SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċedura ta’ insolvenza — Kunċett ta’ ‘għeluq tal-proċedimenti’ — Possibbiltà għall-qorti li quddiemha titressaq proċedura sekondarja ta’ insolvenza li tevalwa l-istat ta’ insolvenza tad-debitur — Possibbiltà li tinfetaħ proċedura ta’ stralċ bħala proċedura sekondarja ta’ insolvenza meta l-proċedura prinċipali tkun proċedura ta’ salvagwardja”

Fil-Kawża C-116/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Polonja), pemezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Bank Handlowy w Warszawie SA,

PPHU “ADAX”/Ryszard Adamiak

vs

Christianapol sp. z o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, J.-J. Kasel, u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bank Handlowy w Warszawie SA, minn Z. Skórczyński, konsulent legali,

għal Christianapol sp. z o.o., minn M. Barłowski, konsulent legali, assistit minn P. Saigne u M. Le Berre, avukati,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u M. Arciszewski kif ukoll minn B. Czech, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha u N. Rouam, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1), 4(2)(j) u 27 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 788/2008, tal-24 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 213, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-ftuħ fil-Polonja, fuq talba ta’ Bank Handlowy w Warszawie SA (iktar ’il quddiem “Bank Handlowy”) u ta’ PPHU “ADAX”/Ryszard Adamiak (iktar ’il quddiem “Adamiak”), ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ Christianapol sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Christianapol”), kumpannija inkorporata taħt id-dritt Pollakk u li fil-konfront tagħha kienet diġà nfetħet proċedura ta’ salvagwardja fi Franza.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 12, 19, 20 u 23 tar-Regolament jipprovdu, rispettivament:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċedimenti ta’ falliment trans-fruntieri joperaw b’effiċjenza u b’effettività u dan ir-Regolament għandu jiġi adottat sabiex jintlaħaq dan il-għan li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 65 tat-Trattat.

[...]

(12)

Dan ir-Regolament jawtoriżża l-proċedimenti prinċipali ta’ falliment li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu iċ-ċentru prinċipali ta’ l-interessi tiegħu. Dawn il-proċedimenti għandhom l-iskop universali u l-għan li jkopru l-assi kollha tad-debitur. Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali. Proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji huma limitati għall-assi li jinsabu f’dak l-Istat. Regolu mandatorji ta’ koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali jissodisfaw il-ħtieġa ta’ unità fil-Komunità.

[...]

(19)

Proċeduri sekondarji ta’ falliment jistgħu jservu diversi skopijiet, apparti mill-protezzjoni ta’ interessi lokali. Jistgħu jinqalgħu każijiet fejn l-assi tad-debitur ikunu komplessi wisq biex jiġu amministrati bħala unità jew fejn id-differenzi fis-sistemi legali kkonċernati jkunu tant kbar illi jistgħu jinħolqu diffikultajiet mill-estenzjoni ta’ effetti li joriġinaw mill-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ lill-Istati l-oħra fejn ikunu jinstabu l-assi. Għal din ir-raġuni il-likwidatur tal-proċeduri prinċipali jista’ jitlob għal ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji meta l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ l-assi tkun titlob hekk.

(20)

Proċediment prinċipali ta’ falliment u proċediment sekondarji jistgħu, b’dana kollu, jikkontribwixxu għar-realiżazzjoni effettiva ta’ l-ass[i] totali biss jekk il-proċedimenti kurrenti kollha pendenti jkunu koordinati. [...] Sabiex jiġi assigurat ir-rwol dominanti tal-proċediment prinċipali ta’ falliment, il-likwidatur fi proċedimenti bħal dawk għandu jingħata diversi possibbilitajiet għal intervent fi proċedimenti sekondarji ta’ falliment li jkunu pendenti fl-istess żmien. Per eżempju, dan għandu jkun jista’ jipproponi pjan ta’ ristrutturar jew komposizzjoni jew għar-realiżazzjoni ta’ l-assi fil-proċedimenti sekondarji ta’ falliment li jkunu ser jiġu sospiżi.

[...]

(23)

Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament japplika “għal proċedimenti kollettivi ta’ falliment li jinvolvu t-tneħħija ta l-assi parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur”.

5

Skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament, “proċedimenti ta’ falliment” ifissru “il-proċedimenti kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1)”. Dan l-istess artikolu jispeċifika li “[d]awn il-proċedimenti huma mniżżla fl-Anness A”.

6

Il-lista tal-proċeduri li tinsab fl-Anness A tar-Regolament tinkludi, fir-rigward ta’ Franza, il-“procédure de sauvegarde” (proċedura ta’ salvagwardja).

7

L-Artikolu 3 tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

3.   Meta proċedimenti ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ l-egħluq [stralċ].

[...]”

8

L-Artikolu 4 tar-Regolament jipprovdi:

“1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċediment, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

j)

il-kondizzjonijiet għal u l-effetti ta’ l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, b’ mod partikolari b’komposizzjoni;

[...]”

9

L-Artikolu 16 tar-Regolament jistabbilixxi l-prinċipju tar-rikonoxximent tal-proċedura ta’ insolvenza b’dan il-mod:

“1.   Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf [rikonoxxut] fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.

[...]”

10

L-Artikolu 25 tar-Regolament jippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju b’dan il-mod:

“1.   Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. [...]”

11

L-Artikolu 26 tar-Regolament jipprevedi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju u jippermetti lil Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor “meta l-effetti ta’ rikonoxximent [...] ikunu manifestament kontra l-politika pubblika ta’ dak l-Istat, b’mod partikolari l-prinċipji fundamentali tiegħu jew id-drittijiet kostituzzjonali u l-libertajiet ta’ l-individwu”.

12

L-Artikolu 27 tar-Regolament jipprovdi:

“Il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) minn qorti ta’ Stat Membru u li jkun rikonoxxut fi Stat Membru ieħor (proċedimenti prinċipali) għandu jippermetti l-ftuħ f’dak l-Istat Membru l-ieħor, li qorti tiegħu jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2), ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment mingħajr ma l-falliment tad-debitur ikun eżaminat fl-Istat l-ieħor. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikunu fost il-proċedimenti [ta’ stralċ] mniżżla f’L-Anness B. L-effetti tagħhom għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkun jinstab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.”

13

L-iżvolġiment tal-proċedura sekondarja huwa rregolat mill-Artikoli 28 sa 38 tar-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn proċedura prinċipali u proċedura sekondarja, l-Artikolu 31(1) jipprevedi dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ informazzjoni bejn il-likwidatur fil-proċedura prinċipali u dak fil-proċedura sekondarja.

14

L-Artikolu 33(1) tar-Regolament jippermetti s-sospensjoni tal-proċedura sekondarja. Dan l-artikolu jipprovdi:

“Il-qorti, li tkun fetħet il-proċedimenti sekondarji, għandha tissospendi l-proċess ta’ likwidazzjoni, kollu jew partu minnu, mal-wasla ta’ talba minn likwidatur fil-proċedimenti prinċipali, basta illi f’dan il-każ din tista’ tenħtieġ illi l-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-interessi tal-kredituri fil-proċedimenti sekondarji u tal-klassijiet individwali ta’ kredituri. Talba bħal din minn likwidatur tista’ tkun miċħuda biss jekk din tkun b’ mod ovvju ta’ l-ebda interess għal kredituri tal-proċedimenti prinċipali. Tista’ tiġi msejħa sospenzjoni bħal din fil-proċess ta’ likwidazzjoni sa massimu ta’ tlett xhur. Tista’ titkompla jew tiġġedded għal perjodi simili.”

15

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament, li jikkonċerna l-għeluq tal-proċedura sekondarja, jipprovdi:

“Meta l-liġi applikabbli għal proċedimenti sekondarji tippermetti li proċedimenti bħal dawk jiġu tterminati mingħajr likwidazzjoni bi pjan ta’ salvataġġ, miżura komposta jew kumparabbli, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali għandu jiġi awtoriżżat li jipproponi miżura bħal din huwa stess.

It-terminazzjoni ta’ proċedimenti sekondarji b’miżura msemmija fl-ewwel sub-paragrafu m’għandhiex tkun finali mingħajr il-kunsens tal-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali; fin-nuqqas tal-ftehim tiegħu, b’dana kollu, tista’ tkun finali jekk l-interessi finanzjarji tal-kredituri fil-proċedimenti prinċipali ma jkunux affettwati bil-miżura proposta.”

Id-dritt nazzjonali

16

Fid-dritt Franċiż, il-proċedura ta’ salvagwardja tal-impriżi hija rregolata mill-Artikoli L. 620-1 et seq. tal-Kodiċi tal-Kummerċ (code de commerce). Fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru 2005-845 tas-26 ta’ Lulju 2005, applikabbli għall-kawża prinċipali, l-Artikolu L. 620-1 kien jipprovdi:

“Qiegħda tiġi stabbilita proċedura ta’ salvagwardja li tinfetaħ fuq talba ta’ debitur imsemmi fl-Artikolu L. 620-2 li juri li għandu diffikultajiet, li ma huwiex f’pożizzjoni li jegħleb, ta’ natura li jwassluh sabiex ma jibqax jagħmel pagamenti. Din il-proċedura hija intiża li tiffaċilita r-riorganizzazzjoni tal-impriża sabiex jiġu żgurati t-tkomplija tal-attività ekonomika tal-impriża, iż-żamma tal-impjiegi u l-ibbilanċjar tal-passiv.

Il-proċedura ta’ salvagwardja għandha twassal għal pjan, approvat permezz ta’ deċiżjoni, fi tmiem perijodu ta’ osservazzjoni [...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

17

Christianapol, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Lowyń (il-Polonja), tippreżenta lilha nnifisha bħala sussidjarja 100 % ta’ kumpannija Ġermaniża li, min-naħa tagħha, hija miżuma 90 % minn kumpannija Franċiża.

18

Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2008, it-Tribunal de commerce de Meaux (Franza) fetaħ proċedura ta’ insolvenza kontra Christianapol. Dik il-qorti bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur kien jinsab fi Franza. B’mod partikolari, dik il-qorti fetħet proċedura ta’ salvagwardja billi kkonstatat li d-debitur ma kienx fi stat fejn waqaf jagħmel pagamenti iżda kien ser jispiċċa f’dan l-istat jekk ma ssirx ristrutturazzjoni finanzjarja malajr.

19

Fil-21 ta’ April u fis-26 ta’ Ġunju 2009, Bank Handlowy, stabbilita f’Varsavja (il-Polonja) talbet, bħala kreditur ta’ Christanapol, lill-qorti tar-rinviju tiftaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza fil-konfront ta’ din il-kumpannija fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament. Sussidjarjament, fil-każ li s-sentenza tat-Tribunal de commerce de Meaux tal-1 ta’ Ottubru 2008 titqies li hija kuntrarja għall-ordni pubbliku skont l-Artikolu 26 ta’ dan l-istess regolament, Bank Handlowy talbet li tinfetaħ proċedura ta’ stralċ irregolata mil-liġi Pollakka.

20

Fl-20 ta’ Lulju 2009, it-Tribunal de commerce de Meaux approva pjan għas-salvagwardja ta’ Christianapol li kien jipprevedi l-pagament tad-dejn mifrux fuq 10 snin u li kien jipprojbixxi t-trasferiment tal-impriża li kienet tinsab f’Lowyń kif ukoll ta’ ċerti beni speċifiċi tad-debitur. Il-qorti Franċiża żammet il-prokuraturi ġudizzjarji, li kienu ġew innominati qabel, sat-tmiem tal-proċedura ta’ verifika tal-krediti u l-għoti tar-rendikont tagħhom tat-tmiem tal-inkarigu. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha, dik il-qorti nnominat kummissarju għall-eżekuzzjoni tal-pjan.

21

Fit-2 ta’ Awwissu 2009, kreditur ieħor, Adamiak, stabbilit f’Łęczyca (il-Polonja), talab ukoll li tinfetaħ proċedura ta’ stralċ irregolata mil-liġi Pollakka.

22

Christianapol inizjalment talbet li tiġi miċħuda t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza fil-Polonja, għar-raġuni li dan imur kontra l-obbjettivi u n-natura tal-proċedura ta’ salvagwardja. Wara l-approvazzjoni tal-pjan għas-salvagwardja mill-qorti Franċiża, Christianapol sostniet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-proċedura li tikkonċerna l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza peress li l-proċedura prinċipali kienet ingħalqet. Hija indikat li qiegħda tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-pjan approvat mill-qorti Franċiża. Dan kien ifisser, skont id-dritt Pollakk, li hija ma kienet suġġetta għal ebda obbligu finanzjarju u li għalhekk ma kien hemm ebda raġuni li tiġġustifika dikjarazzjoni ta’ insolvenza fil-konfront tagħha.

23

Il-qorti tar-rinviju talbet lit-Tribunal de commerce de Meaux jindikalha jekk il-proċedura ta’ insolvenza imressqa quddiemu, li kienet tikkostitwixxi l-proċedura prinċipali fis-sens tar-Regolament, kinitx għadha pendenti. It-tweġiba tal-qorti Franċiża ma pprovdietx il-kjarifika li kienet neċessarja. Il-qorti tar-rinviju għalhekk talbet l-għajnuna ta’ espert.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy Poznań Poznań-Stare Miasto w Poznaniu ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 4 (1) u (2)(j) tar-Regolament [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ ‘egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment’ użat f’din id-dispożizzjoni għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma, li ma tiddependix fuq leġiżlazzjonijiet applikabbli fis-sistemi legali tal-Istati Membri differenti jew huwa r-responsabbiltà tad-dritt nazzjonali tal-Istat ta’ ftuħ sabiex jiddetermina f’liema mument iseħħ l-għeluq ta’ dan il-proċediment?

2)

L-Artikolu 27 tar-[Regolament], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment ma tista’ fl-ebda każ teżamina l-falliment tad-debitur li kontrih kawża prinċipali ta’ falliment ġiet miftuħa fi Stat Membru ieħor jew fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’, f’xi każijiet, teżamina l-kwistjoni tal-eżistenza tal-falliment tad-debitur, speċjalment meta l-proċediment prinċipali jkun proċediment ta’ protezzjoni fejn il-qorti sabet li d-debitur ma huwiex fallut (proċediment Franċiż għas-salvagwardja)?

3)

L-Artikolu 27 tar-[Regolament], kif interpretat, jippermetti li jinfetaħ proċediment sekondarju ta’ falliment — li n-natura tiegħu hija ddefinita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament — fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-propjetà kollha tad-debitur inkwistjoni, meta wieħed jikkunsidra li l-proċediment prinċipali, b’mod partikolari meta l-proċediment prinċipali, li jgawdi minn rikonoxximent awtomatiku, huwa protettiv fin-natura tiegħu (proċediment Franċiż għas-salvagwardja), li pjan ta’ rimbors kien ġie adottat u approvat fil-kuntest ta’ dan il-proċediment, li dan il-pjan ikun implementat mid-debitur, u li l-imħallef ipprojbixxa kull trasferiment tal-beni tad-debitur?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

25

Il-proċedura orali ngħalqet fl-24 ta’ Mejju 2012 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

26

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, Christianapol talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

27

Insostenn ta’ din it-talba, qiegħed jingħad li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali qajmu diversi punti dwar ir-rwol u l-influwenza tal-likwidatur fil-proċedura prinċipali ta’ insolvenza fir-rigward tal-proċedura sekondarja, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-proċedura ta’ salvagwardja fid-drtt Franċiż hijiex proċedura ta’ insolvenza fis-sens tar-Regolament kif ukoll dwar il-possibbiltà, għall-qorti li quddiemha titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja, li tivverifika l-istat ta’ insolvenza tad-debitur.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, inkonformità mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ qabel l-1 ta’ Novembru 2012, id-digriet tal-4 ta’ Lulju 2012, Feyerbacher, C-62/11, punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula u li dawn l-elementi kienu s-suġġett ta’ dibattiti li seħħew quddiemha.

30

Għaldaqstant, it-talba ta’ Christianapol għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament japplika għall-proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza tad-debitur li jinvolvu t-tneħħija parzjali jew totali tal-assi ta’ dan id-debitur kif ukoll in-nomina ta’ likwidatur. L-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “proċedimenti ta’ falliment” ifissru l-proċeduri kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1) u jippreċiża li l-lista ta’ dawn il-proċeduri tinsab fl-Anness A tal-istess regolament.

33

Minn dan isegwi li meta proċedura tkun inkluża fl-Anness A tar-Regolament, din il-proċedura għandha titqies bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Din l-inklużjoni tibbenefika mill-effett dirett u obbligatorju li għandhom id-dispożizzjonijiet ta’ regolament.

34

Huwa paċifiku li l-proċedura ta’ salvagwardja miftuħa, fil-kawża prinċipali, mit-Tribunal de commerce de Meaux hija waħda mill-proċeduri inklużi, fir-rigward ta’ Franza, fl-Anness A tar-Regolament.

35

Minn din l-inklużjoni, li l-mertu tagħha ma huwiex is-suġġett ta’ domanda preliminari, jirriżulta, minn naħa, li l-proċedura Franċiż ta’ salvagwardja taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni ta’ debitur bħal Christianapol, li fir-rigward tiegħu tkun infetħet proċedura ta’ dan it-tip, għandha titqies li hija sitwazzjoni ta’ insolvenza għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2)(j) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment” għandu tifsira awtonoma, partikolari għar-Regolament, jew jekk huwiex id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza li għandu jiddetermina l-mument li fih tingħalaq din il-proċedura.

37

Il-qorti tar-rinviju tispjega li r-risposta għal din id-domanda hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza miftuħa fi Franza fil-konfront ta’ Christianapol għadhiex pendenti u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-talbiet, imressqa minn Bank Handlowy u minn Adamiak, intiżi għall-ftuħ fil-Polonja, kontra l-istess debitur, ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza oħra. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fil-każ li l-proċedura prinċipali ta’ insolvenza miftuħa fi Franza ngħalqet, hija tkun tista’ tilqa’, wara li tivverifika l-istat ta’ insolvenza ta’ Christianapol fid-dawl tad-dritt nazzjonali tagħha, it-talbiet ta’ Bank Handlowy u ta’ Adamiak.

38

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jeħtieġu l-kummenti segwenti.

39

Il-qorti tar-rinviju ġustament tikkwalifika l-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Franza bħala proċedura prinċipali. Fil-fatt, din il-proċedura infetħet taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament.

40

Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, tali proċedura tipproduċi effetti universali sa fejn tapplika għall-beni tad-debitur li jinsabu fl-Istati Membri kollha. Sakemm proċedura prinċipali ta’ insolvenza tkun għadha pendenti, ma tista’ tinfetaħ ebda proċedura prinċipali oħra. Kif jindika l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament, kull proċedura ta’ insolvenza miftuħa matul dan il-perijodu tista’ tkun biss proċedura sekondarja, li l-effetti tagħha huma limitati għall-beni tad-debitur li jkunu jinsabu fl-Istat Membru fejn tinfetaħ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Rastelli Davide e C., C-191/10, Ġabra p. I-13209, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament, il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha malli din il-proċedura tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat fejn tinfetaħ. Din ir-regola timplika li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra għandhom jirrikonoxxu d-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ insolvenza mingħajr ma jkunu jistgħu jistħarrġu l-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C-341/04, Ġabra p. I-3813, punti 39 u 42, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia, C-444/07, Ġabra p. I-417, punti 27 u 29). L-Artikolu 25 tar-Regolament jestendi din ir-regola dwar ir-rikonoxximent għad-deċiżjonijiet kollha dwar l-iżvolġiment u l-għeluq tal-proċedura.

42

Fil-kawża prinċipali, il-ftuħ tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza mit-Tribunal de commerce de Meaux kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq il-konstatazzjoni li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, kriterju esklużiv tal-ġurisdizzjoni internazzjonali previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, kien jinsab fi Franza. Kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-konstatazzjoni hija koperta mill-prinċipju ta’ rikonoxximent li għandha tosserva l-qorti tar-rinviju.

43

Minn dan isegwi li, fil-każ li l-proċedura prinċipali ta’ insolvenza miftuħa fi Franza fil-konfront ta’ Christianapol titqies li ngħalqet, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiftaħ proċedura prinċipali oħra fil-Polonja biss jekk ikun jista’ jiġi stabbilit li, sussegwentement għall-ftuħ tal-ewwel proċedura prinċipali fi Franza, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ Christianapol ġie ttrasferit fil-Polonja.

44

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kummenti li għandu jiġi mistħarreġ x’tifsira għandha tingħata lill-kunċett ta’ “għeluq tal-proċediment ta’ falliment”.

45

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament ma huwiex intiż li jistabbilixxi proċedura ta’ insolvenza uniformi iżda, kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu, l-għan tiegħu huwa li jiżgura li l-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali joperaw b’effiċjenza u b’effettività (sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). Għal dan il-għan, dan ir-regolament jistabbilixxi regoli dwar il-ġurisdizzjoni u dwar ir-rikonoxximent kif ukoll regoli dwar id-dritt applikabbli f’dan il-qasam.

46

Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal proċedura ta’ insolvenza hija rregolata mill-Artikolu 4 tar-Regolament li, fil-paragrafu 1 tiegħu, jidentifika għal dan il-għan il-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura. L-Artikolu 4(2)(j) tal-istess regolament jippreċiża li din il-liġi tiddetermina, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet u l-effetti tal-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza.

47

Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tar-Regolament jippreżenta lilu nnifsu bħala regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet, kwalifika kkonfermata mill-premessa 23 tar-Regolament, li tindika li r-regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet previsti fir-Regolament jissostitwixxu r-regoli nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat.

48

Kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, karatteristika ta’ regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet hija li din ma tipprovdix soluzzjoni hija stess għal kwistjoni ta’ dritt sostantiv iżda sempliċement tindika l-liġi li minnha tiddependi s-soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

49

Għalkemm huwa minnu li, fil-każ ta’ dubju dwar il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li dan il-prinċipju japplika biss għad-dispożizzjonijiet li ma jagħmlu ebda rinviju espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil, C-396/09, Ġabra p. I-9915, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għaldaqstant, il-kwistjonijiet bħalma huma dawk dwar il-kundizzjonijiet u l-effetti tal-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza, li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 4(2)(j) tar-Regolament jagħmel rinviju espliċitu għad-dritt nazzjonali, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma iżda għandhom jiġu deċiżi skont il-lex concursus identifikata bħala l-liġi applikabbli.

51

Din l-analiżi ma tinsabx f’kontradizzjoni mal-fatt li, fil-punt 54 tas-sentenza tagħha Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, li fuqha bbażaw ruħhom Christianapol u l-Gvern Franċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment” fis-sens tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament għandu jiġi ddefinit skont żewġ kriterji partikolari għar-Regolament. Fil-fatt, b’differenza mill-Artikolu 4 tar-Regolament, l-imsemmi Artikolu 16(1) ma jagħmilx rinviju espliċitu għad-dritt nazzjonali iżda jistabbilixxi regola applikabbli immedjatament fil-forma ta’ prinċipju ta’ rikonoxximent favur id-deċiżjoni ta’ ftuħ li tkun ingħatat l-ewwel.

52

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 4(2)(j) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza li għandu jiddetermina l-mument li fih tingħalaq din il-proċedura.

Fuq it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27 tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza fl-Istat Membru fejn jinsabu l-beni kollha tad-debitur, f’sitwazzjoni fejn il-proċedura prinċipali jkollha għan protettiv.

54

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-risposta għal din id-domanda tista’ tkun rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali biss jekk il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza miftuħa fi Franza tkun għadha pendenti, kwistjoni din li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

55

Meta tipprovdi li l-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza fi Stat Membru jippermetti l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu stabbiliment, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27 tar-Regolament ma tistabbilixxi ebda distinzjoni fuq il-bażi tal-għan tal-proċedura prinċipali.

56

Din l-istess natura ġenerali tat-termini tinsab ukoll fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament, li jipprovdi li, meta tinfetaħ proċedura prinċipali, kull proċedura ta’ insolvenza miftuħa sussegwentement minn qorti li tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-preżenza ta’ stabbiliment tad-debitur għandha tkun proċedura sekondarja.

57

Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw fis-sens li jawtorizzaw il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja anki meta l-proċedura prinċipali, bħall-proċedura Franċiż ta’ salvagwardja, ikollha għan protettiv.

58

L-interpretazzjoni sostnuta minn Christianapol u l-Gvern Franċiż, fis-sens li l-ftuħ ta’ proċedura prinċipali b’għan protettiv jipprekludi l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja, minbarra li ma tistax tiġi kkonċiljata mal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, tmur kontra l-pożizzjoni rikonoxxuta, fis-sistema implementata permezz tar-Regolament, għall-proċeduri sekondarji. F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-proċeduri sekondarji jkunu intiżi, b’mod partikolari, li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi lokali, dawn jista’ jkollhom ukoll, kif tfakkar il-premessa 19 tar-Regolament, għanijiet oħra. Din hija r-raġuni għaliex tali proċeduri sekondarji jistgħu jinfetħu fuq it-talba tal-likwidatur fil-proċedura prinċipali, meta din il-miżura tkun meħtieġa fl-interess ta’ amministrazzjoni effikaċi tal-patrimonju.

59

Madankollu, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja, li, inkonformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament, għandha tkun proċedura ta’ stralċ, jista’ jmur kontra l-għan segwit minn proċedura prinċipali ta’ natura protettiva.

60

F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li r-Regolament jipprevedi ċertu numru ta’ regoli imperattivi dwar il-koordinazzjoni maħsuba sabiex tiġi żgurata, kif tindika l-premessa 12 tiegħu, l-unità neċessarja fi ħdan il-Komunità. F’din is-sistema, kif tippreċiża l-premessa 20 tar-Regolament, il-proċedura prinċipali għandha, meta mqabbla mal-proċedura sekondarja, rwol predominanti.

61

Għaldaqstant, il-likwidatur fil-proċedura prinċipali għandu ċerti prerogattivi li jagħtuh il-possibbiltà jeżerċita influwenza fuq il-proċedura sekondarja b’tali mod li din tal-aħħar ma tipperikolax l-għan protettiv tal-proċedura prinċipali. Skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament, dan il-likwidatur jista’ jitlob is-sospensjoni tal-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni għal perijodu li għalkemm huwa limitat għal tliet xhur jista’ jiġi estiż jew imġedded għal perijodi oħra tal-istess tul. Skont l-Artikolu 34(1) tal-istess regolament, il-likwidatur fil-proċedura prinċipali jista’ jipproponi li l-proċedura sekondarja tingħalaq permezz ta’ pjan ta’ rkupru, kompożizzjoni jew miżura simili. Matul il-perijodu ta’ sospsensjoni previst fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament, huma biss il-likwidatur fil-proċedura prinċipali, jew id-debitur bil-kunsens tal-likwidatur, li jistgħu, skont l-Artikolu 34(3) tar-regolament imsemmi, jagħmlu tali proposta.

62

Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) UE, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tiftaħ proċedura sekondarja għandha, fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-proċedura prinċipali u l-istruttura tar-Regolament, li huwa intiż, kif tfakkar fil-punti 45 u 60 ta’ din is-sentenza, li jiżgura li l-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali joperaw b’effiċjenza u b’effettività permezz ta’ koordinazzjoni imperattiva bejn il-proċedura prinċipali u dik sekondarja li tiggarantixxi s-supremazija tal-proċedura prinċipali.

63

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 27 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza fl-Istat Membru fejn ikun jinsab stabbiliment tad-debitur f’sitwazzjoni fejn il-proċedura prinċipali jkollha għan protettiv. Il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tiftaħ proċedura sekondarja għandha, filwaqt li tosserva l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-proċedura prinċipali u l-istruttura tar-Regolament.

Fuq it-tieni domanda

64

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 27 tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li quddiemha titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza ma tistax teżamina l-istat ta’ insolvenza tad-debitur li fil-konfront tiegħu tkun infetħet proċedura prinċipali fi Stat Membru ieħor, lanqas jekk din il-proċedura tal-aħħar ikollha għan protettiv.

65

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27 tar-Regolament, il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza fi Stat Membru “għandu jippermetti l-ftuħ” ta’ proċedura sekondarja fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu stabbiliment, “mingħajr ma l-falliment tad-debitur ikun eżaminat fl-Istat l-ieħor”.

66

Kif tirrikonoxxi l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, il-formulazzjoni użata għandha ċerta ambigwità fir-rigward tal-kwistjoni jekk, meta tinfetaħ tali proċedura, l-eżami tal-istat ta’ insolvenza tad-debitur ma huwiex neċessarju, għalkemm jibqa’ possibbli, jew inkella jekk tali eżami ma huwiex awtorizzat.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-formulazzjoni użata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 27 tar-Regolament għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tar-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1980, Roudolff, 803/79, Ġabra p. 2015, punt 7).

68

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, kif ġie deċiż fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament japplika biss għall-proċeduri bbażati fuq l-insolvenza. Fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li tiġi kkonstatata realment l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni, ir-Regolament ma jipprovdix definizzjoni tal-kunċett ta’ insolvenza iżda jagħmel rinviju għad-dritt nazzjonali. Minn dan isegwi li sabiex tinfetaħ proċedura prinċipali huwa meħtieġ li l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tivverifika minn qabel l-istat ta’ insolvenza tad-debitur fid-dawl tad-dritt nazzjonali tagħha.

69

Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament, il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha malli din il-proċedura tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat fejn tinfetaħ.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif sostnew il-Gvern Spanjol u dak Franċiż, l-evalwazzjoni magħmula dwar l-istat ta’ insolvenza tad-debitur mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tiftaħ il-proċedura prinċipali torbot lill-qrati li quddiemhom eventwalment titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja.

71

Din l-interpretazzjoni hija l-unika interpretazzjoni ta’ natura li tevita d-diffikultajiet inevitabbli li jirriżultaw, fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ insolvenza fir-Regolament, mill-applikazzjoni minn qrati differenti ta’ modi nazzjonali differenti ta’ kif jinftiehem il-kunċett ta’ insolvenza. Barra minn hekk, kif osserva l-Gvern Franċiż, l-insolvenza għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġenerali, fid-dawl tas-sitwazzjoni patrimonjali tad-debitur kif din tirriżulta b’mod globali fl-Istati Membri kollha, u mhux is-suġġett ta’ evalwazzjonijiet iżolati u limitati għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ assi li jkunu jinsabu f’territorju partikolari.

72

Id-differenzi fl-evalwazzjoni minn qorti għall-oħra jkunu inkompatibbli mal-għan li l-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali joperaw b’effiċjenza u b’effettività, għan li r-Regolament jixtieq jilħaq permezz tal-koordinazzjoni tal-proċedura prinċipali u dik sekondarja filwaqt li tiġi osservata s-supremazija tal-proċedura prinċipali. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja jista’ jintalab, b’mod partikolari, minn kredituri lokali, din il-proċedura tista’ tintalab ukoll mil-likwidatur fil-proċedura prinċipali fl-interess ta’ amministrazzjoni iktar effikaċi tal-patrimonju tad-debitur.

73

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, meta tislet il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tal-insolvenza magħmula fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, il-qorti li quddiemha titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-proċedura prinċipali msemmija u l-istruttura tar-Regolament kif ukoll il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat.

74

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 27 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li quddiemha titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza ma tistax teżamina l-istat ta’ insolvenza tad-debitur li fil-konfront tiegħu tkun infetħet proċedura prinċipali fi Stat Membru, lanqas jekk din il-proċedura tal-aħħar ikollha għan protettiv.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(2)(j) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 788/2008, tal-24 ta’ Lulju 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza li għandu jiddetermina l-mument li fih tingħalaq din il-proċedura.

 

2)

L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 788/2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza fl-Istat Membru fejn ikun jinsab stabbiliment tad-debitur f’sitwazzjoni fejn il-proċedura prinċipali jkollha għan protettiv. Il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tiftaħ proċedura sekondarja għandha, filwaqt li tosserva l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-proċedura prinċipali u l-istruttura tar-Regolament.

 

3)

L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000, kif emendat bir-Regolament Nru 788/2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li quddiemha titressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza ma tistax teżamina l-istat ta’ insolvenza tad-debitur li fil-konfront tiegħu tkun infetħet proċedura prinċipali fi Stat Membru, lanqas jekk din il-proċedura tal-aħħar ikollha għan protettiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.