SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Direttiva 2004/39/KE — Swieq ta’ strumenti finanzjarji — Punt 14 tal-Artikolu 4(1) — Kunċett ta’ ‘suq irregolat’ — Approvazzjoni — Rekwiżiti ta’ funzjonament — Suq li n-natura legali tiegħu ma hijiex speċifikata iżda li, wara amalgamazzjoni, ikun amministrat minn persuna ġuridika li tamministra wkoll suq irregolat — Artikolu 47 — Assenza ta’ inklużjoni fil-lista ta’ swieq irregolati — Direttiva 2003/6/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Manipulazzjoni tas-suq”

Fil-Kawża C-248/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2011, fi proċeduri kriminali kontra

Rareş Doralin Nilaş,

Sergiu-Dan Dascăl,

Gicu Agenor Gânscă,

Ana-Maria Oprean,

Ionuţ Horea Baboş,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Ministerul public, Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie, Direcţia de Investigare a Infracţiunilor de Criminalitate Organizată şi Terorism, minn O. Codruţ, procuror,

għal R. D. Nilaş u S-D. Dascăl, minn D. Ionescu u F. Plopeanu, avukati,

għal M. Gânscă, minn C. Dutescu, avukat,

għall-Gvern Rumen, minn R. Radu, bħala aġent, kif ukoll minn A. Wellman u R.-M. Giurescu, consilieri,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. van Rijn u I. Rogalski kif ukoll minn R. Vasileva, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), kif emendata bid-Direttiva 2007/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 247, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/39”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra R. D. Nilaş, S-D Dascăl, G. A. Gânscă, I. H. Baboş u A-M. Oprean, (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“imputati fil-kawża prinċipali”), li huma akkużati bil-manipulazzjoni tal-prezzijiet tal-azzjonijiet ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata fis-suq tal-istrumenti finanzjarji Rasdaq (iktar ’il quddiem is-“suq Rasdaq”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/39

3

Il-premessi 2, 5, 44 u 50 tad-Direttiva 2004/39 jipprovdu:

“(2)

[...] huwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni [...]

[...]

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi stabilit reġim regolatorju komprensiv li jirregola t-twettiq tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji b’mod irrispettiv mill-metodi tal-kummerċ wżati sabiex jikkonkludu dawn it-tranżazzjonijiet hekk li jiżguraw kwalità ogħla ta’ twettiq ta’ tranżazzjonijiet tal-investituri u jżommu fil-għoli l-integrità u l-effikaċja ġenerali tas-sistema finanzjarja. [...]

[...]

(44)

Bil-mira doppja li jiġu protetti l-investituri u li jiġi żgurat l-operat bla xkiel tas-swieq tat-titoli, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi tinkiseb t-trasparenza tat-transazzjonijiet [...]

[...]

(56)

L-operaturi ta’ suq irregolat għandhom ikunu kapaċi wkoll joperaw MTF skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva.”

4

Għall-finijiet tad-Direttiva 2004/39, il-punti 14 u 15 tal-Artikolu 4(1) jiddefinixxu s-“suq irregolat” u l-“MTF” bil-mod li ġej:

“14)

‘Suq irregolat’ ifisser sistema multilaterali mħaddma u/jew immaniġġjata minn operatur tas-suq, li ġġib flimkien, jew tiffaċilita li ġġib flimkien l-interessi multipli tax-xiri u l-bejgħ ta’ partijiet terzi u l-interessi tal-bejgħ fi strumenti finanzjarji — fis-sistema u skond regoli mhux diskrezzjonali — f’manjiera li tirriżulta f’kuntratt, rigward l-istrumenti finanzjarji imdaħħla għall-kummerċ skond ir-regoli u/jew is-sistemi tagħha, u li hija awtorizzata u tiffunzjona b’mod regolari u skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III;

15)

[‘MTF’] tfisser sistema multilaterali, imħaddma minn ditta ta’ l-investiment jew minn operatur tas-suq, li ġġib flimkien l-interessi multipli tax-xiri u l-bejgħ minn partijiet terzi fi strumenti finanzjarji — fis-sistema u skond ir-regoli mhux diskrezzjonali — f’manjiera li tirriżulta f’kuntratt skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II”.

5

It-Titolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-Swieq Irregolati”, jinkludi l-Artikoli 36 sa 47 tagħha. Taħt it-titolu “L-Awtorizzazzjoni u l-liġijiet applikabbli”, l-imsemmi Artikolu 36(1),(2) u (5), jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirriservaw awtorizzazzjoni bħala suq irregolat għal dawk is-sistemi li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

L-awtorizzazzjoni bħala suq irregolat għandha tiġi konċessa biss meta l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta illi kemm l-operatur tas-suq u kemm is-sistemi tas-suq irregolat jikkonformaw għall-inqas mar-rekwiżiti stabiliti f’dan it-Titolu.

[...]

2.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-operatur ta’ suq irregolat li jwettaq kompiti li jkollhom x’jaqsmu mal-organizzazzjoni u l-operat tas-suq irregolat taħt is-sorveljanza tal-awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet kompetenti jżommu taħt rivista regolari l-konformità tas-swieq regolati mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. Għandhom jiżguraw ukoll illi l-awtoritajiet kompetenti jimmnitorjaw illi s-swieq regolati jikkonfrmaw il-ħin kollu mal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazjoni inizjali stabiliti skont dan it-Titolu.

[...]

5.   L-awtorità kompetenti tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni maħruġa lil suq irregolat [...]”

6

Skont l-Artikolu 47 tal-istess direttiva intitolat “Il-Lista tas-swieq irregolati”:

“Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jfassal lista tas-swieq regolati li għalihom ikun l-Istat Membru domiċiljari u għandu jibgħat din il-lista lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Għandha tigi effettwata komunikazzjoni simili rigward kull bidla f’din il-lista. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista tas-swieq regolati kollha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u taġġornaha mill-inqas darba fis-sena. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna wkoll il-lista fuq il-website tagħha, kull darba li l-Istati Membri jikkomunikaw bidliet fil-listi tagħhom.”

7

L-Artikolu 69 tad-Direttiva 2004/39 jipprevedi li r-riferimenti għat-termini ddefiniti fid-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, tal-10 ta’ Mejju 1993, dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 6 Vol. 2 p. 43), abrogata mill-1 ta’ Novembru 2007, għandhom jitqiesu ekwiparabbli għat-terminu ddefinit fid-Direttiva 2004/39.

8

L-Artikolu 71 ta’ din l-aħħar direttiva intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji”, jipprovdi fil-paragrafu 5 tiegħu li kull sistema eżistenti inkluża fid-definizzjoni ta’ MTF operata minn operatur tas-suq ta’ suq irregolat għandha tiġi awtorizzata bħala MTF fuq talba ta’ dan l-operatur.

Id-Direttiva 93/22

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/22 kien jinkludi d-definizzjonijiet applikabbli għaliha. Il-punt 13 ta’ dan l-artikolu kien jipprovdi:

“suq irregolat għandu jfisser suq għall-istrumenti elenkati fit-Taqsima B ta’ l-Anness li:

jidher fuq il-lista li hemm dispożizzjoni dwarha fl-Artikolu 16 imħejjija mill-Istat Membru li jkun l-Istat Membru tal-lokalità kif definit fl-Artikolu 1(6)(ċ),

[...]”

Id-Direttiva 2003/6

10

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367) jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

4)

‘Suq regolat’ għandu jfisser suq kif definit bl-Artikolu 1(13) tad-Direttiva 93/22/KEE;

[...]”

11

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull strument finanzjarju b’aċċess għall-kummerċ f’suq [ir]regolat f’mill-inqas Stat Membru wieħed, jew li għalih saret talba għal aċċess f’dan is-suq, irrispettivament minn jekk l-operazzjoni proprja attwalment saret f’dak is-suq.”

Id-dritt nazzjonali

12

Il-Liġi Nru 297/2004, dwar is-suq tal-kapitali (lege privind piaţa de capital), tat-28 ta’ Ġunju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 571, tad-29 ta’ Ġunju 2004, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 297/2004”), b’mod partikolari ttrasponiet id-Direttivi 2003/6 u 2004/39. L-Artikolu 125 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“Suq irregolat huwa sistema ta’ kummerċ ta’ strumenti finanzjarji [...] li:

a)

jiffunzjona regolarment;

b)

huwa kkaratterizzat mill-fatt li r-regolamenti adottati u sottomessi għall-approvazzjoni tal-[Comisia Natională a Valorilor Mobiliare (Kummissjoni Nazzjonali tat-Titoli, iktar ’il quddiem iċ-“CNVM”)] li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament, ta’ aċċess fis-suq u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kummerċ ta’ strument finanzjarju;

ċ)

jissodisfa r-rekwiżiti ta’ rrappurtar u ta’ trasparenza stabbiliti bil-liġi preżenti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri, kif ukoll ir-regolamenti adottati miċ-CNVM skont il-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni].”

13

L-Artikolu 248 tal-imsemmija liġi jipprojbixxi lil kull persuna fiżika jew ġuridika milli twettaq attivitajiet ta’ manipulazzjoni tas-suq, kif iddefinit fl-Artikolu 244(5)(a) tal-istess liġi.

14

Skont l-Artikolu 253 tal-istess liġi:

“1   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu japplikaw għal kull strument finanzjarju awtorizzat għall-kummerċ f’suq irregolat fir-Rumanija jew fi Stat Membru jew li fir-rigward tiegħu tkun saret talba għal aċċess għall-kummerċ f’dan is-suq, irrispettivament minn jekk l-operazzjoni effettivament saritx fil-kuntest tal-imsemmi suq irregolat.

[...]

3.   Il-projbizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu għandhom japplikaw:

a)

għall-operazzjonijiet fir-Rumanija jew barra permezz ta’ strumenti finanzjarji li għandhom aċċess għall-kummerċ f’suq irregolat li jinsab jew li jopera fir-Rumanija jew li fir-rigward tagħhom hemm talba għal aċċess għall-kummerċ f’dan is-suq;

b)

għall-operazzjonijiet fir-Rumanija permezz ta’ strumenti finanzjarji li għandhom aċċess għall-kummerċ f’suq irregolat fir-Rumanija jew fi Stat Membru ieħor jew li fir-rigward tagħhom hemm talba għal aċċess għall-kummerċ bħal dan.”

15

L-Artikolu 279(1) tal-Liġi Nru 297/2004 jipprovdi li t-twettiq intenzjonali tal-fatti msemmija, inter alia, fl-Artikolu 248 ta’ din l-liġi huwa reat punibbli bi priġunerija jew b’multa.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fit-30 ta’ Diċembru 2010, il-Ministerul public, Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie, Direcţia de Investigare a Infracţiunilor de Criminalitate Organizată şi Terorism (Ministeru pubbliku, Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni fi ħdan il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, Direttorat ta’ investigazzjoni tal-ksur fil-qasam tal-kriminalità organizzata u tat-terroriżmu, iktar ’il quddiem il-“Ministerul public”) ressaq akkuża quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-imputati fil-kawża prinċipali. Il-Ministerul public akkużahom b’reat ta’ manipulazzjoni, fis-suq Rasdaq, fix-xahar ta’ Frar 2008 (fir-rigward ta’ S-D. Dascăl) u matul il-perijodu bejn Novembru 2007 u Frar 2008 (fir-rigward tal-imputati l-oħra fil-kawża principali), ta’ azzjonijiet ACIS tal-kumpannija responsabbli mill-ħruġ ta’ titoli SC AICI Bistriţa SA.

17

Ir-rappreżentanti tal-imputati fil-kawża prinċipali talbu lill-qorti tar-rinviju tistabbilixxi, bħala kwistjoni preliminari, jekk is-suq Rasdaq jikkostitwixxix suq irregolat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 297/2004.

18

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti ppreċiżat li s-suq Rasdaq beda jopera fl-1996, taħt l-isem oriġinali Bursa Electronică Rasdaq, bħala pjattaforma għall-kummerċ ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji tal-Istat ittrasformati f’kumpanniji pubbliċi fil-kuntest tal-programm ta’ privatizzazzjoni tal-massa. Dan is-suq kien awtorizzat b’deċiżjoni tas-CNVM tas-27 ta’ Awwissu 1996, u għalhekk ġie kkunsidrat bħala suq organizzat u kkontrollat minn din il-kummissjoni u mgħammar bir-regoli tiegħu stess ta’ funzjonament.

19

Fl-1 ta’ Diċembru 2005, il-Bursa Electronică Rasdaq SA amalgamat ruħha mal-Bursa de Valori Bucureşti SA, l-ewwel waħda ġiet inkorporata mat-tieni waħda. Il-persuna ġuridika li rriżultat minn din l-amalgamazzjoni kienet denominata Bursa de Valori Bucureşti SA u ntalbet tamministra żewġ swieq differenti, jiġifieri s-suq irregolat Bursa de Valori Bucureşti u s-suq Rasdaq.

20

L-ewwel suq ġie sussegwentement approvat miċ-CNVM. Din indikat lill-qorti tar-rinviju li, fid-dawl tal-poteri statutorji tagħha, hija tikkontrolla u tirregola wkoll il-funzjonament tas-suq Rasdaq, minkejja li dan tal-aħħar ma ġie rreġistrat f’ebda kategorija ta’ pjattaformi tal-kummerċ previsti mir-regoli Ewropej.

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Ministerul public jikkunsidra li s-suq Rasdaq huwa suq irregolat, minħabba li amalgama ruħu mal-Bursa de Valori Bucureşti, u għalhekk jikkostitwixxi de facto suq wieħed li jiffunzjona skont ir-regoli taċ-CNVM u tal-Bursa de Valori Bucureşti.

22

Madankollu, l-imputati fil-kawża prinċipali jsostnu li s-suq Rasdaq ma huwiex “suq irregolat” fis-sens tad-Direttiva 2004/39. Peress li l-kunċett ta’ “suq irregolat” huwa kunċett awtonomu tal-Unjoni Ewropea, kull suq approvat ma jistax awtomatikament jitqies li huwa “suq irregolat”. Barra minn hekk, dan il-kunċett ma għandux jiġi interpretat skont it-tifsira normalment mogħtija lit-terminu “irregolat”.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 4(1)(14) u l-Artikoli 9 sa 14 tad-Direttiva 2004/39/KE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw kemm għas-suq prinċipali ta’ kummerċ awtorizzat [mis-CNVM] kif ukoll għas-suq sekondarju ta’ kummerċ, li fl-2005 ġie inkorporata f’tal-ewwel iżda li baqa’ jitqies b’mod separat mis-suq irregolat, mingħajr man-natura ġuridika tiegħu ġiet ippreċiżata permezz ta’ dispożizzjonijiet legali?

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sistemi ta’ kummerċ li ma jissodifawx ir-rekwiżiti tat-Titolu III tad-Direttiva 2004/36/KE ma jidħlux taħt il-kunċett ta’ suq irregolat?

3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/39/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li suq li ma ġiex innotifikat mill-awtorità nazzjonali responsabbli u li ma jinsabx fil-lista tas-swieq irregolati ma huwiex suġġett għall-qafas ġuridiku li japplika għas-swieq irregolati, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-regoli li jissanzjonaw l-abbuż ta’ suq fil-kuntest tad-Direttiva 2003/6/KE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

24

Il-Ministerul public, R.D. Nilaş u S-D. Dascăl, kif ukoll il-Gvern Rumen jikkontestaw, għal diversi raġunijiet, l-ammissibbiltà tat-talba tad-deċiżjoni preliminari jew ta’ ċerti domandi magħmula.

25

Skont il-Ministerul public, it-tieni u t-tielet domanda preliminari huma inammissibbli peress li ġew magħmula mill-imputati fil-kawża prinċipali mingħajr ma l-qorti tar-rinviju tat deċiżjoni sabiex tadottahom. Barra minn hekk, l-ewwel domanda, li ma tipprovdix dikjarazzjoni xierqa tas-suġġett tal-kawża prinċipali, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli kif ukoll tal-argumenti tal-partijiet, hija intiża għall-evalwazzjoni tal-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

26

R.D. Nilaş u S-D. Dascăl jqisu li l-ewwel domanda tikkonċerna problema ta’ fatt sa fejn, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk is-suq Rasdaq għandux l-istatus ta’ suq irregolat, huwa biżejjed li jiġi vverifikat jekk ġiex awtorizzat mis-CNVM li jiffunzjona bħala suq irregolat wara l-proċedura ta’ approvazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikoli 9 sa 14 tad-Direttiva 2004/39, inklużi f’din id-domanda, ma għandhom l-ebda konnessjoni mal-kawża prinċipali u l-qorti tar-rinviju ma tispjegax il-ħtieġa għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża. It-tielet domanda ma hijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, peress li l-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/39, wara li Stat Membru jkun ikklassifika suq bħala suq irregolat, ma tikkostitwixxix rekwiżit ta’ din il-klassifika.

27

Fl-aħħar nett, il-Gvern Rumen, li jsostni wkoll li l-ewwel domanda hija intiża għall-eżami tal-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, li tmur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkunsidra li t-Titolu II tad-Direttiva 2004/39, imsemmi fit-tieni domanda, huwa irrilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

28

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Ministerul public kontra t-tieni u t-tielet domanda, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju indikat li dawn id-domandi kienu intiżi li jiċċaraw il-kwistjoni dwar jekk is-suq Rasdaq kienx suq irregolat fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija domandi ġew magħmula minn din il-qorti, skont l-Artikolu 267 TFUE.

29

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu l-ewwel domanda hija intiża għal evalwazzjoni tal-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-kliem stess ta’ din id-domanda jirriżulta b’mod ċar li din hija intiża għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ dispożizzjonijiet differenti tad-Direttiva 2004/39.

30

It-tielet nett, fir-rigward tan-nuqqasijiet allegati fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dikjarazzjoni f’din id-deċiżjoni, tal-punti fattwali tal-kawża prinċipali, kif deskritti fil-qosor fil-punti 16 sa 22 ta’ din is-sentenza, kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi Nru 297/2004 juru, kif ippruvat, barra minn hekk, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39 dwar il-kunċett ta’ “suq irregolat” tista’ tistabbilixxi jekk l-aġir attribwit lill-imputati fil-kawża prinċipali jistax jiġi ssanzjonat abbażi tad-Direttiva 2003/6 u tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi li implementaw din l-aħħar direttiva.

31

Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39 inklużi fl-ewwel u fit-tieni domanda li, skont R.D. Nilaş u S-D. Dascăl kif ukoll il-Gvern Rumen, rispettivament, ma humiex rilevanti f’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-fatt li l-qorti nazzjonali, fuq livell formali, għamlet domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tiġi deċiża l-kawża quddiemha, indipendentement minn jekk hemmx riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C-115/08, Ġabra p. I-10265, punt 81, kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2011, u Vicoplus et, C-307/09 sa C-309/09, Ġabra p. I-453, punt 22).

32

Minn dan isegwi li, sa fejn l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39 dwar il-kunċett ta’ “suq irregolat”, li għalihom hemm riferiment fid-domandi preliminari nfishom tista’ sservi, kif ġie spjegat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, sabiex tgħin lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża quddiemha, ir-riferiment għal dispożizzjonijiet oħra li jistgħu ma jkunux rilevanti mhux probabbli li jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi.

33

Fl-aħħar, il-ħames nett, l-osservazzjonijiet l-oħra ta’ R.D. Nilaş u S-D. Dascăl dwar l-ewwel u t-tielet domanda huma intiżi li jipprovdu risposta għalihom. Għalhekk, jikkonċernaw l-analiżi tal-mertu tal-imsemmija domandi u mhux l-ammissibbiltà tagħhom.

34

Minn dak li ngħad jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

Osservazzjoni preliminari

35

Kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jiirriżulta li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-manipulazzjoni ta’ prezzijiet tal-azzjonijiet ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li huma akkużati biha l-imputati fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/6.

36

Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9, din id-direttiva għandha tapplika għal kull strument finanzjarju ammess għal kummerċ f’suq irregolat għall-inqas fi Stat Membru wieħed jew li fir-rigward tiegħu saret talba għal aċċess f’dan is-suq, irrispettivament minn jekk l-operazzjoni effettivament saritx fil-kuntest ta’ dan is-suq.

37

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha li tindika li l-operazzjonijiet allegati lill-imputati fil-kawża prinċipali twettqu fuq is-suq Rasdaq. Din ma tispeċifikax jekk l-azzjonijiet kkonċernati kellhomx ukoll aċċess għall-kummerċ f’suq ieħor ta’ strumenti finanzjarji li huwa kklassifikat bħala suq irregolat jew jekk it-talba ta’ tali aċċess tkunx saret meta seħħew il-fatti. Jekk dan kien il-każ, li għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali, l-imsemmija manipulazzjonijiet jaqgħu fi kwalunkwe każ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/6, skont l-Artikolu 9 tagħha, u ma jkunx neċessarju li jsir magħruf, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, jekk is-suq Rasdaq huwiex suq irregolat fis-sens tad-Direttiva 2004/39.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

38

Mit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qed titlob kjarifika tal-kunċett ta’ “suq irregolat” fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39. Madankollu, it-Titolu II ta’ din id-direttiva, imsemmi fit-tieni domanda magħmula, jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni u ta’ eżerċizzju applikabbli għall-impriżi ta’ investiment, filwaqt li d-dispożizzjonijiet relatati mas-swieq irregolati huma inklużi fit-Titolu III tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, l-Artikoli 9 sa 14 tal-istess direttiva, li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda, jagħmlu parti mill-imsemmi Titolu II. Għandu jiġi kkonstatat, bħal ma għamlu diversi partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, li dan l-aħħar titolu u dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ma humiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

39

Barra minn hekk, għalkemm l-ewwel domanda tirreferi għall-amalgamazzjoni ta’ żewġt iswieq ta’ strumenti finanzjarji Rumeni, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, kif indikat fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, li huma l-operaturi ta’ Bursa de Valori Bucureşti u tas-suq Rasdaq rispettivament, u mhux is-swieq infushom, li ġew amalgamati fl-2005.

40

Konsegwentement, għandu jitqies li, bl-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39 għandux jiġi interpretat fis-sens li suq ta’ strumenti finanzjarji li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-Titolu III ta’ din id-direttiva huwiex, madankollu, inkluż taħt il-kunċett ta’ “suq irregolat” kif iddefinit fl-imsemmija dispożizzjoni, meta l-operatur tiegħu jkun amalgama ruħu mal-operatur ta’ tali suq irregolat.

41

Skont il-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39, suq irregolat għandu, minbarra li jkun operat u/jew amministrat minn operatur tas-suq, jiġi approvat u regolament operat skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tad-Direttiva.

42

Mill-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tal-imsemmija direttiva, li huwa parti mit-Titolu III ta’ din id-direttiva, jirriżulta li tali suq għandu jiġi approvat bħala suq irregolat u li tali approvazzjoni tista’ biss tinħareġ meta l-operatur u s-sistemi tas-suq ikkonċernat jissodisfaw għall-inqas ir-rekwiżiti msemmija f’dan it-titolu. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-swieq irregolati jikkonformaw il-ħin kollu mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi titolu għall-awtorizzazzjoni inizjali tagħhom. L-Artikolu 36(5) tad-Direttiva 2004/39 jipprovdi r-raġunijiet għall-irtirar tal-approvazzjoni.

43

Miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta, minn naħa, li sabiex jiġi kklassifikat bħala “suq irregolat” fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39, suq ta’ strumenti finanzjarji għandu jiġi approvat bħala suq irregolat u, min-naħa l-oħra, il-funzjonament tiegħu skont ir-rekwiżiti li jinsabu fit-Titolu III ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-kisba u ż-żamma ta’ din l-approvazzjoni.

44

Madankollu, il-fatt li l-operatur ta’ suq ikun amalgama ma’ dak ta’ suq irregolat huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan l-ewwel suq huwiex suq irregolat fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39. Fil-fatt, il-possibbiltà għal suq li jiġi kklassifikat bħala suq irregolat minħabba tali amalgamazzjoni la hija pprovduta fit-Titolu III u lanqas fit-titoli l-oħra ta’ din id-direttiva.

45

Għalhekk, il-fatt li, kif enfasizza l-Gvern Rumen, l-azzjonijiet jiġu kkummerċjalizzati fis-suq Rasdaq permezz tal-mezzi elettroniċi disponibbli għall-Bursa de Valori Bucureşti SA ma huwiex biżżejjed li jikklassifika legalment lil dan is-suq bħala “suq irregolat”, fin-nuqqas li jissodisfa il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/39 espliċitament tikkontempla sitwazzjonijiet fejn l-operatur ta’ suq irregolat jopera wkoll sistema oħra ta’ kummerċ, mingħajr ma dan tal-aħħar isir suq irregolat skont dan l-operat.

47

Għalhekk, il-premessa 56 tad-Direttiva 2004/39 tiddikjara li l-operaturi ta’ suq irregolat għandhom ukoll ikunu kapaċi joperaw MTF, li huwa rregolat, kif jirriżulta mid-definizzjoni fil-punt 15 tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tagħha u għalhekk, ma jikkostitwixxix suq irregolat. Bl-istess mod, id-dispożizzjoni tranżitorja fl-Artikolu 71(5) ta’ din l-istess direttiva tipprovdi li kull sistema eżistenti inkluża fid-definizzjoni ta’ MTF operata minn operatur tas-suq ta’ suq irregolat hija, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzata bħala MTF fuq talba ta’ dan l-operatur.

48

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2, 5 u 44 tad-Direttiva 2004/39, l-għanijiet ta’ dawn tal-aħħar jinkludu, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-investituri, il-preservazzjoni tal-integrità u l-effikaċja globali tas-sistema finanzjarja kif ukoll it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet. Madankollu, li suq li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 43 ta’ din is-sentenza jiġi awtorizzat jikklassifika bħala suq irregolat sempliċement minħabba li huwa operat minn operatur ta’ suq ieħor awtorizzat bħala suq irregolat jista’ jippreġudika dawn l-għanijiet.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li suq ta’ strumenti finanzjarji, li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “suq irregolat”, kif iddefinit fl-imsemmija dispożizzjoni, minkejja li l-operatur tagħha jkun amalgama mal-operatur ta’ tali suq irregolat.

Fuq it-tielet domanda

50

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/39 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-inklużjoni ta’ suq fil-lista ta’ swieq irregolati msemmija f’dan l-artikolu tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-kwalifika ta’ dan is-suq bħala suq irregolat fis-sens ta’ din id-direttiva.

51

Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, filwaqt li l-inklużjoni fil-lista stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat tikkostitwixxi element tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “suq irregolat” previst fl-Artikolu 1(13) tad-Direttiva 93/22, tali element huwa nieqes mid-definizzjoni tal-istess kunċett fil-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39, peress li din tal-aħħar, kif previst fl-Artikolu 69 tagħha, ħassret id-Direttiva 93/22 b’effett mill-1 ta’ Novembru 2007.

52

It-tieni nett, id-definizzjoni tal-aħħar tal-kunċett ta’ “suq irregolat” tispeċifika li tali suq jopera regolarment skont it-Titolu III tad-Direttiva 2004/39. Anki jekk l-Artikolu 47 tagħha huwa inkluż f’dan it-titolu, ma jistax jitqies li l-obbligu, għal Stat Membru, li jistabbilixxi l-lista msemmija f’dan l-artikolu, huwa marbut mal-funzjonament tal-imsemmi suq.

53

It-tielet nett, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-approvazzjoni bħala suq irregolat għandha tkun limitata, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2004/39, għal sistemi ta’ kummerċ li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ din id-direttiva. Peress li l-inklużjoni fil-lista prevista mill-Artikolu 47 tal-istess direttiva hija neċessarjament meħtieġa wara tali approvazzjoni, din ma tistax, loġikament, tikkostitwixxi kundizzjoni.

54

Minn dan isegwi li l-fatt li jiġi inkluż f’din il-lista ma huwiex element ta’ kwalifika ta’ suq ta’ strumenti finanzjarji bħala suq irregolat fis-sens tad-Direttiva 2004/39. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li ma jkunx fuq dik il-lista ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li s-suq inkwistjoni huwa suq irregolat.

55

Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/39 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-inklużjoni ta’ suq fil-lista ta’ swieq irregolati msemmija f’dan l-artikolu ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja għall-kwalifika ta’ dan is-suq bħala suq irregolat fis-sens ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE kif emendata bid-Direttiva 2007/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li suq ta’ strumenti finanzjarji, li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “suq irregolat”, kif iddefinit fl-imsemmija dispożizzjoni, minkejja li l-operatur tiegħu jkun amalgama mal-operatur ta’ tali suq irregolat.

 

2)

L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/39, kif emendata bid-Direttiva 2007/44, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-inklużjoni ta’ suq fil-lista ta’ swieq irregolati inkluża f’dan l-artikolu ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja għall-kwalifika ta’ dan is-suq bħala suq irregolat fis-sens ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.