SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 1999/37/KE — Dokumenti ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi — Vetturi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor — Bidla fil-proprjetarju — Obbligu li jitwettaq kontroll tekniku — Talba għall-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ konformità — Kontroll tekniku mwettaq fi Stat Membru ieħor — Nuqqas ta’ rikonoxximent — Assenza ta’ ġustifikazzjonijiet”

Fil-Kawża C-150/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u A. Marghelis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn F. Libert u S. Rodrigues, avukati,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2012,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi eżieġa, barra l-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, dik taċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ vettura għall-finijiet tal-kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor, kif ukoll billi ssuġġetta tali vetturi għal kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-kontroll tekniku mwettaq fi Stat Membru ieħor, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE, tad-29 ta’ April 1999, dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 351), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, (ĠU L 352M, p. 875, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/37”), u taħt l-Artikolu 34 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Id-Direttiva 1999/37

2

Id-Direttiva 1999/37 tipprovdi fil-premessi 1, 3, 5, 6 u 9 tagħha:

“(1)

[...] l-Komunità adottat ċertu numru ta’ miżuri bil-ħsieb li joħolqu suq intern li jkun jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri li ġewwa fiha jkun garantit il-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

[…]

(3)

[...] l-armonizzazzjoni tal-forma u tal-kontenut taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandha tiffaċilita l-ftehim tiegħu u b’hekk tippromwovi l-moviment liberu, fuq it-toroq fit-territorju ta’ l-Istati Membri l-oħra, ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru;

[...]

(5)

[...] bħala prerekwiżit għar-reġistrazzjoni ta’ vettura li tkun ġiet irreġistrata qabel fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri kollha jeħtieġu dokument li jiċċertifika dik ir-reġistrazzjoni u l-karatteristiċi tekniċi tal-vettura;

(6)

[...] l-armonizzazzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandha tiffaċilita d-dħul fis-servizz mill-ġdid ta’ vetturi li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor, u għandha tikkontribwixxi lejn il-ħidma tajba tas-suq intern;

[...]

(9)

[...] sabiex jiġu ffaċilitati dawk il-kontrolli intenzjonati speċifikament biex jiġġieldu kontra l-qerq u l-kummerċ illeċitu f’vetturi misruqa, huwa xieraq li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq skambju effettiv ta’ informazzjoni;”

3

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dokumenti maħruġin mill-Istati Membri fil-ħin tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi.

Ma għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ Stati Membri li jużaw, għar-reġistrazzjoni temporanja ta’ vetturi, dokumenti li jistgħu ma jissodisfawx il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva f’kull aspett”.

4

L-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra, għall-identifikazzjoni tal-vettura fi traffiku internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor”.

Id-Direttiva 2009/40/KE

5

Id-Direttiva 2009/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar testijiet tal-kondizzjoni ta’ vetturi u tal-karrijiet tagħhom għat-triq (ĠU L 141, p. 12), li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Ġunju 2009, issostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 514), li l-Kummissjoni rreferiet għaliha matul il-proċedura prekontenzjuża. Fid-dawl tad-data ta’ skadenza tat-terminu indikat fl-opinjoni motivata, jiġifieri d-9 ta’ Diċembru 2009 hija d-Direttiva 2009/40 li hija applikabbli għal dan ir-rikors. F’dan ir-rigward, kif indikat fil-premessa 1 tad-Direttiva 2009/40, fl-interess ta’ ċarezza din fasslet mill-ġdid id-Direttiva 96/96, filwaqt li d-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-każ ma ġewx emendati.

6

Il-premessi 2, 5, 10 sa 12 u 26 tad-Direttiva 2009/40 jipprovdu:

“(2)

Fil-qafas tal-politika tat-trasport komuni, ċertu traffiku tat-triq fi ħdan il-Komunità għandu jopera taħt l-iktar ċirkostanzi favorevoli fir-rigward ta’ kemm is-sigurtà kif ukoll il-kondizzjonijiet kompetittivi li japplikaw għal trasportaturi fl-Istati Membri.

[...]

(5)

L-istandards minimi Komunitarji u l-metodi li għandhom jintużaw għall-ittestjar tal-elementi previsti f’din id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu definiti f’Direttivi separati.

[...]

(10)

Fir-rigward ta’ sistemi ta’ brejkijiet l-ambitu ta’ din id-Direttiva għandu jirrelata l-aktar mal-vetturi li ngħataw l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent taħt id-Direttiva tal-Kunsill 71/320/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-mezzi tal-ibbrejkjar ta’ ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 1, p. 163] għalkemm hu rikonoxxut li ċerti tipi ta’ vettura ngħataw din l-approvazzjoni konformemt ma’ standards nazzjonali li jistgħu jkunu differenti mir-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva.

(11)

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-ambitu tat-test tal-brejkijiet biex jinkludu vetturi jew elementi ta’ test barra l-ambitu ta’ din id-Direttiva..

(12)

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu t-test ta’ brejkijiet iktar strett jew iżidu l-frekwenza tal-ittestjar..

[...]

(26)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar testijiet ta’ vetturi għat-triq, il-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ fuq it-triq u l-garanzija ta’ kontrolli u manutenzjoni adegwati ta’ vetturi, ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri waħedhom, u għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. [...]”

7

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/40:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li jqisu neċessarji biex ikun possibbli li tingħata prova li vettura għaddiet minn test tal-kondizzjoni għat-triq li jikkonforma ma’ mill-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu notifikati lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummssjoni.

2.   Kull Stat Membru għandu, fuq l-istess bażi daqslikieku hu stess ħareġ il-prova, jagħraf il-prova maħruġa fi Stat Membru ieħor li turi li vettura bil-mutur reġistrata fit-territorju ta’ dak l-Istat l-ieħor, flimkien mal-karru jew is-semi karru tagħha, għaddiet test tal-kondizzjoni għat-triq li jikkonforma ma’ mill-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom japplikaw proċeduri xierqa biex jistabbilixxu, sa fejn hu prattikabbli, li l-prestazzjoni tal-brejkijiet tal-vetturi reġistrati fit-territorju tagħhom tissodisfa r-rekwiżiti speċifikati f’din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/40 jippreċiża:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Annessi I u II, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

iġibu ’l quddiem id-data għall-ewwel test obbligatorju tal-kondizzjoni għat-triq u, fejn ikun il-każ, jesiġu ttestjar tal-vettura qabel ir-reġistrazzjoni;

[...]

(d)

iżidu n-numru ta’ elementi suġġetti għall-ittestjar;

[...]

(f)

jippreskrivu testijiet speċjali addizzjonali;

(g)

jesiġu għal vetturi reġistrati fit-territorju tagħhom standards minimi ogħla għall-effiċjenza tal-brejkijiet minn dawk speċifikati fl-Anness II [...]”

9

L-Anness II ta’ din id-direttiva jiddeskrivi l-elementi li fir-rigward tagħhom huwa obbligatorju li jitwettaq kontroll, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistemi ta’ brejkijiet.

Il-leġiżlazzjoni Belġjana

10

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 23(2) u (7) tad-Digriet Irjali, tal-15 ta’ Marzu 1968, li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet tekniċi li l-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, l-elementi tagħhom kif ukoll l-aċċessorji ta’ sigurtà għandhom jissodisfaw (Moniteur belge tat-28 ta’ Marzu 1968, errata, Moniteur belge tat-23 ta’ April 1968, fil-verżjoni tiegħu kif emendat bid-Digriet Irjali tal-20 ta’ Mejju 2009 (Moniteur belge tal-5 ta’ Ġunju 2009, p. 40090, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”), jipprovdi:

“(1)   Il-vetturi mqegħda f’ċirkulazzjoni huma suġġetti għal kontrolli bil-għan li tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli fir-rigward tagħhom.

[...]

(2)   Kontrolli li għandhom jitwettqu:

A.

Il-kontrolli jinkludu l-kontrolli msemmija fl-Anness 15 u l-kontrolli addizzjonali previsti minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi partikolari.

[...]

(7)   Meta jitwettqu dawn il-kontrolli u sakemm il-vettura għandu jkollha dawn id-dokumenti, il-persuna li tieħu l-vettura għall-kontroll għandha tipprovdi l-aħħar ċertifikat ta’ spezzjoni kif ukoll il-vignette ta’ kontroll lill-korp awtorizzat u għandha tippreżenta d-dokumenti segwenti:

iċ-ċertifika ta’ reġistrazzjoni;

iċ-ċertifikat ta’ konformità jew iċ-ċertifikat ta’ kontroll Ewropew;

id-dokument ta’ identifikazzjoni jew l-iskeda ta’ data teknika.”

11

L-Artikolu 23 tad-Digriet Irjali jipprovdi:

“(1)   Il-kontrolli bħal dawk previsti fl-Artikolu 23 huwa maqsuma fi:

kontrolli kompleti;

kontrolli parzjali.

Il-kontrolli kompleti jikkonsistu fil-verifikazzjoni:

a)

tal-identifikazzjoni tal-vettura li matulha huma vverifikati n-numru tax-xasi, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u ċ-ċertifikat ta’ konformità jew iċ-ċertifikat ta’ konformità Ewropew tal-vettura;

b)

l-istat tekniku tal-vettura bil-għan li jiġi vverifikat jekk din kinitx tissodisfa r-regoli fis-seħħ fil-qasam tas-sigurtà u tal-ambjent.

Il-kontrolli parzjali huma maqsuma fi:

a)

kontrolli amministrattivi li jittrattaw biss il-verifika taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u taċ-ċertifikat ta’ konformità jew taċ-ċertifikat ta’ konformità Ewropew bil-għan li tiġi vvalidata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ vettura użata;

b)

spezzjonijiet amministrattivi mill-ġdid li jittrattaw biss il-verifika tan-numru tax-xasi, tal-pjanċa ta’ identifikazzjoni u tad-dokumenti, jew mingħajr mal-vettura tittieħed mill-ġdid, fuq il-preżentazzjoni ta’ dokumenti;

c)

spezzjonijiet mill-ġdid tekniċi, jiġifieri, il-kontrolli parzjali l-oħra kollha.

(2)   Abbażi tal-frekwenza li biha dawn seħħew, il-kontrolli kompleti huma maqsuma fi:

kontrolli perijodiċi msemmija fl-Artikolu 23b;

kontrolli mhux perijodiċi li seħħew f’ċirkustanzi preċiżi kif iddeterminati fl-Artikolu 23e.”

12

Skont l-Artikolu 23e(1) u (4) tad-Digriet Irjali:

“(1).   Irrispettivament mir-regoli dwar il-kontrolli perijodiċi, kontrolli mhux perijodiċi huma obbligatorji:

[...]

qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi [bil-mutur intiżi u mmanifatturati għat-trasport ta’ passiġieri u li għandhom għall-inqas erba’ roti, li jinkludu, minbarra s-sedil tas-sewwieq, mhux iktar minn tmien postijiet bilqiegħda], inklużi vetturi tal-kampeġġ […], u […] inklużi l-karozzi tal-mejtin f’isem proprjetarju ieħor.

[...]

(4)   Waqt il-kontroll mhux perijodiku msemmi fil-punt 3 tal-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, il-vettura għandha tittieħed flimkien mal-aħħar ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ fir-rigward tagħha, kif ukoll flimkien ma’, jew il-pjanċa ta’ reġistrazzjoni korrispondenti, jew pjanċa kummerċjali u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni korrispondenti.

Għal dan il-kontroll, kontroll addizzjonali skont l-Anness 22 huwa mwettaq, barra kontroll komplet tal-vettura.

Madankollu, jekk jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ ċentru ta’ spezzjoni awtorizzat, ta’ mhux iktar minn xahrejn mill-mument li fih il-vettura tittieħed għal dan il-kontroll mhux perijodiku, u li jirrigwarda għall-inqas l-elementi msemmija fl-Anness 22, dan il-kontroll ikun jikkonsisti biss f’kontroll komplet tal-vettura.

Ir-riżultat ta’ dan il-kontroll huwa deskritt b’mod iddettaljat f’ċertifikat imħejji għal karozza użata li ser tinbiegħ li huwa maħruġ flimkien maċ-ċertifikat ta’ spezzjoni.

Il-validazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ssir bil-kundizzjoni li ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni maħruġ huwa konformi mal-Artikolu 23i(1), u bil-kundizzjoni li l-kontroll addizzjonali seħħ, jekk meħtieġ, skont l-Anness 22.”

13

L-Anness 15 tad-Digriet Irjali jirriproduċi l-elementi li fir-rigward tagħhom għandu jitwettaq kontroll u l-kawżi ta’ difetti stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2009/40.

14

L-Anness 22 tad-Digriet Irjali jipprovdi diversi elementi li fir-rigward tagħhom jitwettaq il-“kontroll addizzjonali” li għandu jitwettaq għall-kontroll mhux perijodiku msemmi fit-tielet punt tal-Artikolu 23e(1) ta’ dan id-digriet. Skont il-kliem ta’ dan l-anness, il-kontroll addizzjonali jikkonċerna, għall-inqas, l-istat ġenerali tal-vettura (pereżempju, il-korrużjoni li ma taffettwax is-sigurtà, l-istat ta’ ġewwa tal-vettura), l-“On Board Diagnostics” (b’mod partikolari, l-elementi ta’ sigurtà attivi u passivi), il-partijiet mekaniċi (fost oħrajn, il-klaċċ, il-magna, it-trażmissjoni), il-partijiet għall-istruttura esterna (pereżempju, il-bumpers, il-bonnet, l-istabilizzaturi) id-dwal u l-aċċessorji (b’mod partikolari, l-arja kundizzjonata, il-buttuna għall-ftuħ u għall-għeluq tat-twieqi).

Il-proċedura prekontenzjuża

15

Peress li ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi ma kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni, b’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2008, intimat lir-Renju tal-Belġju jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

16

Fir-risposta tiegħu tat-30 ta’ Jannar 2009, ir-Renju tal-Belġju kkontesta kull ksur allegat. Peress li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfatta b’din ir-risposta, fit-8 ta’ Ottubru 2009 hija bagħtet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Renju tal-Belġju jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ tali opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta huwa jirċeviha. Ir-Renju tal-Belġju rrisponda għal din permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Diċembru 2009, li fiha huwa indika l-intenzjoni tiegħu li jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata. Madankollu, f’ittra tal-11 ta’ Frar 2011, huwa ddefenda l-leġiżlazzjoni Belġjana eżistenti.

17

Fis-7 ta’ Ġunju 2010, intbagħtet opinjoni ddettaljata lil dan l-Istat Membru li tatu terminu ta’ erba’ ġimgħat sabiex jipproponi soluzzjoni li tippermetti li jiġi evitat li titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju tal-Belġju impenja ruħu jemenda l-leġiżlazzjoni kkontestata, filwaqt li esprima x-xewqa tiegħu li jżomm il-kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni tal-vettura f’isem proprejtarju ieħor iżda billi jillimitah għall-kontroll biss tal-elementi msemmija fl-Anness 42 il-ġdid (kontroll essenzjalment viżiv), jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Permezz ta’ din il-modifika prevista, il-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ konfromità ma tkunx iktar neċessarja f’kundizzjonijiet speċifiċi. Abbozz ta’ Digriet Irjali f’dan is-sens kien ġie kkomunikat lill-Kummissjoni bl-impenn li dan jiġi adottat lejn l-aħħar tas-sena 2010.

18

Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri proposti ma setgħux itemmu l-ksur. Wara skambju ta’ ittri, fil-11 ta’ Jannar 2011 intbagħat abbozz ta’ Digriet Irjali ġdid li kien ġie diskuss, fis-26 ta’ Jannar 2011, bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani.

19

Peress li kienet tqis li r-Renju tal-Belġju ma kienx ikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

20

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni ssostni li, billi ssuġġetta l-vetturi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor għal kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-kontroll tekniku mwettaq fi Stat Membru ieħor, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 34 TFUE. Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi eżieġa, barra l-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, il-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ konformità għall-finijiet tal-kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 1999/37.

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni lment

L-argumenti tal-partijiet

21

Ir-Renju tal-Belġju jsostni li t-tieni lment tar-rikors tal-Kummissjoni, inkwantu dan huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu kollha taħt id-Direttiva 1999/37, huwa inammissibbli, peress li, fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, fl-opinjoni motivata kif ukoll fl-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku u fil-motivi tat-talba tagħha, il-Kummissjoni limitat l-osservazzjonijiet tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

22

Skont dan l-Istat Membru, l-inammissibbiltà ta’ dan l-ilment ma tistax tkun parzjali peress li t-talbiet tar-rikors relatati miegħu ma jirreferu għal ebda artikolu tad-Direttiva 1999/37, kuntrarjament għal dawk fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-165/08, Ġabra p. I-6843, punti 45 sa 48). Barra minn hekk, il-fatt li r-Renju tal-Belġju fehem li l-ilment jikkonċerna biss l-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, billi kkonċentra d-difiża tiegħu fuq dan l-artikolu, ma jistax jeħles lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tifformula talbiet preċiżi u ma huwiex tali li jirrendihom a posteriori ammissibbli.

23

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-tieni lment huwa ammissibbli. Kien ċar fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru li dan l-ilment kien jikkonċerna l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, u għalhekk id-drittijiet tad-difiża ta’ dan l-Istat Membru ma ġewx miksura. Madankollu, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni fformulat mill-ġdid dan l-ilment, billi limitat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat għal dan l-artikolu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċedura prekontenzjuża hija intiża sabiex tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu fir-rigward tal-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-340/02, Ġabra p. I-9845, punt 25, u tas-26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-508/10, punt 33).

25

Is-suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa, għaldaqstant, limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni. L-iżvolġiment regolari ta’ din il-proċedura jikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat FUE mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża eventwali tkun tirrigwarda kwistjoni ddefinita b’mod ċar (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-1/00, Ġabra p. I-9989, punt 53, u tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-160/08, Ġabra p. I-3713, punt 42, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

26

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, f’kull rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, li tindika l-ilmenti preċiżi li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom dawn l-ilmenti huma bbażati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-347/88, Ġabra p. I-4747, punt 28, tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-456/03, Ġabra p. I-5335, punt 23, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

27

Minn dan jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru ikkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati (Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

28

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi kkonstatat li dan jinkludi espożizzjoni ċara tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan huwa bbażat. Ċertament, huwa paċifiku li, fit-talbiet tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma tippreċiża ebda artikolu partikolari tad-Direttiva 1999/37. Madankollu, kemm mill-proċedura prekontenzjuża, u b’mod partikolari mill-opinjoni motivata indirizzata mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju, kif ukoll mill-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku u mill-motivi tar-rikors jirriżulta li din l-istituzzjoni tallega nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

29

Għandu jiġi osservat ukoll li, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju seta’ jinvoka b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu fir-rigward tal-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni

30

Minn dan li ntqal jirriżulta li t-tieni lment tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel ilment, dwar il-kontroll tekniku obbligatorju qabel ir-reġistrazzjoni tal-vettura

– L-argumenti tal-partijiet

31

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 23(1) u (7), kif ukoll l-Artikolu 23a(1) u 23e(1) u (4) tad-Digriet Irjali jimponu b’mod ġenerali u sistematiku kontroll qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi użati li qabel kienu rreġistrati fi Stati Membri oħra, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni kontrolli li jkunu diġà twettqu f’dawn tal-aħħar. Hija tqis li mis-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-297/05, Ġabra p. I-7467, punti 67 sa 71), u tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-170/07, Ġabra I-87, punti 36 sa 41), jirriżulta li, peress li d-Direttiva 96/96 ma wettqitx armonizzazzjoni eżawrjenti, leġiżlazzjoni li ma tintegrax il-prinċipju ta’ rikonoxximent ta’ dokumenti maħruġa mill-Istati Membri l-oħra, kif previst fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, ma tistax tiġi vvalidata abbażi tagħha, iżda għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.

32

Il-Kummissjoni tenfasizza li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni inkwantu din tiskoraġġixxi lil ċerti persuni kkonċernati milli jimportaw, fil-Belġju, tali vetturi (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-217/99, Ġabra p. I-10251, punt 18, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-254/05, Ġabra p. I-4269, punt 30). Minkejja li din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet ta’ sigurtà fit-toroq kif ukoll ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumatur, din ma hijiex proporzjonata. Fil-fatt, l-istess riżultat jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi bħal rikonoxximent ta’ dokumenti li jiċċertifikaw li twettaq kontroll tekniku maħruġa fi Stat Membru ieħor, flimkien mal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet doganali jew mal-possibbiltà għall-awtoritajiet Belġjana li jinkludu riżerva, fil-mument tar-reġistrazzjoni fil-Belġju ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor, li tinforma lill-konsumatur li l-vettura tiegħu ġiet irreġistrata abbażi taċ-ċertifikat ta’ kontroll tekniku ta’ Stat Membru ieħor u din għandha eventwalment tiġi suġġetta għal kontrolli addizzjonali iktar tard.

33

Prinċipalment, ir-Renju tal-Belġju jqis li l-leġiżlazzjoni kkontestata ma tikkostitwixxix ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija u li din ma hijiex diskriminatorja.

34

Għal dan il-għan, huwa jargumenta li kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni huwa permess skont l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2009/40, fatt li jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex vettura tgħaddi minn kontroll tekniku u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, dan il-kontroll mhux perijodiku jikkonċerna biss il-każ fejn il-vettura jkollha proprjetarju ġdid u huwa impost mingħajr diskriminazzjoni fuq il-vetturi kollha, kemm jekk huma rreġistrati qabel fil-Belġju kif ukoll fi Stat Membru ieħor, u dan irrispettivament mid-data ta’ validità taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni maħruġ matul il-kontroll perijodiku.

35

Dan l-Istat Membru sussegwentement isostni li abbozz ta’ Digriet Irjali, li huwa kien semma matul il-proċedura prekontenzjuża u li kellu jidħol fis-seħħ f’Awwissu 2011, jipprovdi li huma meħuda inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-kontrolli tekniċi perijodiċi, ta’ mhux iktar minn xahrejn, imwettqa fil-Belġju jew fi Stat Membru ieħor, b’mod li l-kontroll mhux perijodiku qabel ir-reġistrazzjoni f’isem proprjetarju ieħor huwa limitat għal test tal-brejkijiet kif ukoll għal spezzjoni viżiva tal-istat tekniku tal-vettura, u jikkonċerna l-elementi ta’ kontroll previsiti fl-Anness II tad-Direttiva 2009/40 u fl-Anness 22 tad-Digriet Irjali. Għaldaqstant, kull test żejjed imwettaq fil-Belġju jew fi Stat Membru ieħor ikun evitat.

36

Sussidjarjament, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-miżura nazzjonali hija ġġustifikata mill-għanijiet tas-sigurtà fit-toroq, tal-protezzjoni tal-konsumatur billi tiġi limitata l-frodi fir-rigward tal-kilometri, kif ukoll tal-protezzjoni tal-ambjent, billi ssir kontribuzzjoni għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-vettura mqiegħda f’ċirkulazzjoni. Il-miżura hija wkoll proporzjonata.

37

Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sigurtà fit-toroq, il-kontroll tas-sistema ta’ brejkijiet huwa, b’mod partikolari, l-uniku metodu effikaċi sabiex jiġi evalwat l-istat ta’ użu tal-partijiet kif ukoll sabiex jiġi ggarantit li l-effiċjenza tal-brejkijiet tissodisfa r-regoli fis-seħħ. Iż-żamma fid-Digriet Irjali l-ġdid, adottat fl-1 ta’ Ġunju 2011, ta’ dan it-test bit-tagħmir adatt hija ġġustifikata peress li difett f’din is-sistema jista’ jirriżulta ftit wara l-aħħar kontroll. Barra minn hekk, anki jekk miżuri oħra, bħal dawk proposti mill-Kummissjoni, jippermettu li jintlaħaq l-għan tas-sigurtà fit-toroq fl-istess kundizzjonjiet, Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, jilħaq dan il-għan permezz ta’ miżura nazzjonali li huwa jqis xierqa.

38

Dan l-Istat Membru jenfasizza wkoll li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni kompleta fir-rigward tal-kontroll tekniku, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu l-livell sa fejn jixtiequ jiżguraw is-sigurtà fit-toroq filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 50/83, Ġabra p. 1633, punt 12, u , b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-131/93, Ġabra p. I-3303, punt 16).

39

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Belġju, billi jinsisti fuq in-natura neċessarja taż-żamma tat-test tal-brejkijiet fid-Digriet Irjali l-ġdid, impliċitament jammetti li d-duplikazzjoni tal-kontroll tekniku kollu la hija neċessarja u lanqas proporzjonata.

40

Fir-rigward tal-emendi għal-leġiżlazzjoni kkontestata proposti mill-Istat Membru konvenut, li essenzjalment jikkonsistu fiż-żamma ta’ kontroll imnaqqas u li madankollu ma humiex biżżejjed sabiex itemmu l-ksur allegat, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri adottati mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu wara l-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenzi tal-1 ta’ Otturbu 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-71/97, Ġabra p. I-5991, punt 18, u s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-276/98, Ġabra p. I-1699, punt 20).

41

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, anki l-argumenti dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tad-duplikazzjoni tal-kontroll tal-brejkijiet ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, minn naħa, jekk il-vettura oriġinat minn Stat Membru ieħor, it-test tal-brejkijiet kien twettaq skont l-Anness II tad-Direttiva 2009/40 u l-validità ta’ dan it-test għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra. Jekk ir-Renju tal-Belġju xorta kien għad kellu dubji dwar jekk it-testijiet tal-brejkijiet imwettqa fi Stat Membru ieħor jikkorrispondux għal-livell ta’ sigurtà eżistenti fil-Belġju, evalwazzjoni każ b’każ ta’ differenzi eventwali fl-effiċjenza tal-brejkijiet u fit-testijiet ta’ effiċjenza bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Istat Membru kkonċernat, minflok kontroll sistematiku u ġenerali, tkun biżżejjed.

42

Min-naħa l-oħra, dan it-test ma jirriżultax neċessarju sabiex jiġu evitati l-eventwali difetti reċenti fis-sistema ta’ brejkijiet għaliex dawn jistgħu anki jirriżultaw fuq vetturi importati li ma jkollhomx proprjetarju ġdid, li fir-rigward tagħhom tali kontroll ma huwiex previst. L-istess japplika għall-vetturi rreġistrati fil-Belġju li ma jkollhomx proprjetarju ġdid, li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-vetturi li jiċċirkulaw fit-toroq Belġjani.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). It-tibdil li jsir sussegwentement ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-482/03, punt 11, u tal-4 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-185/09, Ġabra I-14, punt 9).

44

Peress li r-Renju tal-Belġju rċieva l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ottubru 2008 fid-9 ta’ Ottubru 2008 u peress li t-terminu mogħti lil dan l-Istat Membru kien ta’ xahrejn mid-data li fiha huwa jirċievi din l-opinjoni, id-data li wieħed għandu jirreferi għaliha sabiex tiġi evalwata l-eżistenza jew le tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat hija għaldaqstant id-9 ta’ Diċembru 2009. Għaldaqstant, id-Digriet Irjali adottat wara din id-data ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ.

45

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minkejja n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu matul il-proċedura bil-miktub, il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll matul is-seduta, limitat l-ewwel ilment tar-rikors tagħha biss għall-vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor li jkollhom proprjetarju ġdid meta dawn jiġu rreġistrati mill-ġdid fil-Belġju.

46

F’dan il-każ, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju tal-Belġju li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 34 TFUE, sa fejn dan jimponi kontroll tekniku fir-rigward ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor qabel ir-reġistrazzjoni tagħha fil-Belġju billi ma jiħux inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-kontroll tekniku mwettaq f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

47

Il-konformità ta’ dan il-kontroll mad-dritt tal-Unjoni għandha qabel kollox tiġi eżaminata fid-dawl tal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/40, qabel ma tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.

48

Fir-rigward tad-Direttiva 2009/40, l-għanijiet tagħha, stabbiliti fil-premessa 26 tagħha, huma li tarmonizza l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontroll tekniku, li tipprekludi kull distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi u li tiggarantixxi li l-vetturi huma korrettament ikkontrollati u miżmuma fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni.

49

Minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, leġiżlazzjoni li ma tintegrax il-prinċipju ta’ rikonoxximent ta’ dokumenti maħruġa mill-Istati l-Membri l-oħra li jiċċertifikaw li vettura għaddiet minn kontroll tekniku, kif previst fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, ma tistax tiġi vvalidata abbażi tal-istess direttiva u għandha għaldaqstant tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punti 67 sa 71, u tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, punti 36 sa 42). .

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE tikkonċerna kull miżura tal-Istati Membri li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-65/05, Ġabra p. I-10341, punt 27; tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-54/05, Ġabra p. I-2473, punt 30; tal-24 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-286/07, punt 27, u tas-6 ta’ Ottubru 2011, Bonnarde, C-443/10, Ġabra p. I-9327, punt 26).

51

F’dan il-każ, billi jimponu kontroll tekniku obbligatorju tal-vetturi, qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom minn proprjetarju ieħor, l-awtoritajiet Belġjani jissuġġettaw għal dan kontroll, b’mod ġenerali u sistematiku, il-vetturi użati kollha li jkollhom proprjetarju ġdid, li qabel kienu rreġistrati fi Stati Membri oħra, u dan mingħajr ma jieħdu ebda kunsiderazzjoni ta’ kontrolli li diġà twettqu minn dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, dan il-kontroll mhux perijodiku, sa fejn dan jiżdied mal-kontrolli tekniċi li twettqu reċentement fi Stati Membri oħra mingħajr rikonoxximent tar-riżultat tagħhom, jista’ jiskoraġġixxi lil ċerti persuni kkonċernati milli jixtru tali vetturi li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 73, u tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, punt 44).

52

Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ tali kontroll tekniku mhux perijodiku ta’ vettura qabel ir-reġistrazzjoni tagħha f’isem proprjetarju ieħor fil-Belġju jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE, sakemm din ma tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata.

53

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. F’dawn iż-żewġ każijiet, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan intiż u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75; tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 59).

54

Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom tissodisfa l-kriterji mfakkra fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-265/06, Ġabra p. I-2245, punt 39, tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76, u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Tali dimostrazzjoni tista’ ssir biss b’mod konkret, b’riferiment għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 67).

55

F’dan ir-rigward, il-ġustifikazzjonijiet invokati mir-Renju tal-Belġju jikkonċernaw in-neċessità li jintlaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent kif ukoll dak tas-sigurtà fit-toroq li jikkostitwixxu, skont il-ġurisprudenza, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 77; tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 38; tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, punt 49, u tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 60).

56

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ambjent, ir-Renju tal-Belġju jsostni li xi wħud mit-testijiet tal-kontroll tekniku jippermettu li jiġu limitati r-riskji ta’ frodi fir-rigward tal-kilometri kif ukoll li jiġi limitat l-impatt ambjentali tal-vetturi mqegħda f’ċirkulazzjoni. Madankollu, huwa ma jippreċiżax liema testijiet huma kkonċernati, u lanqas sa fejn dawn iservu sabiex jiġu ggarantiti dawn l-għanijiet.

57

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma weriex b’mod konkret in-natura adatta tal-kontroll tekniku u lanqas in-neċessità tiegħu sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ambjent. Fil-fatt, l-invokazzjoni b’mod astratt biss ta’ tali għanijiet ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika miżura bħall-kontroll tekniku kkontestat.

58

Fir-rigward tan-natura adatta tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Belġju jirreferi, fir-risposta tiegħu, għal dan il-għan fir-rigward taż-żamma tal-kontroll tas-sistema ta’ brejkijiet previst fid-Digriet Irjali l-ġdid adottat fl-1 ta’ Ġunju 2011, li, hekk kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan ir-rikors. Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jinvoka l-protezzjoni tas-sigurtà fit-toroq fir-rigward tal-kontroll tekniku, jiġifieri tal-elementi kollha ta’ kontroll barra t-test tal-brejkijiet, anki jekk, b’mod partikolari, huwa jsemmi biss il-kontroll tal-istat ġenerali tal-vettura u l-verifika tal-partijiet mekkaniċi. Ir-Renju tal-Belġju jsostni li ċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura li l-karatteristiċi tekniċi tagħha huma difettużi tippreżenta perikolu għas-sigurtà fit-toroq.

59

Bla dubju ta’ xejn, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni kompleta fuq livell Komunitarju, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu l-livell sa fejn jixtiequ jiżguraw is-sigurtà fit-toroq fit-territorju tagħhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tat-13 ta’ Lulju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja,

60

Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan intiż u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

61

F’dan il-każ, għalkemm il-kapaċità li jintlaħaq l-għan tas-sigurtà fit-toroq ma hijiex qed tiġi ddubitata, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma jurix konkretament in-neċessità, fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, tal-kontroll tekniku tal-vetturi li joriġinaw minn Stati Membri oħra meta huma jiġu rreġistrati mill-ġdid fil-Belġju. B’mod partikolari hemm lok li jiġi osservat li l-perikolu għas-sigurtà fit-toroq li ċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura li l-karatteristiċi tekniċi tagħha huma difettużi toħloq jista’ wkoll iqum fir-rigward tal-vetturi importati li ma jkollhomx proprjetarju ġdid, li fir-rigward tagħhom tali kontroll ma huwiex previst. L-istess japplika għall-vetturi rreġistrati fil-Belġju li ma jkollhomx proprjetarju ġdid, li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-vetturi li jiċċirkulaw fit-toroq Belġjani.

62

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ssuġġetta l-vetturi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor għal kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom f’isem proprjetarju ieħor mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-kontroll tekniku mwettaq fi Stat Membru ieħor, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 34 TFUE

Fuq it-tieni lment, dwar l-obbligu tal-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ konformità għall-finijiet tal-kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor

– L-argumenti tal-partijiet

63

Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Belġjana, li teżiġi li ċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor skont ir-regoli tal-Unjoni jiġi ppreżentat flimkien maċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni sabiex din il-vettura tkun tista’ tiġi suġġetta għall-kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni l-ġdida tagħha, hija kuntrarja għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37 u tirrendi bla sustanza l-prinċipju ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni armonizzati maħruġa minn Stati Membri oħra.

64

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha effett restrittiv fuq l-importazzjoni ta’ vetturi użati fil-Belġju peress li, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iċ-ċertifikat ta’ konformità ma jibqax mgħaqqad mal-vettura. Il-Kummissjoni tqis li din il-miżura ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet bħan-neċessità li jsiru magħrufa l-karatteristiċi tekniċi tal-vettura sabiex tiġi implementata politika ta’ sigurtà fit-toroq jew mill-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari kontra l-frodi jew is-serq ta’ vetturi. F’kull każ, din il-miżura hija sproporzjonata għal tali għanijiet fid-dawl tan-numru ta’ strumenti implementati fuq livell Ewropew li jridu jilħqu l-istess għanijiet.

65

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar, fir-replika tagħha kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-awtorità ta’ kull Stat Membru li toħroġ ċertifikat ta’ konformità għandha tibgħat lill-kontropartijiet tagħha tal-Istati Membri l-oħra kopja taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni skont it-tip ta’ vettura li jinkludi l-karatteristiċi tekniċi ta’ kull vettura, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE, tas-6 ta’ Frar 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44), li l-kontenut tiegħu ġie riprodott fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, p. 1).

66

Barra minn hekk, sa fejn is-soluzzjoni proposta mir-Renju tal-Belġju li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ database kompjuterizzata li tinkludi d-data teknika kollha tal-vetturi, li tirrendi l-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ konformità superfluwa, ma tistax tiġi applikata qabel l-aħħar tas-sena 2012, dan l-Istat Membru ma adottatx il-leġiżlazzjoni tiegħu fit-terminu mogħti u ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet nazzjonali sabiex jiġġusitifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mir-regoli tal-Unjoni.

67

Ir-Renju tal-Belġju jqis li, jekk dan l-ilment kien ammissibbli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija hija konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, hija ġġustifikata u hija proporzjonata. Skont dan l-Istat Membru, il-problema tal-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ konformità teċċedi s-sempliċi reġistrazzjoni tal-vetturi sa fejn il-karatteristiċi tekniċi kollha msemmija fiċ-ċertifikat ta’ konformità ma humiex imsemmija fid-dokumenti ta’ reġistrazzjoni diġà eżistenti.

68

Bħala ġustifikazzjoni r-Renju tal-Belġju jinvoka l-istess tliet għanijiet invokati b’risposta għall-ewwel ilment, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll is-sigurtà fit-toroq.

69

Huwa jikkontesta li l-miżuri li l-Kummissjoni tirreferi għalihom fit-talba tagħha huma inqas restrittivi u iktar adatti għall-għanijiet li jridu jintlaħqu bil-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ konformità mil-leġiżlazzjoni kkontestata. Billi jirreferi għad-dubji dwar l-effikaċja tas-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni esprimiet hija stess matul konsultazzjoni pubblika fix-xahar ta’ Marzu 2011 dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, sistema li kienet ġiet proposta mill-Kummissjoni bħala alternattiva valida għall-miżuri kkontestati, u fin-nuqqas ta’ database funzjonali u aċċessibbli għas-servizzi kompetenti kollha, dan l-Istat Membru jqis li l-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ konformità hija l-unika, l-iktar pragmatika u li l-irħas mis-soluzzjonijiet sabiex tiġi implementata l-politika fil-qasam tal-ambjent u ta’ sigurtà fit-toroq.

70

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tqis li r-Renju tal-Belġju ammetta, fl-ittra tiegħu tas-26 ta’ Jannar 2010 kif ukoll billi estenda d-difiża tiegħu sabiex jinvoka wkoll l-Artikolu 36 TFUE, li t-talba għal ċertifikat ta’ konformità tista’ tqajjem inkonvenjenzi għal xi konsumaturi u tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu kuntrarju għall-Artikolu 34 TFUE. Madankollu, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Istat Membru konvenut billi jiddeduċi mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/37 possibbiltà ta’ deroga u, għaldaqstant, armonizzazzjoni mhux kompleta, din il-miżura nazzjonali għandha, skont il-Kummissjoni, tiġi evalwata biss fir-rigward tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta. Filwaqt li lanqas ma taċċetta deroga abbażi tal-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Belġjani f’dan ir-rigward huma ineffettivi.

71

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li l-argument tal-Istat Membru konvenut relatat mal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, il-fatt li vettura diġà kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor jimplika li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat kienu qiesu li din il-vettura kienet tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi applikabbli taħt id-dritt tal-Unjoni. Peress li r-Renju tal-Belġju kellu jkun jaf dwar il-karatteristiċi tekniċi ta’ kull vettura permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet, miżura ġenerali li teħtieġ iċ-ċertifikat ta’ konformità la hija neċessarja u lanqas proporzjonata. Barra minn hekk, l-argument tar-Renju tal-Belġju bbażat fuq id-dubju tal-effikaċja tas-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni ma huwiex rilevanti għaliex dan ma jeżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

72

Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jfakkar li d-Direttiva 1999/37 tipprovdi possibbiltà ta’ deroga, billi josserva li mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika għad-dokumenti maħruġa mill-Istati Membri fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-vetturi u li din bl-ebda mod ma tippreġudika d-dritt tal-Istati Membri li jużaw, għar-reġistrazzjoni temporanja ta’ vetturi, dokumenti li, jekk ikun meħtieġ, ma jissodisfawx kompletament ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem stess tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37, li jipprovdi li ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minn Stat Membru skont il-mudell li jinsab fl-Anness ta’ din id-direttiva għandu jiġi rikonoxxut mill-Istati Membri l-oħra għall-finijiet tar-reġistrazzjoni l-ġdida tal-vettura f’dawn l-Istati, jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi.

74

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 3, 5 u 6 tad-Direttiva 1999/37, din id-direttiva hija intiża sabiex tikkontribwixxi għall-moviment liberu fit-toroq fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra billi tipprovdi bħala kundizzjoni neċessarja għar-reġistrazzjoni ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor għal ċertifikat li jattesta din ir-reġistrazzjoni kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tal-vettura, bil-għan li tiffaċilita t-tqegħid f’ċirkulazzjoni ta’ dawn il-vetturi fi Stat Membru ieħor u li tikkontribwixxi għaldaqstant għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

75

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi użati li diġà kienu rreġistrati fi Stati Membri oħra jistgħu jiġu ddeterminati abbażi tad-dokumenti ta’ reġistrazzjoni diġà eżistenti (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

76

Għaldaqstant ir-Renju tal-Belġju ma jistax jiġġustifika r-rekwiżit sistematiku ta’ produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ konformità bin-neċessità li jiġu vverifikati l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi li għandhom ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

77

Hekk kif korrettament sostniet il-Kummissjoni, tali rekwiżit jirrendi bla sustanza l-prinċipju ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa minn Stati Membri oħra, kif previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37.

78

Hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/37, huwa biss fil-każ ta’ reġistrazzjoni temporanja li l-Istati Membri jistgħu jużaw dokumenti li ma jissodisfawx iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni previst f’din id-direttiva.

79

F’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju ma jistax jinvoka waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali ddefiniti fl-Artikolu 36 TFUE jew waħda mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li minn dan li ntqal jirriżulta li, ħlief fil-każ ta’ reġistrazzjoni temporanja, id-Direttiva 1999/37 ma tippermettix lill-Istati Membri jeħtieġu dokument barra ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fil-mument tar-reġistrazzjoni ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, meta kwistjoni hija rregolata b’mod armonizzat fuq livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali relatata magħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 9; tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32, kif ukoll tat-30 ta’ April 2009, Lidl Magyarország, C-132/08, Ġabra p. I-3841, punt 42).

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi eżieġa b’mod sistematiku, għall-finijiet tal-kontroll tekniku obbligatorju ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor qabel ir-reġistrazzjoni tagħha fil-Belġju, barra l-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni armonizzat, dik taċ-ċertifikat ta’ konformità tal-vettura, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jitqies bħala fondat.

Fuq l-ispejjeż

82

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi eżieġa b’mod sistematiku, barra l-produzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, dik taċ-ċertifikat ta’ konformità ta’ vettura għall-finijiet tal-kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vettura li qabel kienet irreġistrata fi Stat Membru ieħor, kif ukoll billi ssuġġetta tali vetturi, li jkollhom proprjetarju ġdid, għal kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-kontroll tekniku mwettaq fi Stat Membru ieħor, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE, tad-29 ta’ April 1999, dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, u taħt l-Artikolu 34 TFUE.

 

2)

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.