SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol — Kuntratt konkluż ma’ ambaxxata ta’ Stat terz — Immunità tal-Istat li jimpjega — Kunċett ta’ ‘fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor’ fis-sens tal-Artikolu 18(2) — Kompatibbiltà ta’ ftehim ta’ ġurisdizzjoni għall-qrati tal-Istat terz mal-Artikolu 21”

Fil-Kawża C-154/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Ahmed Mahamdia

vs

Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Arabadjiev, C. Toader (relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

Wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

għar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, minn B. Blankenhorn, avuktat,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

għall-Konfederazzjoni Svizzera, minn D. Klingele, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18(2) u 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Mahamdia, impjegat tal-ambaxxata tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija residenti Berlin (il-Ġermanja), kontra l-persuna li timpjegah.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna

3

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi, konkluża Vjenna fit-18 ta’ April 1961:

“Il-funzjonijiet ta’ missjoni diplomatika jikkonsistu b’mod partikolari f’li:

a)

Tirrapeżenta l-istat akkreditanti fl-istat li jakkredita;

b)

Tipproteġi fl-istat li jakkredita l-interessi tal-istat akkreditanti u taċ-ċittadini tiegħu, fil-limiti permessi mid-dritt internazzjonali;

c)

Tinnegozja mal-Gvern tal-istat li jakkredita;

d)

Tinforma ruħha permezz tal-mezzi kollha legali dwar il-kundizzjonijiet u l-evoluzzjoni tal-avvenimenti fl-istat li jakkredita u tirraporta dwar dan is-suġġett lill-gvern tal-istat akkreditanti;

e)

Tippromwovi relazzjonijiet amikevoli u tiżviluppa r-relazzjonijiet ekonomiċi, kulturali u xjentifiċi bejn l-istat akkreditanti u l-istat li jakkredita.”

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 44/2001

4

Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 hija fformulata bil-mod li ġej:

“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali […] huma essenzali.”

5

Il-premessi 8 u 9 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw konvenuti ddomiċiljati fi Stat terz, huma redatti bil-mod segwenti:

“(8)

Għandu jkun hemm rabta bejn il-proċedimenti li dwarhom japplika dan ir-Regolament u t-territorju ta’ l-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament. Għahekk, regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni għandhom, bħala prinċipju, japplikaw meta l-konvenut jkun domiċiljat f’wieħed minn dawn l-Istati Membri.

(9)

Konvenut li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru huwa ġeneralment suġġett għar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni applikabbli fit-terri[t]orju ta’ l-Istat Membru tal-qorti li teżamina l-każ, u konvenut li jkun domiċiljat fi Stat Membru li ma jkunx marbut b’dan ir-Regolament għandu jibqa’ suggett għal [Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjonijiet sussegwenti dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-Konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’)].”

6

Il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, li tirrigwarda b’mod partikolari r-regoli tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol, taqra hekk:

“B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-inqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

7

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament bil-mod is-segwenti:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

8

F’dak li jirrigwarda proċedimenti legali introdotti kontra persuna ddomiċiljata fi Stat terz, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

9

L-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tkun imfittxija fi Stat Membru ieħor “f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni li toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post li fih jkunu jinstabu l-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment”.

10

Is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li hija komposta mill-Artikoli 18 sa 21, tipprovdi r-regoli dwar ġurisdizzjoni fil-każ ta’ kawżi dwar kuntratti individwali ta’ impjieg.

11

L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru°44/2001 huwa redatt b’dan il-mod:

“1.   F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5.

2.   Meta impjegat jidħol f’kuntratt individwali ta’ impjieg ma’ min jimpjegah u dan ta’ l-aħħar li ma jkunx domiciljat fi Stat Membru iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dak li jimpjega għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, aġenzija jew stabbiliment, huwa meqjus li jkun domiċiljat f’dak l-Istat Membru.”

12

L-Artikolu 19 tar-Regolament jipprovdi:

“Wieħed li jimpjega domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi imfittex:

1)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat jew

2)

fi Stat Membru ieħor:

a)

fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta’ l-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

b)

jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab in-negozju li kien jimpiega lill-impjegat.”

13

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament jipprovdi dan:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni:

1)

li jkun seħħ wara li tkun qamet il-kwistjoni; jew

2)

li jippermetti lill-impjegat li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din is-sezzjoni.”

Id-dritt Ġermaniż

14

L-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland) jipprovdi:

“Ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali jifformaw parti mid-dritt Federali. Huma jipprevalu fuq il-liġijiet u jikkreaw direttament drittijiet u obbligi fir-rigward tar-residenti tat-territorju federali.”

15

L-Artikolu 18 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati (Gerichtsverfassungsgesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-9 ta’ Mejju 1975, jipprovdi:

“Il-membri tal-missjonijiet diplomatiċi stabbiliti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi preżenti, il-membri tal-familja tagħhom u l-impjegati domestiċi privati tagħhom huma eżenti mill-ġurisdizzjoni tal-Qrati Ġermaniżi, b’mod konformi mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi tat-18 ta’ April 1961. […]”

16

L-Artikolu 20 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati jipprovdi hekk kif ġej:

“1.   Il-ġurisdizzjoni tal-Qrati Ġermaniżi ma testendix lanqas għar-rappreżentanti ta’ Stati oħra u għall-persuni li jakkumpannjawhom li jirrisjedu, fuq invit tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, [fil-Ġermanja u jaqgħu] fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi preżenti.

2.   Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-Qrati Ġermaniżi ma testendix għal persuni oħra barra minn dawk indikati fil-paragrafu 1 u fl-Artikoli 18 u 19 sa fejn huma eżenti bis-saħħa tar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali, tal-konvenzjonijiet internazzjonali jew ta’ dispożizzjonijiet legali oħra.”

17

L-Artikolu 38 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zivilprozessordnung), fil-verżjoni ppubblikata fil-5 ta’ Diċembru 2005 taħt it-titolu “Klawżoli dwar ġurisdizzjoni awtorizzati”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-ewwel istanza tista’ barra minn hekk tinftiehem meta għall-inqas wieħed mill-partijiet għall-kuntratt ma jiddisponix minn ġurisdizzjoni ġenerali fil-Ġermanja. Dan il-ftehim irid jiġi konkluż bil-miktub jew, jekk dan intlaħaq verbalment, għandu jiġi kkonfermat bil-miktub. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

A. Mahamdia, ta’ nazzjonalità Alġerina u Ġermaniża, jirrisjedi fil-Ġermanja. Huwa kkonkluda, fl-1 ta’ Settembru 2002, mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, għal perijodu ta’ sena li jiġġedded, għall-funzjonijiet ta’ xufier tal-karozzi mal-ambaxxata ta’ dan l-Istat li jinsab f’Berlin.

19

F’dan il-kuntratt, redatt bil-Franċiż, hemm klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni, li taqra hekk kif ġej:

“VI. Soluzzjoni għal tilwim

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil jew tilwim dwar il-kuntratt preżenti, huma l-qrati Alġerini biss li għandhom ġurisdizzjoni.”

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, A. Mahamdia kellu r-rwol li jsuq lill-viżitaturi, lill-kollaboraturi u, par intérim, ukoll lill-ambaxxatur. Barra minn hekk, huwa kellu jikkunsinna l-posta tal-ambaxxata lil entitajiet Ġermanizi kif ukoll lill-posta. Il-valiġa diplomatika kienet taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew trażmessa minn kollaboratur ieħor tal-ambaxxata li kien hu stess misjuq minn A. Mahamdia. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-partijiet min-naħa l-oħra ma jaqblux dwar il-punt jekk dan ipprovdiex ukoll servizzi ta’ interpretazzjoni.

21

Fid-9 ta’ Awwissu 2007, A. Mahamdia ppreżenta rikors kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija quddiem l-Arbeitsgericht Berlin, fejn talab li jitħallas tas-siegħat supplementari ta’ xogħol li huwa jallega li ħadem mill-2005 sal-2007.

22

Fid-29 ta’ Awwissu 2007, b’ittra taċ-Chargé d’affaires tal-ambaxxata, A. Mahamdia tkeċċa sa mit-30 ta’ Settembru 2007.

23

Ir-rikorrent b’hekk ippreżenta quddiem l-Arbeitsgericht Berlin, rikors addizzjonali għar-rikors prinċipali, li permezz tiegħu, minn naħa, huwa kkontesta l-legalità tax-xoljiment tal-kuntratt tiegħu ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, talab il-kumpens sostituttiv tal-avviż minn qabel it-tkeċċija u għaż-żamma tal-impjieg tiegħu sakemm tiġi deċiża l-kawża.

24

Fil-kuntest tal-proċeduri dwar tkeċċija, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qrati Ġermaniżi, fejn ġew invokati kemm ir-regoli internazzjonali fuq l-immunità mill-ġurisdizzjoni kif ukoll il-klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni li tidher fil-kuntratt ta’ xogħol.

25

Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Lulju 2008, l-Arbeitsgericht Berlin laqgħet din l-eċċezzjoni u konsegwentement, ċaħdet it-talba ta’ A. Mahamdia. Din il-Qorti kkunsidrat li, b’mod konformi mar-regoli tad-dritt internazzjonali, l-Istati jgawdu minn immunità mill-ġurisdizzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat sovrani tagħhom u li l-attivitajiet tar-rikorrent, li kellhom rabta funzjonali mal-attivitajiet diplomatiċi tal-ambaxxata, kienu suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi.

26

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella din is-sentenza quddiem il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg, li, permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, annulat parzjalment is-sentenza tal-Arbeitsgericht Berlin.

27

Huwa sostna li peress li r-rikorrent kien xufier fl-ambaxxata, l-attivitajiet tiegħu ma kinux jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tal-Istat konvenut, iżda kienu jammontaw għal attività awżiljari fir-rigward tal-eżerċizzju tas-soveranità ta’ dan. Għalhekk, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija ma tgawdix, f’dan il-każ, mill-immunità. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li l-qrati Ġermaniżi kellhom ġurisdizzjoni li jiddeċiedu l-imsemmija kawża, peress li l-ambaxxata kienet tammonta għal “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament ikunu applikabbli. F’dan ir-rigward, huwa sostna li, jekk huwa minnu li “stabbiliment” huwa normalment post fejn jitwettqu attivitajiet kummerċjali, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001 kien intiż li japplika għal ambaxxata peress li, minn naħa, dan ir-regolament ma jikkontjeni l-ebda dispożizzjoni li permezz tagħha r-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan u, min-naħa l-oħra, ambaxxata għandha direzzjoni tagħha stess, li tikkonkludi b’mod indipendenti kuntratti, inkluż fosthom dawk fil-qasam ċivili bħalma huma l-kuntratti ta’ xogħol.

28

Il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg ċaħdet ukoll il-klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni prevista mill-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni. Hija kkunsidrat li din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li din ġiet konkluża qabel ma nħolqot il-kwistjoni u li wasslet lill-impjegat esklużivament quddiem il-Qrati Alġerini.

29

Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesarbeitsgericht, fejn ibbażat ruħha kemm fuq l-immunità mill-ġurisdizzjoni li hija għandha tibbenefika minnha kif ukoll fuq l-imsemmija klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni.

30

Permezz tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, il-Bundesarbeitsgericht ħassret is-sentenza kkontestata u r-rinvijat il-kawża quddiem il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg. Il-Bundesarbeitsgericht ordnat b’mod partikolari lill-qorti tar-rinviju sabiex tipproċedi, fuq il-bażi tal-provi prodotti, bil-klassifikazzjoni tal-attivitajiet tar-rikorrent għall-kawża prinċipali, b’mod partikolari dawk dwar il-funzjonijiet ta’ interpretazzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn setgħux ikunu kkunsidrati bħala funzjonijiet sovrani tal-Istat konvenut fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, fil-każ fejn jirriżulta mill-eżami li dan l-Istat ma jgawdix mill-immunità mill-ġurisdizzjoni, hija ordnat lil Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg tiddetermina l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali b’kunsiderazzjoni tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea fuq l-immunità tal-Istati, imfassla fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u miftuħa għal firma tal-Istati f’Basel fis-16 ta’ Mejju 1972.

31

F’dak li jirrigwarda l-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Bundesarbeitsgericht iddeċidiet li l-qorti tal-appell kellha tistabbilixxi jekk, fin-nuqqas ta’ għażla espliċità mill-partijiet, dawn tal-aħħar kienu impliċitament aċċettaw il-liġi Alġerina bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt. F’dan ir-rigward, l-elementi bħal-lingwa tal-kuntratt, l-oriġini tar-rikorrent jew in-natura tal-attivitajiet tiegħu setgħu jammontaw għal indizzji.

32

Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg tikkunsidra li, b’mod konformi mal-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Istati jistgħu jopponu l-immunità ta’ ġurisdizzjoni biss fil-kawżi li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-sovranità tagħhom. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht, il-kawżi fil-qasam tad-dritt industrijali bejn l-impjegati ta’ ambaxxata u l-Istat ikkonċernat jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi meta l-impjegat ma wettaqx għall-Istat li jimpjegah attivitajiet li jaqgħu taħt funzjonijiet ta’ sovranità ta’ dan l-Istat.

33

Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju “tippreżumi” li A. Mahamdia ma wettaqx attivitajiet bħal dawn, peress li r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija ma wrietx il-parteċipazzjoni ta’ dan fl-imsemmija funzjonijiet.

34

Barra minn hekk, din il-qorti kkunsidrat, li l-ġurisdizzjoni tal-Qrati Ġermaniżi tirriżulta mill-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001, iżda li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli, hemm lok li jiġi stabbilit jekk ambaxxata tammontax għal “fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor”, fis-sens tal-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, huwa biss f’każ bħal dan li r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija tista’ tiġi kkunsidrata bħala persuna li timpjega li għandha domiċilju tagħha fi Stat Membru.

35

Barra minn hekk, f’dan il-każ, b’mod konformi mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni li tidher fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju, ma tapplikax sabiex teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi.

36

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-ambaxxata, li tinsab fi Stat Membru, ta’ Stat li jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru°44/2001] hija fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor, fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001?

2)

Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domanda: klawżola tagħti l-ġurisdizzjoni, li tkun saret wara li tkun qamet il-kwistjoni, tista’ tkun il-bażi ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti li tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 meta din il-klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni telimina l-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru°44/2001?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

37

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li ambaxxata tammonta għal “stabbiliment” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jekk, konsegwentement, dan ir-regolament huwiex applikabbli għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni kompetenti sabiex tiddeċiedi kawża mressqa kontra Stat terz minn impjegat ta’ ambaxxata ta’ din tal-aħħar li tinsab fi Stat Membru.

38

Preliminarjament għandu jingħad li r-Regolament Nru 44/2001, li jistabbilixxi r-regoli li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri, japplika għall-kawżi kollha fil-qasam ċivili u kummerċjali bl-eċċezzjoni ta’ ċerti oqsma speċifikament indikati f’dan ir-regolament. Hekk kif jirriżulta mill-punt 10 tas-sentenza preżenti, is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II ta’ dan, li huwa kompost mill-Artikoli 18 sa 21, tipprovdi r-regoli dwar ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kawżi li għandhom bħala suġġett kuntratti individwali ta’ impjieg.

39

F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 44/2001, mill-premessa 2 ta’ dan u mill-Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006 (Ġabra p. I-1145, punt 143), jirriżulta li dan ir-regolament għandu bħala għan li jagħqqad ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Istati Membri u dan kemm għall-kontroversji interni fl-Unjoni, kif ukoll għal dawk li għandhom element estern, bil-għan li jiġu eliminati l-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern li jistgħu jirriżultaw mid-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali eżistenti fil-qasam.

40

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 44/2001, b’mod partikolari l-Kapitolu II tiegħu li fih jaqa’ l-Artikolu 18, jinkludi ġabra ta’ regoli li jifformaw sistema globali, li tapplika mhux biss għar-rapporti bejn Stati Membri differenti, iżda wkoll għar-rapporti bejn Stat Membru u Stat terz (ara l-Opinjoni 1/03, iċċitata iktar ’il fuq, punt 144).

41

B’mod partikolari, l-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta impjegat jidħol f’kuntratt ta’ xogħol ma’ persuna li timpjegah u din tal-aħħar tkun iddomiċiljata barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, iżda jkollha fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor, din il-persuna li timpjega hija meqjusa li tkun iddomiċiljata f’dak l-Istat Membru.

42

Sabiex tiżgura l-effettività sħiħa ta’ dan ir-regolament u b’mod partikolari ta’ dan l-Artikolu 18, il-kunċetti ġuridiċi li jidhru f’dan għandhom ikunu interpretati b’mod awtonomu li b’hekk ikun komuni għall-Istati kollha (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer, 33/78, Ġabra p. 2183, punt 8).

43

B’mod partikolari, sabiex jiġu ddeterminati l-elementi li jikkaratterizzaw il-kunċetti ta’ “fergħa”, “aġenzija” u ta’ “xi stabbiliment ieħor” kontenuti fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni fit-test tar-regolament, għandu jiġi kkunsidrat l-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

44

Għall-kontroversji li jirrigwardaw kuntratti ta’ xogħol, is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi serje ta’ regoli li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, għandhom bħala għan li jipproteġu l-parti kontraenti l-inqas b’saħħitha permezz tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni l-iktar favorevoli għall-interessi ta’ din il-parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline, C-462/06, Ġabra p. I-3965, punt 17).

45

Huma jippermettu b’mod partikolari lill-impjegat li jressaq lill-persuna li timpjegah quddiem il-qorti li jikkunsidra l-iktar qrib għall-interessi tiegħu, fejn tiġi rrikonoxxuta l-fakoltà tiegħu li jaġixxi quddiem qorti tal-Istat li fih huwa iddomiċiljat jew tal-Istat li fih huwa jaħdem abitwalment jew inkella dak li fih jinsab l-istabbiliment tal-persuna li timpjegah. Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija sezzjoni jillimitaw ukoll il-possibbiltà ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni minn persuna li timpjega li taġixxi kontra l-impjegat kif ukoll il-possibbiltà li ssir eċċezzjoni għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament.

46

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-regoli tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol kontenuti fil-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 1982, Ivenel, 133/81, Ġabra p. 1891, punt 14; tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC, C-125/92, Ġabra p. I-4075, punt 18; tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten, C-383/95, Ġabra p. I-57, punt 22, u tal-10 ta’ April 2003, Pugliese, C-437/00, Ġabra p. I-3573, punt 18), id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’kunsiderazzjoni li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-impjegat, bħala l-parti kontraenti l-inqas b’saħħitha.

47

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità bejn dan ir-regolament u l-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-kunċetti ta’ “fergħa”, “aġenzija” u ta’ “xi stabbiliment ieħor” kontenuti fih għandhom jiġu interpretati skont il-kriterji indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fuq il-punt 5 tal-Artikolu 5 ta’ din il-Konvenzjoni ta’ Brussell, li tikkontjeni l-istess kunċetti u tistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali dwar kontroversji li jirrigwardaw l-operat ta’ stabbiliment sekondarju ta’ impriża. Din id-dispożizzjoni min-naħa l-oħra tinsab riprodotta b’mod litterali fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 44/2001.

48

Meta kienet qeda tinterpreta l-imsemmija kunċetti ta’ “fergħa”, ta’ “aġenzija” u ta’ “xi stabbiliment ieħor”, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat żewġ kriterji li jiddeterminaw jekk azzjoni ġudizzjarja dwar l-operat ta’ waħda minn dawn il-kategoriji ta’ stabbiliment tistax tiġi konnessa ma’ Stat Membru. Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “fergħa”, ta’ “aġenzija” u ta’ “xi stabbiliment ieħor” jipresupponu l-eżistenza ta’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali. Dan iċ-ċentru għandu jkollu tmexxija u jkun materjalment mgħammar b’mod li jista’ jinnegozja ma’ terzi li huma b’hekk eżenti milli jindirizzaw direttament lis-sede prinċipali (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems, 139/80, Ġabra p. I-819, punt 11). Fit-tieni lok, il-kwistjoni għandha tikkonċerna kemm l-atti li jirrigwardaw l-operat ta’ dawn l-entitajiet, kemm tal-impenji meħuda minn dawn f’isem is-sede prinċipali, meta dawn tal-aħħar għandhom ikunu eżegwiti fl-Istat fejn huma jinsabu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Somafer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

49

Fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar preliminarjament, li l-funzjonijiet ta’ ambaxxata, hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi, jikkonsistu essenzjalment li tirrappreżenta l-Istat akkreditanti, li tipproteġi l-interessi ta’ dan kif ukoll sabiex tippromwovi r-relazzjonijiet mal-Istat li jakkredita. Fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, l-ambaxxata, bħal kull entità pubblika oħra, tista’ taġixxi iure gestionis u ssir titolari tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ natura ċivili, sussegwentement b’mod partikolari għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ dritt privat. Dan huwa l-każ meta hija tikkonkludi kuntratti ta’ xogħol ma’ persuni li ma jwettqux funzjonijiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

50

F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju mqajjem fil-punt 48 tas-sentenza preżenti, għandu jingħad li ambaxxata tista’ tiġi assimilata ma’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul esternament u li jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u għar-rappreżentanza tal-Istat minn fejn toriġina.

51

Fir-rigward tat-tieni kriterju msemmi fl-imsemmi punt tas-sentenza, huwa evidenti li s-suġġett fil-kawża prinċipali, jiġifieri kontestazzjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol, jippreżenta rabta suffiċjenti mal-funzjonament tal-ambaxxata inkwistjoni f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-persunal tagħha.

52

Għalhekk, fir-rigward tal-kuntratti ta’ xogħol konklużi minn ambaxxata f’isem l-Istat, dan jammonta għal “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001 meta l-funzjonijiet tal-impjegati li magħhom ikkonkludiet dawn il-kuntratti huma relatati mal-attività ta’ ġestjoni mwettqa mill-ambaxxata fl-Istat li jakkredita.

53

Quddiem il-qrati Ġermaniżi kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati fil-proċeduri preżenti għal deċiżjoni preliminari, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija sostniet li r-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-Istat li jakkredita ta’ ambaxxata jammonta għal injorar tar-regoli tal-liġi internazzjonali konswetudinarja tal-immunità mill-ġurisdizzjoni u li, hekk kif jirriżulta minn dawn ir-regoli, ir-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu, ma jkunx applikabbli f’kwistjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

54

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġeneralment rikonoxxuti fil-qasam ta’ immunità minn ġurisdizzjoni jeskludu li Stat jista’ jitressaq quddiem qorti ta’ Stat ieħor f’kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Il-liġi internazzjonali tipprovdi għal immunità minn ġurisdizzjoni bħal din tal-Istati, u hija bbażata fuq il-prinċipji par in parem non habet imperium, li Stat ma jistax ikun suġġett għal ġurisdizzjoni ta’ Stat ieħor.

55

Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 17 sa 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-Istat attwali tal-prassi internazzjonali, din l-immunità ma għandhiex valur assolut, iżda hija ġeneralment rikonoxxuta meta l-kwistjoni tikkonċerna atti ta’ sovranità, imwettqa iure imperii. Min-naħa l-oħra, hija tista’ tkun eskluża jekk l-azzjoni ġudizzjarja tirrigwarda atti mwettqa iure gestionis, li ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

56

Għalhekk, fid-dawl tal-kontenut tal-imsemmi prinċipju tal-liġi internazzjonali konswetudinarja fuq l-immunità minn ġurisdizzjoni tal-Istati, għandu jiġi kkunsidrat li dan ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 f’kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha impjegat jitlob il-ħlas ta’ kumpens u jikkontesta x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol li huwa kkonkluda ma’ Stat, meta l-qorti li tkun qed titratta l-kawża tikkonstata li l-funzjonijiet eżerċitati minn dan l-impjegat ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew meta l-azzjoni ġudizzjarja ma tipperikolax li tinterferixxi mal-interessi tal-Istat f’dak li jirrigwarda sigurtà. Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-qorti li tkun qed titratta l-kawża, bħal dik fil-kawża prinċipali tista’ tikkunsidra wkoll li din il-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 44/2001.

57

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ambaxxata ta’ Stat terz li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru tammonta għal “stabbiliment” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’kwistjoni dwar kuntratt ta’ xogħol konkluż minn din f’isem l-Istat akkreditanti, meta l-funzjonijiet imwettqa mill-impjegat ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Hija l-qorti nazzjonali li tkun qed titratta l-kawża li għandha tiddetermina n-natura eżatta tal-funzjonijiet eżerċitati mill-impjegat.

Fuq it-tieni domanda

58

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ ġurisdizzjoni konkluż qabel ma tqum kwistjoni jaqgħax taħt din id-dispożizzjoni meta l-imsemmi ftehim jirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni esklużiva għal qorti li tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u teskludi l-ġurisdizzjoni bbażata fuq ir-regoli speċjali tal-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament.

59

Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija tikkunsidra li dan l-Artikolu 21 ma jipprekludix li, permezz ta’ klawżola kontenuta f’kuntratt ta’ xogħol, il-partijiet jattribwixxu lil qorti ta’ Stat terz il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kontroversji li jirrigwardaw dan il-kuntratt. Fil-każ preżenti, din l-għażla ma tinkludi l-ebda żvantaġġ għall-impjegat u tikkoinċidi mal-volontà tal-partijiet għall-kuntratt li jissuġġettaw lil dan għal-liġi ta’ dan l-istess Stat.

60

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001, l-għan ta’ dawn ir-regoli speċjali tas-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II huwa li jiżguraw protezzjoni adegwata lill-impjegat. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 46 tas-sentenza preżenti, dan l-għan għandu jiġi kkunsidrat fl-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

61

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001 jillimita l-possibbiltà tal-partijiet għal kuntratt ta’ xogħol li jikkonkludu ftehim dwar ġurisdizzjoni. B’hekk, ftehim bħal dan għandu jkun ġie konkluż wara li nħolqot il-kwistjoni jew, meta huwa konkluż qabel, għandu jippermetti lill-impjegat li jirrikorri għal qrati oħra minn dawk li għalihom l-imsemmija regoli jagħtu l-ġurisdizzjoni.

62

Hekk kif jirriżulta mill-għan tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001, din l-aħħar imsemmija kundizzjoni, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li tali ftehim, konkluż qabel ma nħolqot il-kwistjoni, għandu jagħti l-ġurisdizzjoni sabiex tiġi deċiża l-kawża mressqa minn impjegat lil qrati oħra minn dawk previsti mill-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001. Dan il-ftehim b’hekk għandu bħala effett mhux li jeskludi l-ġurisdizzjoni ta’ dawn tal-aħħar, iżda li jkabbar il-possibbiltà tal-impjegat li jagħżel fost bosta qrati kompetenti.

63

Barra minn hekk, mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-ftehimiet dwar ġurisdizzjoni jistgħu “jippermetti” lill-impjegat li jirrikorri għall-qrati oħra minn dawk indikati fl-Artikoli 18 u 19 tiegħu. B’hekk jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tkunx interpretata b’tali mod li klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni tista’ tapplika b’mod esklużiv u tipprekludi b’hekk lill-impjegat li jirrikorri għall-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont l-imsemmija Artikoli 18 u 19.

64

Fil-fatt, l-għan li jiġi protett l-impjegat, bħala parti kontraenti l-inqas b’saħħitha, imsemmi fil-punti 44 u 46 tas-sentenza preżenti, ma jintlaħaqx jekk il-qrati previsti minn dawn l-Artikoli 18 u 19, sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, setgħu jiġu esklużi permezz ta’ klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni miftiehma qabel ma nħolqot il-kwistjoni.

65

Min-naħa l-oħra, ma jirriżulta, la mill-formulazzjoni tiegħu u lanqas mill-għan tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001, li ftehim bħal dan ma jistax jattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-Qrati ta’ Stat terz, bil-kundizzjoni li huwa ma jeskludix dak rikonoxxut fuq il-bażi tal-artikoli tar-regolament.

66

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ ġurisdizzjoni, konkluż qabel ma’ nħolqot kwistjoni, jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni sa fejn huwa jagħti l-possibbiltà lill-impjegat li jirrikorri, minbarra għall-qrati li normalent ikollhom ġurisdizzjoni skont ir-regoli speċjali tal-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament, għall-qrati oħra, inkluż fosthom, jekk meħtieġ, qrati li jinsabu barra mill-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ambaxxata ta’ Stat terz li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru tammonta għal “stabbiliment” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’kwistjoni dwar kuntratt ta’ xogħol konkluż minn din f’isem l-Istat akkreditanti, meta l-funzjonijiet imwettqa mill-impjegat ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Hija l-qorti nazzjonali li tkun qed titratta l-kawża li għandha tiddetermina n-natura eżatta tal-funzjonijiet eżerċitati mill-impjegat.

 

2)

L-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ ġurisdizzjoni, konkluż qabel ma’ nħolqot kwistjoni, jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni sa fejn huwa jagħti l-possibbiltà lill-impjegat li jirrikorri, minbarra għall-qrati li normalment ikollhom ġurisdizzjoni skont ir-regoli speċjali tal-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament, għall-qrati oħra, inkluż fosthom, jekk meħtieġ, qrati li jinsabu barra mill-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.