SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Artikolu 101 TFUE — Settur tal-karozzi — Regolament (KE) Nru 1400/2002 — Eżenzjoni skont il-kategorija — Sistema ta’ distribuzzjoni selettiva — Kunċett ta’ ‘kriterj[i] speċifikat[i]’ fir-rigward ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva — Rifjut ta’ awtorizzazzjoni bħala distributur ta’ vetturi ġodda — Assenza ta’ kriterji ta’ għażla kwantitattivi preċiżi, oġġettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji”

Fil-Kawża C-158/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2011, fil-proċedura

Auto 24 SARL

vs

Jaguar Land Rover France SAS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Auto 24 SARL, minn R. Bertin, avukat,

għal Jaguar Land Rover France SAS, minn J. Vogel u L. Boudailliez, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Mongin, A. Biolan u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(f) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002, tal-31 ta’ Lulju 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 158, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Auto 24 SARL (iktar ’il quddiem “Auto 24”) u Jaguar Land Rover France SAS iktar ’il quddiem “JLR”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tawtorizza lil Auto 24 bħala distributur ta’ vetturi bil-mutur ġodda tat-trade mark LAND ROVER.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolament, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE, tat-2 ta’ Marzu 1965, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 11) jipprovdi eżenzjoni mill-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE għal xi kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-karozzi (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni”).

4

Il-premessi 1 u 4 sa 8 tar-Regolament jinqraw kif ġej:

“(1)

Esperjenza miksuba fis-settur tal-vetturi bil-mutur dwar id-distribuzzjoni ta’ vetturi ġodda bil-mutur […] huwa possibli tiddefinixxi kategoriji ta’ ftehim vertikali li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li normalment jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(3).

[...]

(4)

Il-benefiċċju tal-eżenxjoni għandu jkun limitat lil ftehim vertikali liema jista’ jiġi ssoponut b’ċertezza suffiċjenti li dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 81(3).

(5)

ftehim vertikali li jaqa’ taħt il-kategoriji ddeffinuti f’dan ir-Regolament jistgħu jimmeljoraw l-effiċjenza ekonomika fil-katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni billi tiffaċilita kordinament aħjar bejn l-imprizi parteċipanti. U partikolarment, dawn jistgħu jwasslu għal riduzzjoni fit-transazzjoni u spejjez ta’ distribuzzjoni tal-partijiet u għall-aħjar użu tas-sitwazzjoni tal-bejgħ u livelli tal-investimenti tagħhom.

(6)

Il-probabilità li dawn l-effetti minn effiċjenża aħjar ikunu aqwa minnkull effett anti-kompetitiv minħabba restrizzjonijiet kompriżi fi ftehim vertikali jiddependi fuq il-livell tal-poter tas-suq mizmum mill-impriżi kkonċernati u għalhekk sal-punt li dawk l-impriżi jiffaċċjaw il-kompetizzjoni minn fornituri oħra ta’ prodotti jew servizzi li huma stmati mix-xerrej bħala li jista’ jitpartat jew li jista’ jiġi sostitwit minn wieħed għall-ieħor […].

(7)

Livelli bbazati fuq il-qasam tas-suq għandhom ikunu stabbiliti sabiex jirriflettu l-poter tal-fornituri fis-suq. […] Il-livelli taħt liema jista’ jiġi ssoponut li l-vantaġġi miksuba minn ftehim vertikali jaqilbu l-effetti restrittivi taghħom għandhom ivarjaw bil-karatteristi ta’ tipi differenti ta’ ftehim vertikali. Għaldaqstant, in-ġenerali jista’ jiġi ssoponut li, ftehim vertikali għandhom l-imsemmija vantaġġi fejn il-fornitur ikkonċernat għandu sat-30 % tal-qasam tas-suq fuq is-swieq tad-distribuzzjoni ta’ vetturi ġodda bil-mutur jew spare parts, jew sal-40 % fejn distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva hija użata għal bejgħ ta’ vetturi ġodda bil-mutur […]

(8)

Il fuq minn dawk il-livelli tal-qasam tas-suq, ma jista’ jkun hemm l-ebda supponiment li ftehim vertikali li jaqa’ taħt l-iskop tal-Artikolu 81(1) normalment iwassal għal vantaġġi oġġettivi ta’ xorta ta’ karattru u kobor kif li jikkompensa għall-isvantaġġi li huma jikkrejaw għal kompetizzjoni.. Madankollu, l-imsemmija vantaġġi jistgħu jiġu antiċipati fil-każ ta’ distribuzzjoni selettiva u kwalitattiva, irrespettivament mill-qasam tas-suq tal-fornitur.”

5

Skont l-Artikolu 1(1)(f) sa (h) tar-Regolament, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar:

“f)

‘sistema selettiva ta’ distribuzzjoni’ [sistema ta’ distribuzzjoni selettiva] tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-fornitur jobbliga ruħu biex ibiegħ il-merkanzija appaltata jew servizzi, direttament jew indirettament, lil distributuri biss jew sewwejja magħzula fuq il-bażi ta’ kriterja speċifikata [kriterji speċifikati] u fejn dawn id-distributuri jew sewwejja jobbligaw ruħħom biex ma jbiegħux l-imsemmija merkanzija jew servizzi lill distributuri li mħumiex awtorizzati jew sewwejja ndipendenti, mingħajr preġudizzju għall-abilità li jbiegħu ‘spare parts’ lil sewwejja ndipendenti jew l-obbligazzjoni biex jipprovdu joperaturi ndipendenti bl-informazzjoni teknika kollha, tagħmir dijanjostiku, għodda u tħarriġ neċessarji għat-tiswijja u manteniment ta’ vetturi bil-mutur jew għal implimentazzjoni ta’ miżuri għal protezzjoni tal-ambjent;

g)

‘sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva’ tfisser sistema ta’ distribuzzjoni selettiva fejn il-fornitur juża kriterja għal selezzjoni ta’ distributuri jew sewwejja li direttament jillimitaw in-numru tagħhom;

h)

‘sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u kwalitattiva’ tfisser sistema ta’ distribuzzjoni selettiva fejn il-fornitur juża kriterja għal selezzjoni ta’ distributuri jew sewwejja li huma biss fin-natura tagħhom kwalitattiva, huma meħtieġa minn natura tal-merkanżija appaltata jew servizzi, li jkunu stabbiliti uniformament għad-distributuri kollha jew sewwejja li japplikaw biex jagħmlu parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni, mhumiex applikati f’mod diskriminatorju, u li ma jillimitawx [direttament] in-numru ta’ distributuri jew sewwejja”.

6

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament jipprovdi:

“Bla ħsara għal-paragrafi 2, 3, 4, 5, 6 u 7, l-eżenzjoni se tapplika fuq kondizzjoni li l-qasam tas-suq tal-fornitur fuq is-suq relevanti fuq liema ibiegħ il-vetturi ġodda bil-mutur, ‘spare parts’ għal vetturi bil-mutur jew servizzi ta’ tiswija u manteniment ma jeċċedux 30 %.

Madankollu, il-livelli tal-qasam tas-suq għal-applikazzjoni tal-eżenzjoni se tkun 40 % għal fteħim li jistabilixxi sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva għal bejgħ ta’ vetturi ġodda bil-mutur.

Dawk il-livelli mhux se japplikaw għal fteħim li jistabilixxu sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva u kwalitativa.”

7

Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament jistipula, rigward il-bejgħ ta’ vetturi bil-mutur ġodda, li l-eżenzjoni ma tapplikax għal ebda “obbligazzjoni diretta jew indiretta fuq kwalsijasi distributur ta’ karrozzi tal-passiġġieri jew vetturi kummerċjali ħfief tat-tagħbija fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li tillimita l-abilità biex tistabbilixxi bejgħ addizzjonali jew ħwienet tal-kunsinna f’lokalitajiet oħra fi ħdan is-suq komuni fejn distribuzzjoni selettiva hija applikata”.

8

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament, il-benefiċċju tal-eżenzjoni jista’ jiġi rtirat jekk jiġi kkonstatat li, f’każ determinat, il-ftehim vertikali inkwistjoni għandu effetti li huma inkompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(3) KE.

9

Mill-Artikolu 12 tar-Regolament jirriżulta li dan tal-aħħar daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2002, bl-eċċezzjoni tal-imsemmi Artikolu 5(2)(b) li japplika b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2005.

Id-dritt Franċiż

10

Skont l-Artikolu 1382 tal-Kodiċi Ċivili, “[k]ull azzjoni tal-bniedem, li tikkawża ħsara lil ħaddieħor tobbliga lil dak li jkun wettaq il-ħsara li jipprovdi kumpens”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

JLR timporta fi Franza vetturi bil-mutur ġodda u prodotti tat-trade mark LAND ROVER.

12

Mis-sena 1994, Auto 24 kienet id-distributur esklużiv ta’ JLR f’Périgueux (Franza). Il-kuntratt tagħha ta’ konċessjoni kien terminat fis-27 ta’ Settembru 2002 b’effett mit-30 ta’ Settembru 2004, skont l-avviż ta’ sentejn kif previst mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Fid-data effettiva ta’ dan ix-xoljiment, hija kkonkludiet ma’ JLR kuntratt li jawtorizza li ssewwi l-imsemmija vetturi. Il-kandidatura tagħha biex isir distributur awtorizzat, madankollu, ġiet miċħuda minn JLR.

13

B’sentenza li saret definittiva fit-28 ta’ Ottubru 2005, it-Tribunal de commerce ta’ Versailles iddeċieda li JLR kienet aġixxiet b’mod diskriminatorju fl-eżami ta’ din il-kandidatura u, b’konsegwenza, kien ikkundannha li tħallas EUR 100 000 lil Auto 24 bħala danni għat-telf ta’ profitt li din tal-aħħar setgħet tirrealizza kieku kienet akkwistat il-kwalità ta’ distributur awtorizzat.

14

Fid-19 ta’ Jannar 2006, JLR mill-ġdid irrifjuta lil Auto 24 il-kwalità ta’ distributur awtorizzat f’Périgueux, għar-raġuni li n-“numerus clausus” stabbilit minn JLR ma pprevediex in-nomina ta’ distributur ta’ vetturi ġodda f’din il-belt.

15

Fix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2006, il-kumpannija Pericaud Automobiles, distributur awtorizzata ta’ JLR, fetħet stabbiliment sekondarju fi Trélissac (Franza), fil-periferija ta’ Périgueux.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Auto 24 ħarrket lil JLR quddiem it-Tribunal de commerce ta’ Bordeaux għall-fini tal-kumpens għat-telf maħluq mir-rifjut minn din tal-aħħar li tiġi awtorizzata bħala distributur fis-settur ta’ Perigueux.

17

B’sentenza tat-8 ta’ Frar 2008, it-Tribunal de commerce ta’ Bordeaux ċaħad it-talbiet kollha mressqa minn Auto 24.

18

B’sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, il-Cour d’appel ta’ Pariġi kkonfermat din is-sentenza, filwaqt li nnutat b’mod partikolari li JLR kienet ċaħdet lil Auto 24 milli tiġi awtorizzata bħala distributur billi bbażat ruħha fuq numerus clausus stabbilit fit-8 ta’ April 2005, liema ppreveda 72 kuntratt ta’ distributuri awtorizzati għal 109 siti, deskritti f’tabella ta’ kuntratti u siti fejn ma tidhirx Périgueux.

19

Auto 24 għalhekk ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Bl-appell tagħha, Auto 24 issostni, b’mod partikolari, li l-Cour d’appel ta’ Pariġi kisret l-Artikolu 1(1)(g) tar-Regolament u l-Artikolu 1382 tal-Kodiċi Ċivili billi qieset li l-ebda liġi jew regolament, tad-dritt nazzjonali jew Komunitarju, ma timponi lill-konċedent biex jiġġustifika raġunijiet ekonomiċi jew oħrajn li wasslu għan-numerus clausus u billi riteniet li JLR kienet stabbilixxiet numerus clausus li ma kienx jipprevedi l-possibbiltà ta’ impjant f’Périgueux, mingħajr ma tiġi eżaminata l-oġġettività tal-kriterji ta’ għażla, l-utilità ekonomika tagħhom, it-titjib fis-servizz mogħti lill-klijenti u l-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tagħhom. Skont Auto 24, f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva, il-fornitur, meta jagħżel id-distributuri tiegħu, għandu japplika kriterji ta’ għażla kwantitattivi preċiżi, oġġettivi, proporzjonati mal-għan imfittex u implementati b’mod nondiskriminatorju.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation, billi għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tar-regolamenti, u b’mod partikolari fuq ir-rekwiżiti dwar il-kriterji ta’ għażla fil-qasam tad-distribuzzjoni selettiva kwantitattiva, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“X’għandu jinftiehem bil-kliem “kriterji speċifikati” li jinsab fl-Artikolu 1(1)(f) tar-regolament […] fir-rigward ta’ distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kliem “kriterj[i] speċifikat[i]”, li jinsabu fl-Artikolu 1(1)(f) tar-Regolament, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jeħtieġu li sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni, sistema ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva, fis-sens tar-Regolament, għandha tkun ibbażata fuq kriterji li huma oġġettivament iġġustifikati u applikati b’mod uniformi u mhux differenzjati fir-rigward ta’ kull kandidat għall-awtorizzazzjoni.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1986, VAG France, 10/86, Ġabra p. 4071, punt 12; tat-30 ta’ April 1998, Cabour, C-230/96, Ġabra p. I-2055, punti 47, 48 u 51, kif ukoll tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C-260/07, Ġabra p. I-2437, punt 68) li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni meħtieġa għall-eżenzjoni ma jistax fih nnifsu jagħti lok għal danni skont l-Artikolu 101 TFUE jew jobbliga lill-fornitur li jospita kandidat għal distributur f’sistema ta’ distribuzzjoni.

23

F’dan il-każ, Auto 24 issostni, essenzjalment, li kull kriterju kwantitattiv fis-sens tal-Artikolu 1(1)(g) tar-Regolament, jiġifieri kull kriterju li, għall-fini tal-għażla ta’ distributuri jew sewwejja, jillimita direttament in-numru ta’ dawn, għandu jirrispondi għal ġustifikazzjonijiet ekonomiċi oġġettivi li tagħhom il-fornitur irid jipprovdi l-prova u għandu jkun applikat b’mod uniformi u nondiskriminatorju fuq iż-żoni kollha koperti u fuq il-kandidati kollha potenzjali għas-sistema ta’ distribuzzjoni.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-premessi 1 u 4 sa 6 tar-Regolament li l-benefiċċju tal-eżenzjoni huwa limitat għall-ftehim vertikali li, fir-rigward tal-esperjenza miksuba fil-qasam tad-distribuzzjoni fis-settur tal-karozzi, huma preżunti li jissodisfaw, minħabba l-qligħ mill-effiċjenzi li joffru, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE.

25

Kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament, il-livelli taħt liema jista’ jiġi preżunt li l-vantaġġi miksuba minn ftehim vertikali jipprevali fuq l-effetti restrittivi tagħhom ivarjaw skont il-karatteristiċi ta’ tipi differenti ta’ ftehim vertikali.

26

Skont il-premessi 7 u 8 tar-Regolament, ftehim vertikali għandhom l-imsemmija vantaġġi fejn il-fornitur ikkonċernat għandu sehem mis-suq fuq liema jbigħ vetturi bil-mutur ġodda li ma jaqbżux l-40 % meta d-“distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva” hija użata biex jinbiegħu vetturi bil-mutur ġodda, filwaqt li, fil-każ tad-“distribuzzjoni selettiva u kwalitattiva” dawn il-benefiċċji jistgħu jkunu mistennija irrispettivament mis-sehem tas-suq tal-fornitur.

27

Għaldaqstant, taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, il-livell tas-sehem mis-suq għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni huwa ta 40 % għal ftehim li jistabbilixxi sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva għal bejgħ ta’ tali vetturi, filwaqt li, taħt it-tielet subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 1, is-sehem mis-suq miżmum mill-fornitur ikkonċernat huwa irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni għal ftehim li jistabbilixxu sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattiva.

28

Huwa f’dan il-kuntest li hemm lok li jiftiehmu l-kunċetti ta’ “sistema selettiva ta’ distribuzzjoni”, ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva” u ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u kwalitattiva”, imfissra, rispettivament, fl-Artikolu 1(1)(f) sa (h) tar-Regolament.

29

Minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirriżulta li, fir-rigward kemm tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva kif ukoll is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattiva, kif definiti fir-Regolament, id-distributuri għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ “kriterj[i] speċifikat[i]” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tar-Regolament.

30

F’dan il-kuntest, il-kliem “kriterj[i] speċifikat[i]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom ikunu interpretati bħallikieku jirreferu għal kriterji li l-kontenut preċiż tagħhom jista’ jiġi vverifikat.

31

Dan il-punt għandu jiġi ppreċiżat billi jingħad li ma huwiex meħtieġ, sabiex jiġi vverifikat il-kontenut speċifiku tagħhom, li l-kriterji ta’ għażla użati għall-finijiet ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jiġu ppubblikati, minħabba r-riskju, kif irrilevat mill-Gvern Franċiż, li s-sigriet tal-kummerċ jiġi kompromess, jew saħansitra li jiġi ffaċilitat eventwali aġir kollużiv.

32

Barra minn hekk, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva”, li tinsab fl-Artikolu 1(1)(g) tar-Regolament, ma jirriżultax li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi rekwiżit li l-kriterji applikati mill-fornitur li jagħżel distributuri ma għandhomx biss ikunu “speċifikati”, iżda għandhom wkoll ikunu oġġettivament iġġustifikati u applikati b’mod uniformi u mhux differenzjati fir-rigward ta’ kull kandidat għall-awtorizzazzjoni.

33

Fil-fatt, huwa biss fil-kuntest ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattiva li r-Regolament, permezz tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1)(h), jeħtieġ b’mod partikolari li l-kriterji ta’ għażla użati mill-fornitur ikunu “meħtieġa minn natura tal-merkanżija appaltata jew servizzi, li jkunu stabbiliti uniformament għad-distributuri kollha jew sewwejja li japplikaw biex jagħmlu parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni, mhumiex applikati f’mod diskriminatorju”.

34

Għaldaqstant, mill-istess kliem tad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(1)(f) u (g) tar-Regolament jirriżulta li meta sistema ta’ distribuzzjoni għall-bejgħ ta’ vetturi bil-mutur ġodda tipprojbixxi bejgħ mill-ġdid lid-distributuri mhux awtorizzati u hija bbażata fuq kriterji speċifikati li direttament jillimitaw in-numru ta’ distributuri, tali sistema tista’ tiġi kklassifikata bħala “sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva” fis-sens tar-Regolament. Il-fatt li, fil-prattika, is-sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda għandhom ħafna drabi kriterji kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, kif JLR u l-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxew, essenzjalment, waqt is-seduta.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif sostnew, essenzjalment, JLR, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, kieku, fil-kuntest tar-Regolament, il-kriterji kwantitattivi ta’ għażla kellhom obbligatorjament ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji, minn dan kien ser tirriżulta konfużjoni bejn il-kundizzjonijiet meħtieġa mir-Regolament għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni għas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattiva u dawk meħtieġa minnhom għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni għas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva.

36

Issa, mill-istruttura tar-Regolament ma jirriżultax li l-leġiżlatur ried jipprevedi l-istess l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni għal dawn iż-żewġ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva. Għall-kuntrarju, peress li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament jikkontempla kundizzjonijiet għall-eżenzjoni distinti skont jekk id-distribuzzjoni selettiva inkwistjoni tiġix ikklassifikata bħala “kwantitattiva” jew “kwalitattiva”, l-elementi li jinsabu biss fl-Artikolu 1(1)(h) tar-Regolament ma jistgħux jiġu applikati wkoll għall-Artikolu 1(1)(g) ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jiġu amalgamati dawn iż-żewġ tipi ta’ distribuzzjoni selettiva.

37

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssuġġeriet Auto 24, il-fatt li, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament, fornitur ma jistax jimpedixxi l-ftuħ ta’ stabbiliment sekondarju minn wieħed mid-distributuri awtorizzati tiegħu ma għandu ebda impatt f’dan ir-rigward.

38

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċċitata minn Auto 24 li tirriżulta mis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, Ġabra, p. 1875), ma għandha l-ebda impatt f’din il-kawża. Fuq dan il-punt, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, fil-kuntest tar-Regolament, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, “sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u kwantitattiva” hija differenti, abbażi tad-definizzjoni, mill-għażla kwalitattiva ta’ distributuri li hija s-suġġett tal-punt 20 tas-sentenza Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

39

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li bil-kliem “kriterj[i] speċifikat[i]” li jinsabu fl Artikolu 1(1)(f) tar-Regolament, hemm lok li jinftiehem, fir-rigward ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva fis-sens ta’ dan ir-regolament, kriterji li l-kontenut preċiż tagħhom jista’ jiġi vverifikat. Sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni prevista mill-imsemmi regolament, ma huwiex neċessarju li tali sistema tkun ibbażata fuq kriterji li huma ġġustifikati oġġettivament u applikati b’mod uniformi u mhux differenzjati fir-rigward ta’ kull kandidat għall-awtorizzazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Bil-kliem “kriterj[i] speċifikat[i]” li jinsabu fl Artikolu 1(1)(f) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002, tal-31 ta’ Lulju 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur, hemm lok li jinftiehem, fir-rigward ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva fis-sens ta’ dan ir-regolament, kriterji li l-kontenut preċiż tagħhom jista’ jiġi vverifikat. Sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni prevista mill-imsemmi regolament, ma huwiex neċessarju li tali sistema tkun ibbażata fuq kriterji li huma ġġustifikati oġġettivament u applikati b’mod uniformi u mhux differenzjati fir-rigward ta’ kull kandidat għall-awtorizzazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.