7 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )
“Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — Ftehim kollettiv — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru fl-iskeda tar-remunerazzjoni, tal-esperjenza professjonali miksuba fi ħdan kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi — Klawżola kuntrattwali”
Fil-Kawża C-132/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura
Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH
vs
Betriebsrat Bord der Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH, minn A. Grundei, avukat, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Tyrolean Airways”) u l-Betriebsrat Bord der Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft mbH (kunsill tax-xogħol ta’ din il-kumpannija tal-ajru, iktar ’il quddiem il-“Betriebsrat”), dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways, fil-verżjoni applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways”), u, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz maħduma ma’ żewġ sussidjarji oħra tal-grupp Austrian Airlines (iktar ’il quddiem il-“grupp”), jiġifieri Austrian Airlines AG (iktar ’il quddiem “Austrian Airlines”) u Lauda Air Luftfahrt Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Lauda Air”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 |
L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu kif ġej: “L-Artikolu 1 Skop L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-Artikolu 2 Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni 1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1 [...]
[...]” |
4 |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:
[...]
[...]” |
5 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi: “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:
[...]” |
6 |
Skont l-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex “kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv [...] jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati”. |
Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka
7 |
Tyrolean Airways u Lauda Air huma żewġ sussidjarji ta’ Austrian Airlines, miżmuma 100 % minn din tal-aħħar. |
8 |
L-amalgamazzjoni bejn Austrian Airlines u Lauda Air seħħet fuq il-bażi ta’ ftehim tal-imsieħba soċjali tal-2003. Minn dak iż-żmien, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji huma rregolati bi ftehim kollettiv wieħed, li ma jipprovdix għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ impjieg maħduma preċedentement ma’ Tyrolean Airways. |
9 |
Ir-relazzjonijiet ta’ impjieg bejn Tyrolean Airways u l-membri tal-ekwipaġġ tagħha huma koperti mill-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways. |
10 |
Fl-Anness III ta’ dan il-ftehim kollettiv, intitolat “Determinazzjoni tal-pagi/skeda tal-kategoriji ta’ impjiegi”, il-punt 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi li l-membri tal-ekwipaġġ huwa kklassifikat fil-kategoriji A jew B. Il-punt 1(7) jippreċiża li “[l]-promozzjoni minn kategorija A għal kategorija B isseħħ wara l-għeluq ta’ tliet snin ta’ anzjanità, jiġifieri, preċiżament tliet snin wara r-reklutaġġ ta’ impjegat bħala membru tal-ekwipaġġ” (iktar ’il quddiem il-“klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways”). |
11 |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways ma jindikax jekk il-kelma “reklutaġġ” tirreferix għar-reklutaġġ minn Tyrolean Airways jew, b’mod iktar ġenerali, minn waħda mit-tliet kumpanniji tal-grupp. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan il-ftehim kollettiv jippreċiżaw biss li dan japplika għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways. |
12 |
Il-punt 3 tal-Anness III tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways, intitolat “Tabelli tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ”, jinkludi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu, tabella tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ u tabella tar-remunerazzjoni speċifika għall-membri tal-ekwipaġġ li għandhom mill-inqas tliet snin esperjenza. |
13 |
Il-punt 2.2 tal-ftehim kollettiv dwar il-membri tal-ekwipaġġ tal-Austrian Airlines jistipula: “Fil-każ ta’ promozzjoni f’kategorija ta’ impjiegi superjuri, il-klassifikazzjoni ssir: [...]
Il-bidla fil-kategorija sseħħ wara kisba b’suċċess ta’ eżami li jiċċertifika, iżda mhux qabel tliet snin ta’ anzjanità. L-impjegat huwa għalhekk ikklassifikat fir-raba’ sena ta’ anzjanità, b’ċertifikat.” |
14 |
Il-kuntratti ta’ xogħol tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways normalment jinkludu, fil-punt 8 tagħhom, il-klawżola li ġejja: “Id-data tad-dħul fis-servizz, meta tkun rilevanti għall-applikazzjoni ta’ xi regola jew dritt, għandha tfisser id-data tad-dħul fis-servizz ma’ Tyrolean Airways.” |
15 |
Mill-fajl jirriżulta li l-membri tal-ekwipaġġ għandhom isegwu kors ta’ taħriġ ta’ bejn sitta u tmien ġimgħat qabel ma jaħdmu fuq l-ewwel titjira tagħhom. Il-kors ta’ taħriġ jinkludi parti ġenerali u parti speċjalizzata, skont it-tip ta’ ajruplan li fuqu ser jiġi assenjat il-membru tal-persunal. Meta membru tal-ekwipaġġ kien diġà impjegat minn kumpannija oħra tal-grupp f’kariga identika, il-perijodu ta’ taħriġ jitnaqqas għal erba’ ġimgħat. L-għan ta’ dan il-kors ta’ taħriġ iqsar huwa li jħarreġ lill-membri tal-ekwipaġġ għall-karatteristiċi speċifiċi tal-ajruplani użati mill-kumpannija. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2010 quddiem il-Landesgericht Innsbruck, il-Betriebsrat talab sabiex jiġi deċiż li l-membri tal-ekwipaġġ impjegati minn Tyrolean Airways u li, skont il-punt 3.5 tal-Anness III tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways, kisbu esperjenza ta’ perijodu totali ta’ mill-inqas tliet snin bħala membri tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways u/jew ta’ Austrian Airlines jew ta’ Lauda Air, għandhom jiġu kklassifikati fil-kategorija ta’ impjiegi B. |
17 |
Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2010, il-qorti tar-rinviju laqgħet dan ir-rikors u kkunsidrat li l-punt 1.7 tal-Anness III ta’ dan il-ftehim kollettiv għandu jiġi interpretat fis-sens li: “[l]-promozzjoni mill-kategorija A għall-kategorija B isseħħ wara l-għeluq ta’ tliet snin ta’ anzjanità fi ħdan il-grupp, jiġifieri, preċiżament tliet snin wara r-reklutaġġ bħala membru tal-ekwipaġġ fi ħdan il-grupp”. |
18 |
Adita fl-appell minn Tyrolean Airways, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kompetenzi u l-għarfien li l-membri tal-ekwipaġġ kisbu mat-tliet kumpanniji tal-ajru li jiffirmaw parti mill-grupp huma materjalment identiċi. Skont din il-qorti, l-attivitajiet eżerċitati mill-membri tal-ekwipaġġ fi ħdan dawn il-kumpanniji huma kważi identiċi. Dawn jiddistingwu ruħhom biss mill-fatt li l-postazzjoni tal-kċina tvarja skont l-ajruplan użat, kif ukoll b’differenzi żgħar, dovuti għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull ajruplan, f’dak li jikkonċerna l-manuvri li għandhom jiġi segwiti fl-ajru mill-membri tal-ekwipaġġ. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways u, għalhekk, il-klawżola li normalment tidher fil-punt 8 tal-kuntratti ta’ xogħol tal-ekwipaġġ ta’ Tyrolean Airways, jikkostitwixxu diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, minħabba l-fatt li dawn jistabbilixxu differenza skont l-età li biha l-membri tal-ekwipaġġ kisbu l-kompetenzi u l-għarfien meħtieġ minn Tyrolean Airways. Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet fundamentali huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali, madankollu, billi tagħmel parallel ma’ każijiet relatati ma’ ftehim antikompetittivi, il-qorti tar-rinviju tara l-possibbiltà ta’ raġuni assoluta ta’ nullità. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li tieħu inkunsiderazzjoni biss, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ impjiegi prevista minn din tal-aħħar’ u, għalhekk, tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni, l-esperjenza professjonali miksuba bħala membru tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru speċifika, bl-esklużjoni tal-esperjenza materjalment identika miksuba ma’ kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi. |
22 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu fl-osservanza ta’ din id-direttiva (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C-447/09, Ġabra p. I-8003, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-Direttiva 2000/78. |
24 |
Il-klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways tipprovdi li l-promozzjoni mill-kategorija ta’ impjiegi A għall-kategorija ta’ impjiegi B tinkiseb wara tliet snin ta’ anzjanità miksuba. Għalhekk, din id-dispożizzjoni taffettwa d-determinazzjoni tal-kategorija ta’ impjiegi li fiha ġew ikklassifikati l-impjegati meta ġew irreklutati ma’ din il-kumpannija. Din taffettwa wkoll, b’konsegwenza, ir-remunerazzjoni tagħhom. Għalhekk, regola ta’ din it-tip għandha tiġi kkunsidrata bħala li tistabbilixxi regoli li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għax-xogħol, ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) u (c) tad-Direttiva 2000/78. |
25 |
Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2000/78 tapplika għal sitwazzjoni bħal dik li tat lok għall-kawża prinċipali. |
26 |
Fil-kawża prinċipali, il-Betriebsrat sostna li f’każ ta’ reklutaġġ minn Tyrolean Airways il-membri tal-ekwipaġġ tal-kumpanniji kkonċernati li diġà għandhom diversi snin ta’ esperjenza professjonali mal-grupp jinżlu fil-grad għall-kategorija ta’ impjiegi A. |
27 |
L-ewwel domanda donnha hija msejsa fuq il-premessa li tgħid li diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tista’ tirriżulta mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, abbażi tal-klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways, ta’ perijodi ta’ servizz maħduma ma kumpanniji l-oħra tal-grupp. |
28 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, għall-finijiet tagħha, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età tirriżulta meta dispożizzjoni, kriterju jew prassi li jidhru newtrali jistgħu jpoġġu f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ lil persuni ta’ età partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi ma humiex oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-iskop ma jkunux xierqa u neċessarji. |
29 |
Issa, għalkemm dispożizzjoni bħal dik li l-kontenut tagħha huwa espost fil-punt 22 ta’ din is-sentenza tista’ tagħti lok għal differenza fit-trattament skont id-data ta’ reklutaġġ mill-persuna li timpjega kkonċernata, madankollu din id-differenza la hija, direttament jew indirettament, ibbażata fuq l-età u lanqas fuq ċirkustanza marbuta mal-età. Effettivament, hija l-esperjenza eventwalment miksuba minn membru tal-ekwipaġġ fi ħdan kumpannija oħra fl-istess grupp ta’ impriżi li ma titteħidx inkunsiderazzjoni waqt il-klassifikazzjoni, u dan indipendentement mill-età ta’ dan il-membru tal-ekwipaġġ fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk ibbażata fuq kriterju li la huwa indisassoċjabilment (ara, a contrario, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C-499/08, Ġabra p. I-9343, punt 23) u lanqas indirettament marbut mal-età tal-impjegati, anki jekk ma huwiex eskluż li l-applikazzjoni tal-kriterju kontenzjuż jista’, f’ċerti każijiet partikolari, jkollha bħala konsegwenza għall-membri tal-ekwipaġġ ikkonċernati, li l-promozzjoni mill-kategorija ta’ impjiegi A għall-kategorija ta’ impjiegi B tingħata f’età iktar avvanzata minn dik tal-membri li kisbu esperjenza ekwivalenti fi ħdan Tyrolean Airways. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-klawżola kontenzjuża tal-ftehim kollettiv ta’ Tyrolean Airways toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78. |
31 |
Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ impjiegi previsti minn dan tal-aħħar u, għalhekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ remunerazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni biss l-esperjenza professjonali miksuba bħala membru tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru speċifika, bl-esklużjoni tal-esperjenza materjalment identika miksuba fi ħdan kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi. |
Fuq it-tieni domanda
32 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
33 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fil-kategoriji ta’ impjiegi previsti minn dan tal-aħħar u, għalhekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ remunerazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni biss l-esperjenza professjonali miksuba bħala membru tal-ekwipaġġ ta’ kumpannija tal-ajru speċifika, bl-esklużjoni tal-esperjenza materjalment identika miksuba fi ħdan kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.