SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

31 ta’ Jannar 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema Ewropea Komuni ta’ Ażil — Applikazzjoni minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat — Direttiva 2005/85/KE — Artikolu 23 — Possibbiltà li wieħed jirrikorri għal proċedura ta’ pproċessar prijoritarju tal-applikazzjonijiet għal ażil — Proċedura nazzjonali li tapplika proċedura prijoritarja għall-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati minn persuni li jappartjenu għal ċerta kategorija ddefinita fuq il-kriterju tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini — Dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva — Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva — Il-kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ fis-sens ta’ dan l-artikolu”

Fil-Kawża C-175/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2011, fil-proċeduri

H. I. D.,

B. A.

vs

Regugee Applications Commissioner,

Refugee Appeals Tribunal,

Minister for Justice, Equality and Law Reform,

Ireland,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, E. Juhász, U. Lõhmus, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

rat il-proċeduri bil-miktub wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D., minn R. Boyle, SC, A. Lowry u G. O’Halloran, BL, rappreżentanti għal A. Bello Cortés, solicitor,

għal A., minn R. Boyle, A. Lowry u G. O’Halloran, rappreżentanti għal B. Trayers, solicitor,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u E. Burke kif ukoll minn A. Flynn u D. O’Hagan, bħala aġenti, assistiti minn M. Collins, SC, u D. Conlan Smyth, barrister,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki u L. Kotroni, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 23 u 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (ĠU L 175M, p. 168).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn D. u A., ċittadini Niġerjani u r-Refugee Applications Commissioner, ir-Refugee Appeals Tribunal, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), l-Irlanda u l-Attorney General fir-rigward ta’ ċaħda mill-Ministru, fil-kuntest ta’ proċedura prijoritarja, tal-applikazzjoni li huma kienu ppreżentaw bil-ħsieb li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2005/85, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999 kienu jipprevedu, b’mod partikolari, l-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea komuni tal-ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)], li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din il-konvenzjoni ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li hu stess daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967, u b’hekk ikun affermat il-prinċipju ta’ non-refoulement u jkun żgurat li ħadd ma jintbagħat lura lejn il-persekuzzjoni.

4

Skont il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2005/85:

“(3)

Il-Konklużjonijiet ta’ Tampere jipprevedu li Sistema Ewropea Komuni ta’ Ażil għandha tinkludi, fuq żmien qasir, standards komuni għal proċeduri ġusti u effiċjenti ta’ l-ażil fl-Istati Membri, fuq żmien twil, regoli Komunitarji li jwasslu għal proċedura komuni ta’ l-ażil fil-Komunità Ewropea.

(4)

L-istandards minimi stabbiliti f’din id-Direttiva dwar il-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti jew l-irtirar ta’ l-istatus ta’ Refuġjat huma għalhekk miżura inizjali dwar proċeduri ta’ l-ażil.”

5

Skont il-premessa 8 tagħha, l-imsemmija direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

6

Il-premessa 11 tal-istess direttiva tiddikjara:

“Huwa fl-interess kemm ta’ l-Istati Membri kif ukoll ta’ l-applikanti għall-ażil li jiġu deċiżi kemm jista’ jkun malajr l-applikazzjonijiet għall-ażil. L-organizzazzjoni ta’ l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għandha titħalla għad-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, sabiex, skond il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw [iħaffu] il-proċessar ta’ kull applikazzjoni, b’kont meħud ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.”

7

L-ewwel sentenza tal-premessa 13 tad-direttiva msemmija hawn fuq hija fformulat kif ġej:

“Fl-interess li jiġu rikonoxxuti korrettament dawk il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni bħala rifuġjati fis-sens ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, kull applikant, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, għandu jkollu aċċess effettiv għall-proċeduri, għall-opportunità li jikkopera u jikkomunika sewwa ma’ l-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżenta l-fatti relevanti tal-każ tiegħu u għal garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex isegwi l-każ tiegħu matul l-istadji kollha tal-proċedura.”

8

Il-premessa 17 tad-Direttiva 2005/85 tiddikjara:

“Konsiderazzjoni ċentrali ta’ kemm applikazzjoni għall-ażil ikollha bażi tajba hija s-sigurtà ta’ l-applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini tiegħu. Fejn pajjiż terz ikun jista’ jiġi meqjus bħala pajjiż ta’ oriġini li ma fihx periklu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikklassifikawh bħala bla periklu u jassumu li ma jkunx perikoluż għal applikant partikolari, sakemm huwa ma jippreżentax kontraindikazzjonijiet serji.”

9

Il-premessa 27 ta’ din id-direttiva tindika:

“Ikun jirrifletti prinċipju bażiku tal-liġi Komunitarja li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-ażil u fir-rigward ta’ l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat ikunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu [267 TFUE]. L-effikaċja tar-rimedju, ukoll fir-rigward ta’ l-eżami tal-fatti relevanti, tiddependi fuq is-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta’ kull Stat Membru fit-totalità tagħha.”

10

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri għandhom jaħtru, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat tal-applikazzjonijiet għal ażil skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Mill-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva jirriżulta li għandu jiftiehem b’“awtorità determinanti” kwalunkwe korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru, responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għal ażil, u kompetenti sabiex jieħu, fl-istadju tal-ewwel istanza, deċiżjonjiet f’tali każijiet, suġġett għall-Anness I ta’ din id-direttiva.

11

L-eżami mwettaq minn din l-istess awtorità għandu josserva ċertu numru ta’ prinċipji bażiċi u ta’ garanziji fundamentali, iddikjarati fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85, li jinkludi l-Artikoli 6 sa 22 ta’ din id-direttiva.

12

L-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dik il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)

l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment;

b)

tiġi miksuba informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħall-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ origini ta’ l-applikanti għall-ażil u, fejn meħtieġ, f’pajjiżi li għaddew minnhom, u li tali informazzjoni issir disponibbli għall-persunal responsabbli mill-eżami ta’ l-applikazzjonijiet u mit-teħid ta’ deċiżjonijiet;

(ċ)

il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet ikollu l-konoxxenza ta’ l-istandards relevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u dwar ir-refuġjati.”

13

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2005/85 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal ażil jiġu mogħtija bil-miktub u li fejn applikazzjoni tiġi miċħuda, ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt jiġu dikjarati fid-deċiżjoni u tiġi mogħtija bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva.

14

Bl-istess mod, skont l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, l-applikanti għal ażil għandhom jibbenefikaw minn minimu ta’ garanziji, fosthom li jiġu infurmati b’lingwa li huma jifhmu, li jkollhom aċċess għal interpretu, li jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-UNHCR, li jiġu mgħarrfa bid-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għal ażil fi żmien raġonevoli jew li jiġu infurmati bir-riżultat tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità determinanti. Barra minn hekk, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva jipprovdi li għandhom ukoll il-possibbiltà li jkollhom intervista personali dwar l-applikazzjoni tagħhom għal ażil ma’ persuna kompetenti, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni mill-awtorità determinanti.

15

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85 intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-ażil permezz ta’ proċedura ta’ eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

[...]

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw [iħaffu] kull eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II anke fejn l-applikazzjoni x’aktarx li jkollha bażi suffiċjenti jew fejn l-applikant ikollu bżonnijiet speċjali.”

16

Fil-paragrafu 4 tiegħu, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jelenka ħmistax-il raġuni speċifiċi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ proċedura prijoritarja u mħaffa ta’ eżami.

17

Dan il-paragrafu 4 jiddikjara b’mod partikolari:

“L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata [imħaffa] proċedura ta’ eżami konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II jekk:

[...]

b)

l-applikant ma jikkwalifikax, b’mod ċar, bħala rifuġjat jew għall-istatus ta’ rifuġjat fi Stat Membru taħt id-Direttiva [tal-Kunsill] 2004/83/KE [tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)]; jew

ċ)

l-applikazzjoni għall-ażil tkun kunsidrata bħala mingħajr bażi:

i)

minħabba li l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu fis-sens ta’ l-Artikoli 29, 30 u 31, jew

ii)

minħabba li l-pajjiż, li ma jkunx Stat Membru, ikun kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28(1); jew

[...]”

18

L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv” jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu (1)(a) tiegħu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra deċiżjonijiet meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

19

L-Anness I tad-Direttiva 2005/85 jipprovdi li, meta timplementa d-dispożizzjonijiet ta’ din, l-Irlanda tista’ tikkunsidra li l-awtorità determinanti prevista fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, sa fejn ikun ikkonċernat l-eżami dwar jekk l-applikant għandu jew, skont il-każ, ma għandux jiġi ddikjarat bħala refuġjat, għandha tfisser l-Office of the Refugee Applications Commissioner (Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet għal Ażil, iktar ’il quddiem l-“ORAC”). Skont l-istess anness, deċiżjonijiet fl-istadju fl-ewwel istanza msemmija f’din l-istess dispożizzjoni għandhom jinkludu r-rakkommandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner rigward il-kwistjoni dwar jekk applikant għandu jew, skont il-każ, ma għandux jiġi ddikjarat bħala refuġjat.

Id-dritt Irlandiż

20

Il-leġiżlazzjoni rilevanti hija kkostitwita mil-Liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati (Refugee Act 1996), kif emendata bl-Artikolu 11(1) tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni (Immigration Act 1999), bl-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina [Illegal Immigrants (Trafficking) Act 2000], u bl-Artikolu 7 tal-Liġi tal-2003 dwar l-immigrazzjoni (Immigration Act 2003, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-refuġjati”). Din il-Liġi dwar ir-refuġjati tipprovdi, b’mod partikolari, ir-regoli proċedurali dwar l-applikazzjonijiet għal ażil.

Il-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal ażil fl-Irlanda

21

Mis-sentenza tal-High Court, tad-9 ta’ Frar 2011, annessa mad-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal ażil tiżvolġi skont kif ġej.

22

Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar ir-refuġjati, l-applikazzjoni għal ażil issir lir-Refugee Applications Commissioner. L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jipprovdi li dan tal-aħħar, li huwa membru tal-ORAC huwa inkarigat li jintervista lill-applikant, li jwettaq l-investigazzjonijiet u t-talbiet għal informazzjoni meħtieġa. Skont l-Artikolu 13 tal-istess liġi, huwa jifformula rapport fejn jagħmel rakkomandazzjoni pożittiva jew negattiva dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-applikant ikkonċernat u jikkomunika dan ir-rapport lill-Ministru.

23

Skont l-Artikolu 17(1) tal-Liġi dwar ir-refuġjati, jekk ir-rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner tkun pożittiva, il-Ministru huwa obbligat li jagħti l-istatus ta’ refuġjat lill-applikant ikkonċernat. Fil-każ fejn jiġi rrakkomandat li l-applikant ma jingħatax l-istatus ta’ refuġjat, dan tal-aħħar jista’, skont l-Artikolu 16 ta’ din il-liġi, jappella r-rakkomandazzjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal.

24

L-appell quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal jista’ jinkludi fażi orali quddiem membru tiegħu. Wara din is-seduta, ir-Refugee Appeals Tribunal jikkonferma jew jiċħad ir-rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner. Fil-każ fejn huwa jagħti raġun lill-applikant għal ażil u jikkunsidra li r-rakkomandazzjoni għandha tkun pożittiva, il-Ministru huwa obbligat, skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija liġi, li jagħti l-istatus ta’ refuġjat. F’każ kuntrarju, jekk ir-Refugee Appeals Tribunal jikkonferma r-rakkomandazzjoni negattiva tar-Refugee Applications Commissioner, il-Ministru jkollu setgħa diskrezzjonali li tippermettilu li jiddeċiedi jekk jagħtix jew le dan l-istatus.

25

Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina, l-applikanti għal ażil jistgħu jikkontestaw il-validità tar-rakkomandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner u tad-deċiżjonijiet tar-Refugee Appeals Tribunal quddiem il-High Court, suġġetti għall-kundizzjonijiet speċjali applikati għall-każijiet ta’ ażil. Skont dan l-Artikolu 5, rikors kontra d-deċiżjoni tal-High Court jista’ jiġi ppreżentat quddiem is-Supreme Court biss jekk il-High Court stess tagħti sentenza li tawtorizza dan ir-rikors (“certificate of leave to appeal”).

26

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-Artikolu 12 tal-Liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati jipprovdi li l-Ministru jista’, meta jqis li huwa meħtieġ jew xieraq, jagħti struzzjonijiet bil-miktub lir-Refugee Applications Commissioner u/jew lir-Refugee Appeals Tribunal li permezz tagħhom jeżiġi li dawn tal-aħħar jew wieħed minnhom, skont il-każ, jagħtu l-prijorità lil ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet. Skont dan l-Artikolu 12(1)(b) u (e), din il-prijorità tista’ tingħata skont il-pajjiż ta’ oriġini jew ir-residenza abitwali tal-applikanti, jew ukoll skont id-dati meta l-applikazzjonijiet għal ażil kienu ġew ippreżentati.

27

Fil-11 ta’ Diċembru 2003, skont l-Artikolu 12(1)(b) u (e) tal-imsemmija liġi, il-Ministru indirizza struzzjoni lir-Refugee Applications Commissioner u lir-Refugee Appeals Tribunal sabiex tingħata prijorità lill-applikazzjonijiet għal ażil ippreżentati, sa mill-15 ta’ Diċembru 2003, minn ċittadini Niġerjani (iktar ’il quddiem l-“istruzzjoni ministerjali tal-2003”).

28

L-Irlanda indikat l-osservazzjonijiet bil-miktub li hija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tenniet fis-seduta li din l-istruzzjoni ministerjali, sussegwentement, ġiet revokata b’effett mill-1 ta’ Marzu 2010, permezz ta’ ittri tal-25 ta’ Frar 2010 indirizzati lil ORAC u lill-President tar-Refugee Appeals Tribunal.

Id-dispożizzjonijiet dwar ir-Refugee Appeals Tribunal

29

L-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar ir-refuġjati jipprovdi t-twaqqif ta’ Tribunal, imsejjaħ “Refugee Appeals Tribunal”, sabiex jeżamina l-appelli ppreżentati skont l-Artikolu 16 ta’ din il-liġi u jieħu d-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn l-appelli. Fil-paragrafu 2 tiegħu, l-istess Artikolu 15 jipprovdi li t-“Tribunal huwa indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu”.

30

L-Artikolu 16 tal-istess liġi, intitulat “Appell quddiem it-Tribunal”, jipprovdi:

“1.   L-applikant jista’ jagħmel appell, skont il-modalitajiet fis-seħħ, kontra rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner skont l-Artikolu 13 […].

2.   It-Tribunal jista’:

a)

isegwi rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner, jew

b)

ma jsegwix rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner u jirrakkomanda li l-applikant jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

[...]

2B.   Jekk

[...]

b)

il-Ministru javża lit-Tribunal li huwa jqis li l-applikant kiser il-paragrafi 4(a), (4A) jew (5) tal-Artikolu 9,

it-Tribunal jibgħat lill-applikant notifika li tistiednu sabiex jindika bil-miktub […] l-intenzjoni tiegħu li jkompli jew le l-appell tiegħu u, jekk huwa ma jagħti ebda indikazzjoni fit-terminu ppreċiżat fin-notifika, l-appell tiegħu jitqies li ġie rtirat.

[...]

3.   Skont l-artikolu preżenti, appell huwa ppreżentat permezz ta’ notifika bil-miktub fit-terminu speċifikat fl-Artikolu 13 […], u n-notifika tippreċiża r-raġunijiet tal-appell u […] tindika jekk l-applikant jixtieqx li t-Tribunal iżomm seduta għall-finijiet tal-appell tiegħu.

[...]

5.   Ir-Refugee Applications Commissioner għandu jipprovdi lit-Tribunal kopji tar-rapporti, tad-dokumenti jew tad-dikjarazzjonijiet kollha bil-miktub li jkunu ġew ippreżentati lilu abbażi tal-Artikolu 11 kif ukoll indikazzjoni bil-miktub tan-natura u tal-oriġini ta’ kull informazzjoni oħra relatata mal-applikazzjoni li jkun sar jaf biha matul l-inkjesta tiegħu.

[...]

8.   It-Tribunal jipprovdi lill-applikant ikkonċernat u lis-solicitor tiegħu (jekk dan huwa magħruf) kif ukoll lill-Kummissarju Għoli, fuq talba tiegħu, il-kopji tar-rapporti, tal-osservazzjonijiet jew tad-dikjarazzjonijiet kollha bil-miktub jew tad-dokumenti kollha l-oħra li r-Refugee Applications Commissioner ikkomunikalu u li kopji tagħhom ma kinux ġew trażmessi qabel lill-applikant jew, jekk huwa meħtieġ, lill-Kummissarju Għoli skont l-Artikolu 11(6) kif ukoll indikazzjoni bil-miktub tan-natura u tal-oriġini ta’ kull informazzjoni oħra assoċjata mal-appell, li t-Tribunal kellu għarfien dwaru fil-kuntest ta’ appell ippreżentat skont dan l-artikolu.

10.   It-Tribunal, wara li jirċievi notifika skont il-paragrafu 3, jista’ jżomm jekk neċessarju seduta għall-finijiet li tingħata deċiżjoni dwar l-appell ippreżentat skont dan l-artikolu.

a)

Għall-finijiet ta’ seduta […] skont dan l-artikolu, it-Tribunal jista’:

i)

jħarrek quddiemu kull persuna li x-xhieda tagħha tkun meħtieġa mit-Tribunal […] u jistiedenha tagħti xhieda u tipproduċi kwalunkwe element jew oġġett fil-pussess tagħha jew taħt il-kontroll tagħha […]

ii)

jistieden lil din il-persuna sabiex tipproduċi kwalunkwe dokument jew element speċifikat fil-pussess tagħha jew taħt il-kontroll tagħha, jew

iii)

jagħti kwalunkwe ordni oħra fil-kuntest ta’ appell li jevalwa li huwa raġonvevoli u xieraq.

b)

Is-subparagrafu i) u ii) tal-punt a) ma japplikawx għal dokument jew element li jirrigwarda xi informazzjoni li l-Ministru jew il-Ministru tal-Affarijiet Barranin (Minister for Foreign Affairs), skont il-każ, jipprojbixxi l-iżvelar tagħha (kompetenza mogħtija lilu permezz ta’ din il-liġi) fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tal-politika pubblika (‘ordni pubblika’).

ċ)

It-Tribunal jawtorizza lill-applikant u lir-Refugee Applications Commissioner jew lill-uffiċjal awtorizzat sabiex jattendi għas-smigħ u jinvoka l-każ tagħhom quddiem it-Tribunal personalment jew permezz ta’ rappreżentant legali jew xi persuna oħra.

[...]

16.   Qabel ma jiddeċiedi dwar appell taħt dan l-artikolu, it-Tribunal għandu jieħu inkunsiderazzjoni dan li ġej:

a)

in-notifika rilevanti taħt il-paragrafu 3,

b)

ir-rapport tar-Refugee Applications Commissioner taħt l-Artikolu 13,

ċ)

kull osservazzjoni magħmula mir-Refugee Applications Commissioner jew mill-Kummissarju Għoli lit-Tribunal,

d)

il-provi prodotti u kull dikjarazzjoni magħmula waqt seduta, jekk ikun il-każ, u

e)

kwalunkwe dokument, dikjarazzjoni miktuba jew informazzjoni oħra pprovduta lir-Refugee Applications Commissioner skont l-Artikolu 11.

[...]”

31

L-Anness II tal-Liġi dwar ir-refuġjati jindika li r-Refugee Appeals Tribunal huwa kompost minn President u minn membri ordinarji li l-Ministru, bil-kunsens tal-Minister for Finance (Ministru tal-Finanzi), iqis li huma meħtieġa sabiex il-kawżi quddiem it-Tribunal jiġu solvuti b’ħeffa, u li kull wieħed minnhom għandu jkollu ta’ mill-inqas ħames snin esperjenza bħala barrister jew solicitor qabel ma jiġi maħtur. Il-membri tar-Refugee Appeals Tribunal huma maħtura mill-Ministru. Kull membru ordinarju huwa maħtur għal mandat ta’ tliet snin, skont il-proċeduri li, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-istess anness, huma ffissati mill-Ministru meta jipproċedi għall-ħatra tagħhom. Il-President tar-Refugee Appeals Tribunal jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont kuntratt ta’ servizz bil-miktub, li jistipula l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu ffissati minn żmien għal żmien mill-Ministru, bil-kunsens tal-Ministru tal-Finanzi. Kull membru ordinarju jirċievi remunerazzjoni, allowances u rimbors tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ffissati taħt l-istess kundizzjonijiet.

32

Huwa ppreċiżat ukoll, fl-Artikolu 7 tal-imsemmi Anness II, li membru ordinarju tar-Refugee Appeals Tribunal jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu mill-Ministru li għandu jagħti r-raġunijiet.

Il-fatti tal-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

33

Fiż-żewġ kawżi prinċipali, ġiet ippreżentata fl-Irlanda applikazzjoni għal ażil minn ċittadin Niġerjan, li daħal fit-territorju Irlandiż matul is-sena 2008.

34

Fil-kawża li tirrigwarda D., fir-rapport tagħha tal-15 ta’ Awwissu 2008, l-ORAC qies li l-applikazzjoni tal-minuri kellha tiġi miċħuda, taħt l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar ir-Refuġjati. L-ipproċessar tal-appell ippreżentat quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal kontra din iċ-ċaħda ġie ddiferit sas-sentenza mogħtija mill-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali.

35

Fil-kawża li tirrigwarda A., fir-rapport tiegħu tal-25 ta’ Awwissu 2008, l-ORAC ta opinjoni negattiva dwar l-applikazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, li ġiet ikkonfermata f’appell mir-Refugee Appeals Tribunal, b’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008.

36

D. u A. ressqu appell kull wieħed quddiem il-High Court bil-għan li jiksbu l-annullament tal-istruzzjoni ministerjali tal-2003 sabiex tingħata l-prijorità lill-applikazzjonijiet għal ażil imressqa miċ-ċittadini Niġerjani kif ukoll, rispettivament, tar-rapport tar-Refugee Applications Commissioner fil-15 ta’ Awwissu 2008 u tad-deċiżjoni tar-Refugee Appeals Tribunal fil-25 ta’ Novembru 2008.

37

Fil-kuntest tal-appelli tagħhom quddiem il-High Court, l-appellanti invokaw żewġ argumenti prinċipali.

38

L-ewwel argument huwa li jiġi sostnut li l-istruzzjoni ministerjali tal-2003 hija illegali għar-raġunijiet li ġejjin. Hija inkompatibbli mal-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva 2005/85, li jinkludi elenku eżawrjenti taċ-ċirkustanzi li fihom proċedura mħaffa tista’ tkun applikata u ma tinkludix l-għoti ta’ prijorità għall-eżami tal-applikazzjonijiet li saru minn grupp ta’ ċittadini b’riferiment għan-nazzjonalità tagħhom jew l-eżami mħaffef ta’ dawn. Hija tkun, barra dan, kuntrarja għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokaw l-eżistenza ta’ “żvantaġġ proċedurali” fir-rigward tal-applikanti l-oħra għal ażil li ġejjin minn pajjiż terz mhux bla periklu, peress li inqas u inqas ħin u riżorsi jkunu ddedikati lill-affarijiet prijoritarji, liema fatt ikollu bħala konsegwenza li inqas attenzjoni tingħata lill-kwistjoni li wieħed isir jaf jekk l-informazzjonijiet jew inkjesta addizzjonali huma neċessarji għall-eżami tal-applikazzjonijiet, u li, għaldaqstant, ikun hemm inqas opportunitajiet għall-applikanti li jissottomettu informazzjonijiet kumplimentari.

39

It-tieni argument tagħhom huwa bbażat fuq il-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal kontra r-rapport tal-ORAC li ma jkunx konformi mal-obbligu, previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, li jiġi ggarantit “id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal”.

40

Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li r-Refugee Appeals Tribunal ma hijiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE għar-raġunijiet li ġejjin.

41

Fl-ewwel lok, il-qorti ta’ dan l-organiżmu ma hijiex obbligatorja billi d-deċiżjoni tal-ORAC tista’ xorta waħda tkun is-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja quddiem il-High Court. Fit-tieni lok, tali ġurisdizzjoni ma tkunx eżerċitata fuq bażi inter partes, l-ORAC ma għandux ikun irrappreżentat fil-proċedimenti ta’ appell sabiex jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu fl-ewwel istanza. Fit-tielet lok, ir-Refugee Appeals Tribunal ma jkunx indipendenti minħabba l-eżistenza ta’ rabtiet funzjonali mal-ORAC u l-Ministru kif ukoll ta’ ċerti poteri ta’ dan tal-aħħar.

42

Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Frar 2011, il-High Court ċaħdet iż-żewġ appelli li nstemgħu quddiemha u ċaħdet it-talbiet tal-applikanti.

43

F’dak li jikkonċerna l-ewwel argument imqajjem minn dawn tal-aħħar, il-High Court qieset li l-aspetti tal-organizzazzjoni tal-proċedura tal-ażil għandhom jitħallew għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, kif tindika l-premessa 11 tad-Direttiva 2005/85. L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva huwa fakultattiv, mhux eżawrjenti u ma fih ebda limitazzjoni espressa inkwantu għat-tip ta’ applikazzjoni li tista’ tiġi pproċessata b’prijorità. Il-High Court għalhekk iddeċidiet li dan l-Artikolu 23 ma jimponix lill-Istati Membri sabiex jagħtu prijorità lil każijiet bħal dawn u lanqas ma jipprekludi l-għoti ta’ prijorità fil-każijiet l-oħra.

44

F’dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, il-High Court iddeċidiet li d-differenza ta’ pproċessar kienet biss amministrattiva u ma kinitx tikkonċerna l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil fuq il-mertu, għaliex, għalkemm kienu s-suġġett ta’ pproċessar iktar mgħaġġel, l-applikazzjonijiet kienu ġew eżaminati b’konformità mal-prinċipji u garanziji applikabbli għal kwalunkwe applikazzjonijiet għal ażil, inklużi r-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85. Hija qieset li, għalkemm l-appellanti kienu argumentaw dwar “żvantaġġ proċedurali” minħabba tqassir tat-terminu tal-eżami tal-applikazzjoni għal ażil tagħhom, huma ma sostnew ebda ommissjoni speċjali, illegalità jew ksur ta’ dawn il-prinċipji u garanziji fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Higħ Court irrilevat li d-differenza fl-organizzazzjoni li tirriżulta mill-istruzzjoni ministerjali tal-2003 kienet iġġustifikata permezz tan-numru kbir ta’ applikazzjonijiet ippreżentati miċ-ċittadini Niġerjani, li kienu jirrappreżentaw 39 % tal-applikazzjonijiet kollha fl-2003, sena li fiha din l-istruzzjoni ministerjali inħarġet.

45

F’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ rimedju effettiv, il-High Court qieset li l-ORAC kien l-“awtorità determinanti” msemmija fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2005/85, li r-rakkomandazzjoni tal-ORAC taħt l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar ir-refjuġati kienet “id-deċiżjoni fl-istadju tal-ewwel istanza” dwar l-applikazzjoni għal ażil u li l-appell quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal kien jikkostitwixxi rimedju effettiv intiż fl-Artikolu 39 tal-istess direttiva. Dan ir-rikors jieħu l-forma ta’ appell komplet, fil-fatt u fil-liġi, f’liema kuntest ir-Refugee Appeals Tribunal jista’ jeżamina mill-ġdid l-ilment, jisma’ xhieda ġodda u jipproċedi għall-miżuri ta’ inkjesta addizzjonali, jissodisfa l-istandards minimi meħtieġa minn dan l-Artikolu 39.

46

Il-High Court ikkonstatat ukoll li l-liġi timponi fuq ir-Refugee Appeals Tribunal li jkun indipendenti u li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istabbiliment tiegħu, il-funzjonijiet u l-organizzazzjoni tiegħu, kif ukoll il-ħatra u r-rimunerazzjoni tal-membri tiegħu, ma humiex sostanzjalment differenti minn dawk ta’ qrati statutorji oħra u għandu rwol simili u kkonkludiet li jikkostitwixxi “qorti jew tribunal”.

47

Il-High Court hija msejħa biex tiddeċiedi dwar talba mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jappellaw mis-sentenza tad-9 ta’ Frar 2011 quddiem is-Supreme Court. Fil-fatt, dan l-appell jista’ jiġi ppreżentat biss jekk il-High Court tagħti, f’dan ir-rigward, sentenza li tawtorizza dan l-appell u li tiċċertifika li d-deċiżjoni tagħha tinvolvi punt ta’ liġi li huwa ta’ interess ġenerali eċċezzjonali u li huwa mixtieq, fl-interess ġenerali, li jiġi ppreżentat appell (“certificate of leave to appeal”).

48

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Stat Membru huwa prekluż mid-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2005/85] jew mill-prinċipji ġenerali tad-Dirtt tal-Unjoni […] milli jadotta miżuri amministrattivi li jeħtieġu li klassi ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għall-ażil jiġu eżaminati u deċiżi skont proċedura [mħaffa] jew ta’ prijorità?

2)

L-Artikolu 39 tad-[Direttiva 2005/85], meta moqri flimkien mal-premessa 27 tagħha u mal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv meħtieġ minn dan l-artikolu jkun previst fil-liġi nazzjonali meta l-funzjoni ta’ stħarriġ jew appell fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza dwar l-applikazzjonijiet hija assenjata mil-liġi lill-appell quddiem it-Tribunal stabbilit minn Att tal-Parlament u li huwa kompetenti sabiex jagħti deċiżjonijiet li jorbtu favur l-applikant għall-ażil fuq il-punti kollha ta’ dritt u ta’ fatt rilevanti għall-applikazzjoni minkejja l-eżistenza ta’ arranġamenti amministrattivi jew organizzattivi li jinvolvu xi wħud jew kollha minn dawn li ġejjin:

Iż-żamma minn Ministru fil-Gvern ta’ diskrezzjoni residwali sabiex jegħleb deċiżjoni negattiva dwar applikazzjoni;

L-eżistenza ta’ konnessjonijiet organizzattivi jew amministrattivi bejn il-korpi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza u meta jiġu deċiżi l-appelli;

Il-fatt li l-membri li jieħdu deċiżjonijiet fit-Tribunal huma maħtura mill-Ministru u jaħdmu fuq bażi part-time għal perijodu ta’ tliet snin u huma mħallsa każ b’każ;

Iż-żamma mill-Ministru tas-setgħa li jagħti ordnijiet tat-tip speċifikati fl-Artikoli 12, 16(2B)(b) u 16(11) tal-[Liġi dwar ir-Refuġjati]?”

49

Fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju, ġiet eżaminata n-neċessità li tiġi suġġetta din il-kawża għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data ta’ din it-talba. Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2011, meħuda skont il-paragrafu 1, sub-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, ġie deċiż, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

50

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva 2005/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissottometti għal proċedura mħaffa jew prijoritarja l-eżami ta’ ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-kriterju tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

51

F’dan ir-rigward, D. u A. sostnew, waqt is-seduta, li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal ażil permezz ta’ proċedura prijoritarja jew imħaffa ma jistax jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva, ħlief meta l-applikazzjoni jkollha bażi suffiċjenti jew fuq il-bażi ta’ wieħed mill-ħmistax-il raġuni elenkati fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, meta kollox jindika li ma jkollhiex bażi suffiċjenti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jkunux intitolati li jissottomettu għal din il-proċedura l-eżami tal-applikazzjonijiet għal ażil billi jibbażaw ruħhom fuq l-uniku kriterju tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikanti.

52

Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqiesu li l-għażla tal-proċedura mħaffa jew prijoritarja tirrigwarda biss applikazzjoni individwali u mhux kategorija ta’ applikazzjonijiet. Huma jfakkru, b’mod partikolari, li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jiddikjara li l-Istati kontraenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni għar-refuġjati mingħajr diskriminazzjoni għar-razza, għar-reliġjon jew għall-pajjiż ta’ oriġini. Għaldaqstant, huma jikkunsidraw li l-istabbiliment ta’ proċedura mħaffa jew prijoritarja għal kategorija ta’ persuni ddefinita fuq dan il-kriterju jmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

53

L-Irlanda ssostni li l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2005/85 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 23 fl-intier tiegħu, kif ukoll fil-kuntest ġenerali ta’ din id-direttiva, waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni il-premessi ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-premessa 11 li tirrikonoxxi l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil.

54

Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-Irlanda tagħti l-prijorità lil ċerti applikazzjonijiet billi tibbaża ruħha fuq il-kriterju tan-nazzjonalità tal-applikanti għal ażil. Fil-fatt, hija ma timponi ebda restrizzjoni jew limitazzjoni għall-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-istabbiliment ta’ kategoriji ta’ gruppi ta’ applikanti, bil-kundizzjoni li l-proċedura tal-eżami tkun imwettqa fl-osservanza tal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva.

55

Skont l-Irlanda, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85 ma jistax jiġi interpretat waħdu, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jew tabilħaqq tal-bqija ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha. Din il-konklużjoni tirriżulta, fl-ewwel lok, mill-użu f’dan il-paragrafu 4 tal-avverbju “wkoll” li huwa intiż li jiżviluppa d-dispożizzjoni ta’ bażi li tidher fl-imsemmi paragrafu 3, u, fit-tieni lok, minħabba l-fatt li l-imsemmi paragrafu 4 jipprovdi lista mhux eżawrjenti tal-każijiet li fihom Stat Membru huwa awtorizzat li jipproċċessa bi prijorità jew li jħaffef l-eżami tal-applikazzjonijiet għal ażil. Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk dik użata mill-HCR, li tqis, f’rapport ippubblikat matul ix-xahar ta’ Marzu tas-sena 2010, li fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2005/85, il-lista estensiva tar-raġunijiet fakultattivi ta’ pproċessar prijoritarju jew imħaffef li tidher fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu hija “biss b’mod illustrattiv”.

56

L-Irlanda ssostni, barra minn hekk, li d-differenza fl-ipproċessar applikat għaċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi ma għandu ebda inċidenza fuq id-drittijiet sostanzjali mogħtija permezz tad-Direttiva 2005/85. Għaldaqstant, wara d-dħul fis-seħħ tal-istruzzjoni ministerjali tal-2003, l-applikazzjonijiet għal ażil, kemm jekk huma prijoritarji kemm jekk le, kienu kollha bbenefikaw minn eżami bir-reqqa. Id-differenza bejn l-applikazzjonijiet prijoritarji u dawk mhux prijoritarji sseħħ fil-livell tal-ORAC u tikkonċerna t-termini fuq meta jseħħu l-intervisti kif ukoll għall-abbozzar u l-ħruġ tar-rapporti previsti mil-Liġi dwar ir-refuġjati. L-applikanti kollha, sew jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun prijoritarja sew jekk le, jibbenefikaw mid-dritt għall-appell quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal u ma kienet teżisti ebda differenza proċedurali jew ta’ mertu bejn l-appell sottomess lil dan tal-aħħar skont jekk l-applikazzjonijiet humiex prijoritarji jew le.

57

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li kif jindikaw il-premessi 3 u 4 kif ukoll l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/85, din għandha bħala suġġett l-istabbiliment ta’ standards komuni għal proċedura ġusta u effiċjenti tal-ażil fl-Istati Membri.

58

Il-proċedura ta’ għoti u ta’ rtirar tal-istatus ta’ Refuġjat hija bbażata, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 2005/85, fuq ir-rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji fundamentali rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta. Id-dispożizzjonijiet inklużi fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva jiddikjaraw il-prinċipji u l-garanziji bażiċi, skont liema, skont l-Artikolu 23(1) ta’ din, l-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet kollha għal ażil fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami.

59

L-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tkun konkluża mill-iktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u eżawrjenti.

60

L-interess marbut mal-ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil huwa, kif jirriżulta mill-premessa 11 tal-istess direttiva, huwa mixtieq kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-applikanti għal ażil.

61

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva 2005/85 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw proċedura prijoritarja jew imħaffa għall-applikazzjonijiet għal ażil.

62

Din il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu għall-ipproċessar prijoritarju ta’ applikazzjoni għal ażil għandha tiġi interpretata filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom dawn tal-aħħar għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

63

Fil-punt 29 tas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C-69/10, Ġabra p. I-7151), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li l-Istati Membri għandhom f’diversi aspetti marġni ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85 billi jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti speċifiċi tad-dritt nazzjonali tagħhom.

64

Matul l-abbozzar tad-Direttiva 2005/85, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni tal-proċedura ta’ għoti u ta’ rtirar tal-istatus ta’ Refuġjat. Għaldaqstant, fil-punt 2 tal-proposta tagħha tad-Direttiva dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ Refuġjat [COM(2000) 578 finali], il-Kummissjoni Ewropea ppreċiżat li l-istandards kollha dwar l-implementazzjoni ta’ proċedura xierqa u effikaċi huma stabbiliti bla ħsara għas-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jikklassifikaw il-fajls skont il-prijorità abbażi tal-politiki nazzjonali tagħhom.

65

Din l-istess intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tħalli marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri tinstab fl-istess test tad-Direttiva 2005/85, b’mod partikolari fil-kliem tal-premessa 11 u tal-Artikolu 23 ta’ din, iddedikat għall-proċedura ta’ eżami.

66

Għaldaqstant, il-premessa 11 tad-Direttiva 2005/85 tiddikjara, fit-tieni sentenza tagħha, li l-organizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal ażil għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, sabiex, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jipprijoritizzaw jew iħaffu l-ipproċessar ta’ kull applikazzjoni, filwaqt li jiġu osservati l-istandards stabbiliti f’din id-direttiva.

67

Il-kliem tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2005/85 juru l-istess intenzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri “jistgħu” jipprijoritizzaw jew iħaffu kull eżami, “anke fejn” l-applikazzjoni jista’ jkollha bażi suffiċjenti jew fejn l-applikant ikollu bżonnijiet speċjali.

68

Kif issostni l-Kummissjoni, il-kliem użat, jiġifieri “kull eżami” (“any examination”), jindika li l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jagħtu l-prijorità lil ċerti applikazzjonijiet għal ażil jew li jħaffu l-eżami tagħhom ma hijiex limitata għall-każijiet iddikjarati fl-imsemmi Artikolu 23(3). L-użu tal-espressjoni “anke fejn” f’din id-dispożizzjoni timplika li tali proċedura tista’ tiġi applikata kemm għall-applikazzjonijiet li jista’ jkollhom bażi suffiċjenti kif ukoll għal dawk li ma jkollhomx.

69

Bl-istess mod, skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri “jistgħu” japplikaw il-proċedura prijoritarja jew imħaffa fuq il-bażi ta’ waħda minn ħmistax-il raġuni speċifiċi li jiġġustifikaw l-implementazzjoni ta’ tali proċedura.

70

Kif jargumentaw l-Irlanda u l-Gvern Elleniku, mill-kliem tal-paragrafi 3 u 4 tal-imsemmi Artikolu 23 jirriżulta li l-elenku tal-applikazzjonijiet li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami prijoritarju jew imħaffa huwa indikativ u mhux eżawrjenti. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jiddeċiedu li jeżaminaw bi prijorità jew skont proċedura mħaffa l-applikazzjonijiet li ma jaqgħux taħt ebda waħda mill-kategoriji elenkati f’dan il-paragrafu 4, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji u l-garanziji bażiċi msemmija fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85.

71

Inkwantu għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigwrad ta’ ażil u, b’mod partikolari, fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2005/85, il-pajjiż tal-oriġini u, għaldaqstant, in-nazzjonalità tal-applikant għandhom rwol determinanti, kif jirriżulta kemm mill-premessa 17 kif ukoll mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, mill-Artikolu 8(2)(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jinfluwixxi fuq id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti, minħabba li din tal-aħħar hija obbligata li tinforma ruħha fuq is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti f’dan il-pajjiż sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza jew le ta’ periklu għall-applikant għal ażil u, jekk ikun il-każ, ta’ ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ dan tal-aħħar.

72

Barra dan, kif jirriżulta mill-premessa 17 tad-Direttiva 2005/85, il-leġiżlatur tal-Unjoni daħħal il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini li ma fihx periklu”, li jipprovdi, meta pajjiż terz jista’ jitqies bħala tali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinnominawh b’dan il-mod u jassumu li applikant partikolari huwa sigur hemmhekk. Kif ipprovdut għaldaqstant fl-Artikolu 23(4)(ċ) ta’ din id-direttiva li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li proċedura ta’ eżami hija prijoritarja jew tkun imħaffa meta l-applikazzjoni għal ażil tkun ikkunsidrata bħala infondata minħabba li l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu fis-sens tal-istess direttiva.

73

Minn dan jirriżulta, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li n-nazzjonalità tal-applikant għal ażil hija fattur li jista’ jitqies li jiġġustifika l-proċess prijoritarju jew imħaffef ta’ applikazzjoni għal ażil.

74

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni bejn l-applikanti għal ażil ta’ pajjiż terz speċifiku li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ eżami prijoritarja u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu eżaminati skont il-proċedura normali, din il-proċedura prijoritarja ma għandhiex tneħħi mill-applikanti li jaqgħu fl-ewwel kategorija l-garanziji meħtieġa mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85, li japplikaw għal kull forma ta’ proċedura.

75

Għaldaqstant, l-istabbiliment ta’ proċedura prijoritarja bħal dik fil-kawża prinċipali għandu jippermetti kompletament l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-imsemmija direttiva tagħti lill-applikanti għal ażil li huma ċittadini Niġerjani. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn terminu suffiċjenti sabiex jiġbru u jippreżentaw l-elementi neċessarji sabiex jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom, u b’hekk jippermettu lill-awtorità determinanti li twettaq eżami ekwu u komplet ta’ dawn l-applikazzjonijiet kif ukoll li tiżgura li l-applikanti ma jkunux esposti għal xi perikli fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

76

Fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, il-High Court fakkret li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux invokaw quddiemha ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-ipproċessar prijoritarju meħtieġ mill-istruzzjoni ministerjali tal-2003 ikun il-kawża ta’ ksur tal-prinċipji bażiċi u tal-garanziji fundamentali msemmija fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85 u, fis-sentenza tagħha fuq il-mertu tad-9 ta’ Frar 2011, hija kkonstatat li l-applikazzjonijiet ta’ D. u ta’ A. kienu ġew eżaminati b’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji bażiċi u ma’ dawn il-garanziji fundamentali.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jissottometti għal proċedura prijoritarja jew imħaffa l-eżami, fl-osservanza tal-prinċipji bażiċi u tal-garanziji fundamentali msemmija fil-Kapitolu II tal-istess direttiva, ta’ ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-kriterju tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

Fuq it-tieni domanda

78

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-ażil bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi sistema dwar il-proċedura ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat li tippreżenta diversi karatteristiċi ta’ ordni amministrattiv jew organizzattiv.

79

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi appell kontra d-deċiżjonijiet tal- awtorità determinanti quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal, li l-kwalità tagħha ta’ qorti indipendenti hija kkontestata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tosservax ir-rekwiżit ta’ rimedju effettiv hekk kif previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85.

80

L-Artikolu 39(1)(a) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għal ażil ikollhom dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra deċiżjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom għal ażil. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, huwa ddedikat permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, Ġabra p. I-13849, punti 29 u 31, kif ukoll Samba Diouf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

81

Huwa ppreċiżat, fl-ewwel sentenza tal-premessa 27 tad-Direttiva 2005/85, li, skont prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għal ażil u fir-rigward tal-irtirar tal-istatus ta’ Refuġjat ikunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

82

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li r-Refugee Appeals Tribunal ma huwiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-imsemmi artikolu.

83

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu li qed jagħmel ir-rinviju għandux karatteristiċi ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni din li hija rregolata biss mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis numru ta’ fatturi, bħall-kwistjoni ta’ jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontenzjuża tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli ta’ dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29, tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium, C-517/09, Ġabra p. I-14093, punt 36, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C-196/09, Ġabra p. I-5105, punt 37).

84

Huwa paċifiku, fir-rigward tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kemm mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, li r-Refugee Appeals Tribunal kien jissodisfa l-kriterji dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, u l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt.

85

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-fatt li l-imsemmi Tribunal jippreżenta n-natura ta’ ġurisdizzjoni obbligatorja, li l-proċedura quddiemu hija ta’ natura kontenzjuża u li huwa independenti.

86

F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li, skont l-Artikoli 15 u 16(1) tal-Liġi dwar ir-Refuġjati, ir-Refugee Appeals Tribunal huwa t-tribunal kompetenti sabiex jeżamina u jiddeċiedi dwar l-appelli ppreżentati kontra ir- rakkommandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner, li huma d-deċiżjonijiet meħudin fl-ewwel istanza fuq l-applikazzjonijiet għal ażil skont it-tieni inċiż tal-Anness I tad-Direttiva 2005/85.

87

Barra minn dan, fl-ipoteżi li l-appell quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal jintlaqa’, il-Ministru huwa obbligat, skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija liġi, li jagħti l-istatus ta’ refuġjat. Huwa biss meta ir-Refugee Appeals Tribunal ma jilqax l-appell tal-applikant għal ażil li l-istatus ta’ Refuġjat jista’ madankollu jingħata lil dan tal-aħħar mill-Ministru. Dan tal-aħħar ma għandu għalhekk ebda marġni ta’ diskrezzjoni meta r-Refugee Appeals Tribunal ħa deċiżjoni favur l-applikant għal ażil. Id-deċiżjonijiet pożittivi tar-Refugee Appeals Tribunal għandhom, f’dan is-sens, forza vinkolanti u jorbtu l-awtoritajiet tal-Istat.

88

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ proċedura kontradittorja ma huwiex kriterju assolut (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 31).

89

F’dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni tal-ORAC bħala parti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ appell quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal, sabiex jiddefendi d-deċiżjoni meħuda fl-ewwel istanza, ma tikkostitwix neċessità.

90

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(5) tal-Liġi dwar ir-refuġjati jipprevedi li r-Refugee Applications Commissioner għandu jipprovdi lir-Refugee Appeals Tribunal kopji tar-rapporti, tad-dokumenti jew tad-dikjarazzjonijiet kollha bil-miktub li jkunu ġew ippreżentati lilu abbażi tal-Artikolu 11 kif ukoll indikazzjoni bil-miktub tan-natura u tal-oriġini ta’ kull informazzjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni li jkun sar jaf biha matul l-inkjesta tiegħu. Skont il-paragrafu 8 tal-istess Artikolu 16, ir-Refugee Appeals Tribunal jipprovdi lill-applikant u lis-solicitor tiegħu kif ukoll lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, fuq talba tiegħu, dawn l-istess kopji.

91

Barra minn dan, skont l-Artikolu 16(10) u (11)(a) u (ċ) tal-Liġi dwar ir-refuġjati, ir-Refugee Appeals Tribunal jista’ wkoll iżomm seduta li matulha jista’ jħarrek lill-persuni kollha li x-xhieda tagħhom tkun meħtieġa u jisma’ kemm lill-applikant u lill-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet ta’ Refuġjati jinvokaw il-każ tagħhom personalment jew permezz tal-intermedjarju ta’ rappreżentant legali. B’konsegwenza, kull parti tista’ jkollha l-okkażjoni li tgħarraf lir-Refugee Appeals Tribunal l-informazzjoni kollha neċessarja għas-suċċess tal-applikazzjoni għal ażil jew għad-difiża.

92

Barra minn dan, l-imsemmi Artikolu 16 jiddikjara, fil-paragrafu 16 tiegħu, li, qabel ma jiddeċiedi dwar appell, ir-Refugee Appeals Tribunal għandu jieħu kont, b’mod partikolari, tar-rapport tar-Refugee Applications Commissioner, ta’ kull osservazzjoni magħmula minn dan tal-aħħar jew mill-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, il-provi prodotti u kull dikjarazzjoni magħmula waqt seduta, u kwalunkwe dokument, dikjarazzjoni miktuba jew informazzjoni oħra provduta lill-Refugee Applications Commissioner.

93

Minn dan jirriżulta li r-Refugee Appeals Tribunal għandu setgħa ta’ investigazzjoni wiesgħa, billi jieħu konjizzjoni kemm tal-kwistjonijiet ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, u li jiddeċiedi fir-rigward tal-provi kollha li ġew ippreżentati lilu u li fir-rigward tagħhom huwa għandu setgħa diskrezzjonali.

94

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li r-Refugee Appeals Tribunal ma huwiex indipendenti, minħabba li jeżistu rabtiet organizzattivi bejn dan tal-aħħar, l-ORAC u l-Ministru u li l-membri tiegħu huma esposti għal pressjonijiet esterni. B’mod partikolari, il-liġijiet dwar il-ħatra, it-tul tal-funzjonijiet u r-revoka tal-membri tiegħu kif ukoll aspetti oħra tal-mandat ta’ dawn tal-aħħar iċaħħdu lil dan it-Tribunal mill-indipendenza tiegħu.

95

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ indipendenza, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jimplika qabel kollox li l-istanza kkonċernata għandha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni li minnha qed isir appell (is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2002, Schmid, C-516/99, Ġabra p. I-1473, punt 36, u RTL Belgium,iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

96

Dan il-kunċett fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jissopponi li l-istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha (is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punti 50 u 51, kif ukoll RTL Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). It-tieni aspett, intern, jgħaqqad il-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wilson, punt 52, u RTL Belgium, punt 40).

97

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat wkoll li l-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, rikuża u revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli, fil-moħħ tal-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi li tkun affrontata bihom. F’dan ir-rigward, sabiex il-kundizzjoni dwar l-indipendenza tal-organu ta’ rinviju titqies li hija sodisfatta, il-ġurisprudenza teżiġi, b’mod partikolari, li l-każijiet ta’ revoka tal-membri ta’ dan l-organu jkunu ddeterminati minn dispożizzjonijiet espressi tal-liġi (ara d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato, C-109/07, Ġabra p. I-3503, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

F’dan il-każ, l-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar ir-refuġjati jiddikjara li r-Refugee Appeals Tribunal huwa indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Barra minn dan, jekk il-Ministru jżomm diskrezzjoni residwali li jagħti l-istatus ta’ Refuġjat minkejja deċiżjoni negattiva mogħtija fuq applikazzjoni għal ażil, għandu jiġi rrilevat li, meta r-Refugee Appeals Tribunal jiddeċiedi favur l-applikant għal ażil, il-Ministru huwa marbut bid-deċiżjoni ta’ dan it-Tribunal u ma huwiex għalhekk intitolat jikkontrollaha.

99

Fir-rigward tar-regoli dwar il-ħatra tal-membri tar-Refugee Appeals Tribunal, dawn ma humiex ta’ tali natura li jpoġġu f’dubju l-indipendenza ta’ dan it-Tribunal. Effettivament, il-membri ta’ dan tal-aħħar jinħatru għal mandat speċifiku minn fost persuni li jkollhom minn tal-inqas ħames snin esperjenza fil-prattika ta’ barrister jew solicitor, il-fatt li din il-ħatra titwettaq mill-Ministru ma hijiex differenti sostanzjalment minn dik li tiġi pprattikata f’numru ta’ Stati Membri oħra.

100

Inkwantu għall-kwistjoni tar-revoka tal-membri tar-Refugee Appeals Tribunal, mill-Artikolu 7 tal-Anness II tal-Liġi dwar ir-refuġjati jirriżulta li l-membri ordinarji ta’ dan it-Tribunal jistgħu jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom mill-Ministru u d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar għandha tagħti r-raġunijiet għal din ir-revoka.

101

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunijiet li għalihom il-membri tar-Refugee Appeals Tribunal jistgħu jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom ma humiex speċifikati b’mod iktar preċiż mil-Liġi dwar ir-Refuġjati. Barra minn hekk, ma huwiex ippreċiżat f’din il-liġi jekk id-deċiżjoni dwar ir-revoka ta’ membru tar-Refugee Appeals Tribunal tistax tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

102

Madankollu, kif tindika t-tieni sentenza tal-premessa 27 tad-Direttiva 2005/85, l-effikaċja tar-rimedju, fir-rigward tal-eżami tal-fatti rilevanti, tiddependi fuq is-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta’ kull Stat Membru fit-totalità tagħha. Huwa għalhekk xieraq li tinftiehem b’mod ġenerali s-sistema Irlandiża dwar l-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, sabiex jevalwa jekk tista’ tiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv kif previst fl-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva.

103

F’dan il-każ, skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina, l-applikanti għal ażil jistgħu jikkontestaw il-validità tar-rakkomandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner u tad-deċiżjonijiet tar-Refugee Appeals Tribunal quddiem il-High Court, li s-sentenzi tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem is-Supreme Court. L-eżistenza ta’ dawn il-mezzi ta’ appell tidher, minnha stess, li tipproteġi r-Refugee Appeals Tribunal kontra kull tentazzjoni li ċċedi għal interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tal-membri tiegħu.

104

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li l-kriterju tal-independenza huwa sodisfatt mis-sistema Irlandiża dwar l-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat u li, għalhekk, din is-sistema għandha titqies bħala li tosserva d-dritt għal rimedju effettiv.

105

B’konsegwenza, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew li tippermetti lil applikant għal ażil li jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti quddiem qorti jew tribunal bħal dak tar-Refugee Appeals Tribunal, u li jappella mid-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar quddiem qorti superjuri bħal dik tal-High Court, jew li jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni ta’ din l-istess awtorità quddiem il-High Court, li s-sentenzi tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem is-Supreme Court.

Fuq l-ispejjeż

106

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jissottometti għal proċedura mħaffa jew prijoritarja l-eżami, fl-osservanza tal-prinċipji bażiċi u l-garanziji fundamentali msemmija fil-Kapitolu II tal-istess direttiva, ta’ ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-kriterju tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

 

2)

L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil applikant għal ażil jew li jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti quddiem qorti jew tribunal bħal dak tar-Refugee Appeals Tribunal (l-Irlanda), u li jappella mid-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar quddiem qorti superjuri bħal dik tal-High Court (l-Irlanda), jew li jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni ta’ din l-istess awtorità quddiem il-High Court, li s-sentenzi tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem is-Supreme Court (l-Irlanda).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.