SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Appell — Rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-iffissar ta’ multa għal ksur ta’ siġill — Oneru tal-prova — Żnaturament tal-provi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ammont tal-multa — Ġurisdizzjoni sħiħa — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C-89/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentant fil-25 ta’ Frar 2011,

E.ON Energie AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Röhling, F. Dietrich u R. Pfromm, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, V. Bottka u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, E.ON Energie AG (iktar ’il quddiem “E.ON Energie”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (T-141/08, Ġabra p. II-5761, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2008) 377 finali tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Jannar 2008, dwar l-iffissar ta’ multa bbażata fuq l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għal ksur ta’ siġill (Każ COMP/B-1/39.326 — E.ON Energie AG), li verżjoni sommarja tagħha ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 240, p. 6, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jiddisponi li “[l]-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perjodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni”.

3

Skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq l-impriża u l-assoċjazzjonijiet tal-impriża multi li ma jeċċedux aktar mil-1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b’mod negligenti […] siġilli mwaħlin skond l-Artikolu 20(2)(d) min uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizati mil-Kummissjoni ġew miksurin”.

4

Konformement mal-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, b’mod partikolari meta, jew b’intenzjoni jew b’negliġenza, jiksru l-Artikoli 81 jew 82 KE, b’din l-multa ma teċċedix, għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi li qed jipparteċipaw fil-ksur, 10 % tat-total tad-dħul mill-bejgħ miksub fis-sena kummerċjali preċedenti.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

B’deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni kienet, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, ordnat spezzjoni fil-bini ta’ E.ON AG u tal-impriżi li din tal-aħħar għandha taħt il-kontroll tagħha, sabiex tivverifika jekk is-suspetti rigward il-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim antikompetittiv humiex fondati. L-ispezzjoni fil-bini tal-appellanti, E.ON Energie, bdiet fid-29 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar fil-bini kummerċjali tagħha li jinsab f’München. Wara li saret taf bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, E.ON Energie ddikjarat li ma topponiex ruħha għaliha.

6

L-ispezzjoni saret minn erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u sitt rappreżentanti tal-Bundeskartellamt (awtorità Ġermaniża dwar il-kompetizzjoni). Id-dokumenti magħżula waqt l-ispezzjoni tad-29 ta’ Mejju 2006 bil-ħsieb li jiġu eżaminati iktar fid-dettall mill-imsemmija rappreżentanti tqiegħdu fil-bini G.505, li E.ON Energie qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Peress li l-ispezzjoni ma setgħetx titlesta fl-istess jum, il-persuna responsabbli tal-grupp ta’ spezzjoni sakkret l-imsemmi bini, kompost minn pannelli li jipproteġu mill-istorbju (sound-proof) u mgħoddija b’żebgħa tal-enemel u minn qafas tal-aluminju ossidizzat, u waħħal siġill uffiċjal ta’ daqs ta’ 90 mm b’60 mm (iktar ’il quddiem is-“siġill inkwistjoni”). Dan twaħħal fuq madwar żewġ terzi mill-wiċċ tiegħu fuq il-pannell tal-bieb u, għall-bqija, fuq il-qafas tal-istess bieb. Il-minuti tat-twaħħil tas-siġill saru u ġew iffirmati minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Bundeskartellamt u ta’ E.ON Energie. Dawk li wettqu l-ispezzjoni mbagħad telqu mill-bini ta’ E.ON Energie, u ħadu magħhom iċ-ċavetta tal-bieb tal-bini G.505 li kienet ingħatat lilhom. B’risposta għat-talba għal informazzjoni, l-appellanti indikat li, barra din iċ-ċavetta mogħtija lill-Kummissjoni, 20 master keys oħra, li jippermettu l-aċċess għall-bini G.505 kienu wkoll fl-idejn.

7

Is-siġill inkwistjoni kien tat-tip li jeħel waħdu u kien ta’ kulur blu, b’linji sofor mat-truf ta’ fuq u ta’ isfel kif ukoll l-istilel sofor tal-bandiera Ewropea. Iż-żona safra tan-naħa ta’ isfel kienet tinkludi l-kliem li l-Kummissjoni tista’ timponi multa fil-każ li jinkiser is-siġill. Il-film ta’ sigurtà użat għall-produzzjoni tas-siġill inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“film ta’ sigurtà”) kien ġie prodott mill-kumpannija 3M Europe SA (iktar ’il quddiem, “3M”) f’Diċembru tal-2002.

8

Meta siġill ikun tal-plastik, bħalma huwa l-każ tas-siġill inkwistjoni, jekk jinkiser is-siġill, il-kolla bajda, li permezz tagħha s-siġill jitwaħħal mas-support, tibqa’ fuqu taħt il-forma tal-kliem “VOID”, ta’ daqs ta’ madwar 12-il punt Didot, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 5 mm, imqassma fuq il-wiċċ kollu tal-istiker. Is-siġill imneħħi jsir trasparenti f’dawn iż-żoni, b’tali mod li l-kliem “VOID” ikunu jidhru fuq is-siġill ukoll.

9

Malli reġa’ lura, fit-30 ta’ Mejju 2006 hekk għad-8.45 ta’ filgħodu, il-grupp ta’ spezzjoni ra li l-istat tas-siġill inkwistjoni, li kien għadu mwaħħal mal-bieb tal-bini G.505, kien inbidel.

10

Hekk għad-9.15, il-persuna responsabbli mill-grupp ta’ spezzjoni fetħet il-bieb tal-bini G.505. Il-ftuħ tal-bieb wassal sabiex tinqala’ l-parti tas-siġill inkwistjoni li kienet imwaħħla mal-pannell tal-bieb filwaqt li l-parti l-oħra baqgħet imwaħħla mal-qafas tal-istess bieb.

11

Ġew stabbiliti l-minuti tal-ksur tas-siġill, li kienu jindikaw b’mod partikolari dan li ġej:

“[…]

Is-siġill [inkwistjoni] kollu ġie mċaqlaq b’madwar 2 mm fit-tul u fil-wisa’, u fil-fatt traċċi tal-kolla kienu jidhru n-naħa ta’ taħt u tal-lemin tas-siġill [inkwistjoni].

Il-kliem ‘VOID’ kien jidher b’mod ċar fuq il-wiċċ kollu tas-siġill [inkwistjoni], li madankollu kien jidher li għadu fuq il-qafas u fuq il-bieb u ma kienx tqatta’.

Wara l-ftuħ tal-bieb mill-[uffiċjal] tal-Kummissjoni (M. K.), li matulu s-siġill [inkwistjoni] baqa’ kif kien, jiġifieri ma tqattax, traċċi bojod tal-kliem ‘VOID’ kienu jidhru fuq wara tas-siġill [inkwistjoni] (wiċċ li jeħel).

Meta s-siġill tneħħa, il-kliem abjad ‘VOID’ normalment jibqa’ fuq is-support, u dan kien fil-biċċa l-kbira l-każ hawnhekk, għaliex il-kliem kien jidher effettivament fuq il-wiċċ tal-bieb.

Bosta traċċi bojod kienu jinsabu madankollu wkoll fuq il-wiċċ li jeħel tas-siġill [inkwistjoni], mhux fuq iż-żoni trasparenti li jikkorrispondu għall-kliem ‘VOID’ fuq wara tas-siġill, iżda maġenb dawn iż-żoni.”

12

Il-minuti tal-ksur tas-siġill ġew iffirmati minn rappreżentant tal-Kummissjoni u minn rappreżentant tal-Bundeskartellamt. E.ON Energie rrifjutat li tiffirmahom.

13

Fit-30 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar, ittieħdu ritratti diġitali tas-siġill inkwistjoni permezz ta’ telefon ċellulari.

14

Fil-31 ta’ Mejju 2006, l-appellanti għamlet “dikjarazzjoni komplementari […] għall-minuti tat-twaħħil tas-siġill tat-30 ta’ Mejju 2006”, li kienet tgħid li ġej:

“1.

Wara l-ftuħ tal-bieb, l-ebda tibdil ma ġie kkonstatat f’dak li jirrigwarda d-dokumenti mqiegħda fil-bini.

2.

Meta s-siġill [inkwistjoni] tneħħa fit-30 ta’ Mejju, filgħaxija, sabiex jiġi ssostitwit, il-kliem ‘VOID’ fuq il-qafas ma kienx imħassar.

3.

M. K. kien preżenti għat-twaħħil tas-siġill [inkwistjoni] il-ġurnata ta’ qabel u kellu l-impressjoni li dan il-proċess ħa iktar żmien min-normal.”

15

Fid-9 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni talbet lil E.ON Energie għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Din irrispondiet b’ittra tat-23 ta’ Awwissu 2006. Talbiet oħra għal informazzjoni ġew indirizzati, rispettivament, fid-29 ta’ Awwissu 2006 lil 3M, fil-31 ta’ Awwissu 2006 lill-kumpannija tat-tindif li taħdem għal E.ON Energie fid-data tal-fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem, il-“kumpannija tat-tindif”) u fl-1 ta’ Settembru 2006 lid-dipartiment tas-sigurtà ta’ E.ON Energie.

16

L-għaxar membri tal-grupp ta’ spezzjoni mlew kwestjonarji dwar l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-twaħħil tas-siġill inkwistjoni u fuq l-istat tiegħu fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu.

17

Fit-2 ta’ Ottubru 2006, il-Kummisjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil E.ON Energie. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, hija kkonkludiet, fost l-oħrajn, li s-siġill inkwistjoni kien inkiser u li, minħabba s-setgħa ta’ organizzazzjoni ta’ E.ON Energie fil-bini inkwistjoni, hija kellha tinżamm responsabbli għal dan il-ksur tas-siġill.

18

Fit-13 ta’ Novembru 2006, l-appellanti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

19

Fis-6 ta’ Diċembru 2006, fuq talba ta’ E.ON Energie, l-uffiċjal tas-seduta mexa bis-seduta, u 3M ipparteċipat fiha wkoll.

20

Fil-21 ta’ Diċembru 2006, fuq talba tal-Kummissjoni, 3M ikkonfermat bil-miktub ċerti dikjarazzjonijiet magħmula waqt is-seduta.

21

Matul il-proċedura amministrattiva, E.ON Energie kkomunikat lill-Kummissjoni tliet rapporti ta’ espert mill-istitut tax-xjenzi naturali u tal-mediċina (iktar ’il quddiem, l-“istitut”).

22

Fil-21 ta’ Marzu 2007, l-istitut lesta l-ewwel rapport, fejn ġiet eżaminata r-reazzjoni tas-siġill inkwistjoni meta jsiru tentattivi ta’ tqattigħ u ta’ tqaxxir fuqu.

23

Fil-11 ta’ April 2007, il-Kummissjoni qabbdet lil Kr., espert maħluf fil-qasam tat-tekniki ta’ kolla u tar-reazzjonijiet tal-materji plastiċi, sabiex ifassal rapport fuq ċerti aspetti tal-funzjonalità u tal-immaniġjar tas-siġill inkwistjoni. L-ewwel rapport tiegħu sar fit-8 ta’ Mejju 2007.

24

Fil-15 ta’ Mejju 2007, l-istitut lesta it-tieni rapport, fejn ġiet eżaminata r-reazzjoni tas-siġill inkwistjoni meta jsiru tentattivi ta’ tqattigħ b’tiġbid u b’tagħfis fuqu kif ukoll meta jsiru tentattivi ta’ tqaxxir wara li jintuża l-prodott ta’ manutenzjoni Synto (iktar ’il quddiem, is-“Synto”) li E.ON Energie allegat li kien użat mill-kumpannija tad-tindif fuq il-bieb fejn kien twaħħal is-siġill inkwistjoni.

25

B’ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni informat lil E.ON Energie b’fatti ġodda stabbiliti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ 3M u fuq l-ewwel rapport ta’ Kr., u tatha l-possibbiltà li tagħmel osservazzjonijiet bil-miktub f’dan ir-rigward.

26

Fis-6 ta’ Lulju 2007, E.ON Energie bagħtet osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni u talbet seduta ġdida. Din l-aħħar talba ġiet miċħuda.

27

Fl-1 ta’ Ottubru 2007, E.ON Energie bagħtet lill-Kummissjoni t-tielet rapport ta’ espert tal-istitut, tas-27 ta’ Settembru 2007, fejn ġiet eżaminata r-reazzjoni tas-siġill inkwistjoni meta jsiru tentattivi ta’ tqaxxir fuqu taħt l-effett taż-żmien, tas-Synto u tal-umdità atmosferika.

28

Imbagħad il-Kummissjoni qabbdet lil Kr. jikkummenta dwar l-argumenti u l-osservazzjonijiet inklużi fl-ittra ta’ E.ON Energie tas-6 ta’ Lulju 2007 u fit-tieni u fit-tielet rapport tal-istitut. Kr. fassal it-tieni rapport tiegħu fl-20 ta’ Novembru 2007.

29

B’ittra tat-23 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni kkomunikat lil E.ON Energie l-fatti supplementari stabbiliti wara l-ittra tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2007. Fl-istess ħin hija tat lil E.ON Energie l-aċċess għad-dokumenti korrispondenti u, b’mod partikolari, għat-tieni rapport ta’ Kr.

30

Fl-10 ta’ Diċembru 2007, l-appellanti esprimiet ruħha fuq id-dokumenti mibgħuta fit-23 ta’ Novembru 2007.

31

Fil-15 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni rċeviet ittra oħra mingħand E.ON Energie, u magħha kienu annessi dikjarazzjonijiet maħlufa minn 20 persuna li, skont E.ON Energie kellhom ċavetta li tagħti l-aċċess għall-bini G.505 fid-29 ta’ Mejju 2006, filgħaxija (iktar ’il quddiem il-“possessuri taċ-ċwievet”). Dawn il-persuni affermaw, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, li, matul il-perijodu kkonċernat, jiġifieri bejn id-29 ta’ Mejju 2006 fis-7 ta’ filgħaxija u t-30 ta’ Mejju 2006 fid-9.30 ta’ filgħodu, jew ma kinux jinsabu fil-bini G, jew inkella ma kinux fetħu l-bieb tal-bini inkwistjoni.

32

Fit-30 ta’ Jannar 2008 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

33

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid:

“Artikolu 1

E.ON Energie […] kisret [is-siġill inkwistjoni] imwaħħal mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003 u, mill-inqas b’mod negliġenti, kisret l-Artikolu 23(1)(e) tal-istess regolament.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, ġiet imposta multa ta’ EUR 38 000 000 fuq E.ON Energie […].

[…]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

34

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2008, E.ON Energie ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta għal ammont xieraq. Hija tinvoka disa’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha.

35

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn id-disa’ motivi kollha.

36

Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 48 sa 64 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-oneru tal-prova. Hija fakkret li, konformement għall-ġurisprudenza, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa, u dan b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija ċaħdet l-argument, imqajjem minn E.ON Energie, ibbażat fuq allegata analoġija mal-ġurisprudenza dwar il-prattiki miftiehma, li tgħid li huwa suffiċjenti li impriża tavvanza argumentazzjoni li tagħti dawl differenti lill-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur, billi osservat li din ma għandhiex tiġi applikata meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq elementi ta’ prova diretti. Ħlief fil-każ fejn prova kuntrarja ma tkunx tista’ tiġi pprovduta mill-impriża għall-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni.

37

Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ E.ON Energie, li tgħid li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-modifika tal-istat tas-siġill inkwistjoni, ikkonstatat fit-30 ta’ Mejju 2006, kien imputabbli lil E.ON Energie. Billi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li tippretendi l-Kummissjoni, il-motiv imqajjem minn E.ON Energie ma kienx wieħed astratt, hija osservat, madankollu, li l-Kummissjoni ma kinitx interpretat ħażin il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova. Fil-fatt, minn naħa, il-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod espliċitu li “hija l-Kummissjoni li għandha tippreżenta l-fatti neċessarji sabiex tipprova l-ksur tas-siġill allegat”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur tas-siġill, fil-premessi 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu, li, kif tgħid hija, kellu l-kliem “VOID” fuq il-wiċċ kollu tiegħu kif ukoll traċċi ta’ kolla fuq in-naħa ta’ wara, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt u mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-minuti tal-ksur tas-siġill. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ E.ON Energie bbażati fuq l-ispjegazzjonijiet alternattivi dwar l-istat tas-siġill inkwistjoni, billi kkunsidrat li l-allegat fatt li għadda ż-żmien għall-użu tas-siġill u n-nuqqas ta’ ritratti li jixhdu l-istat tiegħu qabel ma nfetaħ il-bieb ma kinux żiedu l-oneru tal-prova li kien jinkombi fuq il-Kummissjoni.

38

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 74 sa 90 tas-sentenza appellata, it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-“prinċipju ta’ inizjattiva ex officio” billi l-Kummissjoni ma eżaminatx l-elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni. L-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħallietx l-inċertezzi dwar il-kompożizzjoni tas-Synto, użat matul il-lejl tad-29 sat-30 ta’ Mejju 2006, billi, b’mod partikolari, hija kienet ingħatat mill-kumpannija tat-tindif innifisha, l-istess deterġent użat dak il-lejl u li hija użat dan il-prodott għall-ittestjar. It-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-invokar minn E.ON Energie tal-possibbiltà li l-possessuri taċ-ċwievet setgħu jagħtu aċċess għall-bini inkwistjoni lil terzi jew li xi ħadd seta’ daħal b’mod ieħor huwa irrilevanti f’dan il-każ minħabba li, konformement mal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, jekk il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-ksur tas-siġill, intenzjonalment jew b’negliġenza, madankollu ma huwiex ir-responsabbiltà tagħha li turi li xi ħadd ikun fil-fatt daħal fil-bini li kien issiġillat. It-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-ifformular tal-mistoqsija Nru 6 tat-kwestjonarju mibgħut lill-ispetturi, li hija allegatament tendzjuża, li tindika li hija intiża sabiex tistaqsi lill-membri tat-tim fuq l-indizji li juru ksur tas-siġill, fid-dawl tal-konklużjonijiet irreġistrati fil-minuti. Barra minn hekk, kull spettur fil-fatt indika l-elementi li ftakar fihom individwalment.

39

Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 99 sa 124 tas-sentenza appellata, it-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegata suppożizzjoni żbaljata ta’ twaħħil regolari ta’ siġill, u kkonkludiet li dan ma jistax jintlaqa’. L-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonstata li s-siġill inkwistjoni kien twaħħal b’mod regolari, jiġifieri l-minuti tat-twaħħil ta’ dan is-siġill u t-tweġibiet tal-ispetturi li kienu preżenti matul dan it-twaħħil ta’ siġill għall-mistoqsija Nru 3 tal-kwestjonarju li kienet intbagħtitilhom, jippermettu li jiġi fil-fatt ikkonstatat li s-siġill inkwistjoni kien twaħħal b’mod regolari fid-29 ta’ Mejju 2006, li dan kien jeħel għaldaqstant mal-bieb tal-bini G.505 u mal-qafas ta’ dan u li huwa kien intatt, fis-sens li ma kienx juri l-kliem “VOID” fil-mument li fih il-grupp ta’ spezzjoni telaq mill-bini ta’ E.ON Energie.

40

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi invokati minn E.ON Energie kienu ta’ natura tali li jistgħu jikkontestaw il-valur probatorju tal-provi fuq imsemmija. Hija ċaħdet l-argument dwar in-nuqqas ta’ tindif partikolari tal-bieb qabel it-twaħħil tas-siġill inkwistjoni, billi b’mod partikolari qieset li l-ispetturi kienu żguraw mill-indafa tiegħu u li skont l-iskeda teknika, il-konsegwenza tat-twaħħil ta’ siġill fuq wiċċ li huwa maħmuġ, ikun li s-sinjali “VOID” ma jkunux jistgħu jidhru fil-każ ta’ ksur tas-siġill, minħabba li ma jkunx imwaħħal kif suppost ma’ din. Barra minn hekk, E.ON Energie ma stabbilixxietx li l-wiċċ inkwistjoni kien kopert minn elementi kontaminanti oħra għajr trab li jinsab komunement f’uffiċċju. Fir-rigward tal-fatt, osservat minn E.ON Energie, li dan il-wiċċ kien tal-aluminju ossidizzat, materjal mhux imsemmi fl-iskeda teknika tas-siġill inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li, skont il-manifattur ta’ dan is-siġill, il-kumpannija 3M, tali siġill jaħdem korrettament fuq bibien tal-aluminju u dawk b’żebgħa tal-aluminju, u ppreċiżat li l-konsegwenza għal użu fuq bieb mhux adegwat hija li s-siġill ma jeħelx biżżejjed, li jkun jista’ jipprevjeni l-iskrizzjonijiet “VOID” li jidhru fil-każ tat-tneħħija ta’ dan is-siġill. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondata l-allegazzjoni li s-siġill inkwistjoni ma nqalax mill-film protettiv tiegħu konformement mal-istruzzjonijiet tal-manifattur.

41

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 134 sa 156 tas-sentenza appellata, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegata suppożizzjoni żbaljata tal-“istat evidenti” tas-siġill inkwistjoni l-ġurnata wara l-ispezzjoni. L-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha biex tikkonstata l-ksur tas-siġill, jiġifieri l-minuti tal-ksur tas-siġill, li jindikaw li s-siġill inkwistjoni ġie mċaqlaq madwar 2 mm fl-għoli u fil-wisa’ u li l-iskrizzjonijiet “VOID” kienu jidhru b’mod ċar fuq il-wiċċ kollu tas-siġill, kif ukoll ix-xhieda tal-ispetturi li kienu preżenti meta ġie kkonstat il-ksur tas-siġill, jippermettu li fil-fatt jiġi kkonstatat li s-siġill inkwistjoni kien ġie miksur matul il-lejl tad-29 sat-30 ta’ Mejju 2006 u li l-bieb tal-bini inkwistjoni għalhekk seta’ ġie miftuħ f’dan l-intervall.

42

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi invokati minn E.ON Energie kienu ta’ natura tali li jistgħu jikkontestaw il-valur probatorju tal-provi fuq imsemmija. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ E.ON Energie li l-iskrizzjonijiet “VOID” kienu biss ftit li xejn viżibbli, u fuq parti biss tas-siġill inkwistjoni. Hija b’mod partikolari nnotat li d-dehra tal-iskrizzjonijiet “VOID” huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li s-siġill inkwistjoni kien imċaqlaq u li l-bdil fl-istat ta’ dan tal-aħħar ġie kkonfermat minn tmien spetturi li kienu fuq is-sit. Fir-rigward tal-paragun magħmul mill-ispetturi bejn l-istat tas-siġill inkwistjoni u l-istat tas-siġilli mwaħħla f’partijiet oħra tal-bini, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li billi dan kien l-ewwel ksur ta’ siġill, kien iġġustifikat li l-ispetturi jkunu ħadu garanziji meta għamlu tali paragun. Għalhekk, jista’ jiġi dedott li kien hemm dubji dwar il-kundizzjoni tas-siġill. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li r-ritratti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha kienu meħuda wara l-ftuħ tal-bieb, il-Qorti Ġenerali osservat li ma kienx ta’ natura li jikkontesta l-valur probatorju tal-provi fuq imsemmija.

43

Il-Qorti Ġenerali kompliet billi eżaminat, fil-punti 166 sa 171 tas-sentenza appellata, il-ħames motiv, ibbażat fuq is-suppożizzjoni allegatament żbaljata tal-adattabbiltà tal-film ta’ sigurtà għat-twaħħil uffiċjali tas-siġilli mill-Kummissjoni, b’dan il-film ikun intiż sabiex jipprova li “kontenitur jew prodott żgur” ma jkunx ġie miftuħ. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, l-ewwel lok, li jekk l-iskeda teknika tas-siġill inkwistjoni ma jindikax espliċitament l-użu li jkun sar minnu mill-Kummissjoni, jirriżulta minn din l-iskeda li l-film tas-sigurtà għandu jindika manipulazzjoni billi jeqred lilu innifsu meta jsir tentattiv sabiex titneħħa t-tikketta, li jikkorrispondi eżattament għal dan l-użu. Sakemm il-manifattur jirrakkomanda l-użu ta’ mezzi ta’ sigurtà supplementari f’każijiet fejn “il-manipulazzjoni jista’ jkollha konsegwenzi gravi ħafna bħal telf finanzjarju konsiderevoli”, jirriżulta mill-iskeda teknika li din ir-rakkomandazzjoni twassal il-possibbiltà ta’ reazzjoni negattiva falza.

44

Il-Qorti Ġenerali tqis li t-twaħħil ta’ siġill konformement mal-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003 ġie rikonoxxut mir-rappreżentanti ta’ E.ON Energie u huwa permessibbli li jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar kienet minnufih, jekk ikun hemm il-każ, ressqet dubji dwar in-natura xierqa tal-film tas-sigurtà waqt it-twaħħil tiegħu. It-tielet lok, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-eżami tagħha tas-sitt motiv f’dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ E.ON Energie dwar “sitwazzjonijiet possibbli alternattivi” li setgħu jaffettwaw l-istat tas-siġill inkwistjoni.

45

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 199 sa 234 ta’ din is-sentenza appellata, is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tas-“sitwazzjonijiet possibbli alternattivi” li setgħu kienu l-oriġini tal-istat tas-siġill inkwistjoni. Wara li nnotat li, bħala prinċipju, hija l-impriża li tinvoka spjegazzjoni alternattiva tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, minn naħa, l-eżistenza taċ-ċirkustanza li tinvoka u, min-naħa l-oħra, li din iċ-ċirkustanza tqiegħed fid-dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li hija kienet diġà ddeċidiet, meta ċaħdet ir-raba’ motiv, li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li s-siġill inkwistjoni kien ġie miksur matul il-lejl tad-29 sat-30 ta’ Mejju 2006. Għalhekk kien hemm lok li jiġi eżaminat jekk E.ON Energie kien irnexxielha tipprova mod ieħor.

46

L-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset li E.ON Energie ma pprovatx l-eżistenza ta’ “influwenzi esterni” li kienu għall-oriġini tal-iskrizzjonijiet “VOID” fuq is-siġill inkwistjoni. B’mod partikolari, hija osservat li din l-impriża ma pprovdietx il-prova ta’ rabta kawżali bejn l-allegata skadenza tat-terminu massimu ta’ konservazzjoni ta’ dan is-siġill u d-dehra ta’ dawn l-iskrizzjonijiet, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li s-siġilli l-oħra użati, ġejjin mill-istess lott, ma werewx “reazzjoni pożittiva”. Hija wkoll ikkonstatat li E.ON Energie ma kinitx ipprovat li l-użu minn impjegat tal-kumpannija tat-tindif, ta’ deterġent, is-Synto, sabiex tnaddaf il-bieb li kien ġie ssiġillat ikkawża riskju ta’ reazzjoni pożittiva falza tas-siġill inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, f’kull każ, kienet ir-responsabbiltà ta’ E.ON Energie li tinforma lill-kumpannija tat-tindif tat-tifsira tas-siġill u li tiżgura li dan is-siġill inkwistjoni ma jinkisirx minn ħaddiem ta’ din tal-aħħar.

47

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat wkoll li E.ON Energie ma pprovatx li r-rata ta’ umdità tal-arja f’München matul il-lejl inkwistjoni, vibrazzjonijiet u tregħid eventwali, possibbilment relatati mal-okkupazzjoni tal-bini G.506 li jinsab ma’ ġenb G.505 li kien ġie ssiġillat, u anki l-effett ikkombinat ta’ dawn il-fatturi, li għadda ż-żmien għall-użu tas-siġill inkwistjoni u l-azzjoni tas-Synto fuqu wasslu għall-modifika tal-istat tas-siġill inkwistjoni fil-lejl tad-29 sat-30 ta’ Mejju 2006. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-bini G.505 ma kienx nfetaħ matul il-lejl inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li ma kienx għall-Kummissjoni li tipprova l-kuntrarju.

48

It-tieni lok, il-Qorti Ġenerali osservat li l-opinjonijiet ta’ esperti sottomessi minn E.ON Energie ma jistabbilixxux li ċ-ċirkustanzi invokati minn din tal-aħħar ikkawżaw il-modifika fl-istat tas-siġill inkwistjoni u li huma, f’kull każ, numru ta’ nuqqasijiet, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mid-daqs żgħir tal-kampjuni ttestjati, mill-ammont ta’ deterġent użat u mir-rifjut ta’ E.ON Energie li tuża siġilli oriġinali u li tippermetti li membru tal-persunal tal-Kummissjoni jassisti għall-ittestjar. It-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala mhux rilevanti jew bħala mhux ikkonfermati l-kritika magħmula minn E.ON Energie fir-rigward tar-rapporti ta’ Kr. li saru fuq talba tal-Kummissjoni. Ir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minħabba l-fatt li E.ON Energie ma pprovdietx prova li setgħet tikkontesta l-valur probatorju tal-provi mressqa mill-Kummissjoni, ma kienx hemm bżonn li li tingħata deċiżjoni fuq l-allegata “possibbiltà ta’ reazzjonijiet pożittivi foloz” li jirriżultaw mill-premessi 7, 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata.

49

Il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 238 sa 247 tas-sentenza appellata, is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza. Wara li fakkret li, skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju japplika fil-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ E.ON Energie bbażati fuq l-allegata “natura suġġestiva” tal-kwestjonarju, mibgħut lill-espert Kr., b’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2007.

50

Dan il-kwestjonarju b’mod partikolari kien jitlob lil Kr. jindika r-raġunijiet għalfejn ir-rapporti tal-esperti mressqa minn E.ON Energie “ma jikkontradixxux” ir-rapport tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2007 u “jikkonfermaw” li l-kombinazzjoni ta’ fatturi mressqa minnha “ma setgħux jikkawżaw” reazzjoni pożittiva falza. Il-Qorti Ġenerali nnotat b’mod partikolari li l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward kien għal E.ON Energie u li l-kwestjonarju kien intiż sabiex jivverifika jekk il-konklużjonijiet tal-ewwel rapport ta’ Kr. kinux ikkontestati mir-rapporti mressqa minn E.ON Energie, billi din diġà kienet ifformulat bil-fomm, xi kummenti dwar il-konstatazzjonijiet f’dawn ir-rapporti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali osservat li, fit-tieni rapport tiegħu, Kr. ifformula mill-ġdid il-mistoqsijiet magħmula b’mod “miftuħ” qabel ma weġibhom. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet is-seba’ motiv.

51

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 254 sa 263 tas-sentenza appellata, it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003, billi l-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir ta’ terzi kien attribwibbli għal E.ON Energie u li ma setax ikun hemm kwistjoni ta’ negliġenza f’dan il-każ, peress li l-impjegat tal-kumpannija tat-tindif ma kienx f’pożizzjoni li jkun jaf li kien qed iwettaq att materjali li jikkostitwixxi l-ksur tas-siġill. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn l-argumenti ta’ E.ON Energie li l-possessuri taċ-ċwievet ma fetħux il-bieb tal-bini inkwistjoni huwa irrilevanti minħabba li ma kienx għall-Kummissjoni li tipprova li fil-fatt xi ħadd daħħal f’dan il-bini. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali nnotat li, skont il-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati magħmula fil-premessi 101 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata, huma biss il-persuni awtorizzati minn E.ON Energie li kienu fil-bini fil-mument meta nkiser is-siġill u l-argument li l-possessuri taċ-ċwievet kienu kollaboraturi jew mandatarji awtorizzati ta’ din il-kumpamnija ma tistax tintlaqa’. It-tielet nett, in-nuqqas ta’ għarfien mill-impjegat tal-kumpannija tat-tindif għal kwalunkwe konsegwenza li setgħet allegatament isseħħ bħala riżultat li tgħaddi drapp imxarrab fid-deterġent fuq is-siġill inkwistjoni huwa irrilevanti peress li ma huwiex ipprovat li t-tindif tal-bieb permezz tas-Synto fil-fatt seta’ jaffettwa l-kundizzjoni tas-siġill. Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argumenti dwar l-allegat fatt li għadda ż-żmien għall-użu tas-siġill inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali rreferiet għaċ-ċaħda ta’ dawn l-argumenti fil-kuntest tal-eżami tagħha tas-sitt motiv.

52

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 276 sa 297 tas-sentenza appellata, id-disa’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ffissat l-ammont tal-multa.

53

L-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u b’mod partikolari l-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u mhux neċessarjament għandha tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Barra minn hekk ġie osservat li l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuq E.ON Energie, fuq il-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, fuq l-eżistenza ta’ indizji li jimplikaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni min-naħa ta’ E.ON Energie, billi kien l-ewwel każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq il-ħtieġa li l-multa imposta tista’ madankollu tiggarantixxi l-effett dissważiv ta’ din id-dispożizzjoni l-ġdida.

54

Il-Qorti Ġenerali osservat f’dan ir-rigward li billi l-Kummissjoni ma adottatx linji gwida għall-iffissar tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 hija ma kinitx meħtieġa li tikkwantifika, f’valur assolut jew bħala perċentwali, l-ammont bażiku tal-multa u kwalunkwe ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ċaħdet l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll dik ibbażata fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża li rriżultaw minnha.

55

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret li, skont il-ġurisprudenza, il-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet imfittxija, osservat li l-Kummissjoni ġustament spjegat fil-premessi 105 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom il-ksur tas-siġill kien, bħala tali, ksur partikolarment gravi, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv tal-multi imposti għal ksur ta’ siġill, sabiex impriżi ma jqisux li jista’ jkun ta’ vantaġġ għalihom li jiksru siġill fil-kuntest ta’ spezzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma sabietx li hemm ċirkustanzi aggravanti, iżda pjuttost ikkonstatat ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ multa għal kull ksur ta’ siġill li hija dissważiva biżżejjed.

56

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti invokati minn E.ON Energie, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari enfasizzat il-fatt li ksur ta’ siġill kemm jekk b’negliġenza u kemm jekk mhux intenzjonalment ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti u li l-Kummissjoni ma kinitx telqet, f’dan il-każ, minn assunzjoni li l-ksur kien neċessarjament intenzjonali. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni sabiex tinforma lil E.ON Energie b’allegata “reazzjoni partikolari” tal-film ta’ sigurtà u li l-fatt li ma kienx possibbli li jiġi kkonstatat li xi dokumenti ttieħdu mill-bini G.505 kien ukoll irrelevanti. L-importanza tal-isforzi mwettqa minn E.ON Energie billi pproduċiet opinjonijiet esperti u billi interrogat lill-possessuri kollha taċ-ċwievet huwa wkoll irrilevanti, peress li dawn l-isforzi jagħmlu parti mill-eżerċizzju minn E.ON Energie tad-drittijiet tagħha ta’ difiża u ma kinux iffaċilitaw l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod sħiħ il-fatt li dan kien l-ewwel ksur ta’ siġill u kkonkludiet li, kuntrarjament għal dak li ssostni E.ON Energie, multa ta’ ammont ta’ EUR 38 miljun, li jirrappreżenta madwar 0.14 % mid-dħul mill-bejgħ ta’ din il-kumpannija, ma jistax jitqies bħala sproporzjonat għal dan il-ksur.

57

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet id-disa’ motiv, u għalhekk ir-rikors ta’ E.ON Energie kollu kemm hu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

It-talbiet tal-partijiet

58

E.ON Energie titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija kienet ikkundannata tħallas multa kif ukoll għall-ispejjeż, u li tilqa’ t-talbiet tagħha fl-ewwel istanza;

b’mod iktar sussidjarju, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

59

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

tikkundanna lil E.ON Energie għall-ispejjeż tal-kawża.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

60

B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni talbet li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali. Insostenn tat-talba tagħha, il-Kummissjoni indikat in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni adottata mill-Avukat Ġenerali f’dak li jirrigwarda s-sitt aggravju u sostniet li ċerti mistoqisjiet magħmula f’dan ir-rigward huma ġodda, b’tali mod li l-prinċipju ta’ kontradittorju ma ġiex irrispettat f’din il-kawża.

61

Hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-205/06, Ġabra p. I-1301, punt 13, u tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen, C-262/10, punt 30).

62

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeżiġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet (ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Hogan Lovells International, C-229/09, Ġabra p. I-11335, punt 26). Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-mistoqsijiet li jkun qed jeżamina hawn, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi bażi li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

63

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, peress li tqis li hija għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tagħti deċiżjoni, u peress li l-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet, ma hemmx lok li tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq l-appell

64

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tikkonstata l-fatti u, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li tikkunsidra insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C-535/06 P, Ġabra p. I-7051, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għall-kuntrarju, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali kkwalifikat in-natura ġuridika tagħhom u minnhom irriżultaw konsegwenzi fil-liġi (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 49).

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fil-kuntest tat-tqassim tal-oneru tal-prova kif ukoll ta’ ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ġuridiku tad-dritt tal-Unjoni in dubio pro reo

L-argumenti tal-partijiet

66

Skont E.ON Energie, billi l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata kienet qalbet l-oneru tal-prova, fil-punt 55 tagħha, billi ddeċidiet li, sa fejn il-Kummissjoni tressaq provi diretti ta’ fatt, imbagħad għandha tkun l-impriża kkonċernata li turi l-insuffiċjenza ta’ dawk il-provi. Skont E.ON Energie, il-Qorti Ġenerali kienet, b’mod partikolari, interpretat ħażin il-prova li tikkonsisti fil-ksur tas-siġill minħabba, mingħajr ma dan ġie kkontestat, dan inżamm lil hinn mit-tul tat-terminu massimu ta’ konservazzjoni ma jikkostitwixxix prova preċiża biżżejjed, u għalhekk suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-eżistenza ta’ ksur. Barra minn hekk, tikkritika b’mod partikolari, l-applikazzjoni b’analoġija tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni (C-235/92 P, Ġabra p. I-4539), billi l-ksur ta’ siġill ma jikkostitwixxix, bil-kuntrarju ta’ prova dokumentarja, prova diretta u suffiċjenti, imma biss prova ekwivoka. Għall-kumplament, il-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali huma biss provi indiretti.

67

E.ON Energie osservat, barra minn hekk, li l-inċertezza dwar il-funzjonament xieraq tas-siġill inkwistjoni kienet dovuta lill-Kummissjoni, peress li din kienet użat siġill li kien ikkonservat lil hinn miż-żmien ta’ konservazzjoni tiegħu u ma kinitx aċċertat il-provi qabel ma nfetaħ il-bieb tal-bini. Hija żżid, fir-replika tagħha, li, minn dan il-fatt, is-siġill kien imwaħħal ħażin, għaliex twaħħil korrett jirrikjedi r-rispett tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-manifattur fit-tikketta teknika tal-prodott. L-impossibbiltà li jinġabu provi li tirriżulta mill-komportament tal-Kummissjoni ma għandhiex tippreġudika lil E.ON Energie. Din iċ-ċirkustanza taqleb għalhekk l-oneru tal-prova, b’mod li l-Qorti Ġenerali kellha teżiġi li l-Kummissjoni tipprova li s-siġill inkwistjoni twaħħal korrettement u kien jiffunzjona normali, minflok ma teżiġi mingħand E.ON Energie l-prova f’sens kuntrarju, hekk kif kellu jseħħ fil-punt 170 tas-sentenza appellata. E.ON Energie tenfasizza li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli minħabba li t-tqassim tal-oneru tal-prova hija kwistjoni ta’ liġi u, fl-assenza ta’ żball ta’ liġi li dan l-aggravju jikkontesta, il-Qorti Ġenerali setgħat tasal għal evalwazzjoni differenti tal-fatti inkwistjoni f’din il-kawża. Għalhekk, E.ON Energie mhux ser tikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala tali.

68

Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk hija pproduċietx il-prova ta’ ksur tas-siġill tirriżulta mill-evalwazzjoni tal-provi li saru mill-Qorti Ġenerali u għalhekk l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jsir fil-kuntest ta’ limiti ristretti. Billi E.ON Energie ma argumentatx li kien hemm distorsjoni tal-provi f’dan ir-rigward, l-ewwel aggravju huwa inammissibbli. Barra minn hekk, l-allegazzjoni magħmula għall-ewwel darba fir-replika, u għalhekk tardiva, li s-siġill inkwistjoni twaħħal b’mod żbaljat, minħabba l-allegat fatt li għadda ż-żmien għall-użu tas-siġill, ma tistax tiġġustifika l-qlib tal-oneru tal-prova mixtieqa minn E.ON Energie.

69

Barra minn hekk, hekk kif qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-provi jiddependu fuq in-natura tal-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur. Il-Kummissjoni tosserva li jekk, fil-qasam tal-prattiki miftiehma, hija tibbaża biss fuq l-osservazzjonijiet dwar aġir parallel fis-suq u tassumi, f’dan ir-rigward, li ma jistax jiġi spjegat b’mod ieħor ħlief permezz ta’ prattiki miftiehma bejn l-impriżi kkonċernati, huwa biżżejjed għal dawn, sabiex jiġġustifikaw lilhom infushom, li jistabbilixxu ċirkustanzi li jqiegħdu l-fatti f’dawl differenti. Min-naħa l-oħra, dan ikun differenti jekk il-Kummissjoni tista’ tirreferi għal dokumenti fejn jirriżulta li l-aġir osservat huwa r-riżultat ta’ prattiki miftiehma, f’liema każ ma huwiex biżżejjed li l-impriżi kkonċernati joffru spjegazzjoni alternattiva għall-fatti kkonstati mill-Kummissjoni. F’dan il-każ, huma għandhom jikkontestaw l-eżistenza ta’ dawn il-fatti stabbiliti fid-dawl tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni.

70

Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk hija ssodisfatx l-obbligu tagħha li tipprovdi l-prova inizjali permezz ta’ provi diretti u jekk l-impriża pproduċietx il-prova kuntrarja jirriżultaw it-tnejn li huma minn evalwazzjoni tal-provi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-manifattur tas-siġill inkwistjoni, f’din il-kawża, din tirrigwarda sitwazzjoni normali ta’ twaħħil ta’ siġill funzjonali, u għalhekk kien għal E.ON Energie li tipprovdi provi kuntrarji sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha ta’ reazzjoni pożittiva falza. Skont il-Kummissjoni, billi tippreżenta argument dwar ir-rekwiżiti fil-qasam tal-provi, E.ON Energie tfittex li ttellef l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-fatt li hija qatt ma kienet f’pożizzjoni li serjament tikkontesta l-funzjonalità tas-siġill inkwistjoni, deskritta mill-manifattur, ikkonfermata mill-prattika tal-Kummissjoni u vverifikata mill-espert tekniku, Kr.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Għandu jitfakkar, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament qieset fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentment skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58, kif ukoll tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C-2/01 P u C-3/01 P, Ġabra p. I-23, punt 62).

72

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tmur favur l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265). Fil-fatt, il-preżunzjoni tal-innoċenza tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

73

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza japplika għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi jew pagament ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 149 u 150, kif ukoll Montecatini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 175 u 176).

74

Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq is-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati għajr bl-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, il-qorti tal-Unjoni ser ikollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-impriżi kkonċernati jargumentaw b’mod li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li għalhekk jippermetti l-bdil ta’ spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi għall-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 16, kif ukoll tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punti 126 u 127).

75

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta ddeċidiet li, peress li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li impriża pparteċipat f’laqgħat bejn impriżi li kienu ta’ natura manifestament antikompetittiva, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis li kien għal din tal-aħħar li tipprovdi spjegazzjoni oħra tal-kontenut ta’ dawn il-laqgħat. Meta tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali ma kinitx indebitament qalbet l-oneru tal-prova jew kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza (sentenza Montecatini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 181).

76

Bl-istess mod, l-Qorti Ġenerali korrettament ikkonstatat fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li, billi l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza tal-ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju ta’ dawn il-provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju ta’ dawn il-provi. Bil-kontra, ħlief fil-każ li tali prova ma tkunx tista’ tiġi pprovduta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni.

77

F’din il-kawża, E.ON Energie tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat b’analoġija il-punt 181 tas-sentenza Montecatini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fil-każ ta’ ksur tas-siġill li seħħ fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata.

78

Sa fejn E.ON Energie tikkontesta l-possibbiltà li tipproċedi għal din l-applikazzjoni b’analoġija, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward, la fil-punti 55 et seq. u lanqas fil-punt 170 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur tas-siġill fuq il-bażi ta’ serje ta’ provi, fosthom il-minuti ta’ ksur tas-siġill, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis, li billi tapplika s-sentenza Montecatini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, b’analoġija, kien għal E.ON Energie li tipprovdi l-provi li jikkontestaw din il-konstatazzjoni u, b’dan il-mod, hija la wettqet qlib tal-oneru tal-prova u lanqas kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza.

79

Sa fejn E.ON Energie qed tfittex sostenn għall-argument tagħha, fil-kuntest tal-ewwel aggravju, li t-tul ta’ żmien ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni inqabeż, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija qed tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-provi differenti prodotti. L-argument tagħha huwa għalhekk inammissibbli konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza.

80

F’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-allegata inċertezza, li hija attribwibbli lill-Kummissjoni, dwar il-funzjonament tajjeb tas-siġill inkwistjoni li ġie effettivament użat f’din il-kawża, għandu jitfakkar, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-oneru tal-prova kienet tistrieħ fuq E.ON Energie, ħlief fejn tali prova ma setgħetx tiġi pprovduta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha. Wara li staqsiet lilha nfisha l-mistoqsija t-tajba fid-dritt, il-Qorti Ġenerali sussegwentement iddeċidiet li, fuq il-bażi tal-provi quddiemha, fil-punti 57 sa 63, 99 sa 124 u 134 sa 156 tas-sentenza appellata, inċertezza attribwibbli lill-Kummissjoni ma kinitx stabbilita, bir-riżultat li l-oneru tal-prova fil-fatt huwa għal E.ON Energie. Sa fejn E.ON Energie tikkontesta din l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali, l-argumenti tagħha huma inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza.

81

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova

L-argumenti tal-partijiet

82

E.ON Energie tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, minħabba l-fatt li hija wettqet karatterizzazzjoni legali żbaljata. Fl-opinjoni tagħha, fil-kuntest ta’ qlib tal-oneru tal-prova, il-Qorti Ġenerali naqqset milli tikkunsidra l-kriterju ta’ “kontestazzjoni” tal-valur probatorju tas-siġill inkwistjoni li, għall-ewwel, kien ġie invokat fil-punt 56 tas-sentenza appellata, billi ħtieġet, fil-punti 202 u 203 ta’ din is-sentenza, il-prova ta’ “rabta kawżali” diretta bejn il-qbiż tat-terminu massimu ta’ konservazzjoni ta’ dan is-siġill u d-dehra ta’ reazzjoni pożittiva falza. Skont E.ON Energie, in-natura kontradittorja u n-nuqqas ta’ motivazzjoni inkwistjoni jqajmu kwistjoni ta’ liġi u għalhekk it-tieni aggravju huwa ammissibbli.

83

Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li E.ON Energie ma tikkontestax il-motivazzjoni tas-sentenza appellata, li hija ċara, iżda biss l-evalwazzjoni tal-provi li pproċediet għalihom il-Qorti Ġenerali. F’kull każ dan huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-tieni aggravju huwa ammissibbli. Fil-fatt, sa fejn E.ON Energie tikkontesta allegata kontradizzjoni bejn dispożizzjoni legali stabbilita fil-punt 56 tas-sentenza appellata u l-implementazzjoni ta’ din ir-regola fil-punt 202 tas-sentenza appellata, billi tqiegħed fid-dubju l-koerenza tar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova, hija tqajjem kwistjoni ta’ liġi dwar l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt mill-Qorti Ġenerali (sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C-412/05 P, Ġabra p. I-3569, punt 89).

85

Għal dak li jirrigwarda l-mertu ta’ dan l-aggravju, huwa biżżejjed li jiġi osservat, hekk kif l-Avukat Ġenerali qis fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, li meta l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi l-prinċipju, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-fatt mressaq minn E.ON Energie għandu jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom jistrieħ l-analiżi tal-Kummissjoni, dan jassumi, naturalment, rabta kawżali bejn ħaġa u oħra.

86

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza invokata minn E.ON Energie quddiem il-Qorti Ġenerali, li tirriżulta mill-qbiż tat-tul ta’ żmien ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni, ma tikkontestax il-valur probatorju tal-iskrizzjonijiet “VOID” li jinsabu fuq dan is-siġill sakemm ma jintweriex li hemm rabta kawżali għal dan il-għan bejn l-iskadenza possibbli ta’ dan is-siġill u d-dehra ta’ dawn l-iskrizzjonijiet. Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li, fit-tfittxija għall-eżistenza ta’ tali rabta fil-punti 202 u 203 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma applikatx kriterju legali differenti minn dak li kien stabbilit fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

87

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi, tal-ksur tal-prinċipji ta’ stat tad-dritt u ta’ dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tan-natura illoġika u żbaljata tal-motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni

L-argumenti tal-partijiet

88

Permezz tat-tielet aggravju, E.ON Energie tikkontesta, f’ħafna aspetti, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar ir-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni li jinsab fil-punti 102 sa 115 tas-sentenza appellata.

89

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-iżnaturament tal-provi, E.ON Energie tenfasizza li l-integrità ta’ siġill tinkludi kemm aspett intern kif ukoll aspett estern u li hija biss din tal-aħħar li tista’ tiġi stabbilità permezz tal-minuti tat-twaħħil ta’ dan is-siġill. Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-integrità interna ta’ dan is-siġill li ma setgħetx tidher b’mod evidenti mill-estern, waqt id-dekors ta’ żmien qasir li għadda bejn il-mument li fih huwa twaħħal u l-mument li fih il-grupp ta’ spezzjoni telaq mill-bini. Billi ttraskurat din il-prova, il-Qorti Ġenerali kienet, konsegwentement, interpretat ħażin il-prinċipji ta’ stat ta’ dritt kif ukoll ta’ dritt għal amministrazzjoni tajba, għaliex hija ma kinitx fi stat li tistħarreġ mad-daqqa t’għajn il-karattru regolari tal-azzjoni tal-Kummissjoni.

90

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-prova li tikkonsisti fil-minuti tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni billi tagħtih kontenut dikjarattiv li ma għandux, billi tassumi, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ twaħħil regolari ta’ dan is-siġill. Barra minn hekk, meta ddeċidiet, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li s-siġill “kien jeħel għaldaqstant mal-bieb tal-bini G.505 u mal-qafas ta’ dan u li huwa kien intatt, fis-sens li ma kienx juri l-kliem “VOID” fil-mument li fih il-grupp ta’ spezzjoni telaq mill-bini tar-rikorrenti”, il-Qorti Ġenerali allegatament aċċettat kriterji ta’ delimitazzjoni li huma irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-kapaċità interna tas-siġill inkwistjoni sabiex iwettaq il-funzjoni tiegħu. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali kienet kisret il-liġijiet tal-loġika.

91

It-tieni nett, E.ON Energie tikkritika lill-Qorti Ġenerali li bbażat l-analiżi tagħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt dwar it-twaħħil tal-imsemmi siġill. Dawn kienu rrilevanti peress li dawn tal-aħħar kienu fl-inkapaċità li jevalwaw l-integrità interna tas-siġill inkwistjoni.

92

It-tielet nett, E.ON Energie tgħid li hija ma kelliex l-opportunità tagħraf ir-reazzjoni partikolari tal-film ta’ sigurtà u għalhekk lanqas li tivverifika l-proprjetajiet konkreti tiegħu. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ motivazzjoni meta indikat, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, b’referenza għall-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li E.ON Energie suppost kellha tkun taf “perfettament l-importanza ta’ dawn is-sinjali”, jiġifieri is-sinjali “VOID”. Skont E.ON Energie, ma jistax jiġi eskluż li d-difett moħbi jew il-ħsara minn qabel tas-siġill inkwistjoni ma setax jidher jekk mhux iktar tard jew li minħabba fin-nuqqas ta’ għarfien tal-funzjonament ta’ dan is-siġill, ħadd ma ta biżżejjed attenzjoni lill-integrità esterna tiegħu.

93

Il-Kummissjoni tqis li, permezz tat-tielet aggravju, E.ON Energie fir-realtà tfittex, li tikkontesta l-konklużjonijiet ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali, b’tali mod li dan l-aggravju huwa inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94

F’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet dwar żnaturament tal-provi, għandha ssir distinzjoni, hekk kif qis l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, bejn il-parti tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-integrità tas-siġill inkwistjoni u dik dwar il-valur tal-minuti tat-twaħħil ta’ dan is-siġill.

95

Sa fejn E.ON Energie tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-integrità tas-siġill inkwistjoni, għandu jiġi osservat li hija tenfasizza id-definizzjoni tagħha stess tan-nuqqas ta’ alterazzjoni ta’ siġill, li fir-rigward tiegħu hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali.

96

Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk is-siġill inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala alterat ma huwiex kwistjoni ta’ żnaturament tal-provi, iżda kwistjoni ta’ fatt. Għalhekk E.ON Energie tikkontesta, fil-fatt, l-evalwazzjoni fattwali li l-Qorti Ġenerali effettwat fir-rigward tan-natura intatta tas-siġill inkwistjoni fuq il-bażi tal-provi lilha prodotti. Minn dan isegwi li, konformement għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, dawn l-allegazzjonijiet huma inammissibbli fil-kuntest ta’ dan l-appell.

97

Barra minn hekk, E.ON Energie ma tispjegax kif il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ stat tad-dritt u ta’ amministrazzjoni tajba, mill-evalwazzjoni fattwali li għamlet. Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġu miċħuda.

98

Fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-minuti tal-twaħħil tas-siġill inkwistjoni, għandu jiġi osservat, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din il-prova hija awtentika, sakemm ma jiġix ipprovat il-kontra, fir-rigward tat-tqegħid regolari ta’ dan is-siġill, kif ukoll għall-fatt li dan żamm mal-bieb tal-bini G.505, ċirkustanzi kkonstatati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt, fil-lejl tad-29 ta’ Mejju 2006. Madankollu, l-argument mressaq minn E.ON Energie f’dan ir-rigward ma jiżvela l-ebda ineżattezza materjali fil-qari mill-Qorti Ġenerali ta’ dawn il-minuti u ma ssemmi l-ebda element ta’ natura tali li turi li dan huwa vvizzjat minn konstatazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet żbaljati.

99

Għalhekk l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw l-iżnaturament tal-minuti tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

100

F’dak li jirrigwarda l-ikkontestar minn E.ON Energie lill-Qorti Ġenerali, fejn tikkritika r-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi, billi dawn tal-aħħar allegatament ma kinux jistgħu jevalwaw il-funzjonament intern ta’ dan is-siġill, għandu jitfakkar, hekk kif ġie osservat fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, li b’dan il-mod E.ON Energie fittxet li tadotta d-definizzjoni tagħha stess tal-assenza ta’ alterazzjoni ta’ siġill. Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk is-siġill inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala mibdul hija kwistjoni ta’ fatt li taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali.

101

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali biss tista’ tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-prodotti, sa kemm il-provi li tagħmel użu minnhom insostenn tal-fatti jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova tkun ġiet sodisfatta (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, mill-argument tagħha dwar ir-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi, E.ON Energie tfittex li tikkontesta l-valur attribwit lil dawn il-provi mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

102

Fl-aħħar nett, l-argument imressaq minn E.ON Energie li jallega żball ta’ motivazzjoni huwa irrilevanti, peress li din tikkonċerna motiv superfluwu għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li E.ON Energie “kienet taf perfettament l-importanza” tas-sinjali “VOID”, li hija s-suġġett ta’ dan l-argument, tagħmel parti minn raġunament ibbażat fuq l-assenza ta’ oġġezzjonijiet minn E.ON Energie fir-rigward tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni qabel id-dehra ta’ dawn is-sinjali, liema raġunament iservi biss sabiex jikkorrobora l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali minn provi oħra.

103

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq in-natura allegatament illoġika tal-motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-argument dwar il-qbiż tat-terminu massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni

L-argumenti tal-partijiet

104

E.ON Energie tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni marbuta mal-allegata ksur tal-liġi tal-loġika. Fl-opinjoni tagħha, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tasal, mill-funzjonament xieraq tas-siġilli użati fil-kuntest ta’ twaħħil ta’ siġilli oħra fil-bini ta’ E.ON Energie, għall-konklużjoni loġikament inspjegabbli li s-siġill inkwistjoni wkoll kellu jaħdem korrettament. Hija preċiżament il-karatteristika tal-produzzjoni bil-massa li difett partikolari jwassal għal falliment ta’ prodotti iżolati biss. Il-Kummissjoni ma werietx li s-siġilli kollha tal-istess lott kienu ħielsa minn difetti. Barra minn hekk, huwa stabbilit, f’din il-kawża, li t-twaħħil ta’ siġilli oħra ma kienx jikkonċerna l-bibien magħmula minn pannelli akustiċi u minn qafas ta’ elossidu tal-aluminju, iżda pjuttost tliet filing cabinets. E.ON Energie ppreċiżat li tikkontesta l-loġika inerenti għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u mhux evalwazzjonijiet fattwali magħmula minnha.

105

Skont il-Kummissjoni, ir-raba’ aggravju huwa inammissibbli, minħabba li E.ON Energie sempliċement tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali u, f’kull każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

106

Sa fejn il-Qorti Ġenerali tistrieħ, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, fuq il-fatt li s-siġilli kollha inkwistjoni ġejjin mill-istess lott, din hija konstatazzjoni fattwali li E.ON Energie ma tikkontestax quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-assenza ta’ żnaturament tal-fatti, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza.

107

F’dak li jirrigwarda l-argument li permezz tiegħu E.ON Energie tibbażata fuq l-allegati differenzi bejn il-bibien li fuqhom is-siġilli inkwistjoni kienu mwaħħla, għandu jiġi osservat li dan ma jikkontestax id-dikjarazzjoni espliċita, magħmula fil-punt 122 tas-sentenza appellata, li, skont l-indikazzjonijiet tal-manifattur, ikkorroborata mill-ittestjar tal-espert tal-Kummissjoni, it-tip ta’ siġill użat huwa “[adattat] prattikament għas-supports kollha”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument huwa irrilevanti peress li jinjora prova ewlenija wara l-motivazzjoni mressqa mill-Qorti Ġenerali u li għalhekk ma tikkontestax din il-motivazzjoni.

108

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ġustament osservat li jekk impriża setgħet tikkontesta l-valur probatorju ta’ siġill billi tinvoka s-sempliċi possibbiltà li din kienet difettuża, il-Kummissjoni ser tiġi mċaħħda minn kull possibbiltà li tuża’ dawn is-siġilli. Għalhekk, tali argument, li ma huwiex ikkonfermat minn provi li jistabbilixxu difett li jaffettwa s-siġill inkwistjoni, ma jistax jirnexxi.

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq irregolaritajiet fil-produzzjoni tal-prova, ta’ ksur tal-prinċipju in dubio pro reo u ta’ allegati kontradizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-istat tas-siġill inkwistjoni

L-argumenti tal-partijiet

109

E.ON Energie tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li kisret ir-regoli applikabbli għal produzzjoni regolari tal-prova u l-liġijiet tal-loġika kif ukoll il-prinċipju in dubio pro reo. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala irrilevanti l-argument dwar l-istatus tal-iskrizzjonijiet “VOID” fuq il-qafas tal-bieb. Meta tagħmel dan, hija tikkontradixxi l-konstatazzjonijiet tagħha stess kif ukoll id-dikjarazzjoni mhux ikkontestata tal-Kummissjoni. Skont E.ON Energie, isegwi, fil-fatt, mid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni stess li kull ippożizzjonar mill-ġdid tas-siġill jikkawża ħsara lill-ittri, b’tali mod li l-preżenza ta’ sinjali “VOID” intatti juru li tneħħija ta’ dan segwit minn ippożizzjonar mill-ġdid tas-siġill jista’ jiġi eskluż. Jekk reazzjoni pożittiva falza fuq il-parti tas-siġill inkwistjoni li weħel mal-qafas tal-bieb ma jistax jiġi eskluż, in dubio pro reo, għandu jiġi kkunsidrat li dan jista’ jseħħ f’dak li jirrigwarda l-parti tas-siġill li weħel mal-qafas tal-bieb, li tikkontradixxi wkoll il-konstatazzjoni li d-dehra tal-iskrizzjonijiet “VOID” fuq is-siġill inkwistjoni, jew għall-inqas fuq parti minnu tfisser, f’kull każ, li dan is-siġill ġie miksur u li l-istiker kienet tneħħiet.

110

Barra minn hekk, dan ikun bi ksur tar-regoli applikabbli għal produzzjoni regolari tal-prova li l-Qorti Ġenerali naqset milli tordna investigazzjoni f’dan ir-rigward. E.ON Energie tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-kwistjoni dwar jekk prova speċifika ġietx prodotta b’mod regolari u skont il-prinċipji applikabblli f’dan il-qasam, inkluż il-prinċipju in dubio pro reo, hija kwistjoni ta’ liġi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u tqis, b’mod partikolari, li E.ON Energie qed tipprova tikkontesta għal darb’oħra konstatazzjonijiet fattwali. Il-ħames aggravju huwa għalhekk inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

112

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li appell huwa inammissibbli sa fejn, mingħajr ma jkun jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, huwa sempliċement jillimita ruħu jirrepeti l-motivi u l-argumenti li diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk ibbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba għall-ksib ta’ sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’appell (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

Għall-kuntrarju, għalhekk meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċeduri ta’ appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija proċeduri jkunu mċaħħda minn parti mis-sens tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

F’din il-kawża, waqt li E.ON Energie tinvoka ksur tal-prinċipju in dubio pro reo kif ukoll allegata kontradizzjoni tal-motivi, l-uniċi spjegazzjonijiet li hija tressaq insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet jinvolvu, fir-realtà, kontestazzjoni tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-provi lilha prodotti. Għalhekk, hija ma tispjegax l-iżbalji ta’ liġi li allegatament jivvizzjaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u ma tikkontestax l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali.

115

Fir-rigward tal-miżura istruttorja li l-Qorti Ġenerali naqset milli tadotta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali biss għandha tiġġudika dwar in-neċessità eventwali li l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi li jkollha quddiemha jiġu kkompletati. Il-valur probatorju jew le ta’ dawn il-provi jidħol fl-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, sakemm ma jkunx hemm żnaturament tal-fatti jew tal-provi (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, Ġabra p. I-1341, punt 66, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 19).

116

Xejn f’dan l-appell, ma jindika li dan huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li tgħid li s-siġill inkwistjoni kellu jitneħħa mill-bini tal-G.505 lokali matul il-lejl tad-29 sat-30 ta’ Mejju 2006, hija sostnuta biżżejjed fid-dritt fl-eżami fil-punti 136 sa 145 ta’ din is-sentenza, tal-provi quddiemha.

117

Għalhekk, ma jistax jiġi kkontestat lill-Qorti Ġenerali li ma laqgħatx it-talba ta’ E.ON Energie sabiex jiġu ordnati investigazzjonijiet supplementari.

118

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq is-sitt aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi u, b’mod partikolari, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

119

E.ON Energie ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kienet, b’mod partikolari, kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur u tal-ammont tal-multa l-fatt li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova sabiex turi li l-bieb tal-bini G.505 kien effettivament infetaħ jew li xi dokumenti kienu ġew nieqsa. Madankollu, fl-opinjoni tagħha, dawn kienu provi determinanti għaliex l-għan ta’ twaħħil ta’ siġill, kif iddikjarat fil-punt 291 tas-sentenza appellata, huwa li jiġi evitat kull manipulazzjoni tad-dokumenti mqiegħda fil-bini ssiġillat. Hija żżid li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, konsegwentement il-Qorti Ġenerali kien imissha naqqset l-ammont tal-multa. Barra minn hekk, E.ON Energie tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova meta naqset tordna investigazzjoni dwar il-kwistjoni tal-ftuħ tal-bieb.

120

Targumenta wkoll li l-użu mill-Kummissjoni tas-siġilli li t-tul taż-żmien ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni inqabeż kien għall-oriġini ta’ sitwazzjoni ta’ inċertezza li l-Qorti Ġenerali kien messha kkunsidrat fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa. F’dan ir-rigward, hija tinvoka b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 556), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet, li ksur li jirriżulta minn ċerta prattika partikolari ma jistax jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa peress li ma jistax jiġi eskluż li t-test ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li twassal biss temmen li tali prattika, madankollu, hija aċċettata bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

121

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza attenwanti li tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni stess kienet il-kawża tas-sitwazzjoni mhux ċara tal-istat tas-siġill inkwistjoni, li kienet x’aktarx twassal għal żball u impossibbli li tiġi ċċarata a posteriori. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell, li għandha tidentifika u tikkunsidra l-fatturi rilevanti kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir partikolari.

122

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

123

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li konformement mal-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-multi ffissati mill-Kummissjoni.

124

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija awtorizzata tmur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità ta’ dawn il-multi u tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Għall-kuntrarju, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell hija ma tistax tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C-310/93 P, Ġabra p. I-865, punt 34, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C-248/98 P, Ġabra p. I-9641, punt 54).

126

Għalhekk, huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni mhux biss ma hijiex xierqa, iżda wkoll eċċessiva, sal-punt li tkun sproporzjonata, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali, minħabba tan-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa.

127

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ E.ON Energie dwar in-natura tal-allegat sproporzjon tal-multa imposta f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali argumentat, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, tliet raġunijiet li jispjegaw id-deċiżjoni tagħha dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa għal EUR 38 miljun li jirrigwardaw, l-ewwel nett, in-natura partikolarment gravi ta’ ksur ta’ siġill, it-tieni nett, id-daqs ta’ E.ON Energie u t-tielet nett, in-neċessità li jkun żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti.

128

F’dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed minn dawn ir-raġunijiet, għandu jiġi osservat, hekk kif fakkret il-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali korrettament spjegat fil-punti 85 u 218 tas-sentenza appellata, li ma huwiex rilevanti sabiex jiġi kkonstatat ksur tas-siġill, li xi ħadd fil-fatt daħal jew le fil-bini ssiġillat. Fil-fatt, l-għan tal-Artikoli 20(2)(d) u 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa li jipproteġi l-ispezzjonijiet mit-theddida li toħroġ mis-sempliċi fatt li s-siġill kien imkisser, li għalhekk jagħti lok għal dubju dwar l-integrità tal-provi fil-bini ssiġillat.

129

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 294 tas-sentenza appellata, li ksur ikkostitwit minn ksur ta’ siġill huwa partikolarment serju min-natura tiegħu stess u għalhekk hemm lok li tiċħad l-argumenti ta’ E.ON Energie li l-allegata assenza ta’ ftuħ tal-bieb tal-bini G.505 matul il-lejl tad-29 ta’ Mejju sat-30 ta’ Mejju 2006 kellha tbiddel din l-evalwazzjoni.

130

Fir-rigward tat-tieni minn dawn ir-raġunijiet, f’termini tad-daqs ta’ E.ON Energie, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali qieset, sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-multa meta mqabbla mad-daqs tagħha, fil-punt 296 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-multa ta’ EUR 38 miljun imposta fuq din l-impriża tirrappreżenta 0.14 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħha. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li din il-perċentwali, hekk kif diġà ġie indikat fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ġietx ikkontestata minn E.ON Energie la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u li għalhekk din hija data miksuba fil-kuntest ta’ dan l-appell.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li E.ON Energie ma ressqet l-ebda argument li juri li l-fatt li l-Qorti Ġenerali ffissat multa ta’ tali ammont kienet sproporzjonata għad-daqs tal-impriża bħala tali.

132

Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda t-tielet raġuni dwar in-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti tal-multa, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, il-Kummissjoni tista’ timponi multa sa 10 % fuq id-dħul mill-bejgħ totali miksub mill-impriża kkonċernata matul is-sena finanzjarja ta’ qabel. Għalhekk, impriża li tostakola operazzjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni, billi tikser siġilli mwaħħla minn din tal-aħħar sabiex tinżamm l-integrità ta’ dokumenti matul il-perijodu meħtieġ għall-ispezzjoni, tista’ billi jitneħħew l-provi miġbura mill-Kummissjoni, tevita tali sanzjoni u għalhekk għandha tiġi skoraġġuta, permezz tal-ammont tal-multa ffissata fl-applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003, milli taġixxi b’tali mod. Madankollu, mill-mument li jiġi kkonstatat ksur tas-siġill inkwistjoni, ma jistax jiġi eskluż li tali aġir seħħ.

133

Fir-rigward tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq E.ON Energie, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każ fejn il-prattiki investigati huma stabbiliti, il-multa ta’ EUR 38 miljun, iffissata fid-deċiżjoni kkontestata u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u li tirrappreżenta 0.14 % mid-dħul mill-bejgħ annwali tagħha, ma tistax titqies bħala eċċessiva meta mqabbla man-neċessità li tiżgura l-effett dissważiv tagħha. Għandu jingħad ukoll li billi ressqet fil-punt 294 tas-sentenza appellata, it-tliet raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali mmotivat biżżejjed fid-dritt id-deċiżjoni tagħha, adottata fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq il-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta.

134

Fid-dawl ta’ dak imsemmi iktar ’il fuq, l-argumenti kollha ta’ E.ON Energie dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-ammont tal-multa għandhom jiġu miċħuda.

135

F’dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ E.ON Energie dwar il-produzzjoni tal-prova, sa fejn E.ON Energie argumentat, f’dan il-kuntest, li l-Qorti Ġenerali għandha tadotta investigazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk u, jekk ikun il-każ, b’liema mod, il-bieb tal-bini G.505 infetaħ matul il-lejl tad-29 sat-30 ta’ Mejju 2006, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li għandha tiddeċiedi jekk tirrikejdix l-ikkompletar tal-informazzjoni disponibbli għaliha fir-rigward tal-kawżi quddiemha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tistax tiġi kkritikata fil-kuntest tas-sitt aggravju, li ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata, li ma tikkompletax din l-informazzjoni, u b’mod partikolari li ma tismax lill-possessuri ta’ dawn iċ-ċwievet bħala xhieda, speċjalment peress li dawn in-nies kienu diġà għamlu dikjarazzjonijiet taħt ġurament fl-istadju tal-proċedura amministrattiva.

136

Rigward l-allegazzjoni ta’ E.ON Energie bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet hija stess il-kawża tas-sitwazzjoni mhux ċara, ta’ natura li twassal għal żball u li hija impossibbli li tiċċara a posteriori, hemm lok li jiġi osservat li s-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li hija tinvoka f’dan il-kuntest, ma hijiex trasponibbli fil-kawża preżenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet l-aggravji kollha li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet sostantivi adottati mill-Qorti Ġenerali, u b’mod partikolari l-evalwazzjoni li tgħid li l-prestazzjoni tas-siġill inkwistjoni ma kinitx affettwata mill-iskadenza tat-terminu ta’ konservazzjoni ta’ din, magħmula b’mod partikolari fil-punti 63 u 199 sa 203 tas-sentenza appellata, u mfakkra fil-kuntest tal-iffissar tal-multa fil-punt 290 ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, E.ON Energie ma kellha ebda raġuni sabiex toġġezzjona għall-użu tas-siġill inkwistjoni, anki jekk kienet taf bil-qbiż tat-terminu massimu ta’ konservazzjoni, u l-assenza ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward fil-mument fejn dan is-siġill twaħħal, ma jistax għalhekk jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti.

137

Fir-rigward tal-kumplament, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li, permezz tal-argumenti mressqa fil-kuntest tas-sitt aggravju, E.ON Energie tfittex li tikteb evalwazzjoni ġdida tal-fatti jew tan-natura xierqa tal-ammont tal-multa. Konformement għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 64 u 125 ta’ din is-sentenza, tali argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

138

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-sitt aggravju u, għalhekk, l-appell kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

139

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li E.ON Energie tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

E.ON Energie AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.