SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

16 ta’ Frar 2012 ( *1 )

“Tassazzjoni — Sitt Direttiva tal-VAT — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Artikolu 17 (2) u (5), u Artikolu 19 — ‘Sussidji’ użati għax-xiri ta’ oġġetti u servizzi — Limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis”

Fil-Kawża C-25/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall), permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Varzim Sol — Turismo, Jogo e Animação SA

vs

Fazenda Pública,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Varzim Sol — Turismo, Jogo e Animação SA, minn A Jacinto u M. Brás, avukati

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u P. Guerra e Andrade, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) u (5) u l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Varzim Sol — Turismo, Jogo e Animação SA (iktar ’il quddiem “Varzim Sol”) u l-Fazenda Pública, dwar avviż ta’ ħlas supplimentari tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) u dwar interessi moratorji għas-snin 2002 sa 2004.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jissuġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” u l-“importazzjoni ta’ oġġetti”.

4

L-Artikolu 11 A paragrafu 1(a) tal-imsemmija direttiva jgħid dan li ġej:

“A. Fit-territorju tal-pajjiż

1.   L-ammont taxxabbli għandu jkun:

(a)

fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti”.

5

L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, li jsemmi l-oriġini u l-iskop tad-dritt għal tnaqqis, jistipula, fil-paragrafi (2) u (5) tiegħu:

“2.   Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

(a)

taxxa fuq il-valur [VAT] miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;

(b)

taxxa fuq il-valur [VAT] miżjud dovuta jew imħallsa fir-rigward ta’ oġġetti importati;

(ċ)

taxxa fuq il-valur miżjud [VAT] taħt l-Artikoli 5(7)(a) u 6 (3).

[...]

5.   Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel.

Dan il-proporzjon għandu jkun determinat, b’mod konformi mal-Artikolu 19, għat-transazzjonijiet kollha mwettqa minn persuna taxxabbli.

Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli biex tistabbilixxi proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu, sakemm kontijiet separati huma miżmuma għal kull settur;

(b)

iġiegħlu ’l-persuna taxxabbli biex tiddetermina proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu u żżomm kontijiet separati għal kull settur;

(ċ)

jawtorizzaw jew iġiegħlu l-persuna taxxabbli biex tagħmel it-tnaqqis fuq il-bażi ta’ l-użu ta’ kollha jew parti mill-oġġetti u s-servizzi;

(d)

jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli mġiegħla tagħmel it-tnaqqis b’mod konformi mar-regola stabbilita fl-ewwel sub-paragrafu, fir-rigward ta’ l-oġġetti u s-servizzi kollha użati għal transazzjonijiet msemmija hemmhekk;

(e)

jipprovdu li fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud li m’hix imnaqqsa mill-persuna taxxabbli hi insinifikanti, hi għandha tkun trattata bħala xejn.

[…]”

6

L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxi regoli applikabbli għall-kalkolu tal-proporzjon li jista’ jitnaqqas, fl-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi:

“Il-proporzjon imnaqqas taħt l-ewwel sub-paragrafu tal-Artikolu 17(5) għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jkollha:

bħala numeratur, l-ammont totali, esklussiv mit-taxxa fuq il-valur miżjud [VAT], tal-bejgħ kull sena attribwit għat-transazzjonijet li fuqhom it-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas taħt l-Artikolu 17(2) u (3),

bħala denominatur, l-ammont totali, esklussiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud [VAT], tal-bejgħ kull sena attribwit lit-transazzjonijiet inklużi fin-numeratur u lit-transazzjonijiet fir-rigward ta’ li t-taxxa fuq il-valur miżjud mhux imnaqqas. L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fid-denominatur l-ammont ta’ sussidji, għajr dawk speċifikati fl-Artikolu 11 A(1)(a).

Il-proporzjon għandu jkun stabbilit fuq bażi annwali, iffissat bħala persentaġġ u magħmul figura sħiħa li ma teċċedix il-numru li jmiss.”

Id-dritt nazzjonali

7

L-Artikolu 23 tal-kodiċi dwar il-VAT jipprovdi:

“1.   Meta, fl-eżerċizzju tal-attività tagħha, il-persuna taxxabbli twettaq kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi, li parti minnhom ma tkunx eliġibbli għad-dritt għal tnaqqis, it-taxxa mħallsa fuq ix-xiri għandha titnaqqas biss għal dik il-perċentwali li tikkorrispondi għall-ammont annwali ta’ tranżazzjonijiet eliġibbli għad-dritt għal tnaqqis.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-persuna taxxabbli tista’ twettaq it-tnaqqis skont l-allokazzjoni reali tal-oġġetti u tas-servizzi użati kollha jew ta’ parti minnhom, bil-kundizzjoni li d-direttorat ġenerali tat-taxxi diretti u indiretti jiġi informat minn qabel, bla ħsara għall-possibbiltà li dan tal-aħħar jimponi fuqha kundizzjonijiet speċjali jew li jwaqqaf din il-proċedura fil-każ li jiġu kkonstatati distorsjonijiet sinjifikattivi fit-tassazzjoni.

3.   L-amministrazzjoni fiskali tista’ tobbliga lill-persuna taxxabbli ssegwi l-proċeduri skont il-paragrafu preċedenti:

a)

meta l-persuna taxxabbli teżerċita attivitajiet ekonomiċi distinti;

b)

meta l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 twassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi fit-tassazzjoni.

4.   Il-perċentwali ta’ tnaqqis speċifika msemmija fil-paragrafu 1 tirriżulta minn frazzjoni komposta minn, bħala numeratur, l-ammont annwali, bl-esklużjoni tat-taxxa, tal-kunsinni ta’ oġġetti u ta’ provvisti ta’ servizzi li huma eliġibbli għad-dritt għal tnaqqis taħt l-Artikoli 19 u 20(1), u, bħala denominatur, l-ammont annwali, bl-esklużjoni tat-taxxa, tat-transazzjonijiet kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli, inklużi t-transazzjonijiet eżenti minn jew li ma humiex suġġetti għat-taxxa, b’mod partikolari s-sussidji li ma humiex suġġetti għat-taxxa li ma jinkludux is-sussidji għal apparat.

[…]”

8

Il-kumpanniji li jibbenefikaw minn konċessjoni għall-operat tal-logħob tal-ażżard f’żona tal-logħob huma suġġetti b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi Nru 422/89, tat-2 ta’ Diċembru 1989, kif emendata. L-Artikolu 16 ta’ dan id-Digriet-Liġi jiddisponi:

“1.   Bla ħsara għall-obbligi l-oħra msemmija f’dan it-test, fil-leġiżlazzjoni komplementari u fil-kuntratti ta’ konċessjoni rispettivi, il-kumpanniji konċessjonarji għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex:

[…]

b)

jorganizzaw b’mod regolari, fil-post fejn jinsab il-casino maħsub għal dan il-għan, programmi ta’ animazzjoni ta’ livell artistiku tajjeb;

c)

jirreklamaw u jorganizzaw manifestazzjonijiet turistiċi, kulturali u sportivi, jipparteċipaw fl-inizjattivi uffiċjali tal-istess natura, intiżi li jiffavorixxu t-turiżmu fiż-żona tal-logħob ikkonċernata u sabiex isostnu jew jippromwovu ż-żona tal-logħob barra mill-pajjiż […].

2.   Sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom previsti fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu ta’ hawn fuq, il-konċessjonarji għandhom jikkontribwixxu ammont li jikkorrispondi għal mhux inqas minn 3 % tad-dħul gross fuq il-logħob li jitwettaq fis-sena ta’ qabel jew, fil-każ tal-ewwel sena tal-konċessjonijiet, tas-sena inkwistjoni u, f’kull każ, is-somma li tiġi kkontribwita fir-rigward tal-imsemmija obbligi għandha tkun ta’ mhux inqas minn 1 % ta’ dan id-dħul.”

9

Is-sistema kuntrattwali ta’ konċessjonijiet għall-operat tal-logħob tal-ażżard fiż-żoni tal-logħob ġiet emendata bid-Digriet-Liġi Nru 275/2001 tas-17 ta’ Ottubru 2001. L-Artikolu 2(4) ta’ dan id-Digriet-Liġi jipprevedi:

“Il-korrispettivi annwali li magħhom jibqgħu marbuta l-konċessjonarji taż-żoni tal-logħob tal-Algarve, ta’ Espinho, ta’ Estoril u ta’ Póvoa de Varzim ma jistgħux ikunu inqas mill-valuri indikati fit-tabella li tinsab fl-anness […]”

10

L-Artikolu 5 tal-imsemmi Digriet-Liġi, li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ispejjeż fil-qasam tal-animazzjoni u tal-promozzjoni turistika, jiddisponi:

“1.   Fil-korrispettivi annwali tal-operat, li l-kumpanniji konċessjonarji huma marbuta li jikkontribwixxu […], it-tnaqqis, sa 1 % tad-dħul gross fuq il-logħob, isir fuq l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni tal-obbligi previsti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 16(1) tad-Digriet-Liġi Nru 422/89 […], spejjeż li għandhom ikunu mhux inqas minn 3 % tad-dħul gross fuq il-logħob.

2.   Fil-każ li l-imsemmija spejjeż, flimkien mal-ispejjeż netti tal-animazzjoni u tar-ristorazzjoni, jaqbżu t-3 % tad-dħul gross fuq il-logħob, il-konċessjonarji […] għandhom id-dritt li jnaqqsu, barra minn hekk, 50 % tal-ispejjeż li jeċċedu l-imsemmi ammont minimu […], dan it-tnaqqis supplimentari għandi jkun ta’ mhux iktar minn 3 % tad-dħul gross fuq il-logħob.

3.   Dan l-aħħar tnaqqis jista’ jsir biss fir-rigward ta’ u fi ħdan il-limitu ta’ 25 % taż-żieda fid-dħul gross fuq il-logħob ta’ kull sena finanzjarja, fil-każ taż-żoni tal-logħob ta’ Póvoa de Varzim […]”.

11

Ir-regoli b’hekk stabbiliti fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż fil-qasam tal-animazzjoni u tal-promozzjoni turistika huma riprodotti fil-kuntratt ta’ konċessjoni għall-operat tal-logħob tal-ażżard fiż-żona permanenti tal-logħob f’Póvoa de Varzim, mogħti lil Varzim Sol.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Varzim Sol topera fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għall-operat tal-logħob tal-ażżard fiż-żona permanenti ta’ Póvoa de Varzim, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 2001. Dan il-kuntratt jobbliga lil Varzim Sol torganizza attivitajiet ta’ animazzjoni artistika u kulturali, iżda wkoll li tipparteċipa fil-promozzjoni taż-żona li fiha jinsab il-casino.

13

Varzim Sol fl-istess ħin timpenja ruħha f’attivitajiet relatati mas-settur tal-logħob, li huma eżentati mill-VAT, fis-setturi tar-ristorazzjoni u tal-animazzjoni, li huma suġġetti għall-VAT, u fis-settur amministrattiv u finanzjarju, bi tnaqqis parziali tal-VAT. Fis-setturi li huma suġġetti għall-VAT, it-tnaqqis tal-VAT imħallsa jsir permezz tal-metodu tal-użu attwali, skont l-Artikolu 23(2) tal-Kodiċi tal-VAT.

14

Barra minn hekk, skont ir-regoli applikabbli u l-kuntratt ta’ konċessjoni, Varzim Sol hija marbuta li tħallas lill-Istat Portugiż korrispettiv inizjali, kif ukoll korrispettiv annwali kkalkolat fuq id-dħul mis-settur tal-logħob. Hija awtorizzata tnaqqas minn dan il-korrispettiv annwali parti mill-ispejjeż sostnuti għat-twettiq tal-obbligi tagħha ta’ animazzjoni u ta’ promozzjoni turistika. L-ammont ta’ dan it-tnaqqis jiddependi kemm fuq l-ammont tal-ispejjeż sostnuti kif ukoll fuq id-dħul mill-attività tal-logħob.

15

Wara spezzjoni mid-dipartiment tat-taxxa, Varzim Sol irċeviet talba għal ħlas addizzjonali għall-ammont ta’ EUR 496 697.14, għas-snin 2002 sa 2004. Dawn il-korrezzjonijiet huma bbażati fuq kontestazzjoni tal-metodu użat minn Varzim Sol għall-kalkolu tal-ammont li għandu jitnaqqas VAT imħallas għas-setturi tar-ristorazzjoni u tal-animazzjoni.

16

Fil-fatt, il-Fazenda Pública ssostni li t-tnaqqis li sar mill-korrispettiv annwali bħala kumpens tal-ispejjeż li sar minħabba l-animazzjoni u l-promozzjoni għandu jiġi kklassifikat bħala sussidju għall-operat skont l-Artikolu 23(4) tal-Kodiċi tal-VAT. Hija tqis li, sa fejn dan is-sussidju ma huwiex suġġett għall-VAT, l-attivitajiet ta’ ristorazzjoni u ta’ animazzjoni għandhom jiġu ttrattati bħala attivitajiet imħallta. Konsegwentement, it-tnaqqis tal-VAT imħallsa f’dawn is-setturi kellu jsir fuq bażi pro rata li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm dawk l-attivitajiet li huma eżenti kif ukoll dawk li huma taxxabbli.

17

Varzim Sol ħallset l-ammonti mitluba, iżda ressqet azzjoni legali. Din l-azzjoni ġiet miċħuda mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto. Varzim Sol appellat quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo.

18

Varzim Sol issostni li, anki kieku l-ammont imnaqqas kellu jiġi kklassifikat bħala sussidju, li fil-fatt ma huwiex, dan ma għandux jaffettwa t-tnaqqis tal-VAT mill-persuni taxxabbli li, fil-kuntest tal-metodu tal-użu attwali, iwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli, u mhux eżenti, bħal dawk ta’ ristorazzjoni u ta’ animazzjoni, li jagħtu d-dritt li titnaqqas it-taxxa.

19

Sussidjarjament, Varzim Sol issostni li l-argument tal-Fazenda Pública, adottat mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto, iwassal għal distorsjoni fil-qasam tat-tnaqqis tal-VAT, bi ksur tas-Sitt Direttiva, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju ta’ Spanja (C-204/03 Ġabra p. I-8389) u Il-Kummissjoni vs Franza (C-243/03, Ġabra p. I-8411).

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supremo Tribunal Administrativo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

L-Artikolu 23 tal-Kodiċi […] tal-VAT huwa kompatibbli mal-Artikoli 17(2) u (5), u 19 tas-Sitt Direttiva […]?;

2)

[Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda], l-istabbiliment, previst fl-Artikolu 23 iċċitat iktar ’il fuq, ta’ pro rata speċifika ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud [VAT] imħallsa mill-persuni taxxabbli li jwettqu biss tranżazzjonijiet taxxabbli, anki jekk permezz ta’ tassazzjoni effettiva, abbażi tal-eżistenza ta’ sussidji eżenti għal dan is-settur (‘inputs’), huwa konformi mal-Artikoli 17(2) u (5), u 19 tas-Sitt Direttiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

21

Ir-Repubblika Portugiża tissottometti, preliminarjament, l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

22

Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda, dan l-Istat Membru jinnota li l-għan tagħha huwa li tevalwa l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali Portugiż, jiġifieri, l-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-VAT, ma’ ċerti regoli tas-sistema komuni tal-VAT.

23

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, tipprovdi lill-qorti nazzjonali, fuq il-bażi tal-atti tal-proċess, l-elementi ta’ interpretazzjoni li hija tqis utli għall-evalwazzjoni tal-effetti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-ebda parti tad-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħti, madankollu, indikazzjoni preċiża, anki jekk fil-qosor, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali Portugiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24

In-nuqqas ta’ preċiżjoni fl-ewwel domanda jimplika li din għandha titqies li hija talba għal opinjoni ġenerika, li ma tistax tkun ammessa skont l-Artikolu 267 TFUE.

25

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu ukoll, essenzjalment, għat-tieni domanda.

26

Konsegwentement, in-nuqqasijiet fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli u lanqas ma jippermettu lill-Istati Membri u lill-partijiet l-oħra li huma interessati jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kawża preżenti.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ proċedura mibdija taħt dan l-artikolu, huma l-qrati tal-Istati Membri, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni li jippermettu lil din il-qorti tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 36 kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 37).

28

Issa, għalkemm jista’ jkun minnu li t-tifsira litterali tad-domandi magħmula b’titolu preliminari mill-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju billi tipprovdi lil din tal-aħħar l-elementi għall-interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jippermettu lil din il-qorti tiddeċiedi hija stess dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

29

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew, inkella, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61, kif ukoll tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder C-450/09, Ġabra, p. I-2497, punt 17.

30

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-informazzjoni li għandha tingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjoni tar-rinviju, jeħtieġ li jitfakkar li din l-informazzjoni ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju, iżda għandha wkoll tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għal dawn il-finijiet huwa neċessarju li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi li hija tagħmel jew li, għall-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara s-sentenza Schröder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

31

Għalhekk, meta l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju tkun suffiċjenti sabiex tispjega s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-kwistjonijiet prinċipali tagħha għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, u meta tippermetti kemm lill-Istati Membri jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiem din tal-aħħar, u kemm lill-Qorti tipprovdi risposta utli għall-qorti nazzjonali, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Schröder, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19, 21 u 22).

32

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ ristorazzjoni u ta’ animazzjoni li ġew organizzati minn Varzim Sol u li huma suġġetti għall-VAT, it-tnaqqis tal-VAT imħallsa jsir permezz tal-metodu tal-użu attwali. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-korrispettiv annwali kkalkolat fuq id-dħul mis-settur tal-logħob, li Varzim Sol hija marbuta tħallas lill-Istat, din tal-aħħar hija awtorizzata tnaqqas parti mill-ispejjeż sostnuti għat-twettiq tal-obbligi ta’ animazzjoni u ta’ promozzjoni turistika. Skont l-amministrazzjoni tat-taxxa, sa fejn dan it-tnaqqis jikkostitwixxi sussidju għall-operat li ma huwiex suġġett għall-VAT, l-attivitajiet ta’ ristorazzjoni u ta’ animazzjoni għandhom jiġu ttrattati bħala attivitajiet mħallta u, konsegwentement, it-tnaqqis tal-VAT imħallsa f’dawn is-setturi għandu jseħħ fuq bażi pro rata, li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-attivitajiet eżenti kif ukoll dawk taxxabbli. Varzim Sol, min-naħa tagħha, issostni li dan l-allegat sussidju ma jistax jaffettwa t-tnaqqis tal-VAT ta’ persuni taxxabbli li, fil-kuntest tal-metodu tal-użu attwali, iwettqu biss tranżazzjonijiet taxxabbli, u mhux eżenti, bħal dawk ta’ ristorazzjoni u ta’ animazzjoni, li jagħtu d-dritt għat tnaqqis tal-VAT (input).

33

Dawn l-elementi huma suffiċjenti fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, l-ebda ħjiel ma jwassal għall-kunsiderazzjoni li l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma kinitx ser tippermetti lill-partijiet interessati milli jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u milli jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiem il-Qorti.

34

Isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

35

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 17(2) u (5), kif ukoll l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru, meta jawtorizza lill-persuni taxxabbli mħallta jwettqu t-tnaqqis previst fl-imsemmija dispożizzjonijiet, fuq il-bażi tal-użu tal-oġġetti u s-servizzi kollha jew parti minnhom, milli jikkalkola l-ammont li jista’ jitnaqqas, għal setturi li fihom dawn il-persuni taxxabbli ma jwettqux tranżazzjonijiet taxxabbli, billi jinkludi “sussidji” mhux taxxabbli fid-denominatur tal-frazzjoni użata sabiex tiġi stabbilita l-pro rata tat-tnaqqis.

36

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal tnaqqis previst skont l-Artikoli 17 et seq tas-Sitt Direttiva jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax fil-prinċipju jkun limitat. Id-dritt għal tnaqqis japplika immedjatament għat-totalità tat-taxxi li jinġarru mit-tranżazzjonijiet tal-input. Kull limitazzjoni fuq id-dritt li titnaqqas il-VAT taffettwa l-livell tal-piż tat-taxxa u għandha tiġi applikata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, huma permessi derogi biss fil-każijiet ipprovduti espressament fis-Sitt Direttiva (ara, b’mod partikolari, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

37

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li d-dritt għal tnaqqis iseħħ fil-mument meta t-taxxa mnaqqsa ssir dovuta u l-Artikolu 17(2) jawtorizza lill-persuna taxxabbli, sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tiegħu, tnaqqas mill-VAT li trid tħallas it-taxxa dovuta jew imħallsa fir-rigward tal-oġġetti li ġew jew li jridu jiġu pprovduti lilu u għas-servizzi li ġew jew li għad għandhom jiġu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

38

F’dak li jirrigwarda persuni taxxabbli mħallta, mill-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li d-dritt għal tnaqqis huwa kkalkolat bi pro rata ddeterminata skont l-Artikolu 19 ta’ din l-istess direttiva. L-imsemmi tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) jawtorizza madankollu lill-Istati Membri jipprevedu wieħed mill-metodi l-oħra ta’ determinazzjoni tad-dritt għal tnaqqis elenkati f’dan is-subparagrafu, jiġifieri, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ pro rata distinta għal kull settur ta’ attività jew it-tnaqqis skont l-użu sħiħ jew ta’ parti mill-oġġetti u s-servizzi għal attività preċiża (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

39

L-Artikolu 11(A)(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li s-sussidji direttament relatati mal-prezz ta’ oġġett jew ta’ servizz ikunu taxxabbli bl-istess mod bħalu. Fir-rigward tas-sussidji barra dawk direttament relatati mal-prezz, l-Artikolu 19(1) ta’ din l-istess direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jinkluduhom fid-denominatur tal-kalkolu tal-pro rata applikabbli meta persuna taxxabbli taffettwa fl-istess ħin operazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis u operazzjonijiet eżentati (ara Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

40

Huwa stabbilit li, fir-rigward tal-kawża prinċipali, Varzim Sol kienet ġiet awtorizzata twettaq it-tnaqqis skont metodu ieħor li ma kienx dak dwar il-pro rata msemmi fl-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, jiġifieri fuq il-bażi tal-użu tal-oġġetti u s-servizzi kollha jew parti minnhom għal attività speċifika, metodu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva.

41

Peress li l-attivitajiet ta’ Varzim Sol fis-setturi tar-ristorazzjoni u tal-animazzjoni huma suġġetti għall-VAT, id-dritt għat-tnaqqis skont il-metodu tal-użu attwali jirrelata għat-totalità tat-taxxi li jinġarru mit-tranżazzjonijiet tal-inputs.

42

Fil-fatt, peress li l-persuna taxxabbli kienet awtorizzata twettaq it-tnaqqis skont il-metodu tal-użu attwali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva ma humiex applikabbli u ma jistgħux jillimitaw id-dritt għal tnaqqis f’dawn is-setturi kif jirriżulta minn din id-direttiva.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 17(2) u (5), kif ukoll l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru, meta jawtorizza lill-persuni taxxabbli mħallta jwettqu t-tnaqqis previst fl-imsemmija dispożizzjonijiet, fuq il-bażi tal-użu tal-oġġetti u s-servizzi kollha jew parti minnhom, milli jikkalkola l-ammont imnaqqas, għas-setturi li fihom dawn il-persuni taxxabbli jwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli biss, billi jinkludi “sussidji” li ma humiex taxxabbli fid-denominatur tal-frazzjoni użata sabiex tiġi stabbilita l-pro rata tat-tnaqqis.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 17(2) u (5) kif ukoll l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru, meta jawtorizza lill-persuni taxxabbli mħallta jwettqu t-tnaqqis previst fl-imsemmija dispożizzjonijiet, fuq il-bażi tal-użu tal-oġġetti u s-servizzi kollha jew parti minnhom, milli jikkalkola l-ammont imnaqqas, għas-setturi li fihom dawn il-persuni taxxabbli jwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli biss, billi jinkludi “sussidji” li ma humiex taxxabbli fid-denominatur tal-frazzjoni użata sabiex tiġi stabbilita l-pro rata tat-tnaqqis.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.