SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
17 ta’ Jannar 2013 ( *1 )
“Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi fis-suq intern — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għal awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jiġu mħabbra sejls”
Fil-Kawża C-206/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura
Georg Köck
vs
Schutzverband gegen unlauteren Wettbewerb,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M.M. Ilešič, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Safjan, (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal M. Köck, minn E. Kroker, avukat, |
|
— |
għal Schutzverband gegen unlauteren Wettbewerb, minn M. Prunbauer, avukat, |
|
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u G. Kunnert, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u S. Grünheid, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 5(5) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Köck u s-Schutzverband gegen unlauteren Wettbewerb (Unjoni ta’ Protezzjoni kontra l-Kompetizzjoni Żleali) fir-rigward tat-tħabbir, min-naħa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ “likwidazzjoni totali” tal-prodotti tiegħu kif ukoll ta’ sales relatati magħhom, li twettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel neċessarja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 8 u 17 tad-Direttiva jipprovdu:
[...]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: [...]
[...]
[...]” |
|
6 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott. 2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt. [...]” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi: “1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti. 2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
3. Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment. 4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
5. Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.” |
|
8 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi. Dawn il-mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu l-prattiċi kummerċjali żleali, inklużi l-kompetituri, jistgħu:
[...] 2. Taħt id-dispożizzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, fil-każijiet fejn jikkunsidraw li tali miżuri huma meħtieġa wara li jittieħed kont ta’ l-interessi kollha involuti u b’mod partikolari ta’ l-interess pubbliku:
3. L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:
Meta s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2 jiġu eżerċitati esklussivament minn awtorità amministrattiva, għandhom dejjem jiġu mogħtija r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, f’dan il-każ, għandhom jiġu previsti proċeduri li permezz tagħhom l-eżerċizzju skorrett jew inġustifikat mill-awtorità amministrattiva tas-setgħat tagħha jew in-nuqqas skorrett jew inġustifikat ta’ l-eżerċizzju ta’ l-imsemmija setgħat jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.” |
|
9 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu nfurzati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” |
|
10 |
L-Anness I tad-Direttiva jelenka l-prattiki kummerċjali li huma kkunsidrati żleali f’kull ċirkustanza billi jagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-prattiki segwenti: “[...]
[...]
[...]
[...]” |
Id-dritt Awstrijak
|
11 |
Skont l-Artikolu 33a tal-Liġi kontra l-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“UWG”): “(1) Kull tħabbir pubbliku jew kull kommunikazzjoni indirizzati lil numru kbir ta’ persuni li jwasslu li wieħed jemmen li teżisti l-intenzjoni ta’ bejgħ bl-imnut u b’mod aċċelerat ta’ kwantità kbira ta’ prodotti, għandhom jitqiesu bħala tħabbir ta’ sejl ta’ likwidazzjoni fis-sens tal-liġi Federali preżenti meta dawn ikunu ta’ natura li jwasslu lil wieħed jemmen li jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jġagħlu lill-professjonist li jbigħ malajr u li huwa għal din ir-raġuni li dan jipproponi l-prodotti tiegħu taħt kundizzjonijiet jew bi prezzijiet partikolarment vantaġġużi. […] (2) Madankollu, ma jidħlux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 33a sa 33e l-avviżi u l-komunikazzjonijiet dwar sejls tal-aħħar tal-istaġun, sejls ta’ tbattil ta’ stokks staġjonali, sejls ta’ likwidazzjoni minħabba waqfien ta’ negozju u simili, kif ukoll dwar bejgħ speċjali tas-soltu għal sezzjoni ta’ negozju jew għal perijodu tas-sena (bħalma huma l-‘ġimgħa ta’ ferjat’ jew il-‘ġimgħa tal-ilbies’). (3) Il-punt 7 tal-Anness ma huwiex affettwat minn dan kollu.” |
|
12 |
Il-punt 7 tal-Anness ta’ din il-Liġi jirriproduċi, mingħajr ebda tibdil, il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva. |
|
13 |
L-Artikolu 33b tal-UWG jipprovdi: “L-avviż ta’ sejl ta’ likwidazzjoni huwa legali biss jekk tinkiseb awtorizzazzjoni mill-amministrazzjoni tad-distrett tal-post tal-bejgħ. L-applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi ppreżentata bil-miktub u għandha tinkludi l-informazzjoni segwenti: 1. il-kwantità, in-natura u l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti li għandhom jinbigħu; 2. il-post preċiż tas-sejl ta’ likwidazzjoni; 3. il-perijodu li matulu l-bejgħ ikun previst; 4. ir-raġunijiet li minħabba fihom is-sejl ta’ likwidazzjoni jrid isir, bħalma huma l-mewt tal-professjonist, il-waqfien ta’ negozju jew it-tneħħija ta’ ċertu tip ta’ prodotti, it-trasferiment tan-negozju, inċident, eċċ.; [...]”. |
|
14 |
L-Artikolu 33c tal-UWG jipprovdi: “(1) Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni, l-amministrazzjoni tad-distrett għandha tistieden lill-kamra tal-kummerċ tal-Land tal-post tal-bejgħ tagħmel rapport fi żmien ġimagħtejn. (2) L-amministrazzjoni tad-distrett trid tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni fi żmien xhar minn meta din tiġi rċevuta. (3) L-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda fin-nuqqas ta’ raġunijiet, fis-sens tal-Artikolu 33b, punt 4, jew meta ma jkunx previst li l-bejgħ ser ikun imġabbar għal perijodu kontinwu. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta l-bejgħ isir matul il-perijodu mill-bidu tal-ġimgha ta’ qabel l-aħħar ġimgħa ta’ qabel l-Għid sal-Pentekoste, mill-15 ta’ Novembru sal-Milied jew idum għal iktar minn sitt xhur sakemm ma jkunx hemm il-mewt tal-professjonist, inċidenti jew każijiet oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Jekk l-impriża ma tkunx ilha teżisti għal iktar minn tliet snin sħaħ, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss fil-każ tal-mewt tal-professjonist, fil-każ ta’ inċident jew f’każijiet rilevanti oħra. [...]” |
|
15 |
L-Artikolu 33d tal-UWG jipprovdi: “(1) Kull avviż ta’ sejl ta’ likwidazzjoni għandu jsemmi r-raġunijiet ta’ bejgħ ta’ malajr, il-perijodu li matulu l-bejgħ għandu jsir, kif ukoll indikazzjoni ġenerali tal-prodotti mpoġġija għall-bejgħ. Din l-informazzjoni trid tikkorrispondi għal dik tal-awtorizzjazzjoni amministrattiva. (2) Ma għandu jsir l-ebda avviż ta’ sejl ta’ likwidazzjoni wara li jiskadi l-perijodu tal-bejgħ indikat fl-awtorizzazzjoni amministrattiva. (3) Matul il-perijodu ta’ bejgħ imsemmi fl-awtorizzazzjoni amministrattiva, il-bejgħ tal-prodotti msemmija fl-avviż jista’ jsir biss fil-limiti tal-kwantijiet previsti mill-awtorizzazzjoni. Kwalunkwe mili mill-ġdid tal-istokk ta’ prodotti ta’ dawn il-kategoriji huwa pprojbit. [...]” |
|
16 |
Skont l-Artikolu 34(3) tal-UWG: “Kull persuna li tikser d-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni preżenti għandha tkun suġġetta, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ proċeduri kriminali, għal azzjoni għal waqfien u għad-danni. Din l-azzjoni tista’ tiġi eżerċitata biss permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji ordinarji […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
17 |
G. Köck, negozjant stabbilit f’Innsbruck (l-Awstrija), f’gazzetta ħabbar “likwidazzjoni totali” tal-prodotti tal-ħanut tiegħu u rriklamahom ukoll quddiem l-imsemmi ħanut permezz ta’ pannelli u ta’ stikers. Minbarra l-kliem “likwidazzjoni totali” huwa uża wkoll espressjonijiet bħal “Kollox irid jitlaq” u “sejls sa 90 %”. G. Köck ma kienx applika għal awtorizzazzjoni mill-amministrazzjoni tad-distrett (Bezirksverwaltungsbehörde) biex iħabbar l-imsemmi sejl ta’ likwidazzjoni. |
|
18 |
Peress li qieset li r-reklam ta’ G. Köck kien jikkostitwixxi “tħabbir ta’ sejl ta’ likwidazzjoni” fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u li kien jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 33a et seq tal-UWG, peress li ma kienx is-suġġett ta’ awtorizzazjoni amministrattiva minn qabel, is-Schutzverband gegen unlauteren Wettbewerb ressqet azzjoni għal waqfien u għal pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja quddiem il-Landesgericht Innsbruck. |
|
19 |
Peress li din l-azzjoni ġiet miċħuda, is-Schutzverband gegen unlauteren Wettbewerb appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Innsbruck. Din il-qorti tal-aħħar ħarġet digriet għal miżuri provviżorji fejn laqgħet it-talba tal-appellanti. |
|
20 |
G. Köck appella (“Revisionsrekurs”) minn dan id-digriet tal-Oberlandesgericht Innsbruck quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
21 |
Minn naħa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-proċedura ġudizzjarja fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-kwistjoni ta’ jekk G. Köck għandux awtorizzazzjoni xierqa maħruġa minn awtorità amministrattiva. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-istħarriġ tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali huwa ttrasferit mill-qrati lill-awtoritajiet amministrattivi, madankollu bla ħsara għall-fatt li l-imsemmija prattika tista’ tkun żleali “f’kull ċirkostanza” fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li, skont id-Direttiva, projbizzjoni ġudizzjarja ta’ prattika kummerċjali tista’ tiġi kkunsidrata ammissibbli biss fil-każ fejn id-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva f’dan ir-rigward tkun hija nnifisha tosserva r-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva. |
|
23 |
Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikoli 3(1) u 5(5) tad-Direttiva […] jew dispożizzjonijiet oħra [tagħha], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-tħabbir ta’ bejgħ ta’ likwidazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-amministrazzjoni kompetenti huwa illegali u għalhekk għandu jiġi pprojbit fil-kuntest ta’ proċeduri legali, mingħajr ma jkun neċessarju li l-qorti li quddiemha jitressqu l-proċeduri tivverifika jekk tali prassi kummerċjali hijiex qarrieqa, aggressiva jew inkella żleali.” |
Fuq id-domanda preliminari
|
24 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lil qorti nazzjonali milli tordna l-waqfien ta’ prattika kummerċjali biss minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-amministrazzjoni kompetenti, mingħajr madankollu ma tevalwa hija stess in-natura qarrieqa tal-imsemmija prattika. |
|
25 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk prattika kummerċjali, bħat-tħabbir ta’ sejl ta’ likwidazzjoni msemmi fl-Artikolu 33a(1) tal-UWG, tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva u hija, għalhekk, suġġetta għad-dispożizzjonijiet previsti f’din tal-aħħar. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, Ġabra p. I-10909, punt 17). |
|
27 |
Issa, reklamar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonċerna l-bejgħ ta’ merkanzija lill-konsumaturi b’kundizzjonijiet u bi prezzijiet vantaġġużi, jifforma evidentement parti mill-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huwa direttament intiż għall-promozzjoni u l-bejgħ ta’ din il-merkanzija. Minn dan isegwi li dan jikkostitwixxi “prattiċi kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva u jaqa’, konsegwentement, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. |
|
28 |
Ladarba dan huwa stabbilit, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal Artikoli 33b u 34(3) tal-UWG, jistgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva minħabba l-għanijiet imfittxija minnhom. |
|
29 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-premessa 8 tad-Direttiva, din id-direttiva “tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur” u tiżgura, kif jipprovdi b’mod partikolari l-Artikolu 1 tad-Direttiva, “livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi” (digriet tal-4 ta’ Ottubru 2012, Pelckmans Turnhout, C-559/11, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Kif jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biss dawk il-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiki kummerċjali żleali li jippreġudikaw “[biss]” l-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li jikkonċernaw tranżazzjoni bejn professjonisti (sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). |
|
31 |
Fil-kawża prinċipali, kif osservat il-qorti tar-rinviju, it-“tħabbir ta’ sejl ta’ likwidazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 33a(1) tal-UWG, dispożizzjoni applikata fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jikkostitwixxi “prattika kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva. L-imsemmija qorti għalhekk impliċitament tammetti, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, li din id-dispożizzjoni hija intiża għall-protezzjoni tal-konsumaturi u mhux biss għall-protezzjoni tal-kompetituri u ta’ atturi oħra fis-suq. |
|
32 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 33b tal-UWG jipprovdi li t-tħabbir ta’ sejl ta’ likwidazzjoni huwa legali biss jekk dan ikun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. Dan jelenka wkoll l-elementi li għandhom jiġu prodotti flimkien mal-applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni. L-Artikolu 34(3) ta’ din il-liġi jipprovdi, min-naħa tiegħu, li kull nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 33a sa 33d tal-UWG jista’ jagħti lok għal azzjoni għal waqfien u, fil-każ ta’ tort, għal azzjoni għad-danni. |
|
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikoli 33b u 34(3) tal-UWG, b’rabta mal-Artikolu 33a(1) tal-UWG, li jipprojbixxu, taħt piena ta’ sanzjoni, prattika kummerċjali li ma ġietx awtorizzata, jikkostitwixxu miżuri li huma intiżi li jiġġieldu l-prattiki kummerċjali żleali fl-interess tal-konsumaturi u, għaldaqstant, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. |
|
34 |
Ladarba dan huwa stabbilit, hemm lok li jiġi vverifikat jekk id-Direttiva tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-uniċi prattiki kummerċjali li jistgħu jiġu kkunsidrati, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala żleali mingħajr ma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva huma dawk imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva. Konsegwentement, prattika li ma hijiex koperta minn dan l-Anness tista’ tiġi ddikjarata żleali biss wara eżami tan-natura żleali tagħha skont il-kriterji stabbiliti fl-imsemmija Artikoli 5 sa 9 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C-304/08, Ġabra p. I-217, punti 41 sa 45, kif ukoll Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 sa 34). |
|
36 |
Issa, prattika kummerċjali li tikkonsisti fit-tħabbir ta’ sejl ta’ likwidazzjoni, kif previst fl-Artikolu 33a(1) tal-UWG, implementata minn professjonist li ma għandux awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti li tippermettilu jagħmel dan, ma tistax titqies, bħala tali, li taqa’ taħt il-prattiki elenkati fl-Anness I tad-Direttiva. |
|
37 |
Fost il-prattiki meqjusa żleali f’kull ċirkustanza, elenkati f’dan l-Anness, għandhom jiġu kkunsidrati l-ewwel dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jistgħu potenzjalment ikunu rilevanti u li għalihom għamlu riferiment il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
38 |
Fil-punt 4 tal-imsemmi Anness tissemma l-prattika “[f]ejn il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiċi kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini ta’ l-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni”. |
|
39 |
L-imsemmi punt ma jipprovdix projbizzjoni ġenerali tal-prattiki kummerċjali li ma kinux is-suġġett ta’ awtorizzazjoni mogħtija minn korp kompetenti. Bil-kontra ta’ dan, dan il-punt jirrigwarda l-każijiet speċifiċi fejn, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tagħha, il-leġiżlazzjoni applikabbli tistabbilixxi ċerti rekwiżiti b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità ta’ professjonist jew tal-prodotti tiegħu u tipprovdi, f’dan ir-rigward, sistema ta’ approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni. |
|
40 |
Bl-istess mod, it-tħabbir ta’ sejl ta’ likwidazzjoni magħmul mingħajr ma wieħed ma jkollu l-awtorizzazzjoni xierqa minn qabel lanqas ma jista’ jitqies li jaqa’ taħt il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva u jiġi kkunsidrat bħala dikjarazzjoni falza li tagħti lill-konsumaturi x’jifhmu li l-prodott ikkonċernat “sejjer ikun disponibbli biss għal żmien limitat ħafna, jew li sejjer ikun disponibbli biss taħt kondizzjonijiet partikolari għal żmien limitat ħafna sabiex iqanqal deċiżjoni immedjata u jċaħħad lill-konsumaturi mill-opportunità jew miż-żmien suffiċjenti sabiex jagħmlu għażla informata”. |
|
41 |
Lanqas il-punt 15 tal-istess Anness ma huwa applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan il-punt jikkonċerna prattika “[f]ejn il-kummerċjant isostni li dalwaqt sejjer jieqaf mill-kummerċ jew ibiddel il-post tal-kummerċ meta ma jkunx sejjer jagħmel dan”. Madankollu, fil-kawża prinċipali, ma hemmx inkwistjoni prattika bħal dik imsemmija fl-imsemmi punt 15 iżda prattika kummerċjali implementata mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-amministrazzjoni kompetenti. |
|
42 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-avviż ta’ sejl ta’ likwidazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 33a(1) tal-UWG, implementat minn professjonist li ma għandux awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jagħmel dan, sa fejn dan ma huwiex kopert mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Anness, ma jistax jitqies, bħala tali, żleali f’kull ċirkustanza. |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza tmurx kontra s-sistema stabbilita mid-Direttiva. |
|
44 |
Din tal-aħħar tħalli lill-Istati Membri, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 55 tal-konklużjonijiet tagħha, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-miżuri nazzjonali intiżi sabiex jiġġieldu, skont l-Artikoli 11 sa 13 tad-Direttiva, kontra l-prattiki kummerċjali żleali, b’mod partikolari bil-kundizzjoni li dawn ikunu xierqa u effiċjenti u li s-sanzjonijiet li huma jipprovdu jkunu effettivi, proporzjonali u disważivi. |
|
45 |
Peress li kontroll bil-quddiem jew preventiv min-naħa tal-Istat Membru jista’ jkun, f’ċerti ċirkustanzi, iktar xieraq minn kontroll li jsir wara li jordna l-waqfien ta’ prattika kummerċjali diġà implementata jew li ser tiġi implementata dalwaqt, dawn il-miżuri nazzjonali jistgħu jikkonsistu, fost l-oħrajn, fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, taħt piena ta’ sanzjonijiet, ta’ ċerti prattiki li n-natura tagħhom teżiġi, sabiex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali, tali kontroll. |
|
46 |
Madankollu, ir-riżultat tas-sistema prevista mill-imsemmija miżuri nazzjonali, peress li jikkostitwixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva, ma jistax ikun il-projbizzjoni ta’ prattika kummerċjali biss għar-raġuni li l-imsemmija prattika ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-amministrazzjoni kompetenti, mingħajr ma din ma tiġi suġġetta għal evalwazzjoni tan-natura żleali tagħha. |
|
47 |
Minn naħa, id-Direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-kontroll, fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-Direttiva, ta’ prattika kummerċjali mhux imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. |
|
48 |
Min-naħa l-oħra, is-sistema stabbilita mid-Direttiva ma tistax tiġi rikonċiljata ma leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-imsemmija prattika kummerċjali tiġi suġġetta għall-eżami tan-natura żleali tagħha biss wara l-projbizzjoni prevista għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel, peress li b’hekk din il-prattika titlef, minħabba n-natura tagħha u b’mod partikolari minħabba l-fattur ta’ żmien inerenti għaliha, kull sens ekonomiku għall-professjonist. |
|
49 |
Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti twassal sabiex tiġi stabbilita projbizzjoni ġenerali tal-prattiki kummerċjali implementati fil-kuntest ta’ sistema partikolari, filwaqt li n-natura eventwalment żleali tagħhom tkun għadha lanqas biss ma ġiet evalwata, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, abbażi tal-kriterji previsti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva. |
|
50 |
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lil qorti nazzjonali milli tordna l-waqfien ta’ prattika kummerċjali mhux koperta mill-Anness I tad-Direttiva biss minħabba l-fatt li l-imsemmija prattika ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-amministrazzjoni kompetenti, mingħajr madankollu ma tevalwa hija stess in-natura żleali tal-prattika kkonċernata fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lil qorti nazzjonali milli tordna l-waqfien ta’ prattika kummerċjali mhux koperta mill-Anness I ta’ din id-direttiva biss minħabba l-fatt li l-imsemmija prattika ma kinitx is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-amministrazzjoni kompetenti, mingħajr madankollu ma tevalwa hija stess in-natura żleali tal-prattika kkonċernata fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmija direttiva. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.