SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/JHA — Pożizzjoni legali tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali — Direttiva 2004/80/KE — Kumpens għall-vittmi tal-kriminalità — Responsabbiltà ta’ persuna ġuridika — Kumpens fil-kuntest tal-proċedura kriminali”

Fil-Kawża C-79/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa abbażi tal-Artikoli 267 TFUE u 35 UE, mill-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari mit-Tribunale di Firenze (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2011, fil-proċeduri kriminali kontra

Maurizio Giovanardi et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev, u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F. Giunti et, minn A. Conti u S. Grisenti, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper u F. Wannek, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 72, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni qafas”), u tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE, tad-29 ta’ April 2004, li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 7, p. 65).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra M. Giovanardi u diversi persuni oħra wara inċident li seħħ fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li l-Kunsill Ewropew li seħħ f’Tampere (il-Finlandja), matul il-laqgħa tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, ipprovda li għandhom jiġu stabbiliti regoli minimi għall-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-aċċess ta’ dawn il-vittmi tal-kriminalità għall-ġustizzja u d-dritt tagħhom għall-kumpens.

4

Skont il-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas:

“L-Istati Membri għandhom iqarrbu l-liġijiet u r-regolamenti tagħom safejn ikun hemm bżonn sabiex jinkiseb l-għan li l-vittmi tal-kriminalità jingħataw l-għola livell ta’ protezzjoni, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu.”

5

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni:

“a)

‘vittma’ għandha tfisser persuna fiżika li tkun sofriet danni, inkluż ħsara fiżika jew mentali, tbatija emozzjonali jew telf ekonomiku, kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet […] bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru;

[…]

(ċ)

‘proċeduri kriminali’ għandha tinftiehem b’mod konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli;

[…]”

6

L-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas (intitolat “Id-dritt ta’ kumpens matul il-proċeduri kriminali”) jipprovdi li:

“1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi ta’ azzjonijiet kriminali ikunu intitolati li jiksbu deċiżjoni f’limitu ta’ ħin limitat fuq il-kumpens mill-ħati matul il-proċeduri kriminali, ħlief fejn, f’ċerti każi, il-liġi nazzjonali tipprovdi għal kumpens b’mod ieħor.”

7

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/80:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn delitt internazzjonali [intenzjonali] vjolenti jkun ġie kommess fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn l-applikant għal kumpens ikun residenti abitwalment, l-applikant għandu jkollu d-dritt li jissottometti l-applikazzjoni lil awtorità jew kull korp [organu] ieħor fl-Istat Membru msemmi l-aħħar.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

Mill-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, tat-8 ta’ Ġunju 2001 (Gazzetta Ufficiale della Repubblica italiana Nru 140, tad-19 ta’ Ġunju 2001, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001”), jirriżulta li dan id-digriet jirregola r-responsabbiltà tal-organi għal ksur amministrattivi li jirriżultaw minn delitt, li dan japplika kemm għall-kumpanniji kif ukoll għall-organi kkostitwiti fil-forma ta’ persuna ġuridika u anki għall-assoċjazzjonijiet, inklużi dawk li ma għandhomx personalità ġuridika, iżda li la japplika għall-Istat, la għall-kollettivitajiet territorjali u lanqas għal organi pubbliċi oħra mhux ekonomiċi jew għal entitajiet li jaqdu funzjonijiet kostituzzjonali.

9

L-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001, li jiddetermina l-persuni fiżiċi li, inkwantu awturi materjali tal-ksur, jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-organu jew tal-persuna morali, jipprovdi:

“1.   L-organu huwa responsabbli għall-ksur imwettqa fl-interess jew għall-benefiċċju tiegħu:

a)

minn persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni, ta’ amministrazzjoni jew ta’ mmaniġġjar tal-organu jew ta’ unità organizzazzjonali li tgawdi minn awtonomija finanzjarja u funzjonali fi ħdan l-organu, kif ukoll minn persuni li jeżerċitaw, de facto, il-ġestjoni u l-kontroll tal-organu;

b)

minn persuni subordinati għall-immaniġġjar jew għall-kontroll ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punt a).

2.   L-organu ma jinkorrix responsabbiltà jekk il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikunu aġġixxew esklużivament fl-interess tagħhom stess jew fl-interess ta’ terzi.”

10

L-Artikoli 6 u 7 tad-Digriet Leġiżlattiv jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi li fihom persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli.

11

L-Artikolu 6(1) tal-istess Digriet Leġiżlattiv jipprovdi:

“Jekk il-ksur jitwettaq mill-persuni msemmija fl-Artikolu 5(1), l-organu ma jinżammx responsabbli kemm-il darba jipproduċi l-prova li:

a)

il-Bord tad-Diretturi adotta u applika b’mod effettiv, qabel ma twettaq il-ksur, mudelli ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni li jistgħu jostakolaw it-twettieq ta’ ksur bħal dak ikkonstatat;

b)

unità tal-organu li għandha setgħat awtonomi ta’ inizjattiva u ta’ kontroll ingħatat l-inkarigu li tissorvelja l-funzjonament u l-osservanza tal-mudelli u li tara li dawn jittwettqu;

ċ)

l-persuni wettqu l-ksur billi b’mod frawdolenti evitaw il-mudelli ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni;

d)

l-unità msemmija fil-punt b) ma naqsitx milli twettaq id-dmir ta’ sorveljanza tagħha jew milli twettaq sorveljanza suffiċjenti.”

12

L-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001 jipprovdi:

“1.   Fil-każ previst fl-Artikolu 5(1)(b), l-organu jinżamm responsabbli jekk it-twettieq tal-ksur sar possibbli minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ mmaniġġjar u ta’ kontroll.

2.   F’kull każ, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ mmaniġġjar jew ta’ kontroll huwa eskluż jekk, qabel ma twettaq il-ksur, l-organu adotta u applika b’mod effettiv mudell ta’ organizzazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jistgħu jostakolaw it-twettieq ta’ ksur bħal dak ikkonstatat.

3.   Fid-dawl tan-natura u tad-daqs tal-organizzazzjoni kif ukoll tat-tip ta’ attività mwettqa, il-mudell jipprovdi miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu l-eżerċizzju tal-attività fl-osservanza tal-liġi u li sitwazjonijiet riskjużi jinkixfu u jiġu eliminati fil-ħin.

4.   L-applikazzjoni effiċjenti tal-mudell tirrikjedi:

a)

verifika perjodika u l-eventwali bdil tal-mudell jekk jiġi kkonstatat ksur kunsiderevoli tal-indikazzjonijiet mogħtija jew fil-każ ta’ bdil fl-organizzazzjoni jew fl-attività;

b)

sistema dixxiplinari li tippermetti li n-nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri indikati fil-mudell jiġi ssanzjonat.”

13

L-Artikolu 25f tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 81, tad-9 ta’ April 2008, li jimplementa l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 123, tat-3 ta’ Awwissu 2007, fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol (Suppliment ordinarju Nru 108 tal-GURI Nru 101, tat-30 ta’ April 2008), intitolat “Omiċidju involontarju b’negliġenza jew offiżi gravi jew gravi ħafna fuq il-persuna mwettqa bi ksur tad-dispożizzjonijiet fuq il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurta fuq il-post tax-xogħol”, jipprovdi:

“1.   Meta jitwettaq bi ksur tal-Artikolu 55(2) tad-Digriet Leġiżlattiv li jimplementa d-delega prevista bil-Liġi Nru 123, tat-3 ta’ Awwissu 2007, fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, id-delitt imsemmi fl-Artikolu 589 tal-Kodiċi Kriminali għandu jiġi ssanzjonat b’multa ekwivalenti għal 1000 kwota. Fil-każ li jkun hemm kundanna għad-delitt imsemmi fis-sentenza preċedenti, il-pieni ta’ interdizzjoni previsti fl-Artikolu 9(2) japplikaw għal perijodu li la jista’ jkun ta’ inqas minn tliet xhur u lanqas ta’ iktar minn sena.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, id-delitt imsemmi fl-Artikolu 589 tal-Kodiċi Kriminali għandu jiġi ssanzjonat b’multa li la tista’ tkun ta’ inqas minn 250 kwota u lanqas ta’ iktar minn 500 kwota, meta jkun twettaq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Fil-każ li jkun hemm kundanna għad-delitt imsemmi fis-sentenza preċedenti, il-pieni ta’ interdizzjoni previsti fl-Artikolu 9(2) japplikaw għal perijodu li la jista’ jkun ta’ inqas minn tliet xhur u lanqas ta’ iktar minn sena.

3.   Meta jkun twettaq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-delitt imsemmi fl-Artikolu 590(3) tal-Kodiċi Kriminali għandu jiġi ssanzjonat b’multa li ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 250 kwota. Fil-każ li jkun hemm kundanna għad-delitt imsemmi fis-sentenza preċedenti, il-pieni ta’ interdizzjoni previsti fl-Artikolu 9(2) japplikaw għal perijodu li ma għandux ikun ta’ iktar minn sitt xhur.”

14

Skont l-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu kif ukoll, sa fejn huma kompatibbli, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u dawk tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 271, tat-28 ta’ Lulju 1989, japplikaw għall-proċeduri relatati ma ksur amministrattivi minħabba reat”.

15

Skont l-Artikolu 35 tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv:

“Id-dispożizzjonijiet dwar persuna akkużata japplikaw għal entità, sa fejn dawn ikunu kompatibbli”.

16

Skont l-Artikolu 36 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv, ksur amministrattivi tal-organi inkwistjoni għandhom jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti kriminali li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tad-delitti li taw lok għall-imsemmija ksur.

17

Skont l-Artikolu 185 tal-Kodiċi Kriminali, l-awtur ta’ kull reat li jikkawża danni materjali jew morali, jew il-persuni li, skont id-dritt ċivili, huma responsabbli għall-atti ta’ dan l-awtur, huma obbligati li jirrimedjaw dawn id-danni.

18

L-Artikolu 74 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li l-azzjoni ċivili għal ħlas lura u għal kumpens għad-danni, prevista fl-Artikolu 185 tal-Kodiċi Kriminali, tista’ tiġi eżerċitata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mill-persuna li soffriet danni minħabba r-reat, jew mill-eredi universali tagħha, kontra l-akkużat u l-persuna responsabbli skont id-dritt ċivili.

19

L-Artikolu 83(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi:

“Il-parte civile, u fil-każ previst fl-Artikolu 77(4) il-prosekutur pubbliku, jistgħu jħarrku [lill-persuna] li skont id-dritt ċivili hija responsabbli għall-akkużat sabiex tidher fil-proċedura kriminali. Akkużat li jiġi liberat jew li fil-konfront tiegħu jkun hemm deċiżjoni li ma hemm lok li tingħata deċiżjoni jista’ jiġi mħarrek bħala responsabbli skont id-dritt ċivili minħabba l-koakkużati tiegħu […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

Fit-28 ta’ Lulju 2010, il-prosekutur pubbliku tat-Tribunale di Firenze talab li jinbdew proċeduri ġuddizzjarja kontra M. Giovanardi u diversi persuni oħra, li kienu akkużati talli b’negliġenza kkaġunaw, fis-sens tal-Artikoli 41, 113 u 589(2) u (4) tal-Kodiċi Kriminali, rispettivament, il-mewt ta’ persuna u offiżi gravi ħafna fuq il-persuna ta’ diversi individwi oħrajn. Il-fatti seħħew fit-2 ta’ Ottubru 2008 waqt xi xogħlijiet li l-akkużati kienu qed iwettqu, inkwantu impjegati tar-Rete Ferroviaria Italiana SpA (kumpannija Taljana għat-trasport bil-ferrovija), sabiex ineħħu ċerti dispożittivi ta’ sigurtà ta’ swiċċijiet ta’ junction tal-ferrovija.

21

L-att ta’ akkuża preliminari tal-prosekutur pubbliku kien jinkludi wkoll it-talba li jinbdew proċeduri ġuddizzjarji kontra żewġ persuni ġuridiċi, Elettri Fer Srl u Rete Ferroviaria Italiana SpA, li kienu msejħin jirrispondu għal “ksur amministrattiv” kif previst fl-Artikolu 25f (2) u (3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001, skont id-dispożizzjonijiet li fid-dritt Taljan jirregolaw ir-responsabbiltà “amministrattiva” tal-persuni ġuridiċi li f’isimhom kienu qed jaġixxu l-akkużati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

22

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-persuni fiżiċi akkużati kienu qed jiġu imputati bir-responsabbiltà diretta tal-fatti li kkawżaw il-mewt ta’ ħaddiem kif ukoll offiżi fuq il-persuna ta’ żewġ ħaddiema oħra li kienu qed iwettqu xogħlijiet fuq l-imsemmija junction tal-ferrovija, talli ma implementawx il-miżuri meħtieġa mil-liġi sabiex jiżguraw is-sigurtà tagħhom, filwaqt li l-persuni ġuridiċi, li kienu msejħa jirrispondu għar-responsabbiltà “amministrattiva” għar-reat, kienu qed jiġu imputati bil-fatt li ma adottawx metodi ta’ organizzazzjoni iktar elaborati, fatt li kien jesponihom għas-sanzjonijiet previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001.

23

Matul is-seduta preliminari li nżammet fit-30 ta’ Novembru 2010 quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija msejħa tiddeċiedi fuq it-talbiet imressqa mill-prosekutur pubbliku sabiex jinbdew proċeduri ġudizzjarji, il-vittmi talbu, skont l-Artikoli 74 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, sabiex jiġu awtorizzati jintervjenu bħala parte civile mhux biss kontra l-persuni fiżiċi akkużati iżda wkoll kontra ż-żewġ persuni morali mħarrka mill-prosekutur pubbliku.

24

Dawn tal-aħħar ikkontestaw din it-talba minħabba li l-leġiżlazzjoni Taljana ma kinitx tippermetti li l-vittmi jfittxu direttament lill-persuni ġuridiċi, anki meta dawn jissejħu in kawża, sabiex jiksbu kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur imwettqa mill-impjegati tagħhom.

25

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 185 tal-Kodiċi Kriminali jqiegħed l-obbligu ta’ kumpens fuq l-awtur tar-reat kriminali u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, skont id-dritt ċivili, huma responsabbli għall-aġir tiegħu. Għal dan il-għan, il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermetti kemm li l-vittmi ta’ reat kriminali jintervjenu bħala parte civile kontra l-akkużati fil-kuntest tal-proċedura kriminali kif ukoll li jitolbu t-taħrik ta’ persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li skont id-dritt ċivili huma responsabbli għall-aġir tal-akkużati, kemm il-darba dan l-aġir twettaq fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol jew fl-interess dirett ta’ dawn il-persuni u f’isimhom.

26

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001 introduċa fid-dritt Taljan il-kunċett ġuridiku speċifiku tar-responsabbiltà “amministrattiva” tal-persuni ġuridiċi minħabba reat. Fost id-diversi ksur li għalihom l-Artikolu 25f ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jipprovdi din il-forma ta’ responsabbiltà hemm l-omiċidju involontarju b’negliġenża, meta dan ikun akkompanjat minn ksur tal-Artikolu 55(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81, tad-9 ta’ April 2008, li jifforma parti mid-diversi kapijiet ta’ akkuża fil-kawża prinċipali.

27

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001 ma jipprovdix espliċitament il-possibiltà li wieħed jintervjeni bħala parte civile kontra l-persuni ġuridiċi mfittxija minħabba ksur “amministrattivi” kkontemplati minn dan id-digriet. Skont il-ġurisprudenza predominanti tal-Corte suprema di cassazione u ta’ qrati oħra inferjuri, tali talbiet ta’ intervent bħala parte civile għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

28

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm hija tikkondividi din l-interpretazzjoni tad-dritt Taljan, is-sitwazzjoni li tirriżulta ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn b’dan il-mod id-dritt Taljan jillimita l-possibbiltà li l-vittma tikseb kumpens sħiħ għad-danni li subiet u jġiegħelha tressaq azzjoni ġdida għad-danni barra mill-kuntest tal-proċedura kriminali, azzjoni li anki jekk tirnexxi tasal iktar tard, u dan itellef l-effettività ta’ tali azzjoni.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Firenze ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Il-leġiżlazzjoni Taljana dwar ir-responsabbiltà amministrattiva tal-[organi]/persuni ġuridiċi msemmija fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001 u l-emendi sussegwenti tiegħu, billi ma tipprovdix ‘espressament’ għall-possibbiltà li dawn jinżammu responsabbli fi proċeduri kriminali għad-danni kkawżati lill-vittmi ta’ reat, hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni ta’ vittmi ta’ reati fi proċeduri kriminali?”

Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat FUE, l-effetti legali tad-Deċiżjoni Qafas, li ġiet adottata fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandhom jiġu ppreżervati sakemm id-Deċiżjoni Qafas tiġi rrevokata, annullata jew emendata fl-implementazzjoni tat-Trattati.

31

Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1) tal-istess protokoll jipprovdi li l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona bis-saħħa tat-Titolu VI tat-Trattat UE, għandom jibqgħu l-istess, inklużi fejn dawn ġew aċċettati taħt l-Artikolu 35(2) UE. Skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan il-protokoll, il-miżura tranżitorja li tinsab fil-paragrafu 1 tiegħu għandha tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara l-1 ta’ Diċembru 2009, id-data ta’ dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

32

Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Repubblika Taljana għamlet dikjarazzjoni skont l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha hija aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 35 UE skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafu 3(b) ta’ dan l-artikolu.

33

Huwa stabbilit ukoll li d-Deċiżjoni Qafas, ibbażata fuq l-Artikoli 31 UE u 34 UE, taqa’ taħt l-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni preliminari u ma huwiex ikkontestat li l-qorti tar-rinviju, fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, għandha titqies li hija qorti ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 35 UE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, X, C-507/10, Ġabra p. I-14241, punt 21).

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula.

Fuq id-domanda preliminari

35

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001 dwar ir-responsabbiltà amministrattiva tal-persuni ġuridiċi, sa fejn dawn ma jipprovdux il-possibbiltà li dawn il-persuni jissejħu sabiex jirrispondu, fil-kuntest tal-proċedura kriminali, għad-danni kkawżati minnhom lil vittmi ta’ reat kriminali, humiex kompatibbli mad-Direttiva 2004/80 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas.

36

Għalkemm skont ġurisprudenza stabbilità sew, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja la tista’ tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt intern tal-Istati Membri u lanqas fuq il-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, hija tista’ madankollu tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettu lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C-60/05, Ġabra p. I-5083, punt 18).

37

Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2004/80 ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha, din hija intiża sabiex f’sitwazzjonijiet transkonfinali tiffaċilita l-aċċess tal-vittmi ta’ delitti intenzjonali vjolenti għal kumpens, filwaqt li huwa paċifiku li fil-kawża prinċipali l-proċeduri jirrigwardaw ksur mwettqa b’negliġenza u li, barra minn hekk, twettqu f’kuntest purament nazzjonali.

38

Fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas, l-Artikolu 9(1) tagħha jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi ta’ reat kriminali jkunu intitolati li jiksbu, f’terminu raġonevoli, deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtur tar-reat fil-kuntest tal-proċedura kriminali, ħlief fejn, f’ċerti każijiet, il-liġi nazzjonali tipprovdi li l-kumpens għandu jingħata f’kuntest ieħor.

39

Skont l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas, “vittma” tfisser il-persuna fiżika li soffriet danni “[k]kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet […] bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru”.

40

Huwa paċifiku li d-dritt Taljan jippermetti li l-vittmi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitolbu kumpens mingħand il-persuni fiżiċi, awturi tar-reati kriminali li għalihom jirreferi d-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001, għad-danni kkawżati direttament minn dawn ir-reati kriminali billi jintervjenu bħala parte civile għal dan il-għan fil-proċedura kriminali.

41

Din is-sitwzzjoni taqbel mal-għan imfittex mill-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas, li huwa dak li jiġi ggarantit li l-vittma jkollha d-dritt li tikseb deċiżjoni dwar il-kumens, mingħand l-awtur tar-reat, fil-kuntest tal-proċedura kriminali u f’terminu raġonevoli.

42

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmi artikolu għandux jiġi interpretat fis-sens li barra minn hekk il-vittma għandha tkun tista’ titlob, fil-kuntest tal-istess proċedura kriminali, kumpens għal dawn id-danni mingħand il-persuni ġuridiċi li huma mfittxija abbażi tal-Artikolu 25f tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001.

43

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

44

L-ewwel nett, għalkemm, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas, il-vittmi ta’ reati kriminali għandhom jingħataw livell għoli ta’ protezzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz, C-404/07, Ġabra p. I-7607, punti 42 u 46), id-Deċiżjoni Qafas hija intiża biss li tistabbilixxi, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 1(ċ) tagħha, regoli minimi għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ reati kriminali (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2001, Gueye u Salmerón Sánchez, C-483/09 u C-1/10, Ġabra p. I-8263, punt 52).

45

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Qafas, li l-uniku għan tagħha hija l-pożizzjoni legali tal-vittmi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, ma tinkludi ebda indikazzjoni li tgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu għar-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi.

46

Fl-aħħar nett, mill-istess kliem tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li bħala prinċipju din tiggarantixxi lill-vittma d-dritt għal kumpens fil-kuntest tal-proċedura kriminali għall-“atti jew ommissjonijiet […] bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru” u li kkawżaw “direttament” id-danni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C-467/05, Ġabra p. I-5557, punti 53 u 57).

47

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ksur “amministrattiv” bħal dak li jagħti lok għal proċeduri abbażi tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001 huwa ksur separat li ma għandu l-ebda rabta kawżali diretta mad-danni kkawżati mir-reat kriminali imwettaq minn persuna fiżika u li għalihom qed jintalab kumpens. Skont il-qorti tar-rinviju, f’sistema bħal dik stabbilita minn dan id-Digriet Leġiżlattiv, ir-responsabbiltà tal-persuna ġuridika hija kklassifikata bħala “amministrattiva”, “indiretta” u “sussidjarja” u hija distinta mir-responsabbiltà kriminali tal-persuna fiżika, awtriċi tar-reat kriminali li kkawża direttament id-danni u li mingħandha, kif ġie osservat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, jista’ jintalab kumpens fil-kuntest tal-proċedura kriminali.

48

Konsegwentement, il-persuni li sofrew danni minħabba ksur amministrattiv imwettaq minn persuna ġuridika, bħal dik imfittxa abbażi tas-sistema stabbilita bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2001, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas, bħala l-vittmi ta’ reat kriminali li għandhom id-dritt li jiksbu deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura kriminali, fuq il-kumpens mingħand din il-persuna ġuridika.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Kwadru għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-vittma ta’ reat kriminali ma tkunx tista’ titlob kumpens għad-danni kkawżati direttament mill-imsemmi reat, fil-kuntest tal-proċedura kriminali, mingħand il-persuna ġuridika li tkun l-awtriċi ta’ ksur amministrattiv.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-vittma ta’ reat kriminali ma tkunx tista’ titlob kumpens għad-danni kkawżati direttament mill-imsemmi reat, fil-kuntest tal-proċedura kriminali, mingħand il-persuna ġuridika li tkun l-awtriċi ta’ ksur amministrattiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.