SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
9 ta’ April 2013 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tassazzjoni — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 9 u 11 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li persuni mhux taxxabbli jiġu inklużi fi grupp ta’ persuni li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħda suġġetta għall-VAT”
Fil-Kawża C-85/11,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2011,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Clohessy, SC, u minn N. Travers, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,
Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn C. Vang, sussegwentement minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo u S. Hartikainen, bħala aġenti,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn M. Hall, barrister,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, J. Malenovský, M. Berger u E. Jarašiūnas (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J.-C. Bonichot, M. Safjan, D. Šváby u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstat li, billi tippermetti li persuni mhux taxxabbli jkunu membri ta’ grupp ta’ persuni kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħda suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, rispettivament, “grupp tal-VAT” u l-“VAT”), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Dritt tal-Unjoni
|
2 |
L-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-VAT jinsabu fit-Titolu III intitolat “persuni taxxabbli”. |
|
3 |
Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija Direttiva: “[‘]Persuna taxxabbli[’] għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala [‘]attività ekonomika[’]. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika. 2. Minbarra l-persuni msemmija fil-paragrafu 1, kwalunkwe persuna li, fuq bażi okkażjonali, tipprovdi mezz ġdid ta’ trasport, li hu mibgħut jew ttrasportat lill-konsumatur mill-bejjiegħ jew mil-konsumatur, jew f’isem il-bejjiegħ jew il-konsumatur, għal destinazzjoni ’l barra mit-territorju ta’ Stat Membru iżda fit-territorju tal-Komunità, titqies ukoll bħala persuna taxxabbli.” |
|
4 |
L-Artikolu 10 tal-istess direttiva jippreċiża li l-kundizzjoni li l-attività ekonomika titwettaq b’mod indipendenti teskludi lil persuni impjegati jew persuni oħra mit-taxxa sakemm huma jkunu marbutin ma’ min jimpjega b’kuntratt ta’ impjieg jew b’kull relazzjoni legali oħra li toħloq rabtiet ta’ subbordinazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ ħlas u r-responsabbiltà ta’ min jimpjega. |
|
5 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi: “Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-VAT, kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi. Stat Membru li jeżerċita l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu, jista’ jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa biex jimpedixxi l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta’ l-użu ta’ din id-dispożizzjoni.” |
|
6 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli lil kull min iwettaq tranżazzjoni, fuq bażi okkażjonali, li taqa’ taħt l-attivitajiet imsemmija fit–tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva u b’mod partikolari l-provvista ta’ bini jew ta’ art għall-bini. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-VAT l-awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku ma humiex, bħala prinċipju, kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward tal-attivitajiet jew tat-tranżazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi. |
Id-Dritt Irlandiż
|
8 |
Is-sezzjoni 15 tal-Liġi kkonsolidata dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-2010 (Value Added Tax Consolidation Act 2010), li essenzjalment irriproduċa d-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni 8(8) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-1972 (Value Added Tax Act 1972), kif emendata, tipprovdi:
|
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
9 |
Fit-23 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda li fiha ġibdet l-attenzjoni ta’ dan l-Istat Membru fuq il-possibbiltà li s-sezzjoni 8(8) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-1972, kif emendata, li kienet fis-seħħ dak iż-żmien u li tipprovdi li persuni mhux taxxabbli jistgħu, kif attwalment tipprovdi s-sezzjoni 15 tal-Liġi konsolidata dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-2010, jiffurmaw parti minn grupp tal-VAT, huma inkompatibbli mal-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 226 KE hija stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu. |
|
10 |
Fl-ittra ta’ risposta tagħhom tat-23 ta’ Jannar 2009, l-awtoritajiet Irlandiżi sostnew li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu kompatibbli tad-Direttiva tal-VAT. |
|
11 |
Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, fit-23 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata. L-Irlanda rrispondiet għall din l-opinjoni fis-27 ta’ Jannar 2010 fejn indikat li kienet qed tikkonferma l-pożizzjoni espressa fir-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni. |
|
12 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
|
13 |
Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju u tas-27 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja, minn naħa, kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra, ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Irlanda. |
|
14 |
Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2012, l-Irlanda talbet, abbażi tal-Artikolu 16(3) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-kawża tiġi deċiża mill-Awla Manja. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
|
15 |
L-Irlanda titlob, prinċipalment, li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli. F’dan ir-rigward hija ssostni li s-suġġett tar-rikors huwa iktar estiż mill-ilment li l-Kummissjoni għamlet matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, filwaqt li fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha u fl-opinjoni motivata l-Kummissjoni kkritikatha talli tippermetti li persuni mhux taxxabbli jingħaqdu ma grupp tal-VAT, issa l-Kummissjoni qed tikkritikha talli tippermetti li tali persuni jkunu membri ta’ tali grupp, u dan ma jimplikax biss li l-istabbiliment tal-gruppi tal-VAT awtorizzati eżistenti jiġi rregolat u kkontrollat iżda anki li jiġi eżerċitat kontroll permanenti fuq dawn tal-aħħar sabiex jiġi żgurat li l-membri tagħhom ikunu jistgħu, jekk l-attivitajiet tagħhom jiġu eżaminati b’mod separat, ikomplu jiġu kkunsidrati individwalment bħala persuni taxxabbli. |
|
16 |
Il-Kummissjoni tikkuntesta, fir-replika tagħha, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà billi ssostni li hija dejjem iddikjarat li r-riferiment għal “persuni” li tinsab fl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jirrigwarda biss persuni taxxabbli, u għalhekk minn dan jirriżulta li l-persuni mhux taxxabbli ma jistgħux ikunu membri ta’ grupp tal-VAT. Barra minn hekk, hija ssostni li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li l-Kummissjoni estendiet is-suġġett tal-kawża, xorta jibqa l-fatt li r-rikors ikun, fl-opinjoni tagħha, biss parzjalment inammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
17 |
Skont ġurisprudenza stabbilita s-suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa ddefinit mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħall-opinjoni motivata. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax iwassal sabiex jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn l-espożizzjoni tal-ilmenti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma jiġix estiż jew emendat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-139/00, Ġabra p. I-6407, punti 18 u 19, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-458/08, Ġabra p. I-11599, punti 43 u 44). |
|
18 |
F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni użat il-kliem “to be members of a VAT group” (ikunu membri ta’ grupp tal-VAT) fid-dispożittiv tar-rikors tagħha filwaqt li kienet użat il-kliem “to join a VAT group” (tingħaqad ma grupp tal-VAT) fl-espożizzjoni tal-ilmenti fl-opinjoni motivata, dan bl-ebda mod ma biddel is-suġġett tal-kawża kif iddefinit f’din tal-aħħar. Fil-fatt id-differenza li teżisti bejn dawn l-espressjonijiet ma għandha l-ebda effett fuq il-kontenut tal-allegat nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu li huwa, kif ġie espost kemm fir-rikors kif ukoll fl-opinjoni motivata, l-fatt li l-leġiżlazzjoni Irlandiża li titrasponi d-Direttiva tal-VAT tippermetti l-inklużjoni tal-persuna mhux suġġetta fi grupp tal-VAT bi ksur, skont ir-rikorrenti, tal-Artikoli 9 u 11 tal-imsemmija Direttiva. |
|
19 |
Għaldaqstant hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Irlanda tiġi miċħuda. |
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
|
20 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li persuni mhux suġġetti għall-VAT ma jistgħux jiġu inklużi fi grupp tal-VAT. |
|
21 |
Fil-fatt, hija ssostni li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà li diversi persuni, flimkien, jiġu kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħda sakemm kull waħda minn dawn il-persuni tkun persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT fuq livell individwali. Dan l-artikolu jirrappreżenta eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tgħid li kull persuna taxxabbli għandha tiġi ttratata bħala entità separata fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT. Għalhekk dan għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għalkemm huwa ċertament minnu li l-imsemmi artikolu jagħmel riferiment għal “persuni”, madankollu l-fatt li l-persuni inklużi fi grupp tal-VAT għandhom jiġu trattati bħala persuna taxxabbli “waħedha” jimplika li kull membru ta’ dan il-grupp għandu jkun, huwa nnifsu, persuna taxxabbli. Bl-istess mod, il-kunċett ta’ “grupp” jimplika li l-persuni kkonċernati jkunu jiffurmaw parti mill-istess kategorija għall-finijiet tas-sistema komuni tal-VAT. |
|
22 |
Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, jekk il-kelma “persuni” tiġi interpretata bħala li tirreferi għall kull persuna mingħajr restrizzjoni, grupp tal-VAT jista’ jkun kompletament kompost minn persuni mhux taxxabbli, u dan ikun imur kontra s-sistema komuni tal-VAT. |
|
23 |
L-interpretazzjoni li hija tagħti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT hija barra minn hekk koerenti mal-għan tagħha, li huwa, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23 iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), minn-naħa, li jkun hemm simplifikazzjoni amministrattiva għall-persuni taxxabbli u għall-amministrazzjoni tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, li jiġu evitati l-abbużi billi jiġi prekluż li persuni li ma humiex fil-verità entitajiet kummerċjali indipendenti jiġu trattati bħala persuni taxxabbli separati. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ persuni mhux taxxabbli fi grupp tal-VAT la tippermetti simplifikazzjoni amministrattiva u lanqas il-prevenzjoni ta’ abbużi. |
|
24 |
La l-kliem tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT u lanqas id-dokumenti preparatorji għal din id-direttiva ma jindikaw li din id-dispożizzjoni kienet intiża li temenda l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” u li testendi d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni taxxabbli għal persuni oħra. Issa, dan ikun ir-riżultat, skont il-Kummissjoni, jekk persuni mhux taxxabbli jkunu jistgħu jiġu integrati fi grupp tal-VAT, peress li x-xiri mwettaq fi ħdan tali grupp huwa kkunsidrat bħala ineżistenti mill-perspettiva tal-VAT, peress li dan jippermetti, minn naħa, li oġġetti u servizzi jiġu kkunsinnati jew ipprovduti lil persuni mhux taxxabbli mingħajr ma tiġi ffatturata l-VAT u, min-naħa l-oħra, li l-grupp inkwistjoni jirkupra l-VAT tal-input imħallsa fuq il-kunsinni mwettqa lil tali persuni, u dan iwassal għal telf nett ta’ VAT u jkun imur kontra s-sistema komuni tal-VAT. |
|
25 |
Għalhekk, skont il-Kummissjoni l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ma għandu jiġi interpretat letteralment iżda għandu jiġi interpretat fid-dawl, minn naħa, tal-kuntest immedjat tiegħu, jiġifieri t-Titolu III tad-Direttiva tal-VAT u b’mod partikolri tal-Artikolu 9 tagħha li jiddefinixxi l-“persuna taxxabbli” bħala kull persuna li teżerċità attività ekonomika, u, min-naħa l-oħra, b’mod iktar ġenerali, fid-dawl tal-istruttura tal-imsemmija direttiva. |
|
26 |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni mqajma f’din il-kawża, konferma indiretta tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni tista’ tinsab fil-punt 19 tas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Ampliscientifica u Amplifin (C-162/07, Ġabra p. I-4019), kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1991, Polysar Investments Netherlands (C-60/90, Ġabra p. I-3111). |
|
27 |
Filwaqt li tikkuntesta dawn l-argumenti kollha, l-Irlanda ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT li tissuġġerixxi l-Kummissjoni ma hijiex kompatibbli mas-sens letterali tagħha. L-użu tal-kelma “persons” (persuni) fil-verżjoni Ingliża u mhux tat-terminu “taxable persons” (persuni taxxabbli), jirriżulta, fl-opinjoni tagħha, minn għażla konxja tal-leġiżlatur tal-Unjoni. L-argument espost fl-opinjoni motivata li jgħid li l-kelma “taxable” tħalliet barra biex tiġi evitata repetizzjoni ma huwiex kredibbli fid-dawl tal-fatt li, matul l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, il-kelma “any”, żdiedet fil-verżjoni Ingliża tagħha, bejn l-espressjoni “single taxable person” u l-kelma “persons”. |
|
28 |
L-għan tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT huwa l-l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli waħda diversi persuni sakemm ċerti kundizzjonijiet minimi jkunu sodisfatti, li jimplika evalwazzjoni min-naħa ta’ dawn tal-aħħar. Din il-persuna taxxabbli waħda teżisti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-VAT, jekk teżerċità attività ekonomika, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva li jagħti definizzjoni ġenerali tal-persuna taxxabbli. Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, fi ħdan it-Titolu III tagħha, bl-ebda mod ma tidher bħala deroga minn din id-definizzjoni. Iktar minn hekk, il-kunċett ta’ “grupp” ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 11 peress li dan ma jidhirx fil-formulazzjoni tiegħu u peress li l-persuni msemmija f’din id-dispożizzjoni ma jiffurmawx grupp, iżda ma jibqgħux jeżistu individwalment għall-finijiet tal-amministrazzjoni tal-VAT sabiex ikunu biss persuna taxxabbli waħda. |
|
29 |
Għalkemm grupp tal-VAT jista jinkludi persuna jew diversi persuni mhux taxxabbli, dan ma jfissirx, skont l-Irlanda, li Stat Membru għandu s-setgħa li jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħda grupp kompost unikament minn tali persuni, ħaġa li ma tkunx tagħmel sens u li hija pprojbita mil-leġiżlazzjoni Irlandiża. |
|
30 |
L-Irlanda tikkuntesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT hija koerenti mal-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Hija tosserva li għalkemm fost dawn l-għanijiet hemm is-simplikazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-abbużi, dawn tal-aħħar ma humiex l-uniċi għanijiet tal-imsemmi Artikolu, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tiegħu. F’kull każ, l-għanijiet imfittxa ma jippermettux li jiġi ddeterminat kif għandha tiġi interpretata l-kelma “persuni”. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li persuni mhux taxxabbli jiġu inklużi fi grupp tal-VAT jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jkun mhux biss kumpatibbli mas-simplifikazzjoni amministrattiva u mal-prevenzjoni tal-abbużi, iżda jista’ saħansitra jkun neċessarju għal dan il-għan. |
|
31 |
Fir-rigward tal-Argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” ma jistax jiġi estiż, l-Irlanda tqis li dan ma huwiex fondat, peress li l-fatt li persuna mhux taxxabbli tiġi awtorizzata tifforma parti minn grupp tal-VAT, l-istess bħal fatt li persuna taxxabbli li ma twettaqx tranżazzjonijiet taxxabbli tiġi awtorizzata tifforma parti minn tali grupp, ma jbiddlux il-portata ta’ dan il-kunċett. Għalkemm l-effett tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jkun li jestendi d-drittijiet u l-obbligi ta’ membru ta’ grupp tal-VAT, dan huwa, effettivament, l-għan innifsu ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri t-trattament fiskali uniku tal-persuni kollha li jiffurmaw parti minn grupp tal-VAT debitament awtorizzat. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jippermetti li l-Istati Membri jadottaw miżuri kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali li jistgħu jitwettqu minn grupp tal-VAT. |
|
32 |
L-Irlanda tkompli tgħid li, ladarba l-grupp tal-VAT ikun ġie awtorizzat, l-entità li ma kinitx taxxabbli tiġi inkluża f’dan il-grupp f’dak li jirrigwarda l-VAT filwaqt li tibqa’ legalment indipendenti għall-finijiet l-oħra kollha. Hija tosserva li, għalkemm huwa ċertament minnu li l-ebda VAT ma tinġabar meta din l-entità tirċievi oġġetti jew servizzi mingħand membru ieħor ta’ dan il-grupp, madankollu l-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-imsemmi grupp, bl-istess mod bħal li kieku l-impriża kienet ġiet strutturata bħala persuna unika. Il-fatt li persuna taxxabbli, bħal pereżempju kumpannija holding, ma tiġix awtorizzata tkun membru ta’ grupp tal-VAT ikun ifisser, fl-opinjoni tagħha, li jiġi miċħud id-dritt għat-tnaqqis minħabba l-mod li bih hija strutturata l-entità fid-dawl tad-dritt tal-kumpanniji. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, l-Irlanda tosserva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizza ma tipprovdi ebda sostenn għall-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, bil-kontra ta’ dak li din tal-aħħar tallega. |
|
34 |
L-istess bħall-Irlanda, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit iqisu li la l-kliem, la l-għanijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, la s-sistema komuni tal-VAT u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsostnu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
35 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għad-determinazzjoni tal-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jitqiesu fl-istess ħin it-termini, il-kuntest u l-għanijiet tagħha (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark, C-174/08, Ġabra p. I-10567, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan il-każ, mill-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li dan tal-aħħar jippermetti li kull Stat Membru jikkunsidra diversi persuni bħala persuna taxxabbli waħda meta dawn ikunu stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru u meta, għalkemm huma indipendenti mill-aspett legali, dawn huma marbuta mill-qrib bejniethom fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv. Dan l-artikolu, skont kliemu, ma jissuġġettax l-applikazzjoni tiegħu għal rekwiżiti oħra u, b’mod partikolari għal dak li l-imsemmija persuni jkollhom, huma nnifishom u individwalment, il-kwalità ta’ persuni taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT. Bl-użu tal-kelma “persuni” u mhux il-kliem “persuni taxxabbli”, dan l-artikolu ma jiddistingwixxix bejn persuni taxxabbli u persuni mhux taxxabbli. |
|
37 |
Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ħareġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva. Issa, filwaqt li minn naħa l-punt 2 tal-Anness A tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE, tal-11 ta’ April 1967, dwar l-armonizzazjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ – Struttura u metodi ta’ applikazzjoni tas-sisema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 1967, 71, p. 1303), li introduċa fid-Dritt tal-Unjoni l-kunċett ta’ grupp tal-VAT, kien jippermetti li l-Istati Membri “ma jikkunsidrawx bħala persuni taxxabbli separati iżda bħala persuna taxxabbli waħda” l-persuni li jkunu marbutin b’mod organiku bejniethom permezz ta’ relazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u organizzattivi, min-naħa l-oħra l-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva ma tinkludix il-frażi “bħala persuni taxxabbli separati”. |
|
38 |
Barra minn hekk, filwaqt li l-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva ġiet riprodotta f’termini simili fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, fil-verżjoni bl-Ingliż ta’ dan l-artikolu żdiedet il-kelma “any” (kwalunkwe) b’tali mod li s-silta rilevanti ta’ din id-dispożizzjoni tipprovdi “each Member State may regard as a single taxable person any persons established in the territory of that Member State” (kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru). |
|
39 |
Minn dawn il-bidliet fil-formulazzjonijiet suċċessivi ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni tas-Sitt Direttiva, u sussegwentement f’dak tad-Direttiva tal-VAT, li jeskludi li persuni mhux taxxabbli jkunu jistgħu jiġu inklużi fi grupp tal-VAT u li l-kelma “persuni” intużat minflok il-kliem “persuni taxxabbli” sabiex tiġi evitata repetizzjoni. Il-fatt li dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva tal-VAT, li ma jinsabux fit-Titolu III tagħha ddedikat għall-kunċett ta’ “persuni taxxabbli”, jużaw il-kelma “persuni” sabiex jindikaw persuni taxxabbli ma jistax iwassal għal konstatazzjoni differenti, peress li din il-kelma tintuża f’kuntest differenti minn dak tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT. |
|
40 |
Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, mill-kliem “persuna taxxabbli waħedha” ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT huwa unikament intiż sabiex jippermetti li diversi persuni taxxabbli jiġu ttrattati bħala entità waħda, peress li dan il-kliem ma jirrigwardax kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu iżda r-riżultat tiegħu, li jikkonsisti f’li diversi persuni jiġu kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħda. Lanqas ma huwa sostnut minn kliem dan l-Artikolu l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li dan l-artikolu jirrapreżenta eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tipprovdi li kull persuna taxxabbli għandha tiġi ttrattata bħala entità distinta, b’tali mod li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, dan jgħodd ukoll għall-argument li jgħid li l-kunċett ta’ grupp jimplika li l-persuni li jiffurmaw parti minnu jappartjenu kollha għall-istess kategorija, peress li t-terminu “grupp” ma huwiex inkluż fih. |
|
41 |
Konsegwentement, mill-kliem tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ma jirriżultax li persuni mhux taxxabli ma jistgħux jiġu inklużi fi grupp tal-VAT. |
|
42 |
Il-Kummissjoni madankollu ssostni li, lil hinn minn kliem l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, l-interpretazzjoni li hija tagħti ta’ dan l-artikolu hija neċessarja fid-dawl tal-kuntest u tal-għan tiegħu kif ukoll f’dak tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti magħmula mill-Kummissjoni insostenn ta’ din il-pożizzjoni jurux li l-imsemmi Artikolu 11 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuni mhux taxxabbli ma jistgħux jiġu inklużi fi grupp tal-VAT. |
|
43 |
Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-kwistjoni ma tistax tiġi invokata b’mod utli f’dan il-każ peress li l-imsemmija kwistjoni ma hijiex is-suġġett tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Polysar Investments Netherlands kif ukoll Ampliscientifica u Amplifin. |
|
44 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kuntest tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jinkludi definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ “persuna taxxabbli”. L-Artikolu 9(2) u l-Artikoli 10, 12 u 13 tal-imsemmija direttiva, min-naħa tagħhom, jipprovdu preċiżazzjonijiet dwar dan il-kunċett sewwa billi jinkludu fih jew billi jippermettu lill-Istati Membri li jinkludu fih persuni li ma jissodisfawx din id-definizzjoni ġenerali, bħal persuni li jwettqu ċerti tranżazzjonijiet fuq bażi okkażjonali, sewwa billi jeskludu persuni oħra, bħall-impjegati jew il-kollettivitajiet pubbliċi. Għalhekk, minn kliem it-Titolu III tad-Direttiva tal-VAT ma jistax jiġi dedott li persuna li ma tissodisfax l-imsemmija definizzjoni ġenerali hija neċessarjament eskluża mill-persuni kkontemplati fl-Artikolu 11 tagħha. |
|
45 |
Fir-rigward tar-relazzjoni, fi ħdan it-Titolu III tad-Direttiva tal-VAT, bejn l-Artikoli 9(1) u 11 ta’ din id-direttiva, għandu bilfors jiġi kkonstatat li qari flimkien ta’ dawn l-artikoli ma jippermettix li jiġi konkluż, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-persuni kkontemplati f’dan l-Artikolu 11 għandhom ikunu jissodisfaw, individwalment, id-definizzjoni ġenerali ta’ persuna taxxabbli mogħtija fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, l-approssimazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma teskludix li, kif isostnu l-Irlanda u l-intervenjenti, huma dawn il-persuni, ikkunsidrati flimkien, peress li huma marbuta mill-qrib bejniethom fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv, li għandhom jissodisfaw kollettivament din id-definizzjoni. |
|
46 |
Konsegwentement, l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li, fid-dawl tal-kuntest tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li persuni mhux taxxabbli ma jistgħux jiġu inklużi fi grupp tal-VAT, ma jistax jiġi milqugħ. |
|
47 |
F’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-għanijiet imfittxa mill-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, mill-motivi tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tas-Sitt Direttiva [COM(73) 950] jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi adotta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tagħha, li ġie mibdul bl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, ried jippermetti li l-Istati Membri ma jorbtux sistematikament il-kwalità ta’ persuna taxxabbli mal-kunċett ta’ indipendenza purament legali, sewwa jekk biex ikun hemm simplifikazzjoni amministrattiva, sewwa jekk biex jiġu evitati ċerti abbużi bħal, pereżempju, il-qsim ta’ impriża bejn diversi persuni taxxabbli bl-għan li jibbenefikaw minn sistema speċifika. |
|
48 |
Issa, l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, li jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli waħda grupp ta’ persuni li jinkludi persuna jew persuni li ma jistax ikollhom, individwalment, il-kwalità ta’ persuna taxxabbli, ma jidhirx li tmur kontra l-imsemmija għanijiet. Bil-kontra ta’ dan, ma jistax jiġi eskluż li, kif isostnu l-Irlanda u l-intervenjenti, il-preżenza, fi ħdan il-grupp tal-VAT, ta’ tali persuni tikkontribwixxi għal simplifikazzjoni amministrattiva kemm għall-imsemmi grupp kif ukoll għall-amministrazzjoni fiskali u tippermetti li jiġu evitati ċerti abbużi, peress li l-imsemmija preżenza tista’ saħansitra tkun indispensabbli għal dawn l-għanijiet jekk hija biss tistabbilixxi r-rabta stretta li għandha tkun teżisti fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv, bejn il-persuni li jiffurmaw dan il-grupp sabiex dawn jiġu kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħda. |
|
49 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, anki jekk jitqies li tali possibbiltà tista’ minnha nnifisha tagħti lok għal abbużi, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jippermetti li l-Istati Membri jadottaw kull miżura neċessarja sabiex jiġi evitat li l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu tagħmel possibbli l-frodi jew l-evażjoni fiskali. |
|
50 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-għanijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jissuġġerixxu interpretazzjoni li tgħid li l-persuni mhux taxxabbli ma jistgħux jiġu inklużi fi grupp tal-VAT. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
52 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Irlanda. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li l-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ intervent ma jistgħux jitħallsu lura, hemm lok li r-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.