SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Artikolu 46a tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Regoli nazzjonali antikumulu — Pensjoni tax-xjuħija — Żieda tal-ammont imħallas minn Stat Membru — Pensjoni tas-superstiti — Tnaqqis tal-ammont imħallas minn Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C-127/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidshof te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Aldegonda van den Booren

vs

Rijksdienst voor Pensioenen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Ilešič, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, J.-J. Kasel (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Vanagt u E. Pools, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u implementata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 129, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. van den Booren u Rijksdienst voor Pensioenen (Uffiċċju nazzjonali għall-pensjonijiet, iktar ’il quddiem l-“ONP”) dwar l-applikazzjoni tar-regoli antikumulu Belġjani fil-waqt tal-istabbiliment tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti Belġjana rċevuta mir-rikorrenti.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

Skont it-termini tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71:

“Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjonijiet ta’ Stat Membru li jikkontrollaw ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija tal-benefiċċji f’każijiet ta’ taħwid [kumulu] ma’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali oħra jew kwalunkwe forma ta’ dħul jistgħu jinvokaw anke fejn tali benefiċċji kienu akkwistati taħt leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew fejn tali dħul kien akkwistat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.”

4

Il-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “(Pensjonijiet) tax-xjuħija u tal-mewt”, jinkludi l-Artikoli 44 sa 51a.

5

L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71 jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa taħt leġiżlazzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha, għall-ksib, iż-żamma jew l-irkuprar tad-dritt għall-benefiċċji.

6

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1408/71 jiddefinixxi r-regoli applikabbli fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru sabiex ikun hemm dritt għall-benefiċċji, ikunu ġew sodisfatti mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi applikat l-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament. It-tieni paragrafu tal-istess Artikolu 46 jipprovdi regoli applikabbli meta l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru sabiex ikun hemm dritt għall-benefiċċji, ikunu ġew sodisfatti biss wara l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 45.

7

L-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71, li jirrigwarda r-regoli ġenerali dwar klawżoli ta’ tnaqqis, ta’ sospensjoni jew ta’ tneħħija applikabbli għall-benefiċċji fejn jidħlu l-invalidità, ix-xjuħija u s-superstiti taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet tal-Kapitolu, l-irkib (overlapping) [kumulu] ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip ikollhom it-tifsira segwenti: l-irkib (overlapping) tal-benefiċċji rigward l-invalidità, ix-xjuħija u s-superstiti kkalkulat jew ipprovdut abażi ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni u/jew residenza mwettqa minn wieħed u l-istess persuna.

2.   Għall-iskopijiet tal-Kapitolu, l-irkib (overlapping) ta’ benefiċċji ta’ tipi differenti tfisser kull irkib (overlapping) ta’ benefiċċji li ma jistgħux ikunu meqjusa ta’ l-istess tip fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 1.

3.   Ir-regoli segwenti jkunu applikabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni u t-tneħħija stipulati mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fil-każ ta’ irkib (overlapping) ta’ benefiċċju fejn jidħlu l-invalidità, ix-xjuħija jew is-superstiti ma’ benefiċċju ta’ l-istess tip jew benefiċċju ta’ tip differenti jew ma’ dħul ieħor:

(a)

għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-benefiċċji akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ dħul ieħor akkwistat fi Stat Membru ieħor biss fejn il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru tipprovdi għat-teħid inkonsiderazzjoni ta’ benefiċċji jew dħul akkwistat barra l-pajjiż;

(b)

għandha tittieħed konsiderazzjoni ta’ l-ammont ta’ benefiċċji li se jingħataw minn Stat Membru ieħor qabel it-tnaqqis tat-taxxi, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u taxxi u tnaqqis individwali ieħor;

(ċ)

m’għandha tittieħed ebda konsiderazzjoni ta’ l-ammont ta’ benefiċċji akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li jingħataw abażi ta’ assigurazzjoni voluntarja jew ta’ assigurazzjoni b’għażla kontinwata;

(d)

fejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija huma applikabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tirċievi benefiċċji ta’ tip simili jew differenti pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ Stati Membri oħra jew dħul ieħor akkwistat fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, il-benefiċċju pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru jista’ jkun imnaqqas biss fil-limiti ta’ l-ammont tal-benefiċċji pagabbli taħt il-leġislazzjoni jew id-dħul akkwistat fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.”

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46b, ta’ dan ir-regolament, dwar dispożizzjonijiet speċjali applikabbli fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji tal-istess tip dovuti abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, jipprovdi dan li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet dwar ir-riduzzjoni, is-sospensjoni jew it-tneħħija stipulati bil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ma jkunux applikabbli għall-benefiċċju kkalkulat skond l-Artikolu 46(2).”

Il-leġiżlazzjoni Belġjana

9

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52, tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 dwar ir-regolamentazzjoni ġenerali tal-iskema tal-pensjoni tal-irtirar u tas-superstiti għall-impjegati (Moniteur belge tas-16 ta’ Jannar 1968), hekk kif emendat bid-Digriet Irjali tad-9 ta’ Lulju 1997 (Moniteur belge tad-9 ta’ Awwissu 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967”), jipprovdi:

“Fejn il-konjugi superstiti huwa intitolat, minn naħa, għall-pensjoni tas-superstiti skont l-iskema tal-pensjoni tal-impjegati u, min-naħa l-oħra, għal waħda jew iktar pensjonijiet tal-irtirar jew għal kwalunkwe benefiċċju ekwivalenti abbażi tal-iskema tal-pensjoni tal-impjegati jew abbażi ta’ waħda jew iktar skemi tal-pensjoni oħra, il-pensjoni tas-superstiti tista’ tiġi akkumulata mal-imsemmija pensjonijiet tal-irtirar biss sas-somma ta’ 110 % tal-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li kienet tiġi mogħtija lill-konjuġi superstiti għall-karriera ta’ xogħol kompleta.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

A. van den Booren, imwielda fit-18 ta’ Awwissu 1920, toqgħod Maastricht (Il-Pajjiżi l-Baxxi). Ir-raġel tagħha, Bartels, li miet fl-1 ta’ Marzu 1982, ħadem bħala minatur fil-Belġju speċifikament matul il-perijodu ta’ bejn l-1951 u l-1961.

11

Permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva tal-11 ta’ Lulju 1986, l-ONP tat pensjoni tas-superstiti Belġjana għall-ammont annwali gross ta’ EUR 1 879.03 (indiċi 319,78) lil A. van den Booren, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Awwissu 1985. Minn din l-istess data, ir-rikorrenti rċeviet ukoll pensjoni tax-xjuħija Olandiża skont l-Algemene Ouderdomswet (liġi dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija ġenerali, iktar ’il quddiem il-“AOW”), għall-ammont ta’ EUR 827.13 kull xahar.

12

Permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2003, il-pensjoni tax-xjuħija Olandiża ta’ A. van den Booren żdiedet sabiex titla’ għall-ammont ta’ EUR 869.24 kull xahar (jiġifieri EUR 10 430.88 kull sena), b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2002.

13

Din iż-żieda tirriżula mill-fatt li, fl-aħħar tas-sena 2002, il-leġiżlatur Olandiż kien mela l-lakuna legali li fiha kienu jinsabu xi nisa miżżewġa li joqgħodu fil-Pajjiżi l-Baxxi u li r-raġel tagħhom ma kienx kopert minn assigurazzjoni taħt l-AOW minħabba l-fatt li kien jeżerċita attività professjonali f’pajjiż ieħor matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1957 sal-1 ta’ Jannar 1980.

14

Fit-23 ta’ Jannar 2004, il-Bureau voor Belgische Zaken (l-Uffiċċju għall-Affarijiet Belġjani) ittrażmetta kopja tad-Deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2003 lil ONP.

15

Permezz ta’ ittra rreġistrata tat-12 ta’ Awwissu 2004, l-ONP informa lil A. van den Booren dwar ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 1986, fis-sens li, wara ż-żieda tal-pensjoni tax-xjuħija Olandiża tagħha mill-1 ta’ Jannar 2002, il-pensjoni tas-superstiti Belġjana tagħha, li, f’din l-istess data, kienet ta’ ammont gross ta’ EUR 2 845.49, kienet tnaqqset għal EUR 1 866.18 gross (indiċi 107,30) kull sena. Permezz tal-istess ittra, l-ONP talbet ukoll lil A. van den Booren għar-rimbors tal-benefiċċji mħallsa indebitament għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Lulju 2004, jiġifieri somma totali ta’ EUR 506.45.

16

A. van den Booren ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-pensjoni tas-superstiti tagħha kif ukoll kontra dik dwar ir-rimbors quddiem l-arbeidsrechtbank te Tongeren (Tribunal industrijali ta’ Tongeren), li, permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2009, iddikjara dan ir-rikors infondat. Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-argument imqajjem minn A. van den Booren u bbażat fuq l-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71, dan it-tribunal ikkunsidra li ma kienx hemm ksur ta’ dan l-Artikolu. Peress li l-pensjoni tax-xjuħija Olandiża kellha titqies bħala benefiċċju ekwivalenti għal pensjoni tal-irtirar, kien hemm lok li jkun hemm, skont l-Artikolu 46a(3)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, tnaqqis tal-pensjoni tas-superstiti Belġjana (ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, Insalaca, C-107/00, Ġabra p. I-2403).

17

Barra minn hekk, dan it-tribunal qies li lanqas ma kien hemm ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-ħaddiema. Is-sentenzi invokati f’dan ir-rigward minn A. van den Booren (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Munster, C-165/91, Ġabra p. I-4661, u tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht, C-262/97, Ġabra p. I-7321) kienu jirrigwardaw sitwazzjonijiet differenti. Skont dan it-tribunal l-Artikolu 52(1) tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 japplika bl-istess mod kemm għaċ-ċittadini Belġjani li dejjem baqgħu fil-Belġju kif ukoll għall-ħaddiema migranti u l-applikazzjoni tar-regola li tinsab f’dan l-Artikolu 52 ma tinvolvi l-ebda tnaqqis tar-riżorsi globali ta’ A. van den Booren.

18

Fis-27 ta’ Novembru 2009, A. van den Booren appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-arbeidshof te Antwerpen. Hija ssostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1) tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 tikser l-Artikolu 46a tar-Regolament Nru°1408/71 u li tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, ostakolu għad-dritt għall-moviment liberu tal-persuni, stabbilit fl-Artikoli 39 KE sa 42 KE. F’dan ir-rigward A. van den Booren tagħmel riferiment għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq van Munster u Engelbrecht, fejn jingħad li hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta l-liġi interna b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u li ma tapplikax din il-liġi meta din twassal, flimkien mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, għal riżultat li jmur kontra l-imsemmija rekwiżiti.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidshof te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.

L-Artikolu 52(1) [tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967], li jistabbilixxi li l-pensjoni tas-superstiti titnaqqas minħabba ż-żieda tal-pensjoni tax-xjuħija mogħtija taħt il-[AOW] b’riżultat tal-implementazzjoni tat-trattament ugwali ta’ irġiel u nisa mil-Liġi tat-28 ta’ Marzu 1985, huwa kompatibbli mad-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari mal-Artikolu 46a tar-Regolament […] (KEE) Nru 1408/71, […];

2.

L-Artikolu 52(1), tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 […] huwa kompatibbli mad-dritt [tal-Unjoni], b’mod partikolari mal-Artikoli [4(3) TUE u 45 TFUE sa 48 TFUE], jekk dik id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’tali mod li pensjoni tax-xjuħija mogħtija taħt il-[AOW] għandha tiġi kkunsidrata bħala inkluża fil-pensjonijiet ta’ rtirar jew benefiċċji ekwivalenti msemmija f’dik id-dispożizzjoni, u f’każ ta’ inkompatibbiltà, l-Artikolu 52(1) tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Diċembru 1967 […] ma għandux jiġi applikat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

20

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan eċċepixxa, preliminarjament, l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma kinitx indikat suffiċjentement la l-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża u lanqas in-neċessità li jsiru d-domandi preliminari.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenża ċċitata, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Sbarigia, C-393/08, Ġabra p. I-6337, punt 19).

22

Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma hijiex relatata mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll Sbarigia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

23

Madankollu dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa xieraq li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali li tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta effettiva għad-domandi magħmula.

24

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi nnotat li l-Gvern Belġjan seta’ jieħu pożizzjoni fir-rigward tad-domandi magħmula, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li kienu sottomessi skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

25

Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

26

Preliminarjament, huwa xieraq li jitfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, dwar il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, din hija madankollu kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu lil din tal-aħħar tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et, C-292/92, Ġabra p. I-6787, punt 8).

27

Konsegwentement, iż-żewġ domandi preliminari, li huwa xieraq li jiġu analizzati b’mod konġunt, għandhom jiġu mifhuma bħala li huma intiżi, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 46a tiegħu, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tinkludi klawżola li tgħid li pensjoni tas-superstiti rċevuta f’dan l-Istat Membru titnaqqas wara ż-żieda f’pensjoni tax-xjuħija rċevuta skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, u jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva, id-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll l-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE, jipprekludux l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

28

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, regola nazzjonali għandha tiġi kklassifikata bħala klawżola ta’ tnaqqis, skont ir-Regolament Nru 1408/71, jekk il-kalkolu li hija timponi għandu l-effett li jnaqqas l-ammont tal-pensjoni li l-persuna kkonċernata tista’ tinvoka minħabba l-fatt li hija tirċievi benefiċċju fi Stat Membru ieħor (sentenza Insalaca, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

29

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li l-klawżoli ta’ tnaqqis previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, sakemm ma huwiex ipprovdut mod ieħor f’dan ir-regolament, jistgħu jiġu invokati kontra persuni li jibbenefikaw minn benefiċċju mingħand dan l-Istat Membru meta dawn jistgħu jibbenefikaw minn benefiċċji tas-sigurtà soċjali oħra, u dan minkejja li dawn il-benefiċċji jinkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (sentenza Insalaca, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

30

Eċċezzjoni għall-prinċipju previst fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71 hija prevista fl-Artikolu 46b(1) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi li, fil-każ ta’ kumulu ta’ benefiċċji tal-istess natura, il-klawżoli ta’ tnaqqis previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma humiex applikabbli għall-benefiċċju kkalkolat skont l-Artikolu 46(2) tal-istess regolament (sentenza Insalaca, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

31

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma tal-istess natura, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71, meta l-għan u l-iskop tagħhom, kif ukoll il-bażi ta’ kalkolu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom, ikunu identiċi (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1987, Stefanutti, 197/85, Ġabra p. 3855, punt 12; tal-11 ta’ Awwissu 1995, Schmidt, C-98/94, Ġabra p. I-2559, punt 24; u Insalaca, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

32

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71 jippreċiża li l-kumulu ta’ benefiċċji tal-istess tip jikkonsisti fil-kumulu ta’ benefiċċji tal-invalidità, tax-xjuħija u tas-superstiti “kkalkulat jew ipprovdut abażi ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni u/jew residenza mwettqa minn waieħed u l-istess persuna”. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71, benefiċċji kkalkolati jew mogħtija abbażi tal-karrieri ta’ żewġ persuni differenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji tal-istess natura fis-sens tal-imsemmi Artikolu 46a(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Stefanutti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, u tat-12 ta’ Frar 1998, Cordelle, C-366/96, Ġabra p. I-583, punti 20 u 21).

33

Issa, sa fejn jirriżulta, fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-pensjoni tas-superstiti Belġjana rċevuta minn A. van den Booren ġiet ikkalkolata abbażi tal-karriera professjonali tar-raġel tagħha li huwa mejjet u li l-pensjoni tax-xjuħija Olandiża tingħatalha ad personam, dawn iż-żewġ benefiċċji ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji tal-istess natura li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 46b(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

34

Konsegwentement, ir-Regolament Nru 1408/71, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regola antikumulu nazzjonali bħal dik prevista mill-qorti tar-rinviju, bla ħsara għall-osservanza tal-limiti imposti mir-Regolament Nru 1408/71.

35

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 46a3(d) li, fl-ipoteżi fejn ir-regola antikumulu hija applikabbli abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tirċievi benefiċċji tal-istess natura jew ta’ natura differenti dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, il-benefiċċju dovut skont il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru jista’ jitnaqqas biss sal-limitu tal-ammont tal-benefiċċji dovuti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor (sentenza Cordelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

36

Għaldaqstant, skont din ir-regola, il-pensjoni tas-superstiti Belġjana tal-persuna kkonċernata tista’ titnaqqas biss sal-limitu tal-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija Olandiża (sentenza Cordelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok għaldaqstant li jiġi konkluż dwar dan il-punt li l-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tinkludi klawżola li abbażi tagħha pensjoni tas-superstiti rċevuta f’dan l-Istat Membru hija mnaqqsa wara ż-żieda fil-pensjoni tax-xjuħija rċevuta abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, bla ħsara b’mod partikolari għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 46a(3)(d).

38

Madankollu, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 hekk ipprovdut għandha tinftiehem bla ħsara għas-soluzzjoni li tirriżulta mill-applikabbiltà eventwali ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li miżura nazzjonali tista’ tkun konformi ma’ dispożizzjoni ta’ att ta’ dritt sekondarju, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 1408/71, ma għandhiex neċessarjament l-effett li teżenta din il-miżura mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C-208/07, Ġabra p. I-6095, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar l-eżistenza, fil-kawża li tressqet quddiemha, ta’ ostakolu għad-dritt għall-moviment liberu, bħal dak li nstab mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq van Munster u Engelbrecht.

40

Issa, qabel kollox, huwa xieraq li jitfakkar li s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq van Munster u Engelbrecht kienu jikkonċernaw il-każ ipotetiku ta’ tnaqqis tal-pensjoni Belġjana ta’ wieħed mill-konjuġi minħabba l-applikazzjoni ta’ taxxa unika minflok taxxa tal-unità familjari wara l-għoti ta’ pensjoni jew ta’ benefiċċju ekwivalenti lill-konjuġi l-ieħor u mhux, bħall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, każ ta’ kumulu għall-istess persuna ta’ pensjoni tas-superstiti Belġjana ma’ pensjoni tax-xjuħija Olandiża.

41

Konsegwentement, is-soluzzjoni li kienet instabet f’dawn is-sentenzi ma tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42

Barra minn dan, għalkemm huwa minnu li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza von Chamier-Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Artikolu 45 TFUE jimplementa l-prinċipju fundamentali li jgħid li l-azzjoni tal-Unjoni tinvolvi, b’mod partikolari, it-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni (sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Skont ġurisprudenza stabbilita, miżuri nazzjonali ta’ dan it-tip jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li dan l-għan jintlaħaq, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex jintlaħaq (sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni billi tivverfika jekk ir-regola antikumulu Belġjana, li tapplika ċertament bl-istess mod kemm għaċ-ċittadini nazzjonali kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ma twassalx fil-fatt, għall-persuna kkonċernata, għal sitwazzjoni li ma hijiex favorevoli meta mqabbla ma’ dik li tinsab fiha persuna li s-sitwazzjoni tagħha ma tinvolvi l-ebda element transkonfinali u, fil-każ li l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ tiġi kkonstatata fil-kawża preżenti, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:

l-Artikolu 46a tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tinkludi klawżola li abbażi tagħha pensjoni tas-superstiti rċevuta f’dan l-Istat Membru titnaqqas wara ż-żieda fil-pensjoni tax-xjuħija pperċepita abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 46a(3)(d);

l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li lanqas huwa ma jipprekludi l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn din ma twassalx, għall-persuna kkonċernata, għal sitwazzjoni li ma hijiex favorevoli meta mqabbla ma’ dik li tinsab fiha persuna li s-sitwazzjoni tagħha ma tinvolvi l-ebda element transkonfinali u sa fejn tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 46a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u implementata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tinkludi klawżola li abbażi tagħha pensjoni tas-superstiti rċevuta f’dan l-Istat Membru titnaqqas wara ż-żieda fil-pensjoni tax-xjuħija ppreċepita abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 46a(3)(d).

 

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li lanqas huwa ma jipprekludi l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn din ma twassalx, għall-persuna kkonċernata, għal sitwazzjoni li ma hijiex favorevoli meta mqabbla ma’ dik li tinsab fiha persuna li s-sitwazzjoni tagħha ma tinvolvi l-ebda element transkonfinali u sa fejn tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.