SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
21 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )
“Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Artikolu 3(2)(b) — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri”
Fil-Kawża C-177/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ April 2011, fil-proċedura
Syllogos Ellinon Poleodomon kai Chorotakton
vs
Ypourgos Perivallontos, Chorotaxias & Dimosion Ergon,
Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon,
Ypourgos Esoterikon, Dimosias Dioikisis kai Apokentrosis,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Syllogos Ellinon Poleodomon kai Chorotakton, minn G. P. Giannakourou, |
|
— |
għal Ypourgos Perivallontos, Chorotaxias & Dimosion Ergon kif ukoll għal Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon u Ypourgos Esoterikon, Dimosias Dioikisis kai Apokentrosis, minn F. Iatrelis, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou u C. Divani kif ukoll minn G. Karipsiadis u I. Bakopoulos, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver kif ukoll minn M. Patakia u S. Petrova, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘ESEA’”, ESEA għal evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias minn Syllogos Ellinon Poleodomon kai Chorotakton, assoċjazzjoni li għandha s-sede tagħha f’Ateni, bil-għan li tikseb l-annullament tad-Digriet Ministerjali 107017, tat-28 ta’ Awwissu 2006, li ttraspona fid-dritt Grieg id-Direttiva “ESEA” (YPEXODE/EYPE/oik. 107017/28-8-2006), tat-28 ta’ Awwissu 2006 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tat-28 ta’ Awwissu 2006”), adottat b’mod konġunt minn Ypourgos Perivallontos, Chorotaxias & Dimosion Ergon (Ministru tal-Ambjent, tal-Ippjanar tat-territorju u tax-Xogħlijiet pubbliċi,), minn Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon (Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi) u minn Ypourgos Esoterikon, Dimosias Dioikisis kai Apokentrosis (Ministru tal-Intern, tas-Servizz pubbliku u tad-Deċentralizzazzjoni). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
|
3 |
Id-Direttivi rilevanti fil-każ preżenti huma dawn li ġejjin:
|
Id-Direttiva “ESEA”
|
4 |
Skont il-premessa 10 tad-Direttiva “ESEA”, il-pjanijiet u l-programmi kollha li jeħtieġu evalwazzjoni bis-saħħa tad-Direttiva “habitats” x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, u għandhom, bħala regola, jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali sistematika. |
|
5 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva “ESEA”, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jiddisponi: “1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
3. Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti. 4. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti. 5. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva. […]” |
Id-Direttiva “habitats”
|
6 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva “habitats” jipprovdi: “1. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […] […] 2. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mid-disa’ reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ)(iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità. […] Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. 3. Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva. 4. Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti. 5. Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).” |
|
7 |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” jipprovdi: “Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.” |
|
8 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats” jipprovdi: “L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.” |
Id-Direttiva tal-“għasafar”
|
9 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-“għasafar”, li tissostitwixxi billi tirriproduċi b’mod identiku l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/104, jipprovdi: “1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:
Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali. […] 4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.[…]” |
Il-leġiżlazzjoni Griega
|
10 |
L-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali tat-28 ta’ Awwissu 2006 jipprovdi: “Dan id-digriet għandu l-għan li jimplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [“ESEA”], sabiex jiżgura, fil-kuntest ta’ żvilupp ekwilibrat, li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali jiġu integrati qabel l-adozzjoni ta’ pjan jew ta’ programm, billi jiġu stabbiliti l-miżuri, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri neċessarji għall-evalwazzjoni tal-effetti li dawn jista’ jkollhom fuq l-ambjent, u b’hekk jiġi inkoraġġut żvilupp sostenibbli u livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.” |
|
11 |
L-Artikolu 3(1)(b) tad-Digriet Ministerjali tat-28 ta’Awwissu 2006 jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-evalwazzjoni strateġika ambjentali għandha ssir qabel l-adozzjoni ta’ pjan jew ta’ programm jew qabel ma tiġi sottomessa għal proċedura leġiżlattiva għall-pjanijiet jew programmi fuq livell nazzjonali, reġjonali, ta’ prefettura jew lokali li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent u b’mod partikolari: […]
Fl-evalwazzjoni dwar jekk il-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu preċedenti, u li ma humiex il-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-punt (a), jistgħux jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni li jagħmlu parti mis-sezzjoni nazzjonali tan-Netwerk Ekoloġiku Ewropew Natura 2000 [Siti ta’ Interess Komunitarju (SIK) u Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (ŻPS)] u dwar jekk għalhekk hemmx lok li jiġu suġġetti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni strateġika ambjentali, għandha tiġi segwita l-proċedura ta’ verifika ambjentali msemmija fl-Artikolu 5(2).” |
|
12 |
L-Artikolu 5(1) tad-Digriet Ministerjali tat-28 ta’ Awwissu 2006 huwa fformulat kif ġej: “Kull pjan jew programm imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) u fl-Artikolu 3(2) għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ verifika ambjentali sabiex l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 tkun tista’ tiddeċiedi, skont dan l-artikolu, jekk il-pjan jew il-programm inkwistjoni jistax ikollu effett sinjifikattiv fuq l-ambjent u jekk għalhekk hemmx lok li jiġi suġġett għall-evalwazzjoni strateġika ambjentali […]”. |
|
13 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 5 tal-imsemmi digriet jissuġġettaw l-evalwazzjoni strateġika ambjentali prevista fid-Direttiva “ESEA” għal “proċedura ta’ verifika ambjentali minn qabel”, sabiex tiddetermina jekk il-pjanijiet u l-programmi msemmija jistgħux jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li jappartjenu għan-Netwerk Ekoloġiku Ewropew Natura 2000. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
14 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssottomettiet diversi motivi għal annullament li jaqgħu kemm taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll dak tal-Unjoni. |
|
15 |
Għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, ir-rikorrenti ssostni li d-Digriet Ministerjali tat-28 ta’ Awwissu 2006 ma ttrasponiex korrettament lid-Direttiva “ESEA”. Skont ir-rikorrenti, mill-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk il-pjanijiet jew il-programmi jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ma teżistix għal dak li jirrigwarda l-pjanijiet u l-programmi msemmija fl-Artikolu 3(2). |
|
16 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Sa fejn id-dispożizzjoni tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva [‘ESEA’] tipprovdi li għandha ssir stima ambjentali għall-pjanijiet u l-programmi kollha ‘in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva [‘habitats’], din għandha tiġi interpretata fis-sens li din tissuġġetta l-obbligu li pjan speċifiku jiġi sottomess għal stima ambjentali għall-kundizzjoni li jiġu sodisfatti, fir-rigward ta’ dan l-istess pjan, kundizzjonijiet li jippermettu li dan jiġi sottomess għal stima ambjentali fis-sens tad-Direttiva [‘habitats’], u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva [‘ESEA’] tippreżumi, hija ukoll, bħad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva [‘habitats’], li l-pjan jista’ jkollu effetti kunsiderevoli fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri r-responsabbiltà li jipproċedu għall-evalwazzjoni korrispondenti fuq il-mertu? Jew inkella, din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva [‘ESEA’], għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li ssir stima ambjentali skont din id-dispożizzjoni ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li jiġu sodisfatti kundizzjonijiet ta’ twettiq ta’ stima ambjentali fis-sens tad-Direttiva [‘habitats’], jiġifieri għall-evalwazzjoni tal-eventwalità ta’ effetti kunsiderevoli fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni, iżda li jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li pjan speċifiku huwa marbut, minn naħa jew minn oħra, ma’ wieħed mis-siti msemmija fid-Direttiva [‘habitats’], iżda mhux neċessarjament ma’ żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex jitnissel l-obbligu li ssir tali stima?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
17 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva “ESEA” għandux jiġi interpretat fis-sens li jissuġġetta l-obbligu li pjan speċifiku jiġi sottomess għal evalwazzjoni ambjentali, skont din id-direttiva fil-każ li jiġu sodisfatti, fir-rigward ta’ dan l-istess pjan, kundizzjonijiet li jeħtieġu li dan jiġi sottomess għal evalwazzjoni ambjentali fis-sens tad-Direttiva “habitats”. |
|
18 |
Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva “ESEA”, li l-qorti tar-rinviju tiċċitah ukoll fid-deċiżjoni tagħha, ma japplikax, hekk kif tikkonferma l-formulazzjoni tiegħu, għall-pjanijiet u għall-programmi msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva. |
|
19 |
Għal dak li jirrigwarda tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva “ESEA”, din id-dispożizzjoni teħtieġ evalwazzjoni ambjentali kull darba li evalwazzjoni hija rikjesta skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva “habitats”. Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli għandu jiġi eżaminat sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat dak tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva “ESEA”. |
|
20 |
L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva “habitats” jipprovdi li s-siti ta’ importanza Komunitarja, li jinkludu s-siti ta’ importanza Komunitarja magħżula bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni mill-Istati Membri, huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva. |
|
21 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, moqri flimkien mal-Artikolu 4(5) tal-istess direttiva, jirriżulta li evalwazzjoni hija rikjesta għal kull pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew neċessarju għat-tmexxija ta’ sit ta’ importanza Komunitarja iżda li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq tali sit, b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra. |
|
22 |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” tissuġġetta l-ħtieġa ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett għall-kundizzjoni li jkun hemm probabbiltà jew riskju li dan tal-aħħar jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C-127/02, Ġabra p. I-7405, punt 43). Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta ma jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-418/04, Ġabra p. I-10947, punt 227). |
|
23 |
Minn dan isegwi li eżami mwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk pjan jew proġett jistax jaffettwa sit b’mod sinjifikattiv, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, huwa neċessarjament limitat għall-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll għal dak li jirrigwarda ż-żoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-“għasafar”, fid-dawl tal-estensjoni għall-imsemmija żoni, permezz tal-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats”, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) ta’ din l-aħħar direttiva. |
|
24 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva “ESEA” għandu jiġi interpretat fis-sens li jissuġġetta l-obbligu li pjan speċifiku jiġi sottomess għal evalwazzjoni ambjentali għall-każ li jiġu sodisfatti, fir-rigward ta’ dan l-istess pjan, kundizzjonijiet li jeħtieġu li dan jiġi sottomess għal evalwazzjoni fis-sens tad-Direttiva “habitats”, inkluża l-kundizzjoni li l-pjan jista’ jaffettwa s-sit b’mod sinjifikattiv. L-eżami mwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk din l-aħħar kundizzjoni hijiex sodisfatta huwa neċessarjament limitat għall-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. |
Fuq l-ispejjeż
|
25 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li jissuġġetta l-obbligu li pjan speċifiku jiġi sottomess għal evalwazzjoni ambjentali għall-każ li jiġu sodisfatti, fir-rigward ta’ dan l-istess pjan, kundizzjonijiet li jeħtieġu li dan jiġi sottomess għal evalwazzjoni fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, inkluża l-kundizzjoni li l-pjan jista’ jaffettwa s-sit b’mod sinjifikattiv. L-eżami mwettaq sabiex jiġi vverifikat jekk din l-aħħar kundizzjoni hijiex sodisfatta huwa neċessarjament limitat għall-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-imsemmi pjan jew proġett jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.