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva [minn raġunijiet oġġettivi].” |
|
10 |
Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:
|
|
11 |
Il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas tipprovdi kif ġej: “L-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim m’għandhiex tikkostitwixxi bażijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
|
12 |
L-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 2005-843, tas-26 ta’ Lulju 2005, li timplementa diversi miżuri ta’ traspożizzjoni tad-dritt Komunitarju fis-servizz pubbliku, jipprovdi: “Meta l-membru tal-persunal, irreklutat għal pożizzjoni permanenti, ikun jokkupa l-pożizzjoni fid-data tal-pubblikazzjoni tal-liġi preżenti jew ikun bil-leave f’din id-data, skont id-dispożizzjonijiet tad-digriet imsemmi fl-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 84-16 tal-11 ta’ Jannar 1984 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet statutorji dwar is-servizz pubbliku tal-Istat, it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fir-raba’, fil-ħames u fis-sitt paragrafi tal-Artikolu 4 tal-istess liġi. Meta, fid-data tal-pubblikazzjoni tal-liġi preżenti, il-membru tal-persunal ikun ilu impjegat, konsekuttivament, minn tal-inqas matul sitt snin, il-kuntratt tiegħu jista’, meta jintemm, jiġġedded biss permezz ta’ deċiżjoni espressa u għal żmien indeterminat. [...]” |
|
13 |
L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 84-16 jipprovdi: “B’deroga mill-prinċipju stabbilit fit-Titolu I tal-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal, membri tal-persunal bil-kuntratt jistgħu jiġu rreklutati fil-każijiet segwenti:
Il-membri tal-persunal li huma rreklutati għal dan il-għan għandhom jiġu impjegati b’kuntratti għal żmien determinat b’tul massimu ta’ tliet snin. Dawn il-kuntratti jistgħu jiġġeddew permezz ta’ deċiżjoni espressa. It-tul tal-kuntratti suċċessivi ma jistax jeċċedi sitt snin. Jekk, fi tmiem it-tul massimu ta’ sitt snin imsemmi fil-paragrafu preċedenti, dawn il-kuntratti jiġġeddew, dan jista’ biss isir permezz ta’ deċiżjoni espressa u għal żmien indeterminat. [...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
14 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali okkupa pożizzjoni ta’ riċerkatur mal-UBO matul sitt snin konsekuttivi. Huwa ġie impjegat abbażi ta’ diversi kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, imġedda mingħajr interruzzjoni mill-1 ta’ Marzu 2002 sal-15 ta’ Marzu 2008, u li kollha kienu jsemmu l-funzjonijiet tiegħu ta’ riċerkatur. |
|
15 |
Skont l-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 2005-843 u skont it-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, meta skada dan l-aħħar kuntratt, l-UBO ipproponietlu kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Dan tal-aħħar, iffirmat fis-26 ta’ Marzu 2008, kien jipprovdi, minn naħa, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jokkupa funzjoni ta’ inġinier tal-proġetti, jiġifieri pożizzjoni differenti minn dik ta’ riċerkatur, u, min-naħa l-oħra, li r-remunerazzjoni tiegħu tkun inqas minn dik li kien jirċievi qabel abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat. |
|
16 |
Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, għalkemm il-kuntratt għal żmien indeterminat tiegħu jistabbilixxi funzjonijiet differenti minn dawk li kien jeżerċita qabel, fil-prattika dawn tal-aħħar baqgħu l-istess. |
|
17 |
Fis-26 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali indirizza lill-UBO talba għal modifika tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li dan kien jinkludi żgradar tal-funzjonijiet tiegħu u tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu. |
|
18 |
Din it-talba kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda min-naħa tal-UBO. |
|
19 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżenta rikors quddiem it-tribunal administratif de Rennes minħabba abbuż ta’ poter, sabiex, minn naħa, jikseb l-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal modifika tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u, min-naħa l-oħra, sabiex il-kuntratt jiġi mmodifikat fir-rigward tal-livell ta’ remunerazzjoni u tan-natura tal-funzjonijiet tiegħu. |
|
20 |
Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 2005-843 jimplika neċessarjament li, mal-bidla tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, kien hemm riproduzzjoni identika tal-klawżoli prinċipali inklużi f’dan l-aħħar kuntratt għal żmien determinat. |
|
21 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal administratif de Rennes iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Fil-każ fejn l-Istat jiddeċiedi li jġedded il-ħatra ta’ membru tal-persunal li kien irreklutat għal perijodu ta’ sitt snin b’kuntratt għal żmien determinat, l-obbligu li jintuża kuntratt għal żmien indeterminat previst fl-Artikolu 13 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2005 jimplika neċessarjament, fir-rigward tal-għanijiet [tad-Direttiva Nru 1999/70], ir-riproduzzjoni b’mod identiku fil-kuntratt il-ġdid tal-klawżoli prinċipali inklużi fl-aħħar kuntratt li ġie konkluż, b’mod partikolari dawk relatati mad-denominazzjoni tal-kariga u mar-remunerazzjoni?” |
Fuq l-ammissibbiltà
|
22 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li ma kellhiex issir talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja peress li ebda parti ma invokat il-ksur tad-Direttiva 1999/70 jew ta’ dispożizzjoni legali oħra tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma invokawx, quddiem il-qorti tar-rinviju, kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, ma jipprekludix li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Billi jipprevedu l-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’deċiżjoni preliminari meta “kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE ma humiex intiżi li jillimitaw dan ir-rinviju biss għal każijiet fejn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tkun ħadet l-inizjattiva li tqajjem domanda ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità tad-dritt tal-Unjoni, iżda jkopru wkoll il-każijiet fejn domanda titqajjem mill-qorti nazzjonali stess, li tqis li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt hija “meħtieġa sabiex [tkun tista’ tagħti] sentenza” (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia, 126/80, Ġabra. p. 1563, punt 7). |
|
24 |
Fil-fatt, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali l-fakultà u, skont il-każ, jimponi fuqhom l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ladarba huma jikkunsidraw, kemm ex officio, jew inkella fuq talba tal-partijiet, li s-sostanza tal-kawża tinvolvi punt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tiegħu. Huma għandhom il-fakultà l-iktar estiża li jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedu deċiżjoni min-naħa tagħhom (sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, Ġabra p. 33, punt 3, u tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 20). |
|
25 |
Fil-każ ineżami, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju qieset neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas inkluż fl-anness tagħha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ma’ dan il-ftehim qafas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi t-trasformazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u l-kundizzjonijiet li fihom seħħet tali trasformazzjoni. |
|
26 |
Konsegwentement, l-oġġezzjoni mqajma mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fir-rigward tad-deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tintlaqa’ u għaldaqstant hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula. |
Fuq id-domanda preliminari
|
27 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li d-domanda magħmula ma ssemmi ebda dispożizzjoni preċiża tad-Direttiva 1999/70 jew tal-ftehim qafas li jinsab fl-anness tagħha u li l-interpretazzjoni tagħha hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali. L-imsemmija domanda tirreferi biss, b’mod ġenerali, għad-Direttiva 1999/70. |
|
28 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fil-preżenza ta’ domandi li ma humiex ifformulati b’mod preċiż, tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali u mill-proċess tal-kawża prinċipali, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni, b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża (sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-305, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Il-qorti tar-rinviju tirreferi, fid-digriet tagħha, għall-klawżoli 4(1), 5, u 8(3) tal-ftehim qafas. |
|
30 |
Fir-rigward tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, li tipprekludi trattament inqas favorevoli għal ħaddiema b’kuntratti għal żmien determinat milli għal ħaddiema paragunabbli b’kuntratti għal żmien indeterminat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, kif sostna l-Gvern Franċiż, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jikkontestax trattament differenti meta mqabbel ma’ ħaddiema b’kuntratti għal żmien indeterminat impjegati mill-UBO. |
|
31 |
Bl-istess mod, b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża prinċipali, il-klawżola ta’ projbizzjoni ta’ tnaqqis prevista fil-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas lanqas ma hija rilevanti għal każ inkwistjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jagħmel parti mill-projbizzjoni stabbilita minn din il-klawżola, l-allegat nuqqas għandu, minn naħa, ikun marbut mal-“implimentazzjoni” tal-ftehim qafas u, min-naħa l-oħra, jikkonċerna l-“livell ġenerali ta’ protezzjoni” tal-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071, punt 126, kif ukoll, f’dan is-sens, sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 52). |
|
32 |
Fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma allegax li l-fatt li ma jiġux riprodotti b’mod identiku l-klawżoli prinċipali fl-aħħar kuntratt tiegħu għal żmien determinat jimplika tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kif meħtieġ minn din il-klawżola. |
|
33 |
Fid-dawl tal-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju u b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-Artikolu 13(1) tal-Liġi Nru 2005-843 jikkostitwixxi miżura preventiva ta’ abbuż fis-sens tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk din l-aħħar klawżola għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, Stat Membru li jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat meta l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu laħqu tul partikolari, huwa marbut jimponi, f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ir-riproduzzjoni identika tal-klawżoli prinċipali fil-kuntratt preċedenti. |
|
34 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandha bħala għan l-implementazzjoni ta’ wieħed mill-għanijiet imħaddna mill-ftehim qafas, jiġifieri li jiġi limitat l-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, ikkunsidrat bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi intiżi li tiġi evitata l-inċertezza tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006 Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 63, Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C-586/10, punt 25). |
|
35 |
Mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas, mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim qafas u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa meqjus bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li, huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet kemm tal-persuna li timpjega kif ukoll tal-ħaddiema (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mangold, punt 64, kif ukoll Adeneler et, punt 62). |
|
36 |
Għaldaqstant, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas tobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni abbużiva ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, bl-adozzjoni ta’ miżura jew miżuri elenkati fil-każ fejn id-dritt nazzjonali ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti għall-prevenzjoni ta’ tali abbuż. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid tagħhom, rispettivament (ara sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 74 u 151, kif ukoll id-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2010, Affatato, C-3/10, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 33 tas-sentenza preżenti u, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-trasformazzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat ma tistax titqies li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, Ġabra p. I-7907, punti 41 sa 44). Fil-fatt, fil-każ inkwistjoni, il-fatt li l-liġi nazzjonali li rregolat it-trasformazzjoni mill-UBO tal-aħħar kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat effettivament taqa’ taħt il-miżuri preventivi elenkati fil-klawżola 5(1)(b) tal-ftehim qafas. |
|
38 |
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi li l-ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu t-trasformazzjoni f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ kuntratti għal żmien indeterminat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91). |
|
39 |
Fil-fatt, il-klawżola 5(2) tal-ftehim qafas tħalli, bħala prinċipju, f’idejn l-Istati Membri l-fakultà li jistabbilixxu liema huma l-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat huma kkunsidrati konklużi għal żmien indeterminat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81). |
|
40 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ftehim qafas ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw kuntratti għal żmien indeterminat. |
|
41 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70, mit-tielet paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas, mill-punti 7 sa 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali u mill-klawżola 1 tal-ftehim qafas, dan tal-aħħar ma għandux bħala l-għan l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali kollha dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, iżda huwa biss intiż, billi jistabbilixxi prinċipji ġenerali u kundizzjonijiet minimi, li jistabbilixxi qafas ġenerali sabiex jiżgura trattament ugwali għall-ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni u jipprevjeni l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ relazzjonijiet jew ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punti 26 u 36, u tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 111, kif ukoll tad-digriet tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino, C-20/10, punt 54). |
|
42 |
Billi tippreskrivi l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li hija telenka u li huma intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat fil-każ li l-liġi nazzjonali ma tkunx tinkludi diġà miżuri ekwivalenti, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas tassenja lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbużi, filwaqt li tafdahom bl-għażla tal-metodi intiżi għall-prevenzjoni tagħhom (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70). |
|
43 |
Ċertament, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri mill-ftehim qafas ma hijiex illimitata, peress li din fl-ebda każ ma tista’ twassal sabiex jiġi kkontestat l-għan jew l-effett prattiku tal-ftehim qafas (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Adeneler et, punt 82, kif ukoll Angelidaki et, punt 155). |
|
44 |
Kif isostni l-Gvern Franċiż f’dan ir-rigward, jekk Stat Membru jippermetti li t-trasformazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat tkun marbuta b’modifiki sostanzjali tal-klawżoli prinċipali tal-kuntratt preċedenti li, b’mod ġenerali, huma sfavorevoli għall-membru tal-persunal bil-kuntratt fil-każ fejn l-għan tal-missjoni tiegħu u n-natura tal-funzjonijiet tiegħu jibqgħu l-istess, ma jistax jiġi eskluż li dan tal-aħħar jista’ jkun skoraġġut milli jikkonkludi kuntratt ġdid li jkun propost lilu, u għalhekk jitlef il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg tiegħu meqjus bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema. |
|
45 |
Madankollu, huma l-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jivverifikaw, skont il-leġiżlazzjoni, il-ftehim kollettiv u/jew il-prassi nazzjonali, jekk il-modifiki li saru lill-klawżoli prinċipali tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jitqiesu bħala modifiki sostanzjali ta’ tali klawżoli. |
|
46 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-klawżola 5 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru, li jipprovdi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat fil-każ fejn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu laħqu tul partikolari, ma huwiex marbut jimponi, fil-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ir-riproduzzjoni identika tal-klawżoli prinċipali inklużi fil-kuntratt preċedenti. Madankollu, sabiex ma jippreġudikax l-għanijiet imħaddna mid-Direttiva 1999/70 u l-effett utli tagħha, dan l-Istat Membru għandu jiżgura li t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma tinkludix modifiki sostanzjali tal-klawżoli tal-kuntratt preċedenti li, b’mod ġenerali, ikunu sfavorevoli għall-persuna kkonċernata meta l-għan tal-missjoni tagħha u n-natura tal-funzjonijiet tagħha jibqgħu l-istess. |
Fuq l-ispejjeż
|
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi li: |
|
Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru, li jipprovdi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat fil-każ fejn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu laħqu tul partikolari, ma huwiex marbut jimponi, fil-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ir-riproduzzjoni identika tal-klawżoli prinċipali inklużi fil-kuntratt preċedenti. Madankollu, sabiex ma jippreġudikax l-għanijiet imħaddna mid-Direttiva 1999/70 u l-effett utli tagħha, dan l-Istat Membru għandu jiżgura li t-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma tinkludix modifiki sostanzjali tal-klawżoli tal-kuntratt preċedenti li, b’mod ġenerali, ikunu sfavorevoli għall-persuna kkonċernata meta l-għan tal-missjoni tagħha u n-natura tal-funzjonijiet tagħha jibqgħu l-istess. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.