SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Suq intern — Direttiva 98/34/KE — Standards u regolamenti tekniċi — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi — Slot machines b’rebħ limitat — Projbizzjoni ta’ emenda, tiġdid u ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għall-operat — Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’”

Fil-Kawżi magħquda C-213/11, C-214/11 u C-217/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku (il-Polonja), b’deċiżjonijiet tas-16 ta’ Novembru 2010, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 u fil-11 ta’ Mejju 2011, fil-proċeduri

Fortuna sp. z o.o. (C-213/11),

Grand sp. z o.o. (C-214/11),

Forta sp. z o.o. (C-217/11)

vs

Dyrektor Izby Celnej w Gdyni,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fortuna sp. z o.o., Grand sp. z o.o. u Forta sp. z o.o., minn K. Budnik, avukat,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna kif ukoll minn D. Lutostańska, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, avukati,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. P. Barros, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Zavvos u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 709), iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 98/34”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Fortuna sp. z o.o. (iktar ’il quddiem, “Fortuna”), Grand sp. z o.o. (iktar ’il quddiem, “Grand”) u Forta sp. z o.o. (iktar ’il quddiem, “Forta”) u, min-naħa l-oħra, id-Dyrektor Izby Celnej w Gdyni (direttur tal-uffiċċju doganali ta’ Gdynia, iktar ’il quddiem, id-“DICG”) rigward ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jemenda, iġedded jew joħroġ, skont il-każ, awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni u għall-operat ta’ attività ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-punti 1 sa 5 u 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

1)

‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

2)

‘servizz’: kull servizz tas-soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

3)

‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

4)

‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

5)

‘regola dwar is-servizzi’, ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

11)

‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[…]”

4

Skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti.”

Id-dritt nazzjonali

5

Sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-organizzazzjoni u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fil-qasam tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat kienu rregolati bil-liġi dwar il-logħob u l-imħatri (ustawa o grach i zakĺadach wzajemnych) tad-29 ta’ Lulju 1992 (Dz. U. tal-2004, Nru 4, Titolu 27), kif emendata (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar il-logħob u l-imħatri”).

6

L-Artikolu 2(2b) ta’ din il-liġi kien jipprovdi:

“Il-magni tal-logħob b’rebħ limitat huma l-logħob fuq tagħmir mekkaniku, elettromekkaniku jew elettroniku, li jippermetti rebħ fi flus jew in natura li l-valur unitarju tiegħu ma jistax jaqbeż l-ekwivalenti ta’ [EUR] 15 u li l-ammont massimu li kull persuna tista’ tilgħab ma jistax jaqbeż l-[EUR] 0.07.”

7

Skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi, is-sidien ta’ tali tagħmir kellhom, sabiex ikunu jistgħu joperaw dawn il-magni tal-logħob, jiksbu awtorizzazzjonijiet mill-awtorità fiskali li hija kompetenti fit-territorju. Dawn kellhom jinħarġu lis-sidien ta’ dan it-tagħmir għal perijodu ta’ sitt snin u setgħu, fuq talba ta’ dak li għandu l-awtorizzazzjoni, jiġġeddu għal perijodu ta’ sitt snin addizzjonali.

8

L-Artikolu 7(1a) ta’ din l-istess liġi kien jipprovdi:

“L-organizzazzjoni tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat hija awtorizzata biss fil-postijiet tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat.”

9

L-Artikolu 30 tal-Liġi dwar il-logħob u l-imħatri kien jipprovdi:

“Il-postijiet tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat jistgħu jinsabu fi stabbilimenti tal-ikel, tal-kummerċ jew tas-servizzi li jinsabu mill-inqas 100 metru ’l bogħod mill-iskejjel, mill-istabbilimenti ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni, mill-istabbilimenti ta’ kura u mill-postijiet ta’ qima reliġjuża.”

10

Il-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard (Ustawa o grach hazardowich) tad-19 ta’ Novembru 2009 (Dz. U. 201 Titolu 1540, iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar il-logħob tal-ażżard”), li tissostitwixxi l-Liġi dwar il-logħob u l-imħatri, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

11

L-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard jipprovdi:

“L-organizzazzjoni tal-logħob tar-roulette, tal-logħob tal-karti, tal-logħob bid-dadi u tal-magni tal-logħob hija rriżervata għall-casinos tal-logħob.”

12

L-Artikolu 129 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   L-attivitajiet kollha ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat jew ta’ magni tal-logħob organizzati fi swali tal-magni tal-logħob eżerċitati abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom isiru skont id-dispożizzjonijiet preċedenti sal-iskadenza ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet mill-entitajiet li għalihom inħarġu, ħlief jekk din il-liġi tipprovdi mod ieħor.

2.   Il-proċeduri mibdija u mhux konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi intiżi għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat jew ta’ magni tal-logħob organizzati fi swali tal-magni tal-logħob għandhom jintemmu.

3.   Magni tal-logħob b’rebħ limitat ifissru l-logħob fuq tagħmir mekkaniku, elettromekkaniku u elettroniku b’rebħ fi flus jew in natura, li l-valur unitarju tiegħu ma jaqbiżx PLN 60 u li l-ammont massimu li kull persuna tista’ tilgħab ma jistax jaqbeż PLN 0.50.”

13

L-Artikolu 135 tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard jipprovdi:

“1.   L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 129(1) jistgħu jiġu emendati, skont il-prinċipji ddefiniti fil-liġi rigward l-emendi ta’ konċessjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa lill-entitajiet li jeżerċitaw attività koperta mill-Artikolu 6(1) sa (3), mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, bir-riżerva tal-paragrafi 2 u 3. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 56 u 57 japplikaw b’analoġija.

2.   L-emenda ta’ awtorizzazzjoni ma tistax twassal għal bidla tal-postijiet ta’ organizzazzjoni tal-logħob, ħlief jekk huwa biex jitnaqqsu n-numru ta’ postijiet tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat.

[…]”

14

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ din il-liġi, l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 129(1) tal-imsemmija liġi ma jistgħux jiġġeddu.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kumpanniji li għandhom bħala attività ekonomika, fost l-oħrajn, l-organizzazzjoni u l-operat ta’ magni tal-logħob. Għal dan il-għan, Fortuna, Grand u Forta jixtru tagħmir tal-logħob fis-suq tal-Unjoni.

16

Fortuna għandha l-awtorizzazzjoni legali meħtieġa għal tali attività, li nħarġitilha fl-1 ta’ Novembru 2003 għal perijodu ta’ sitt snin, u mbagħad iġġedded b’deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2009. Din l-awtorizzazzjoni tikkonċerna numru kbir ta’ postijiet tal-logħob. Fortuna ressqet talba għal bidla fl-awtorizzazzjoni tagħha fir-rigward tal-iffissar ta’ wieħed mill-postijiet ta’ operat tal-logħob. B’deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2010, ikkonfermata b’deċiżjoni ulterjuri tal-14 ta’ April 2010, id-DICG ma laqax din it-talba, billi invoka l-Artikolu 135(2) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li jipprojbixxi kull bidla tal-postijiet ta’ organizzazzjoni tal-logħob b’emenda tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, ħlief jekk huwa biex jitnaqqsu n-numru ta’ postijiet tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat.

17

Grand kellha l-awtorizzazzjoni legali meħtieġa għall-organizzazzjoni u l-operat ta’ magni tal-logħob, maħruġa fis-6 ta’ Awwissu 2004, għal perijodu ta’ sitt snin. L-awtorizzazzjoni kienet tirrigwarda wkoll numru kbir ta’ postijiet tal-logħob. Grand ressqet talba għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tagħha, għal perijodu ġdid ta’ sitt snin. B’deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2010, ikkonfermata b’deċiżjoni ulterjuri tat-18 ta’ Mejju 2010, id-DICG ma laqax din it-talba, billi invoka l-Artikolu 138(1) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li jipprojbixxi t-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat.

18

Fl-10 ta’ Diċembru 2008, Forta ressqet talba għal awtorizzazzjoni sabiex torganizza u topera magni tal-logħob b’rebħ limitat fit-territorju tar-reġjun ta’ Pomorskie. Din it-talba, li inizjalment kienet tirrigwarda 112-il post ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat, finalment tikkonċerna 80 post. B’deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2010, ikkonfermata b’deċiżjoni ulterjuri tad-19 ta’ April 2010, id-DICG ikkonstata, skont l-Artikolu 129(2) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li ma kienx għad hemm lok li titkompla l-proċedura inkwistjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni titlob li jintemmu proċeduri mibdija u li baqgħu mhux konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi l-ġdida li jikkonċernaw it-talbiet ta’ awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat jew magni tal-logħob organizzati fi swali tal-magni tal-logħob ippreżentati skont il-liġi dwar il-logħob u l-imħatri.

19

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw, kull waħda minnhom, rikors quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku (qorti amministrattiva tar-reġjun ta’ Gdańsku) kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom, billi sostnew li d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard ma jistgħux jiġu invokati mill-amministrazzjoni insostenn tad-deċiżjonijiet tagħha, peress li din il-liġi ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, minkejja li hija tinkludi “regolamenti tekniċi” fis-sens tad-Direttiva 98/34. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu wkoll li r-restrizzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-operat tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat li jirriżultaw minn din il-liġi jwasslu għal restrizzjoni kbira għall-kummerċ ta’ dan it-tagħmir fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-projbizzjoni li jiġu emendati jew imġedda awtorizzazzjonijiet preċedenti, kif ukoll il-projbizzjoni li jinħarġu awtorizzazzjonijiet ġodda għall-operat ta’ dan it-tagħmir prattikament ineħħu kull skop ta’ dawn tal-aħħar.

20

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi f’dak li jikkonċerna l-logħob tal-ażżard tippermettilha tevalwa b’mod awtonomu l-kompatibbiltà tal-iskema li tirriżulta mil-liġi dwar il-logħob tal-ażżard ma’ dawn il-libertajiet. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jistgħux jiġu invokati kontra individwu, meta ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

21

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

Fil-Kawża C-213/11:

“L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva [98/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” li l-abbozz tiegħu għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva jkopri dispożizzjoni legali li tipprojbixxi l-emenda ta’ awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta’ magni tal-logħob [...] b’rebħ limitat sa fejn tikkonċerna l-post fejn ikunu installati dawn il-magni?”

Fil-Kawża C-214/11:

“L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva [98/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” li l-abbozz tiegħu għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad Direttiva jkopri dispożizzjoni legali li tipprojbixxi l-estensjoni [t-tiġdid] ta’ awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta’ magni tal-logħob [...] b’rebħ limitat?”

Fil-Kawża C-217/11:

“L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva [98/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni ta’ liġi li tipprojbixxi l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonjiet relatati mal-attivitajiet ta’ [magni tal-logħob b’rebħ limitat] taqa’ taħt ‘regolamenti tekniċi’ li l-abbozzi tagħhom għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva?”

22

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2011, il-Kawżi C-213/11, C-214/11 u C-217/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

23

Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li jista’ jkollhom bħala effett li jillimitaw, jew saħansitra jirrendu progressivament impossibbli, l-operat tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat f’postijiet oħra għajr il-casinos u s-swali tal-logħob, jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom jiġu kkomunikati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

24

B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżuri li jipprojbixxu l-użu tal-logħob elettriku, elettromekkaniku u elettroniku kollu, fil-postijiet pubbliċi u privati kollha, bl-eċċezzjoni tal-casinos, għandhom jiġu kklassifikati bħala regolamenti tekniċi fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-65/05, Ġabra p. I-10341, punt 61).

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, miżura, bħalma huwa l-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li tirriżerva l-organizzazzjoni ta’ magni tal-logħob biss għall-casinos, għandha tiġi kklassifikata bħala “regolament tekniku” fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

26

Fid-dawl ta’ din il-preċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 98/34 għandha bħala għan li tħares il-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa wieħed mis-sisien tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ kontroll preventiv, u dan il-kontroll huwa utli inkwantu regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, minħabba li dawn l-ostakoli ma jistgħux jiġu ammessi ħlief jekk meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti kundizzjonijiet essenzjali biex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C-194/94, Ġabra p. I-2201, punti 40 u 48; tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia, C-303/04, Ġabra p. I-7865, punt 22, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz, C-361/10, Ġabra p. I-5079, punt 10).

27

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jirriżulta li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri — minbarra l-kategorija tar-regolamenti rigward is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, fis-sens tal-punti 2 u 5 ta’ dan l-Artikolu 1, li madankollu ma hijiex ikkonċernata fil-kawżi prinċipali peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw tagħmir ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat inkwantu “prodotti”, fis-sens tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 1 — tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-“ispeċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, fit-tieni lok, “ħtiġiet oħra” kif iddefiniti fil-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, u fit-tielet lok, il-projbizzjoni tal-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott prevista fil-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva (ara s-sentenzi tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C-267/03, Ġabra p. I-3247, punt 54; tat-8 ta’ Novembru 2007, Schwibbert, C-20/05, Ġabra p. I-9447, punt 34, kif ukoll Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11).

28

Għandu jiġi speċifikat, qabel kollox, li, sabiex miżura nazzjonali taqa’ taħt l-ewwel kategorija ta’ regolamenti tekniċi msemmija fil-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, jiġifieri taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”, din il-miżura għandha tirreferi neċessarjament għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu inkwantu tali u għaldaqstant tistabbilixxi waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (ara s-sentenza Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

29

Biżżejjed jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jirrigwardaw l-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat. Huma ma jirreferux għat-tagħmir ta’ logħob b’rebħ limitat jew għall-imballaġġ tagħhom inkwantu tali, u ma jistabbilixxux, għaldaqstant, il-karatteristiċi ta’ dawn.

30

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinkludux speċifikazzjonijiet tekniċi fis-sens tad-Direttiva 98/34.

31

Imbagħad, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tielet kategorija ta’ regolamenti tekniċi msemmija fil-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, rigward projbizzjoni b’mod partikolari tal-użu, tippresupponi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni għandhom portata li tmur biċ-ċar lil ’hinn minn limitazzjoni ta’ ċerti forom ta’ użu possibbli tal-prodott inkwistjoni u ma humiex limitati biss għal sempliċi restrizzjoni tal-użu tal-imsemmi prodott.

32

Fil-fatt, it-tielet kategorija tirreferi b’mod iktar partikolari għal miżuri nazzjonali li ma jippermettu l-ebda użu ħlief wieħed purament marġinali li jista’ b’mod raġonevoli jkun mistenni mill-prodott ikkonċernat (is-sentenza Lindberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

33

F’dan ir-rigward, minkejja li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jinvolvu ċertament projbizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-ħruġ, it-tiġdid u l-emenda tal-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 129(1) ta’ din il-liġi, l-attivitajiet kollha tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat eżerċitati abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi jitwettqu, mill-entitajiet li għalihom huma nħarġu, skont id-dispożizzjonijiet preċedenti sakemm jiskadu dawn l-awtorizzazzjonijiet.

34

B’dan il-mod, tali dispożizzjoni tippermetti t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-attività ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat u, għaldaqstant, l-użu tat-tagħmir ta’ tali logħob, wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard. Għandu jiġi kkonstatat li, f’kuntest bħal dan, id-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri nazzjonali li ma jippermettu l-ebda użu ħlief wieħed purament marġinali tat-tagħmir ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat.

35

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, il-miżuri nazzjonali kkonċernati għandhom jikkostitwixxu “kundizzjonijiet” li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, in-natura jew it-tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lindberg, punt 72, kif ukoll Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz, punt 20).

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard jimponu kundizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw it-tqegħid fis-suq tat-tagħmir ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat. Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-ħruġ, tat-tiġdid jew tal-emenda tal-awtorizzazzjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat barra mill-casinos hija tali li taffettwa direttament il-kummerċ tat-tagħmir ta’ logħob b’rebħ limitat.

37

F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali projbizzjonijiet, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja de jure għall-użu tat-tagħmir ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat, jistgħux jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv in-natura jew it-tqegħid fis-suq ta’ dan it-tagħmir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

38

Waqt il-verifiki li għandhom għaldaqstant jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, din għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li t-tnaqqis tal-postijiet awtorizzati ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat huwa akkumpanjat b’limitazzjoni tan-numru massimu ta’ casinos kif ukoll tat-tagħmir ta’ logħob li jista’ jintuża fihom.

39

Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk it-tagħmir ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat jistax jiġi pprogrammat jew ipprogrammat mill-ġdid sabiex jintuża f’casinos inkwantu tagħmir ta’ logħob tal-ażżard li jippermetti rebħ ta’ valur ogħla u għaldaqstant jinvolvi riskju ikbar ta’ dipendenza tal-persuna li tuża l-logħob.

40

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, li jista’ jkollhom bħala effett li jillimitaw, jew saħansitra jirrendu progressivament impossibbli, l-operat tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat f’postijiet oħra għajr il-casinos u s-swali tal-logħob, jistgħu jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom jiġu kkomunikati bil-mod previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, sakemm jiġi stabbilit li l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu kundizzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv in-natura jew it-tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali, bħalma huma dawk tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard (ustawa o grach hazardowich), tad-19 ta’ Novembru 2009, li jista’ jkollhom bħala effett li jillimitaw, jew saħansitra jirrendu progressivament impossibbli, l-operat tal-magni tal-logħob b’rebħ limitat f’postijiet oħra għajr il-casinos u s-swali tal-logħob, jistgħu jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom jiġu kkomunikati bil-mod previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, sakemm jiġi stabbilit li l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu kundizzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv in-natura jew it-tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.