SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Applikazzjonijiet għall-ażil — Direttiva 2003/9/KE — Standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Obbligu li jiġu ggarantiti lill-applikanti għall-ażil il-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza matul it-tul tal-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura mill-Istat Membru responsabbli — Determinazzjoni tal-Istat Membru li fuqu jaqa’ l-obbligu tal-piż finanzjarju tal-kundizzjonijiet minimi”

Fil-Kawża C-179/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2011, fil-proċedura

Cimade,

Groupe d’information et de soutien des immigrés (GISTI)

vs

Ministre de l’Intérieur, de l’Outre-mer, des Collectivités territoriales et de l’Immigration,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur) u E. Jarašiūnas,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għaċ-Cimade, minn P. Peugeot, President tagħha, u P. Spinosi, avukat,

għall-Groupe d’information u de soutien des immigrés (GISTI), minn P. Peugeot u C. Pouly, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-S. Pilczer kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki u L. Kotroni, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Gerardis, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

għall-Gvern Svizzeru, minn J. de Watteville, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil [fl-Istati Membri] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101) u, b’mod partikolari, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn iċ-Cimade u l-Groupe d’information et de soutien des immigrés (GISTI) kontra l-Ministeru tal-Intern, għat-Territorji extra-Ewropej, tal-Kollettivitajiet Territorjali u tal-Immigrazzjoni rigward il-legalità ta’ ċirkolari interministerjali tat-3 ta’ Novembru 2009 dwar l-allowance temporanja ta’ stennija (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari tat-3 ta’ Novembru 2009”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/9

3

Il-premessi 5, 7 u 8 tad-Direttiva 2003/9 huma miktuba kif ġej:

“(5)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta ta’ Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. [iktar ’il quddiem il-“Karta”]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjita tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 18 tal-Karta msemmija.

[…]

(7)

Standards minimi għar-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil li normalment għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta’ ħajja dinjituż u kondizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha għandhom ikunu preskritti.

(8)

L-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għar-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil għandha tgħin biex tillimita movimenti sekondarji ta’ min ifittex ażil influwenzati mill-varjetà ta’ kondizzjonijiet għar-rakoljenza tagħhom.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-“l-għan [...] huwa li tippreskrivi standards minimi għar-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fi Stati Membri”.

5

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘applikazzjoni għall-ażil’ għandha tfisser applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat li tista’ tinftiehem bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [tat-28 ta’ Lulju 1951, dwar l-Istatut tar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Genève’)]. Kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta li tkun applikazzjoni għal ażil, ħlief jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat espliċitement jitlob protezzjoni ta’ xorta oħra li tista’ ssir applikazzjoni għaliha separatament;

ċ)

‘applikant’ jew ‘min ifittex ażil’ għandha tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li għamel applikazzjoni għal ażil li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħdittx;

[…]

i)

‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza’ għandha tfisser is-sett sħiħ ta’ miżuri li Stati Membri jagħtu lil min ifittex ażil skond din id-Direttiva;

j)

‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali’ għandha tfisser kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vouchers, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum;

[…]”

6

Taħt it-titolu “Skop”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/9 jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat kollha li jagħmlu applikazzjoni għal ażil fil-konfini jew fit-territorju ta’ Stat Membru għaż-żmien kollu li huma permessi joqgħodu fit-territorju bħala min ifittex ażil, kif ukoll għal membri tal-familja, jekk huma koperti minn applikazzjoni għal ażil tali skond il-liġi nazzjonali.”

7

Taħt it-titolu “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u kura tas-saħħa”, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/9 jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

[...]”

8

L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet ta’ akkoljenza” huwa miktub kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew jirtiraw kondizzjonijiet ta’ akkoljenza fil-każijiet li ġejjin:

a)

fejn min ifittex ażil:

jabbanduna l-post ta’ residenza ddeterminat mill-awtorita kompetenti mingħajr ma jinformaha jew, jekk mitluba, mingħajr permess, jew

ma jikkonformax ruħu ma’ doveri ta’ rrapportar jew ma’ talbiet biex jipprovdi informazzjoni jew jidher għal intervisti personali dwar il-proċedura ta’ ażil matul perjodu raġonevoli stabbilit mil-liġi nazzjonali, jew

ikun diġa ddepożita applikazzjoni fl-istess Stat Membru.

Meta l-applikant jinstab jew jirrapporta volontarjament lill-awtorita kompetenti, deċiżjoni dovutement immotivata, ibbażata fuq ir-raġunijiet tal-għajbien, għandha tittieħed dwar installazzjoni mill-ġdid tal-għotja ta’ xi kondizzjonijiet ta’ akkoljenza jew kollha kemm huma;

b)

fejn l-applikant ikun ħeba riżorsi finanzjarji u għalhekk ikun ibbenefika b’mod illeċitu minn kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali.

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrfjutaw kondizzjonijiet f’każijiet fejn min ifittex ażil ikun naqas li juri li t-talba għal ażil kienet saret malajr kemm jista’ jkun raġonevolment prattiku wara l-wasla f’dak l-Istat Membru.

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni negattiva.”

Ir-Regolament (KE) Nru 343/2003

9

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.”

10

L-Artikolu 2 tal-istess regolament jagħti definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “applikazzjoni għall-ażil” u ta’ “applikant” jew “min ifittex l-ażil” fejn il-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-istess kunċetti li jinsabu fid-Direttiva 2003/9. Minbarra dan l-Artikolu 2 jiddefinixxi t-termini li ġejjin:

“e)

‘eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-ażil mill-awtoritajiet kompetenti skond l-liġi nazzjonali ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skond dan ir-Regolament;

[…]

j)

‘dokument ta’ residenza’ tfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz biex joqgħod fit-territorju tiegħu, inklużi d-dokumenti li jissostanzjaw l-awtorizzazzjoni biex jibqgħu fit-territorju taħt arranġamenti ta’ protezzjoni temporanja jew sakemm iċ-ċirkostanzi li jimpedixxu ordni ta’ tneħħija milli tkun eżegwita ma japplikawx iktar, ħlief viżas u awtorizzazzjonijiet maħruġa matul il-perjodu rekwiżit biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli kif stabbilit f’din id-deċiżjoni jew matul eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil jew applikazzjoni għal permess ta’ residenza;

[…]”

11

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 343/2003, li jinsab fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Prinċipji ġenerali” jipprovdi fl-Artikolu 3(1):

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.”

12

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li wkoll jagħmel parti mill-Kapitolu II tiegħu:

“1.   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

2.   Applikazzjoni għall-ażil għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant għall-ażil jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat.Fejn applikazzjoni ma tintgħamilx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.

[…]

4.   Fejn applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata għand l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru minn applikant li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, id-determinazzjoni ta’ l-Istat Membru reponsabbli għandha tintgħamel mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-applikant ikun preżenti. L-Istat Membru ta’ l-aħħar għandu jkun infurmat mingħajr dewmien mill-Istat Membru li jkun irċieva l-applikazzjoni u mbagħad għandu, għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ikun ikkonsidrat bħala l-Istat Membru fejn l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata.

L-applikant għandu jkun infurmat bil-miktub b’dan it-trasferiment u bid-data li fiha sar.

5.   Persuna tfittex l-ażil li hija preżenti fi Stat Membru ieħor u hemm tiddepożita applikazzjoni għall-ażil wara li tirtira l-applikazzjoni tagħha matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandha tittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

Dan l-obbligu għandu jieqaf, jekk il-persuna tfittex l-ażil tkun sadattant telqet mit-territorji ta’ l-Istat Membru għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur jew tkun kisbet dokument ta’ residenza mill-Istat Membru.”

13

Il-Kapitolu V tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi regoli ddettaljati dwar it-teħid ta’ inkarigu u teħid lura tal-applikant għall-ażil. L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament jippreċiża:

“1.   L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

a)

jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 17 sa 19, ta’ persuna tfittex l-ażil li tkun iddepożitat applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

b)

itemmu l-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-ażil;

ċ)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess;

d)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, applikant li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor;

e)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess.

2.   Fejn Stat Membru joħroġ dokument ta’ residenza lill-applikant, l-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ttrasferiti lil dak l-Istat Membru.

3.   L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.

4.   L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1(d) u (e) għandhom bl-istess mod jieqfu ladarba l-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni ikun adotta u attwalment implimenta, wara l-irtirar jew ċaħda ta’ l-applikazzjoni, id-disposizzjonijiet li huma meħtieġa qabel iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jmur lejn pajjiżu ta’ oriġini jew lejn pajjiż ieħor li lejh jista’ jivvjaġġa legalment.”

14

L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament jistipula l-proċeduri li għandhom jiġi applikati sabiex Stat Membru ieħor jiġi mġiegħel jieħu inkarigu tal-applikant għall-ażil. L-Artikolu 17(1) u (2) huwa miktub kif ġej:

“1.   Fejn Stat Membru li għandu [k]ienet iddepożitata applikazzjoni għall-ażil jikkonsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu ta’ l-applikant.

Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien perijodu ta’ tliet xhur, ir-responsibilita biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil protezzjoni internazzjonali ï għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

2.   L-Istat Membru li jagħmel it-talba jista’ jitlob tweġiba urġenti f’każijiet fejn l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata wara permess biex jidħol jew jibqa’ kien irrifjutat, wara arrest minħabba qagħda illegali jew wara preżentazzjoni jew eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ tneħħija u/jew fejn il-persuna tfittex l-ażil tkun tinżamm f’detenzjoni.

It-talba għandha tiddikjara ir-raġunijiet li jiġġustifikaw tweġiba urġenti u l-perijodu li fih tweġiba tkun mistennija. Dan il-perijodu għandu jkun għall-inqas ta’ ġimgħa.”

15

Skont l-Artikolu 18 tal-istess regolament:

“1.   L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mid-data li fiha t-talba kienet irċevuta.

[…]

6.   Fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba ikun ġab l-urġenza bħala raġuni, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17(2), l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel kull sforz biex jikkonforma mal-limitu ta’ żmien mitlub.

F’każijiet eċċezzjonali, fejn jista’ jkun muri li l-eżami ta’ talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ikun partikolarment kompless, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jista’ jagħti t-tweġiba wara l-limitu ta’ żmien mitlub, imma f’kull każ fi żmien xahar. F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu li jipposponi tweġiba lill-Istat Membru li jagħmel it-talba fil-limitu ta’ żmien oriġinarjament mitlub.

7.   Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perjodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ riċeviment tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu l-persuna, inklużi l-provvedimenti għal arranġamenti xierqa għal wasla.”

16

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 343/2003, li jipprovdi termini għall-implementazzjoni tat-trasferiment tal-applikant għall-ażil, huwa miktub kif ġej:

“1.   Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.

2.   Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandu jkun fiha d-dettalji tal-limitu ta’ żmien biex ikun eżegwit it-trasferiment u, jekk meħtieġ, għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk ser jivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoi tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan.

3.   It-trasferiment ta’ l-applikant mill-Istat Membru li fih applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għall-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit skond il-liġi nazzjonali ta’ l-ewwel Stat Membru, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, kemm jista’ malajr ikun prattiku, u sa l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba li jittieħed inkarigu jew mid-deċiżjoni fuq appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv.

[…]

4.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur, ir-responsabbilta tkun ta’ l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna tfittex l-ażil jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna tfittex l-ażil tkun ħarbet.

[…]”

17

Il-metodi ta’ teħid lura tal-applikant għall-ażil huma stabbiliti fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, li jiffissa l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-talba għall-finijiet tat-teħid lura tal-applikant għall-ażil, il-kundizzjonijiet li taħthom għandha ssir it-tweġia tagħha, it-terminu ta’ tweġiba u l-metodi li bihom it-trasferiment tal-applikant għall-ażil għandu jseħħ.

Id-Direttiva 2005/85/KE

18

Il-premessa 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168) hija miktuba kif ġej:

“(29) Din id-Direttiva ma tittrattax dwar dawk il-proċeduri li huma regolati mir-Regolament [...] Nru. 343/2003 [...].”

19

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “applikazzjoni għall-ażil” u ta’ “applikant” jew “applikant għall-ażil” li l-kontenut tagħhom jikkorrispondi essenzjalment ma’ dak tal-istess kunċetti li jinsabu fid-Direttiva 2003/9 u fir-Regolament Nru 343/2003. Dan l-Artikolu 2(k) minbarra dan jiddefinixxi t-termini li ġejjin:

“‘tibqa’ fl-Istat Membru’ tfisser li tibqa’ fit-territorju, inklużi l-fruntiera jew iż-żoni ta’ transitu ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-ażil jew li fih tkun qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni.”

20

Taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, l-Artikolu 7 tagħha, intitolat “Id-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru matul iż-żmien li fih tiġi eżaminata l-applikazzjoni”, jipprovdi fl-Artikolu 7(1):

“1. L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet id-deċiżjoni skond il-proċeduri fl-istadju ta’ prim’istanza stabbiliti fil-Kapitolu III. Dan id-dritt ta’ l-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru ma jikkostitwixxix jedd għal permess ta’ residenza.”

21

L-Artikolu 35 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri, konformement mal-prinċipji u mal-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ transitu ta’ l-Istat Membru, dwar l-applikazzjonijiet magħmula f’tali postijiet.

2.   Minkejja dan, meta ma jkunux jeżistu proċeduri kif previst fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu iżommu fis-seħħ, suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u konformement mal-liġijiet u r-regolamenti li jkunu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2005, proċeduri li jidderogaw mill-prinċipji u l-garanziji bażiċi deskritti fil-Kapitolu II, sabiex jiġi deċiż, fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ transitu, jekk jitħallewx jidħlu fit-territorju tagħhom applikanti għall-ażil li jkunu waslu u għamlu applikazzjoni għall-ażil f’tali postijiet.

3.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiżguraw li l-persuni konċernati:

a)

jitħallew jibqgħu fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu ta’ l-Istat Membru, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7;

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1560/2003

22

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), jipprovdi fl-Artikolu 8 tiegħu, intitolat “Koperazzjoni fi trasferimenti”:

“1.   Hija l-obbligazzjoni ta’ l-Istat Membru responsabbli li jħalli t-trasferiment tal-persuna li qed tfittex asil isseħħ malajr kemm jista’ jkun u li jiżguraw li l-ebda ostakli jitqiegħdu fi triqtu. Dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi, meta approprjat, il-lok fuq it-territorju tiegħu li lejh il-persuna li qed tfittex asil se tkun trasferita jew mgħoddija lill-awtoritajiet kompetenti, b’konsiderazzjoni għal restrizzjonijiet ġeografiċi u mezzi ta’ trasport disponibbli lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment. Fl-ebda każ ma tista’ tiġi imposta kondizzjoni li l-iskorta takkumpanja lill-persuna li qed tfittex asil lil hinn mill-post tal-wasla ta’ mezzi ta’ transport internazzjonali użati jew li l-Istat Membru li qed jagħmel it-trasferiment jissodisfa l-ispejjeż tat-trasport lil hinn minn dak il-post.

2.   L-Istat Membru li jkun qed jorganizza t-trasferiment għandu jieħu ħsieb it-trasport għall-persuna li qed tfittex asil u għall-iskorta tiegħu u jiddeċiedi, b’konsultazzjoni ma’ l-Istat Membru responsabbli, fuq il-ħin tal-wasla u, fejn neċessarju, fuq id-dettalji tal-konsenja lill-awtoritajiet kompetenti. L-Istat Membru responsabbli jista’ jeħtieġ li notifika ta’ tlett ijiem utli tkun mogħtija.”

Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE

23

Il-premessa 13 tad-Deċiżjoni 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Mejju 2007, li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE (ĠU L 144, p. 1) hija miktuba kif ġej:

“Din id-Deċiżjoni hija mfassla biex tifforma parti minn qafas koerenti li jinkludi wkoll id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali ‘Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni’, id-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perijodu mill-2007 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali ‘Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni’, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/.../KE ... li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi għall-perijodu mill-2008 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni, li jimmira li jindirizza l-kwistjoni ta’ qsim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-piż finanzjarju li jirriżulta mill-introduzzjoni ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta l-Unjoni Ewropea u mill-implimentazzjoni ta’ linji politiċi komuni dwar l-ażil u l-immigrazzjoni, kif żviluppati skond it-Titolu IV tat-Trattat [KE].”

24

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 573/2007, intitolat “Objettiv ġenerali tal-Fond”

“1.   L-objettiv ġenerali tal-Fond għandu jkun li jappoġġa u jinkoraġġixxi l-isforzi magħmula mill-Istati Membri meta jirċievu u jitgħabbew bil-konsegwenzi tar-riċeviment ta’ refuġjati u persuni spostati, permezz ta’ kofinanzjament ta’ l-azzjonijiet msemmija f’din id-Deċiżjoni, b’kont meħud tal-leġislazzjoni Komunitarja fuq dawn il-materji.

2.   Il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ assistenza teknika fuq l-inizjattiva ta’ l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni.”

25

L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Azzjonijiet eliġibbli fl-Istati Membri”, jipprovdi fl-Artikolu 3(1):

“Il-Fond għandu jappoġġa azzjonijiet fl-Istati Membri relatati ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

a)

kondizzjonijiet ta’ riċeviment u proċeduri ta’ ażil;

[…]”

Id-dritt Franċiż

Il-Kodiċi tad-Dħul u r-Residenza ta’ Barranin u tad-Dritt għall-Ażil

26

Skont l-Artikolu L.723-1 tal-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini Barranin u tad-Dritt għall-Ażil, iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda”:

“L-Uffiċċju (Franċiż ta’ protezzjoni tar-refuġjati u persuni bla Stat, iktar ’il quddiem l-“OFPRA”], jagħti deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-ażil li jitressqu quddiemu. Madankollu huwa ma għandux kompetenza sabiex jagħti deċiżjoni dwar applikazzjoni ppreżentata minn persuna li l-ammissjoni għal residenza tagħha ġiet irrifjutata għall-motiv previst fl-1o tal-Artikolu L.741-4

[…]”

27

L-Artikolu L.741-4 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Bla ħsara għall-osservanza tal-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 33 tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], l-ammissjoni fi Franza ta’ barrani li jitlob li jibbenefika mill-ażil tista’ tiġi rrifjutata biss jekk:

L-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil taqa’ taħt il-kompetenza ta’ Stat ieħor skont dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 343/2003] jew ta’ impenji identiċi għal dawk previsti mill-imsemmi regolament ma’ Stati oħra,

[…]”

28

L-Artikolu L. 742-1 taċ-Ceseda jipprovdi:

“Meta persuna tiġi ammessa sabiex tirrisjedi fi Franza skont dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, il-persuna barranija li titlob li tibbenefika mill-ażil tingħata dokument provviżorju ta’ residenza li jippermettilha li tippreżenta applikazzjoni għall-ażil quddiem l-[OFPRA]. Talba ma tistax tiġi ppreżentata quddiem l-[OFPRA] ħlief wara li jinħareġ dan id-dokument lill-applikant. Wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, l-applikant jingħata dokument provviżorju ġdid ta’ residenza. Dan id-dokument jiġġedded sakemm l-uffiċċju jagħti deċiżjoni u, jekk rikors huwa ppreżentat quddiem il-Qorti nazzjonali tad-dritt għall-ażil, sakemm il-qorti tagħti deċiżjoni.”

Il-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji

29

L-Artikolu L. 348-1 tal-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji jipprovdi li “[j]ibbenefikaw, fuq applikazzjoni tagħhom, mill-għajnuna soċjali sabiex jintlaqgħu fiċ-ċentri ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil il-barrranin li għandhom wieħed mid-dokumenti ta’ residenza msemmija fl-Artikolu L.742-1 taċ-[Ceseda]”.

Il-Kodiċi tax-Xogħol

30

L-Artikolu L 5423-8 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.5423-9, jistgħu jibbenefikaw minn allowance temporanja ta’ stennija [iktar ’il quddiem l-“ATA”].

Iċ-ċittadini barranin li għandhom permess ta’ residenza jew l-irċevuta tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza li jsemmi li huma talbu l-ażil fi Franza u li ppreżentaw applikazzjoni sabiex jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat, jekk huma jissodisjaw il-kundizzjonijiet ta’ età u ta’ riżorsi;

[…]”

31

Skont l-Artikolu L.5423-9 tal-imsemmi kodiċi:

“Ma jistgħux jibbenefikaw mill-[ATA]:

L-applikanti għall-ażil li, wara deċiżjoni ta’ ċaħda li saret definittiva, jippreżentaw applikazzjoni għal eżami mill-ġdid lill-[OFPRA], bl-eċċezzjoni ta’ każijiet umanitarji indikati mill-[OFPRA] fil-kundizzjonijiet previsti permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi;

[…]”

32

L-Artikolu L. 5423-11 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“L-[ATA] titħallas kull xahar, meta jsir iż-żmien, lill-persuni li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva.

Il-ħlas tal-allowance jintemm fi tmiem ix-xahar li jsegwi dak tan-notifika tad-deċiżjoni definittiva li tikkonċerna din l-applikazzjoni.”

Iċ-ċirkolari tat-3 ta’ Novembru 2009

33

Iċ-ċirkolari tat-3 ta’ Novembru 2009, li tikkonċerna l-benefiċjarji tal-ATA, tipprovdi b’mod partikolari fl-ewwel parti tagħha:

“I.

L-applikanti għall-ażil

Skont id-[Direttiva 2003/9], l-ATA hija dħul ta’ sussistenza mħallas lill-applikanti għall-ażil matul it-tul kollha tal-proċedura istruttorja tal-applikazzjoni tagħhom, meta huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin.

I.1.

Il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-ATA

Bla ħsara għall-esklużjonijiet imsemmija fil-punt I.2 u li tiġi żgurata kundizzjoni ta’ riżorsi, jista’ jibbenefika mill-ATA ċ-ċittadin barrani:

li laħaq l-età ta’ tmintax-il sena

li ppreżenta applikazzjoni għall-ażil quddiem l-OFPRA u għandu ittra mill-Uffiċċju li tinfurmah bir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu;

tkun għadha ma tteħdietx deċiżjoni definittiva għall-applikazzjoni għall-ażil mill-OFPRA jew mill-CNDA [Qorti nazzjonali tad-dritt għall-ażil];

għandu permess ta’ residenza jew irċevuta ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza li ssemmi li huwa talab l-ażil fi Franza, din il-kundizzjoni ma tapplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi kkunsidrati bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri [...] u ta’ pajjiżi li għalihom l-Artikolu 1 C 5 tal-Konvenzjoni ta’ Genève ġie implementat, li għalihom l-ittra ta’ reġistrazzjoni tal-OFPRA hija biżżejjed.

[…]

I.2.

Il-kawżi ta’ esklużjoni mill-benefiċċju tal-ATA

[…]

I.2.2.

Kawżi oħra ta’ esklużjoni [...]

[…]

L-applikanti għall-ażil ma jistgħux jiġu ammessi għall-benefiċċju tal-ATA meta l-ammissjoni għar-residenza ġiet irrifjutata lilhom skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu L.741-4(1), (3) u (4) taċ-Ceseda. Dan iseħħ fil-każ:

1)

tal-persuni li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom taqa’ taħt il-kompetenza ta’ Stat Ewropew ieħor skont dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 343/2003] imsejjaħ ‘Dublin II’;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

34

Fis-26 ta’ Jannar 2010, iċ-CIMADE u l-GISTI ressqu quddiem il-Conseil d’État rikors intiż għall-annullament taċ-ċirkolari tat-3 ta’ Novembru 2009. Huma jsostnu li din iċ-ċirkolari tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/9 peress li hija teskludi mill-benefiċċju tal-allowance l-applikanti għall-ażil meta, skont ir-Regolament Nru 343/203, ir-Repubblika Franċiża tirrikjedi lil Stat Membru ieħor, li hija tqis responsabbli mill-applikazzjoni tal-persuni kkonċernati, li jieħu inkarigu tagħhom jew jeħodhom lura.

35

Billi kkunsidra li t-tweġiba għal dan il-motiv teħtieġ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE [...] tiggarantixxi l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza li hija tirreferi għalihom għall-applikanti li fir-rigward tagħhom Stat Membru li jkun irċieva applikazzjoni għall-ażil jiddeċiedi, skont ir-[Regolament Nru 343/2003], li jirreferi l-applikazzjoni lil Stat Membru ieħor li huwa jikkunsidra bħala responsabbli biex jeżamina din l-applikazzjoni, kemm iddum għaddejja l-proċedura ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura tal-applikanti minn dan l-Istat Membru l-ieħor?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

a)

l-obbligu, impost fuq l-ewwel Stat Membru, li jiggarantixxi l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza, jispiċċa fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni mill-Istat li tkun saritlu t-talba, malli effettivament jittieħed inkarigu jew jittieħed lura l-applikant għall-ażil, jew f’xi data oħra?

b)

liema Stat Membru għandu b’hekk jassumi l-piż finanzjarju biex jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza matul dan il-perijodu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru, li quddiemu titressaq applikazzjoni għall-ażil malli l-persuna tasal mal-fruntiera jew ġewwa t-territorju tiegħu, għandux l-obbligu li jagħti l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil stabbiliti mid-Direttiva 2003/9 anki lill-applikant għall-ażil li għalih jiddeċiedi, skont ir-Regolament Nru 343/2003, li jitlob lil Stat Membru ieħor li jieħu inkarigu jew li jieħu lura l-persuna kkonċernata inkwantu Stat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/9 huwa ddefinit mill-Artikolu 3 tiegħu, li jgħid li hija tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni bla stat kollha li jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fil-konfini jew fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma awtorizzati jibqgħu fit-territorju bħala applikanti għall-ażil.

38

Għalhekk, l-ewwel kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/9 hija dik li applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi ppreżentata mal-fruntiera jew fit-territorju ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jippresupponi li hemm lok li “applikazzjoni għall-ażil” tinftiehem bħala “applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat li tista’ tinftiehem bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” u li “[k]ull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta li tkun applikazzjoni għal ażil, ħlief jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat espliċitement jitlob protezzjoni ta’ xorta oħra li tista’ ssir applikazzjoni għaliha separatament”. Id-definizzjoni tal-kunċett tal-applikazzjoni għall-ażil stabbilit fl-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 343/2003 hija essenzjalment identika għal dik imsemmija iktar ’il fuq.

39

F’dak li jikkonċerna l-perijodu li matulu l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, li jinkludu l-akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ kif ukoll konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum, għandhom jingħataw lill-applikanti, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/9 jipprovdi li dan il-perijodu jibda jiddekorri meta l-applikanti għall-ażil jintroduċu l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom.

40

Barra minn hekk, mill-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2003/9 jirriżulta li din ma tipprovdix kategorija ta’ applikanti għall-ażil li tinkludi ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni mingħajr Stat li jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil. Din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni ta’ natura li tħalli x’jinftiehem li applikazzjoni għall-ażil tista’ tiġi kkunsidrata bħala ppreżentata biss jekk hija ppreżentata lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

41

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 343/2003, li jipprovdi li l-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan [l-istess] ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-ażil tkun ippreżentata għall-ewwel darba għand Stat Membru. Din id-dispożizzjoni timplika neċessarjament li applikazzjoni għall-ażil hija ppreżentata qabel ma l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jiġi applikat.

42

L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/9 għandha ssir ukoll fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, kif ukoll, skont il-premessa 5 ta’ din id-direttiva, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta. Skont din il-premessa, id-direttiva hija intiża b’mod partikolari sabiex tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 u 18 tal-Karta.

43

Għalhekk, dawn ir-rekwiżiti japplikaw mhux biss fir-rigward tal-applikanti għall-ażil li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli fl-istennija tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar fuq l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom, iżda wkoll fir-rigward tal-applikanti għall-ażil fl-istennija tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli minn din l-applikazzjoni.

44

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi validament sostnut li l-istandards minimi għall-akkoljenza tal-applikazzjonijiet għall-ażil ma japplikawx għal dawk fosthom li huma kkonċernati mill-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat responsabbli għar-raġuni li din il-proċedura hija rapida. Fil-fatt, mill-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 343/2003 jirriżulta li, fil-każ ta’ proċedura normali, jista’ jirriżulta perijodu ta’ ħames snin bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil u dik li fiha l-Istat Membru mitlub jagħti deċiżjoni dwar talba ta’ teħid ta’ inkarigu tal-applikant għall-ażil. Ma’ dan it-tul jiżdied iż-żmien neċessarju għall-implementazzjoni tat-trasferiment li t-terminu tiegħu, skont l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, huwa normalment ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni għal teħid ta’ inkarigu.

45

Minbarra dan, il-proċedura stabbilita mir-Regolament Nru 343/2003 tista’, f’ċerti każijiet, twassal li l-applikant għall-ażil ma jkun qatt ġie ttrasferit fl-Istat Membru li tkun saritlu t-talba., iżda jibqa’ fl-Istat Membru fejn ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu. It-termini stabbiliti fl-Artikoli 17 sa 20 ta’ dan ir-regolament jikkonċernaw biss is-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta t-teħid ta’ inkarigu jew it-teħid lura jew ma jweġibx għat-talba tal-Istat Membru rikorrent. F’każ ta’ tweġiba negattiva tal-Istat Membru li jkun saritlu t-talba, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprevedi biss proċedura ta’ konċiljazzjoni fuq bażi volontarja. F’tali sitwazzjonijiet, ir-residenza temporanja tal-applikant għall-ażil fit-territorju tal-Istat Membru rikorrent tista’ testendi fuq perijodu twil ħafna. L-esklużjoni mill-istandards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil ta’ dawk fosthom li huma kkonċernati mill-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru ma ssib, għalhekk, ebda ġustifikazzjoni fit-tul ta’ din il-proċedura.

46

It-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/9 hija dik li l-applikanti għall-ażil għandhom ikunu awtorizzati sabiex jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat fil-kwalità ta’ applikanti għall-ażil. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż ma jistax utilment isostni li, peress li l-premessa 29 tad-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi b’mod ċar li l-applikazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 343/2003 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva, id-dritt mogħti lil applikant għall-ażil mill-Artikolu 7(1) tagħha li jibqa’ fl-Istat Membru għall-finijiet tal-proċedura ta’ eżami ma jistax japplika għal tali applikant meta huwa kkonċernat mill-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat responsabbli prevista minn dan ir-regolament.

47

Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2005/85, it-termini “tibqa’ fl-Istat Membru” għandhom jinftiehmu bħala l-fatt li persuna tibqa’ fit-territorju, inkluż mal-fruntiera, jew f’żona ta’ tranżitu mhux biss tal-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-ażil hija eżaminata, iżda wkoll f’dak fejn hija ppreżentata.

48

Hemm lok għalhekk li jiġi konkluż li l-applikanti għall-ażil huma awtorizzati sabiex jibqgħu mhux biss fit-territorju tal-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-ażil hija eżaminata, iżda wkoll f’dak tal-Istat Membru li fih din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata, kif huwa mitlub fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/9.

49

Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-premessa 29 tad-Direttiva 2005/85, li tirreferi biss għall-fatt li l-proċeduri stabbiliti minnha għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri huma differenti mill-proċeduri stabbiliti mir-Regolament Nru 343/2003 għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil.

50

Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li d-Direttiva 2003/9 għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru li quddiemu titressaq applikazzjoni għall-ażil, għandu l-obbligu li jagħti l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil stabbiliti mid-Direttiva 2003/9 anki lil applikant għall-ażil li għalih jiddeċiedi, skont ir-Regolament Nru 343/2003, li jitlob Stat Membru ieħor sabiex jieħu inkarigu jew jieħu lura dan l-applikant inkwantu Stat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

Fuq it-tieni domanda

51

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, minn naħa, f’liema mument jieqaf l-obbligu għall-Istat Membru, li quddiemu tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil, li jagħti l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza stabbiliti mid-Direttiva 200/09 lil applikant għall-ażil li għalih jiddeċiedi, skont ir-Regolament Nru 343/2003, li jitlob lil Stat Membru ieħor sabiex jieħu inkarigu jew jieħu lura dan l-applikant inkwantu Stat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu u, min-naħa l-oħra, liema Stat Membru għandu l-piż finanzjarju tal-għoti ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi.

52

Fir-rigward tat-tul tal-obbligu ta’ għoti tal-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza, għandu jitfakkar fl-ewwel lok, li, kif intqal fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2003/9 jkopri kull applikant għall-ażil meta jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil għall-ewwel darba quddiem Stat Membru.

53

Fit-tieni lok għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/9 u Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 343/2003, applikant jew applikant għall-ażil huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li tkun ippreżentat applikazzjoni għall-ażil li dwarhom tkun għadha ma ngħatatx deċiżjoni definittiva. L-applikant iżomm għalhekk l-istatus tiegħu ta’ applikant għall-ażil fis-sens ta’ din id-direttiva sakemm deċiżjoni definittiva tiġi adottata.

54

Fit-tielet lok, mill-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 343/2003 jirriżulta li s-sempliċi talba ta’ Stat Membru li applikazzjoni għall-ażil tkun ġiet ippreżentata lilu, sabiex jiieħu l-inkarigu ta’ dan l-applikant minn Stat Membru ieħor, ma ttemmx l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil mill-Istat rikorrent. Fil-fatt, anki fil-każijiet fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li jieħu inkarigu, xorta jibqa’ l-fatt li, skont dan l-Artikolu 19(4), ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil taqa’ fuq l-Istat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-ażil jekk it-trasferiment ma jkunx ġie implementat fit-terminu ta’ sitt xhur. Minbarra dan, kif intqal fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, f’każ ta’ tweġiba negattiva tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprovdi biss proċedura ta’ konċiljazzjoni fuq bażi volontarja u, f’tali każ, ma huwiex eskluż li l-applikant għall-ażil jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru rikorrent.

55

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li la d-deċiżjoni tal-Istat Membru li jitlob lil Stat Membru ieħor li jqis bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil għall-finijiet li jieħu inkarigu tal-applikazzjoni għall-ażil u lanqas l-aċċettazzjoni ta’ din it-talba mill-Istat Membru li tkun saritlu t-talba ma jikkostitwixxu deċiżjoni definittiva fis-sens tad-Direttiva 2003/9. Isegwi li huwa biss it-trasferiment effettiv tal-applikant għall-ażil mill-Istat Membru rikorrent li jtemm l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil minn dan tal-aħħar kif ukoll ir-responsabbiltà tiegħu relatata mal-għoti tal-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza.

56

Barra minn hekk, l-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttiva 2003/9 kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Karta li jgħid li d-dinjità tal-bniedem għandha tiġi rispettata u protetta, jipprekludu, hekk kif intqal fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza, li applikant għall-ażil jiġi mċaħħad, anki matul perijodu temporanju wara l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil u qabel ma jkun ġie effettivament ittrasferit fl-Istat Membru responsabbli, mill-protezzjoni tal-istandards minimi stabbiliti minn din id-direttiva.

57

Huwa biss fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/9 li l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza stabbiliti minnha jistgħu jiġu limitati jew irtirati f’sitwazzjonijiet fejn l-applikant għall-ażil ma josservax is-sistema ta’ akkoljenza stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat.

58

Jirriżulta minn dan kollu li l-obbligu għall-Istat Membru, li quddiemu tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil mal-fruntiera tiegħu jew fit-territorju tiegħu, li jagħti l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti mid-Direttiva 2003/9 lil applikant għall-ażil, li għalih jiddeċiedi, skont ir-Regolament Nru 343/2003, li jitlob Stat Membru ieħor għall-finijiet li jieħu inkarigu jew li jieħu lura lil dan l-applikant għall-ażil inkwantu Stat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni għall-ażil, jieqaf biss matul it-trasferiment effettiv tal-imsemmi applikant għall-ażil mill-Istat Membru rikorrent.

59

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema Stat Membru għandu l-piż finanzjarju tal-għoti ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi, għandu jiġi rrilevat li l-piż finanzjarju marbut mar-rekwiżiti li jirriżultaw min-neċessità għal Stat Membru li jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni normalment jaqa’ fuq l-Istat Membru li fuqu jaqa’ l-obbligu li jwieġeb għal dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri, f’kawża, bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru li għandu l-obbligu li jiżgura l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza stabbiliti mid-Direttiva 2003/9, konformement ma’ dak li ntqal fil-punt preċedenti, sakemm il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tipprovdix mod ieħor. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji għal dan fir-rigward kemm fid-Direttiva 2003/9 kif ukoll fir-Regolament Nru 343/2003, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-piż finanzjarju tal-għoti ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi jaqa’ fuq l-Istat Membru, li fuqu jaqa’ dan l-obbligu.

60

Minbarra dan għandu jiġi rrilevat li, f’xewqa li tingħata tweġiba għan-neċessità ta’ tqassim ekwu tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri rigward il-piż finanzjarju li jirriżulta mill-implementazzjoni tal-politiki komuni ta’ ażil u ta immigrazzjoni, neċessità li tista’ tippreżenta ruħha partikolarment matul il-flussi migratorji sinjifikattivi, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 573/2007 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” jipprovdi li assistenza finanzjarja tista’ tiġi proposta lill-Istati Membri f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-proċeduri ta’ ażil.

61

Konsegwentement, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-obbligu għall-Istat Membru, li quddiemu applikazzjoni għall-ażil tiġi ppreżentata, li jagħti l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti mid-Direttiva 2003/09 lil applikant għall-ażil li għalih jiddeċiedi, skont ir-Regolament Nru 343/2003, li jitlob Stat Membru ieħor li jieħu inkarigu jew li jieħu lura dan l-applikant inkwantu Stat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, jieqaf waqt it-trasferiment effettiv tal-istess applikant għall-ażil mill-Istat Membru rikorrent u l-piż finanzjarju tal-għoti ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi jaqa’ fuq dan l-aħħar Stat Membru, li fuqu jaqa’ dan l-obbligu.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/09/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil [fl-Istati Membri], għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru li quddiemu titressaq applikazzjoni għall-ażil, għandu l-obbligu li jagħti l-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil stabbiliti mid-Direttiva 2003/9 anki lil applikant għall-ażil li għalih jiddeċiedi, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, li jitlob Stat Membru ieħor sabiex jieħu inkarigu jew jieħu lura dan l-applikant inkwantu Stat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

 

2)

L-obbligu għall-Istat Membru, li quddiemu applikazzjoni għall-ażil tiġi ppreżentata, li jagħti l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti mid-Direttiva 2003/09 lil applikant għall-ażil li għalih jiddeċiedi, skont ir-Regolament Nru 343/2003, li jitlob Stat Membru ieħor li jieħu inkarigu jew li jieħu lura dan l-applikant inkwantu Stat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, jieqaf waqt it-trasferiment effettiv tal-istess applikant għall-ażil mill-Istat Membru rikorrent u l-piż finanzjarju tal-għoti ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi jaqa’ fuq dan l-aħħar Stat Membru, li fuqu jaqa’ dan l-obbligu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.