KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2014 ( 1 )

Kawża C‑658/11

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kundizzjonijiet tat-trasferiment, mill-qawwa navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea, lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju, tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni fl-iżvilupp — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 218(6) u (10) TFUE”

1. 

Il-preżenti azzjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja, sabiex tippreċiża l-fruntiera bejn tliet oqsma tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK), id-dimensjoni esterna tal-Ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (iktar ’il quddiem is-“SLSĠ”) u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

2. 

Din il-kawża turi għal darb’oħra, b’mod partikolari wara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill ( 2 ), dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ma eliminax, minkejja l-eliminazzjoni formali tal-pilastri, il-ħtieġa li jiġu ddelimitati l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-diversi politiki tal-Unjoni.

3. 

Dan il-kompitu huwa delikat peress li l-għan tas-sigurtà jinsab involut. Fil-fatt, dan l-għan huwa komuni għall-PESK u għas-SLSĠ. L-imsemmi għan huwa wkoll marbut mal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp sa fejn is-sigurtà tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għall-iżvilupp tal-Istati kkonċernati.

4. 

L-eżerċizzju ta’ delimitazzjoni bejn il-politiki tal-Unjoni huwa madankollu indispensabbli minħabba l-ispeċifiċità li tikkaratterizza lill-PESK meta mqabbla mal-politiki l-oħra tal-Unjoni.

5. 

Din l-ispeċifiċità hija kkaratterizzata b’mod partikolari mir-rwol limitat tal-Parlament Ewropew fil-kuntest tal-PESK. Minn din il-perspettiva, l-iffissar ta’ kriterji ċari sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-politika meta mqabbla mal-oqsma l-oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni jippreżenta kwistjoni kostituzzjonali.

6. 

Permezz tal-azzjoni tiegħu, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/640/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2011, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kundizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kundizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment ( 3 ).

7. 

Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 37 TUE, kif ukoll fuq l-Artikolu 218(5) u (6) TFUE.

8. 

Skont l-Artikolu 37 TUE, li jagħmel parti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, dwar “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-[PESK]”, “[l-]Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ Stat wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’oqsma koperti minn dan il-Kapitolu”.

9. 

L-Artikolu 218 TFUE jinkludi r-regoli dwar in-negozjar, l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali. Huwa jaqra kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

2.   Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta’ negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim u jikkonkludihom.

3.   Meta l-ftehim in kwistjoni jikkonċerna esklużivament jew prinċipalment il-[PESK], il-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina, skond is-suġġett tal-ftehim previst, in-negozjatur ta’ l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta’ negozjaturi ta’ l-Unjoni.

[…]

5.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ.

6.   Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

Minbarra meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim:

a)

wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament [...] fil-każijiet li ġejjin:

[…]

v)

ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament [...].

[…]

b)

wara l-konsultazzjoni mal-Parlament [...] fil-każijiet l-oħra. […]

[…]

10.   Il-Parlament [...] għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.

[…]”

10. 

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament iqajjem żewġ motivi.

11. 

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament isostni li l-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kundizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kundizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment ( 4 ) , ma jikkonċernax biss il-PESK, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, peress li l-għan u l-kontenut tal-ftehim huma wkoll marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, mal-kooperazzjoni tal-pulizija u mal-kooperazzjoni fl-iżvilupp u li hija l-proċedura leġiżlattiva ordinarja li għandha tapplika għal dawn l-oqsma. Għalhekk, id-deċiżjoni li l-ftehim jiġi konkluż kellha tittieħed wara approvazzjoni tal-Parlament skont l-inċiż (v) tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE.

12. 

Permezz tat-tieni motiv tiegħu, il-Parlament isostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 218(10) TFUE meta ma informahx b’mod immedjat u b’mod sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura.

13. 

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

14. 

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni matul il-proċedura orali insostenn tal-Parlament.

I – Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE

A – Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta ’ ftehim li jikkonċerna esklużivament il-PESK

15.

Il-Parlament jiddefendi interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ ftehim li jikkonċerna esklużivament il-PESK. Skont dan, il-Kunsill huwa awtorizzat jikkonkludi ftehim internazzjonali mingħajr l-approvazzjoni jew il-konsultazzjoni tal-Parlament biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u jekk dan il-ftehim, sakemm ma jkun jinkludi ebda element li jirrigwarda politiki oħra tal-Unjoni, ikun jikkonċerna esklużivament il-PESK.

16.

Fir-rigward tal-ftehim inkwistjoni fil-kuntest tar-rikors preżenti, il-Parlament isostni li dan jinkludi komponenti li jirrigwardaw tliet politiki tal-Unjoni differenti, jiġifieri l-PESK, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali kif ukoll il-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Fl-opinjoni tiegħu huwa biżżejjed li wieħed minn dawn il-komponenti jkun preżenti fil-ftehim, anki jekk b’mod sekondarju jew anċillari, sabiex l-obbligu li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Parlament ikun japplika. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-ftehim ma jistax, skont il-Parlament, jitqies li jikkonċerna esklużivament il-PESK.

17.

It-teżi difiża mill-Kunsill tikkonsisti, għall-kuntrarju, f’li ssostni li l-ftehim ma jinkludix komponenti oħra ħlief dak li jirrigwarda l-PESK, sew jekk b’mod prinċipali jew anċillari. Anki jekk ikun possibbli li jiġu identifikati tali komponenti, huma jkunu biss anċillari, b’mod li ma jkunux jeħtieġu ż-żieda ta’ bażi legali oħra. Billi l-bażi legali miżmuma hija, minn perspettiva materjali, esklużivament relattiva għall-PESK, jaqbel li minn dan jiġi dedott li, minn perspettiva proċedurali, il-ftehim “jikkonċerna esklużivament il-[PESK]”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, u għaldaqstant il-Parlament ma jkollux jagħti l-approvazzjoni tiegħu sabiex il-Kunsill ikun jista’ jadotta d-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

18.

Bħalma jagħmlu l-Kunsill u l-Istati Membri li intervjenew fil-kuntest tal-kawża preżenti, jiena nqis li ftehim ikun “jikkonċerna esklużivament il-[PESK]”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, meta d-deċiżjoni relattiva għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tkun ibbażata unikament fuq bażi legali materjali relattiva għall-PESK, jiġifieri b’esklużjoni ta’ kull bażi legali materjali oħra.

19.

Fl-opinjoni tiegħi ikun inkoerenti li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-proċedura applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali b’mod distakkat mill-kwistjoni preliminari li tikkostitwixxi d-determinazzjoni tal-bażi legali materjali li tagħti lill-Unjoni l-kompetenza li tadotta tali ftehim, u dan billi dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma marbutin mill-qrib. Tali separazzjoni twassal għal eżami doppju, li jinvolvi d-definizzjoni ta’ kriterji ġodda sabiex jiġi determinat jekk ftehim jikkonċernax esklużivament il-PESK jew le, b’riżultati inċerti li jwasslu għal inċertezza legali.

20.

Għaldaqstant jaqbel li tiġi ddeterminata l-bażi legali materjali li tawtorizza lill-Unjoni li tadotta ftehim internazzjonali qabel ma tiddetermina l-bażi legali proċedurali tiegħu. Barra minn hekk, tali approċċ huwa appoġġat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li “ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ att, iżda l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar” ( 5 ).

21.

Fil-kuntest tal-eżami ta’ jekk ftehim jikkonċernax esklużivament jew le l-PESK, ftit jimporta, għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, li l-ftehim inkwistjoni jikkonċerna wkoll, b’mod sekondarju, oqsma li ma humiex il-PESK. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li ftehim ikun jikkonċerna b’mod anċillari jew inċidentali oqsma oħra li ma humiex il-PESK sabiex il-konsultazzjoni jew l-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament tkun meħtieġa skont l-Artikolu 218(6) TFUE.

22.

Kuntrarjament għar-rieda tal-awturi tat-Trattati li jagħtu lill-Parlament rwol limitat fil-qasam tal-PESK, l-interpretazzjoni ssuġġerita minn din l-istituzzjoni timplika li dan jiġi kkonsultat jew inkella li tinkiseb l-approvazzjoni tiegħu għall-adozzjoni ta’ kważi l-ftehim internazzjonali kollha. Fil-fatt, sa fejn, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) TUE, l-Unjoni għandha tiżgura l-koerenza bejn id-diversi oqsma tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politiki l-oħra, huwa rari li ftehim konkluż fil-qasam tal-PESK ma jkunx jikkonċerna, tal-inqas b’mod inċidentali, politiki oħra tal-Unjoni.

23.

Kif jirrileva ġustament il-Kunsill, li kieku kellha tiġi segwita t-teżi tal-Parlament, l-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar tkun meħtieġa għal numru kbir ta’ ftehim li għandhom biss bażi legali li tirrigwarda l-PESK għaliex dawn spiss ikollhom xi rabta ma’ politiki oħra tal-Unjoni minħabba l-eżistenza ta’ għanijiet ġenerali u trasversali fil-qasam ta’ relazzjonijiet esterni kif ukoll ir-rekwiżit ta’ koerenza. Pereżempju, mill-interkonnessjoni innegabbli bejn is-sigurtà, l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem jirriżulta li spiss ħafna jkun possibbli li wieħed isostni li miżuri meħuda f’wieħed minn dawn it-tliet oqsma jkollhom ukoll effetti fuq it-tnejn l-oħra u għaldaqstant jirrigwardaw ukoll dawn l-oqsma għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 218(6) TFUE. Issa, dan ma huwiex l-ispirtu tat-Trattati. Għall-kuntrarju, dawn tal-aħħar la neħħew u lanqas ma għaqqdu flimkien id-diversi politiki tal-Unjoni u l-bażijiet legali korrispondenti li permezz tagħhom dawn l-għanijiet orizzontali għandhom jintlaħqu, u kull miżura għadha distinta u suġġetta għall-bażi legali proprja tagħha u r-regoli deċiżjonali proprji tagħha.

24.

Ir-rekwiżit ta’ koerenza tħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jinkludi, fl-atti li huwa jadotta f’materji ta’ PESK, elementi relattivi għal politiki oħra tal-Unjoni. Il-preżenza ta’ tali elementi, minkejja li huma anċillari, ma tippermettix li wieħed jikkunsidra li ċ-ċentru tal-gravità tal-att ma huwiex relattiv għall-PESK. L-għanijiet orizzontali u r-rekwiżit ta’ koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni ma jħassrux il-partikolaritajiet ta’ kull waħda mill-politiki tal-Unjoni, hekk kif il-komplementarjetà tagħhom ma tħassarx l-ispeċifiċità ta’ kull politika.

25.

Il-ftehim PESK jistgħu jinkludu elementi purament anċillari li jaqgħu taħt politiki oħra tal-Unjoni meta dawn ikollhom portata tant limitata li ma jkunux jiġġustifikaw iż-żieda ta’ bażi legali oħra. Konsegwentement, tali ftehim ikunu jikkonċernaw esklużivament il-PESK, anki għall-finijiet tal-Artikolu 218(6) TFUE.

26.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, id-differenza bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 218(3) TFUE u dik tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE ma hijiex ta’ natura li tibdel l-analiżi tiegħi.

27.

Huwa minnu li, skont l-Artikolu 218(3) TFUE, huwa r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li għandu jippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill “[m]eta l-ftehim in kwistjoni jikkonċerna esklużivament jew prinċipalment il-[PESK] ( 6 )”. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni b’hekk issemmi żewġ kategoriji ta’ ftehim ikkontemplati, jiġifieri dawk li jikkonċernaw esklużivament il-PESK u dawk li jikkonċernaw prinċipalment din il-politika. Mill-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ kategoriji fl-Artikolu 218(3) TFUE, il-Parlament jiddeduċi li, skont l-Artikolu 218(6) TFUE, il-Kunsill ma jistax jikkonkludi ftehim mingħajr ma jinvolvi fih lill-Parlament meta l-ftehim ikun jikkonċerna prinċipalment lill-PESK biss, iżda mhux esklużivament lilha.

28.

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li ż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ikopru żewġ stadji distinti tal-proċedura relattiva għall-ftehim internazzjonali. L-ewwel dispożizzjoni tikkonċerna d-determinazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-persuna kompetenti sabiex tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill għall-finijiet tal-ftuħ tan-negozjati relattivi għal ftehim previst. Għall-kuntrarju, it-tieni waħda tikkonċerna l-proċedura ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim.

29.

Barra minn hekk, u b’mod iktar fundamentali, jiena nqis li d-differenza fil-formulazzjoni mressqa mill-Parlament ma tistax tippermetti li tiġi approvata t-teżi ta’ dan tal-aħħar peress li din tmur kontra s-sistema li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 218(6) TFUE.

30.

L-Artikolu 218(6) TFUE jistabbilixxi, fil-fatt, simetrija bejn il-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri fuq il-pjan intern u fuq il-pjan estern. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tistrieħ fuq paralleliżmu bejn is-setgħat tal-Parlament fuq il-livell intern u s-setgħat tiegħu fuq il-livell estern. L-għoti ta’ iktar setgħat lill-Parlament għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali minn dawk li huwa għandu għall-adozzjoni għal att intern li ma għandux tali għan ikun imur kontra l-formulazzjoni u l-ispirtu tal-imsemmija dispożizzjoni.

31.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Parlament tkun taffettwa l-bilanċ istituzzjonali stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona li jipprevedi rwol limitat tal-parlament fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-PESK, sew jekk ikun permezz ta’ atti unilaterali kif ukoll jekk ikunu permezz ta’ ftehim internazzjonali.

32.

Hekk kif tindika r-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 218(6) TFUE jikkostitwixxi dispożizzjoni proċedurali li l-għan tagħha huwa li jiġi ggarantit li s-setgħat “esterni” tal-Parlament ikunu jikkorrispondu għas-setgħat “interni” tiegħu, jiġifieri li huwa jkollu, b’rabta ma’ qasam partikolari, l-istess setgħat, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-qasam inkwistjoni għandux jiġi rregolat minn att intern jew minn att estern.

33.

B’mod konkret, il-frażi “[m]inbarra meta l-ftehim jikkonċerna esklużivament il-[PESK]” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE għandha l-għan li tiggarantixxi, fil-każ fejn l-att estern ma jkunx ibbażat unikament fuq bażi legali li taqa’ taħt il-PESK, iżda jkun ibbażat, fl-istess waqt, anki fuq bażi legali waħda jew diversi bażijiet legali oħra, li l-Parlament igawdi mill-istess setgħat bħal dawk li huwa jkollu li kieku kienet kwistjoni ta’ att intern ibbażat ukoll fuq bażijiet legali oħra minbarra dik li taqa’ taħt il-PESK ( 7 ).

34.

Peress li, b’applikazzjoni tat-test li jirrigwarda ċ-ċentru tal-gravità tal-att inkwistjoni, jiġi konkluż li l-ftehim huwa bbażat, ġustament, fuq l-Artikolu 37 TUE, li għaldaqstant jikkostitwixxi l-bażi legali unika tiegħu, għandu jiġi dedott li, mill-perspettiva proċedurali, il-ftehim jikkonċerna esklużivament il-PESK fis-sens tal-Artikolu 218(6) TFUE.

35.

Minn din l-analiżi, li tgħaqqad l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE mal-għażla tal-bażi legali materjali, jirriżulta li, sabiex jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkonċernax ftehim li jikkonċerna esklużivament il-PESK fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għaldaqstant ġie ġustament adottat mingħajr konsultazzjoni jew approvazzjoni tal-Parlament, huwa indispensabbli li jiġi eżaminat jekk il-bażi legali materjali xierqa ta’ din id-deċiżjoni kinitx — u kinitx unikament — l-Artikolu 37 TUE.

B – Fuq l-għażla tal-bażi legali materjali tad-deċiżjoni kkontestata

36.

L-għażla tal-bażi legali xierqa ta’ att tal-Unjoni għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali ( 8 ). Hija minn din l-għażla li tirriżulta l-proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ tali att, sew jekk dan ikun relatat mal-azzjoni interna u sew jekk mal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

37.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom hemm l-għan u l-kontenut ta’ dak l-att ( 9 ). Jekk l-eżami tal-att ikkonċernat juri li dan l-att għandu għan doppju jew għandu komponent doppju u jekk wieħed minn dawn jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss anċillari, dak l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti ( 10 ). It-tfittxija taċ-ċentru tal-gravità tal-att ikkonċernat għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jinsab dan l-att.

38.

Billi d-deċiżjoni kkontestata għandha bħala għan l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim f’isem l-Unjoni, għandha tiġi eżaminata din id-deċiżjoni moqrija flimkien mal-Ftehim.

39.

Fil-kawża preżenti, it-tfittxija taċ-ċentru tal-gravità tad-deċiżjoni kkontestata timplika li wieħed jistaqsi jekk din kif ukoll il-Ftehim jaqgħux unikament taħt il-PESK jew jekk dawn jikkonċernawx ukoll, b’mod indisassoċjabbli u f’daqs ekwivalenti, minn naħa, is-SLSĠ u/jew, min-naħa l-oħra, il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, b’mod li l-imsemmija deċiżjoni kellha tkun fondata fuq diversi bażijiet legali, li jikkorrispondu għal dawn id-diversi politiki tal-Unjoni.

40.

Fuq stedina tal-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, il-Parlament indika li, fl-opinjoni tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata kellha tkun ibbażata fuq il-bażijiet legali materjali li ġejjin, jiġifieri, minbarra l-Artikolu 37 TUE, l-Artikoli 82 TFUE, 87 TFUE u 209 TFUE.

41.

Fl-opinjoni tiegħi, kemm il-kuntest li fih jidħol il-Ftehim kif ukoll l-għan u l-kontenut tiegħu jippermettu li wieħed jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata relatata miegħu kellha tkun ibbażata unikament fuq il-bażi legali materjali stabbilita bl-Artikolu 37 TUE.

42.

Fil-każ tal-analiżi tiegħi intiża li turi n-natura xierqa tal-bażi legali materjali tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami tal-għan u tal-kontenut tagħha u tal-Ftehim ma jistax jitwettaq b’mod iżolat iżda għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-atti li għalihom dawn tal-aħħar jirreferu u li magħhom huma jistabbilixxu rabta.

43.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-Ftehim jagħmlu riferiment għal riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ( 11 ) kif ukoll għall-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK, tal-10 ta’ Novembru 2008, dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja ( 12 ).

44.

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp tal-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja u t-theddida li din toħloq għas-sigurtà internazzjonali, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta diversi riżoluzzjonijiet dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008) u 1851 (2008).

45.

Fir-Riżoluzzjoni 1814 (2008) tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà rrileva li “s-sitwazzjoni fis-Somalja għadha ta’ theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali fir-reġjun ( 13 )”. Fil-punt 11 tal-imsemmija riżoluzzjoni, huwa talab “lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet reġjonali sabiex, billi jikkoordinaw mill-qrib l-azzjoni tagħhom bejniethom, [...] jieħdu miżuri sabiex jiġu protetti l-bastimenti li jipparteċipaw fit-trasport u għall-kunsinna tal-għajnuna umanitarja ddestinata għas-Somalja u fl-attivitajiet awtorizzati mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU)”.

46.

Fir-riżoluzzjoni 1816 (2008) tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà ddikjara ruħu bħala inkwetat “bit-theddida li dawn l-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi mwettqa kontra bastimenti jikkawżaw fuq il-kunsinna effettiva, fit-termini tal-kunsinna u s-sigurtà tal-kunsinna tal-għajnuna umanitarja fis-Somalja, fuq is-sigurtà tar-rotot marittimi kummerċjali u fuq in-navigazzjoni internazzjonali ( 14 )”. Huwa rrileva wkoll li “l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu ta’ armi subiti minn bastimenti fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, ’il barra mix-xtut tagħha, jiggravaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż, liema sitwazzjoni tkompli thedded il-paċi internazzjonali u s-sigurtà tar-reġjun ( 15 )”.

47.

Ibbażat fuq din il-konstatazzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà sejjaħ għall-kooperazzjoni internazzjonali bl-għan li tiġi miġġielda l-piraterija. B’mod partikolari, huwa ħeġġeġ “lill-Istati li jixtiequ jużaw rotot marittimi kummerċjali li jinsabu ’l barra mix-xtut tas-Somalja sabiex isaħħu u jikkoordinaw, f’kooperazzjoni mal-Gvern Federali ta’ tranżizzjoni, l-azzjoni mibdija sabiex jiġu skoraġġuti l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi mwettaq fil-baħar ( 16 )”. Il-Kunsill tas-Sigurtà ħeġġeġ ukoll “lill-Istati kollha sabiex jikkooperaw bejniethom, flimkien mal-[Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI)] u, jekk ikun il-każ, mal-organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti, dwar atti ta’ piraterija u serq bl-użu tal-armi mwettqa fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja u fl-ibħra internazzjonali ’l barra mix-xtut tagħha u li jgħaddu lil xulxin kull informazzjoni relattiva għalihom, u sabiex jagħtu assistenza lill-bastimenti mhedda jew attakkati minn pirati jew ħallelin armati, skont id-dritt internazzjonali applikabbli ( 17 )”.

48.

Fir-Riżoluzzjoni 1838 (2008) tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà barra minn hekk talab “lill-Istati kollha kkonċernati mis-sigurtà tal-attivitajiet marittimi sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fil-ġlieda kontra l-piraterija fuq il-bastimenti li jkunu jinsabu fl-ibħra internazzjonali ’l barra mix-xtut tas-Somalja, b’mod partikolari billi jiskjeraw bastimenti tal-gwerra jew ajruplani militari, skont id-dritt internazzjonali, kif stabbilit fil-[Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 ( 18 )]” ( 19 ).

49.

Lil hinn mill-aspett militari, din il-kooperazzjoni internazzjonali testendi sal-qasam tar-repressjoni tal-atti ta’ piraterija. Għaldaqstant, fir-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà talab “lill-Istati kollha, b’mod partikolari lill-Istati tal-bandiera, lill-Istati portwali u lill-Istati kostali, kif ukoll lill-Istati taċ-ċittadinanza tal-vittmi jew tal-awturi tal-atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi u lill-Istati li għandhom ġurisdizzjoni skont id-dritt internazzjonali jew skont id-dritt intern tagħhom, sabiex jikkooperaw bl-għan li jiddeterminaw liema wieħed għandu jkollu ġurisdizzjoni u sabiex jieħdu l-miżuri mixtieqa ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni kontra l-awturi ta’ atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi mwettqa ’l barra mix-xtut tas-Somalja, skont id-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u sabiex jissekondaw dawn l-isforzi, b’mod partikolari billi jipprovdu assistenza fil-qasam loġistiku u ta’ eżerċizzju tar-rimedji legali fir-rigward tal-persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tagħhom, bħalma huma l-vittmi, xhieda u persuni miżmuma fil-kuntest ta’ operazzjonijiet imwettqa skont din ir-riżoluzzjoni ( 20 )”.

50.

Il-Kunsill tas-Sigurtà għaldaqstant inkoraġġixxa t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali bl-għan ta’ repressjoni iktar effikaċi tal-atti ta’ piraterija, filwaqt li osserva bi tħassib “li n-nuqqas ta’ mezzi, l-assenza ta’ leġiżlazzjoni interna u l-inċertezzi dwar is-suġġett ta’ x’għandu jsir mill-pirati wara li dawn jinqabdu xekklu milli jingħata bidu għal azzjoni internazzjonali iktar vigoruża kontra l-pirati li jaġixxu ’l barra mix-xtut tas-Somalja, u f’ċerti każijiet, kellhom jilliberaw lill-pirati mingħajr ma jressquhom quddiem il-ġustizzja ( 21 )”.

51.

Sabiex timplementa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u tipparteċipa fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-piraterija, l-Unjoni adottat l-Azzjoni Konġunta. Din hija bbażata fuq l-Artikolu 14 UE, l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 25 UE, u l-Artikolu 28(3) UE.

52.

L-Artikolu 1 tal-azzjoni konġunta, intitolat “Missjoni”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“L-Unjoni [...] għandha tmexxi operazzjoni militari b’appoġġ għar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), [1816 (2008) u 1838(2008)] tal-Kunsill tas-Sigurtà [...] b’mod konsistenti ma’ azzjoni permessa fir-rigward tal-piraterija skont l-Artikolu 100 et seq tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar [...] u permezz, b’mod partikolari, ta’ impenji magħmula ma’ Stati terzi (“Atalanta”) sabiex jikkontribwixxu [...]:

għall-protezzjoni tal-bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel [PDI] li jittrasportaw l-għajnuna alimentari lill-popolazzjonijiet tas-Somalja mġiegħla jħallu darhom, f’konformità mal-mandat tar-Riżoluzzjoni 1814 (2008) tal-[Kunsill tas-Sigurtà].

Għall-protezzjoni tal-bastimenti vulnerabbli li jkunu qed ibaħħru ’l barra mix-xtut tas-Somalja, kif ukoll għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja, f’konformità mal-mandat iddefinit fir-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-[Kunsill tas-Sigurtà].”

53.

Skont l-Artikolu 2 tal-Azzjoni Konġunta, intitolat “Mandat”:

“Atalanta, bil-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġi internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, u mir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008) u 1838 (2008) tal-[Kunsill tas-Sigurtà], u fil-limitu tal-kapaċitajiet disponibbli tagħha, għandha:

[…]

(e)

fid-dawl tal-prosekuzzjonijiet li qed isiru potenzjalment mill-Istati rilevanti skont il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 12, taqbad, iżżomm u tittrasferixxi persuni suspetatti li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikolu 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fiż-żoni fejn hija preżenti u taqbad il-bastimenti tal-pirati jew tal-ħallelin armati jew il-bastimenti li nħatfu wara att ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi u li jinsabu f’idejn il-pirati jew ħallelin armati, kif ukoll il-proprjetà li tinsab abbord;

[…]”

54.

L-Artikolu 10 tal-Azzjoni Konġunta, intitolat “Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-[Unjoni] u għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni.

[…]

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni minn Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat. Fejn l-[Unjoni] u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fl-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-[Unjoni], id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.

[…]

6.   Il-kondizzjonijiet għat-trasferiment, lejn Stat terz li qed jipparteċipa fl-operazzjoni, tal-persuni li nqabdu u ġew miżmuma bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenza ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat, għandhom jiġu deċiżi mal-konklużjoni jew l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ ftehim dwar il-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.”

55.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ċċitat l-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK, intitolat “Trasferiment ta’ persuni li nqabdu u nżammu bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenzi ġurisdizzjonali”, li jgħid li:

“1.   Abbażi tal-aċċettazzjoni mis-Somalja tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni minn Stati Membri jew Stati terzi, minn naħa, u l-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, min-naħa l-oħra, persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikolu 101 u 103 [tal-imsemmija konvenzjoni], li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fl-ilmijiet territorjali tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, li jinqabdu u jinżammu, bil-ħsieb li ssirilhom prosekuzzjoni, u l-proprjetà li tkunu intużat biex jitwettqu dawn l-atti, għandhom jiġu ttrasferiti:

lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istat terz parteċipanti fl-operazzjoni, li l-bastiment li jkun qabadhom itajjar il-bandiera tiegħu, jew

jekk dak l-Istat ma jistax, jew ma jixtieqx, jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu, lil Stat Membru jew kwalunkwe Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-persuni jew il-proprjetà msemmija hawn fuq.

2.   Ebda persuna msemmija fil-paragrafu 1 ma tista’ tiġi ttrasferita fi Stat terz, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dan it-trasferiment ma jkunux ġew deċiżi ma’ dan l-Istat terz b’mod konformi mal-liġi internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiġi garantit b’mod partikolari li ħadd ma jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.”

56.

Hekk kif tindika l-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Ftehim ġie adottat sabiex jimplementa l-Artikolu 12 tal-azzjoni konġunta. Il-Ftehim jipprevedi wkoll il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta’ Stat terz fl-operazzjoni Atalanta skont l-Artikolu 10(3) u (6) tal-azzjoni konġunta.

57.

Fil-kuntest tal-proċedura preżenti, xejn ma jikkontesta li, fid-dawl tal-għan tagħha u tal-kontenut tagħha, l-azzjoni konġunta taqa’ taħt il-PESK. Fl-opinjoni tiegħi, dan japplika wkoll fir-rigward tal-Ftehim u tad-deċiżjoni kkontestata li jikkostitwixxu l-estensjoni tagħha. Jien ma narax, b’mod partikolari, għal liema raġunijiet il-prinċipju stess ta’ parteċipazzjoni tal-Istati terzi fl-azzjoni tal-Unjoni intiża għad-dissważjoni, il-prevenzjoni u r-repressjoni tal-atti ta’ piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja, kif ukoll ir-regola li tgħid li t-trasferiment lejn Stat terz tal-persuni arrestati huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan l-Istat josserva d-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jaqgħu taħt il-PESK filwaqt li d-definizzjoni l-iktar preċiża tal-modalitajiet tat-trasferiment u tat-trattament tal-persuni kkonċernati toħroġ mill-qasam tal-PESK.

58.

Issa se nara fiex jikkonsisti preċiżament il-ftehim li miegħu tirrelata d-deċiżjoni kkontestata.

59.

Il-Ftehim jorganizza l-modalitajiet ta’ trasferiment tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija u tal-oġġetti relatati mill-qawwa navali mqiegħda taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-Eunavfor) lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju, jinkludi l-kundizzjonijiet tat-trattament u ta’ prosekuzzjoni ta’ dawn il-persuni u jippreċiża l-għajnuna mogħtija f’dan il-kuntest fir-Repubblika tal-Mawrizju mill-Eunavfor.

60.

L-Artikolu 1 tal-Ftehim, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“Dan il-Ftehim jiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għal

(a)

it-trasferiment ta’ persuni ssuspettati li ppruvaw iwettqu, li qed iwettqu jew li wettqu atti ta’ piraterija fiż-żona ta’ operazzjoni tal-[Eunavfor] [...];

(b)

it-trasferiment ta’ proprjetà assoċjata ssekwestrata mill-[Eunavfor] [...] lejn [ir-Repubblika tal-]Mawrizju, u

(c)

it-trattament tal-persuni ttrasferiti.”

61.

L-Artikolu 3 tal-ftehim jelenka l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment, lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju, tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija miżmuma mill-Eunavfor tal-oġġetti ssekwestrati minn din tal-aħħar. B’mod partikolari, huwa jipprevedi li t-trasferiment ta’ dawn il-persuni lejn l-awtoritajiet repressivi kompetenti tar-Repubblika tal-Mawrizju għandu jsir biss fuq deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(5) tal-Ftehim, “[k]walunkwe persuna ttrasferita għandha tiġi ttrattata b’mod uman u f’konformità mal-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkorporati fil-Kostituzzjoni [tar-Repubblika tal-]Mawrizju, inklużi l-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew il-piena krudili, inumana u degradanti, il-projbizzjoni ta’ detenzjoni arbitrarja u f’konformità mar-rekwiżit għal proċess ġust”.

62.

L-Artikolu 4 tal-ftehim jinkludi r-regoli relattivi għat-trattament, għall-prosekuzzjoni u għas-smigħ tal-persuni ttrasferiti. Fost dawn ir-regoli jinsabu d-dritt li wieħed tingħatalu deċiżjoni f’terminu raġonevoli, id-dritt għal smigħ xieraq jew anki l-garanzija tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tal-Ftehim jipprevedi l-projbizzjoni tal-piena tal-mewt għall-persuni ttrasferiti.

63.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 6 tal-ftehim jirrigwarda r-reġistri u n-notifikazzjonijiet. Huwa jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Eunavfor għandha tipprovdi lir-Repubblika tal-Mawrizju bil-fajl ta’ żamma ta’ kull persuna ttrasferita, li r-Repubblika tal-Mawrizju hija responsabbli mill-istabbiliment ta’ fajl preċiż li jikkonċerna l-persuni ttrasferiti kollha, u li r-reġistri għandhom jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Eunavfor.

64.

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-Ftehim jispeċifika l-assistenza li l-Eunavfor għandha tipprovdi lir-Repubblika tal-Mawrizju għal finijiet ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjonijiet li jikkonċernaw lill-persuni ttrasferiti. L-Eunavfor b’hekk tassisti lir-Repubblika tal-Mawrizju f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kunsinna tar-rekords stabbiliti skont l-Artikolu 6(2) tal-Ftehim, it-trattament tal-provi u l-produzzjoni tax-xhieda jew tad-dikjarazzjonijiet, taħt ġurament, tax-xhieda.

65.

Fl-Artikolu 7(3) tal-Ftehim hemm previst li “[s]afejn tali riżorsi mhumiex ipprovduti permezz ta’ donaturi finanzjarji oħra, il-Partijiet għandhom jiżviluppaw, soġġett għall-proċeduri applikabbli, arranġamenti ta’ implimentazzjoni dwar assistenza finanzjarja, teknika u assistenza oħra biex jippermettu t-trasferiment, id-detenzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-proċess tal-persuni ttrasferiti. Dawn l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għandhom jimmiraw ukoll li jkopru l-assistenza teknika u loġistika [għar-Repubblika tal-]Mawrizju fl-oqsma tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni, it-taħriġ tal-investigaturi u l-prosekuturi, il-proċeduri investigattivi u ġudizzjarji, u b’mod partikolari, l-arranġamenti għall-ħżin u l-għoti tal-evidenza u l-proċeduri tal-appell. Barra minn hekk, dawn l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni għandhom jimmiraw li jipprovdu għar-ripatrijazzjoni tal-persuni ttrasferiti f’każ ta’ ħelsien mill-akkużi jew nonprosekuzzjoni, it-trasferiment tagħhom għat-tmiem tas-sentenza fi Stat ieħor jew ir-ripatrijazzjoni tagħhom wara li jiskontaw is- sentenza ta’ priġunerija tagħhom fil-Mawrizju”.

66.

Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1) tal-Ftehim jindika li, “[g]ħall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arranġamenti implimentattivi li għandhom jiġu konklużi bejn l-awtoritajiet kompetenti [tar-Repubblika] tal-Mawrizju, minn naħa waħda, u l-awtoritajiet kompetenti tal-[Unjoni], kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Mittenti, min-naħa l-oħra”. Skont l-Artikolu 10(2)(f) tal-Ftehim, dawn il-modalitajiet ta’ applikazzjoni jistgħu b’mod partikolari jirrigwardaw “[il-provvista] ta’ appoġġ tekniku, għajnuna esperta, taħriġ u assistenza oħra msemmija fl-Artikolu 7 hawn fuq, fuq talba [tar-Repubblika] tal-Mawrizju sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ dan il-ftehim”.

67.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim jipprovdi li dan “Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sa tmiem l-Operazzjoni [Atalanta] kif innotifikat mill-[Eunavfor]”.

68.

Minn din id-deskrizzjoni tal-azzjoni konġunta u mill-Ftehim jirriżulta li teżisti rabta mill-qrib bejn l-operazzjoni militari prevista minn din tal-ewwel u d-dispożizzjonijiet relattivi għat-trasferiment u għat-trattament tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija li jinsabu fit-tieni wieħed.

69.

Il-ftehim li l-Unjoni tikkonkludi skont l-Artikoli 10(3) u 12(2) tal-azzjoni konġunta huma intiżi li jagħtu effett lir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-qasam tal-ġlieda kontra l-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja u għaldaqstant jipparteċipaw fil-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. L-azzjoni konġunta u l-Ftehim flimkien jikkostitwixxu tweġiba xierqa u koerenti għall-mistoqsijiet ifformulati mill-Kunsill tas-Sigurtà.

70.

Hekk kif tirrileva r-Repubblika Taljana, hija l-azzjoni konġunta li tipprevedi, sabiex tiggarantixxi s-suċċess tal-attività ta’ prevenzjoni u ta’ repressjoni tal-atti ta’ piraterija, li huwa indispensabbli li jiġu konklużi mal-Istati tar-reġjun il-ftehim neċessarji għall-involviment tagħhom, inklużi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni fuq il-persuni ssuspettati. Il-Ftehim għaldaqstant jista’ jitqies li huwa miżura ta’ applikazzjoni tal-azzjoni konġunta, li dan jagħmel parti integrali minnha. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 28(1) TUE jipprevedi li, “[m]eta s-sitwazzjoni internazzjonali teħtieġ azzjoni operattiva mill-Unjoni, l-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa[, liema deċiżjonijiet] għandhom jistabbilixxu [...] l-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħhom”. Il-fatt li l-ftehim jagħmel parti integrali mill-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-azzjoni konġunta diġà jikkostitwixxi ħjiel serju tar-rabta tiegħu mal-PESK.

71.

Barra minn hekk, għandha ssir insistenza fuq il-fatt li l-ftehim ta’ trasferiment huma indispensabbli għall-implementazzjoni tajba u għall-effikaċja tal-operazzjoni militari stabbilita mill-azzjoni konġunta.

72.

Fil-fatt, hekk kif tindika r-Repubblika Franċiża, il-ġlieda kontra l-piraterija ma tillimitax ruħha għall-qbid ta’ bastimenti pirati ssuspettati iżda testendi ruħha sat-trasferiment u sal-għoti tas-sentenza fir-rigward tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija. Għalhekk, minkejja li l-attivitajiet ta’ trasferiment u ta’ prosekuzzjoni tal-persuni ssuspettati koperti mill-Ftehim ma jaqgħux stricto sensu taħt l-attivitajiet militari, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn l-attivitajiet huma intrinsikament marbuta mal-operazzjoni militari Atalanta.

73.

Il-missjoni Atalanta għandha bħala għan id-dissważjoni, il-prevenzjoni u r-repressjoni tal-atti ta’ piraterija. Fil-kuntest ta’ din il-missjoni, huwa neċessarju mhux biss li l-bastimenti jiġu protetti, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, li jiġu arrestati l-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija u li sussegwentement jitressqu quddiem l-awtoritajiet kompetenti. L-għan tal-mandat ikun diffiċli sabiex jitwettaq jekk il-persuni li jkunu wettqu atti ta’ piraterija ma jkunux jistgħu jkunu suġġetti għal prosekuzzjonijiet u għaldaqstant ikunu jistgħu jerġgħu jibdew bl-attivitajiet kriminali tagħhom immedjatament.

74.

Hekk kif enfasizzat ir-Repubblika Taljana, li kieku l-identifikazzjoni u l-qbid tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija ma kinitx tissarraf fi smigħ kemm rapidu, effikaċi u li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, l-azzjoni konġunta stess tkun nieqsa minn effett utli. Altrimenti hija ma jkollha ebda effett dissważiv u ma tkunx xierqa sabiex issolvi b’mod definittiv il-problema tal-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja.

75.

Il-ftehim bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti huma essenzjali għat-twettiq tal-operazzjoni militari deċiża mill-Unjoni. Il-kontinwità bejn l-attivitajiet operazzjonali u l-attività ġudizzjarja ilha li ġiet identifikata bħala wieħed miċ-ċentri tal-gravità ta’ din l-operazzjoni militari. Mingħajr din il-kontinwità, il-prosekuzzjonijiet kontra l-pirati jsiru iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli. L-effikaċja operazzjonali tal-attivitajiet għaldaqstant tiġi mhedda u l-effett dissważiv mistenni mill-azzjoni tal-Unjoni jitnaqqas kważi għal xejn xejn ( 22 ).

76.

Il-ġlieda kontra l-piraterija tinkludi dimensjoni importanti ta’ sigurtà u militari li bilfors għandha tkun akkumpanjata minn aspett repressiv u ġudizzjarju daqstant ieħor importanti ( 23 ). Dan huwa għaliex il-komunità internazzjonali impenjat ruħha fl-iffirmar ta’ ftehim ta’ trasferiment għall-finijiet ta’ għoti ta’ deċiżjoni ma’ Stati tar-reġjun ikkonċernat, fi spirtu ta’ qsim globali tal-piż u għal raġunijiet operazzjonali ta’ interess li jsir trasferiment għal x’imkien qrib tal-post ta’ fejn jitwettaq il-ksur ( 24 ).

77.

Barra minn hekk il-Parlament stess jirrikonoxxi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima ( 25 ), li “l-issuktar tal-piraterija bl-impunità tkun ostakolu għad-deterrenza ( 26 )”.

78.

Mill-punti ta’ qabel dan jirriżulta li l-Ftehim huwa konformi mal-estensjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u tal-azzjoni konġunta, u li dan huwa intrinsikament marbut mat-twettiq tal-operazzjoni militari Atalanta. Issa ser naraw li l-għan imfittex mill-Ftehim jaqa’, bħall-azzjoni konġunta, fil-qasam tal-PESK.

79.

Mill-perspettiva tal-għan tagħhom, l-azzjoni konġunta u l-Ftehim huma strumenti li permezz tagħhom l-Unjoni implementat azzjoni deċiża fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà u intiża li tippreżerva l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. B’mod konformi ma’ dak li jipprevedu r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll l-Artikolu 12(2) tal-azzjoni konġunta, il-Ftehim għandu, b’mod iktar partikolari, l-għan li jirrikonċilja l-ġlieda effikaċi kontra l-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja mar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

80.

Il-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja tirrappreżenta theddida għas-sigurtà internazzjonali u għall-istabbiltà reġjonali. L-azzjoni tal-Unjoni hija intiża li tiġġieled kontra din il-forma ta’ kriminalità internazzjonali li kibret fl-oċean Indjan, b’mod partikolari ’l barra mix-xtut tas-Somalja u tal-Qarn tal-Afrika. Hekk kif il-Parlament irrileva, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima, iċċitata iktar ’il fuq, din “tikkostitwixxi theddida dejjem akbar għall-ħajja tal-persuni, għas-sikurezza tal-baħħara u ta’ persuni oħra, kif ukoll għall-iżvilupp reġjonali u għall-istabilità, l-ambjent tal-baħar, il-kummerċ dinji u kull-forma ta’ trasport marittimu u bastimenti ta’ kull tip, inklużi bastimenti tas-sajd, kif ukoll għat-twassil tal-għajnuna umanitarja ( 27 )”.

81.

L-azzjoni tal-Unjoni għaldaqstant hija intiża li tissalvagwardja s-sigurtà tan-navigazzjoni marittima f’din iż-żona ta’ tranżitu internazzjonali qawwi. Għalhekk, din l-azzjoni ssegwi għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà internazzjonali ’l barra mix-xtut tas-Somalja. Hija tiffavorixxi wkoll l-istabbiltà u l-paċi fir-reġjun.

82.

Mill-perspettiva tal-Unjoni, il-paraliżi tat-traffiku marittimu fil-Baħar l-Aħmar u ’l barra mill-golf ta’ Aden tagħmel lill-piraterija problema strateġika. Fil-fatt, din hija rotta marittima meqjusa fundamentali għall-provvista tal-Ewropa. B’mod iktar wiesa’, il-mobilizzazzjoni fuq livell internazzjonali kontra l-atti ta’ piraterija turi li dawn jistgħu potenzjalment jolqtu l-bastimenti kummerċjali kollha li joriġinaw minn diversi partijiet tad-dinja u, għal din ir-raġuni, jikkostitwixxu theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

83.

Fl-opinjoni tiegħi, l-għan intiż li jiġġieled kontra l-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja sabiex tinżamm il-paċi u s-sigurtà nazzjonali, u dan b’mod konformi mad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni internazzjonali mibdija mill-Kunsill tas-Sigurtà, jaqa’ taħt il-qasam tal-PESK.

84.

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li tali għan jikkorrispondi għall-finalitajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif inhuma elenkati b’mod iktar partikolari fl-Artikolu 21(2)(a) sa (c) u (h) TUE. Skont din id-dispożizzjoni:

“L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

a)

tissalvagwardja l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha;

b)

tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

c)

tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti [ ( 28 )], kif ukoll skond il-prinċipji ta’ l-Att Finali ta’ Helsinki u skond l-objettivi tal-Karta ta’ Pariġi, inklużi dawk dwar il-fruntieri esterni;

[…]

h)

tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq koperazzjoni multilaterali msaħħa u t-tmexxija globali tajba.”

85.

Huwa minnu li l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 21(2) TUE jikkostitwixxu għanijiet orizzontali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, mingħajr ma wieħed jew l-ieħor huma espressament attribwiti għall-PESK. L-identifikazzjoni tal-għanijiet tal-PESK issir iktar diffiċli billi, minn naħa, l-Artikolu 23 TUE, li jinsab fil-Kapitolu 2 dwar id-dispożizzjonijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni jagħmel riferiment għall-għanijiet orizzontali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 21(2) TUE u billi, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(1) TUE jiddefinixxi b’mod partikolarment wiesa’ u ġenerali l-qasam tal-PESK. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-kompetenza ta’ l-Unjoni f’materji ta’ [PESK] għandha tkopri l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta’ politika ta’ difiża komuni, li tista’ twassal għal difiża komuni”.

86.

Madankollu huwa indispensabbli li jiġu ddefiniti l-limiti eżistenti bejn il-PESK u l-politiki l-oħra tal-Unjoni. Dan l-obbligu jirriżulta mill-applikazzjoni tal-klawżola tan-nuqqas ta’ assenjazzjoni reċiproka bejn il-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK u skont politiki oħra tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 40 TUE.

87.

Għal dan l-għan, qabelxejn għandu jiġi osservat li l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, jiġifieri dawk elenkati fl-Artikolu 21(2)(a) sa (c) u (h) TUE, jagħmlu parti minn dawk li tradizzjonalment huma assenjati lill-PESK. F’dan ir-rigward, jiena nosserva li l-għanijiet indikati f’din id-dispożizzjoni jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li kienu assenjati lill-PESK, permezz tal-Artikolu 11(1) tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona.

88.

Sussegwentement, sa fejn l-Artikolu 21(2) TFUE jindika l-għanijiet komuni għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, sabiex jiġi determinat ma’ liema politika tal-Unjoni għandu rabta b’mod partikolari tali jew tali għan, din id-dispożizzjoni għandha tinqara b’rabta mad-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi applikabbli fil-kuntest ta’ kull politika.

89.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-għan li jirrigwarda ż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija favur l-irbit tiegħu mal-PESK.

90.

Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rabtet mal-qasam tal-PESK l-għan intiż li jiġġieled kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-finanzjament tiegħu sabiex tiġi ppreżervata l-paċi u s-sigurtà fuq il-livell internazzjonali, billi bbażat ruħha mhux biss fuq l-Artikolu 21(2)(c) TUE, u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TFUE, iżda wkoll fuq l-Artikolu 43(1) TUE.

91.

Bħal fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-fatt li l-ftehim jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li permezz tagħhom l-Unjoni timplementa azzjoni b’orjentazzjoni internazzjonali suġġetta għal numru kbir ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u intiża, b’mod inkontestabbli, li tippreżerva l-paċi u s-sigurtà internazzjonali huwa element importanti sabiex wieħed jikkunsidra li dan il-ftehim jista’ jkun marbut mal-qasam tal-PESK ( 29 ).

92.

Skont l-Artikolu 37 TUE li, kif wieħed għandu jfakkar, jikkostitwixxi l-bażi legali materjali tad-deċiżjoni kkontestata, l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali fl-oqsma kollha tal-PESK, inkluż għaldaqstant fil-qasam tal-Politika tas-Sigurtà u tad-Difiża Komuni (iktar ’il quddiem il-“PSDK”), li, hekk kif jindika l-Artikolu 42(1) TUE, tagħmel parti integrali mill-PESK.

93.

Issa, jiena nqis li, fir-rigward tal-estensjoni neċessarja tal-operazzjoni militari Atalanta, li ssegwi l-istess għan ta’ preżervazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà nazzjonali, il-ftehim jagħmel parti mill-qasam tal-PSDK.

94.

Skont l-Artikolu 42(1) TUE, il-PSDK “tipprovdi lill-Unjoni b’kapaċità operattiva billi tagħmel użu minn riżorsi ċivili u militari. L-Unjoni tista’ tużahom f’missjonijiet barra mill-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta’ konflitti u sabiex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”.

95.

Il-kontenut tal-missjonijiet tal-PSDK huwa ppreċiżat fl-Artikolu 43(1) TUE, li jgħid li “[l-]missjonijiet previsti fl-Artikolu 42[(1)], li matulhom l-Unjoni tista’ tuża mezzi ċivili u militari, għandhom jinkludu operazzjonijiet konġunti ta’ diżarm, missjonijiet umanitarji u ta’ salvataġġ, missjonijiet ta’ għoti ta’ pariri u ta’ assistenza fi kwistjonijiet militari, missjonijiet ta’ prevenzjoni ta’ konflitti u taż-żamma tal-paċi, missjonijiet ta’ forzi ta’ kumbattiment fl-immaniġġar ta’ kriżijiet, inklużi l-missjonijiet għall-istabbiliment tal-paċi u għall-istabbilizzazzjoni wara l-konflitti. Dawn il-missjonijiet kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż bl-appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom”.

96.

Il-Parlament jindika li huwa ma jifhimx fiex il-missjonijiet fdati lir-rappreżentanti tal-Unjoni u lill-Eunavfor bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, bħalma huma t-trasferiment ta’ persuni u ta’ oġġetti, il-komunikazzjoni ta’ provi, l-iffaċilitar tal-prosekuzzjonijiet u tas-sentenzi, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni, it-taħriġ tal-investigaturi u l-provvista ta’ għajnuna finanzjarja, teknika, loġistika jew għajnuna oħra lir-Repubblika tal-Mawrizju, jistgħu jaqgħu taħt waħda mill-missjonijiet speċifiċi tal-PSDK imsemmija fl-Artikoli 42 TUE u 43 TUE. Anki jekk jaċċetta li dawn il-missjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għall-għan ġenerali ta’ tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u huma marbuta mal-operazzjoni militari Atalanta, il-Parlament iqis li n-natura stess tagħhom u l-għanijiet speċifiċi tagħhom imorru lil hinn minn dawk li għalihom l-operazzjoni Atalanta ġiet stabbilita.

97.

Għall-kuntrarju, jiena nqis li l-elenkar tal-missjonijiet tal-PSDK li jinsabu fl-Artikolu 43(1) TUE huwa wiesa’ biżżejjed sabiex ikopri d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim u sabiex, konsegwentement, jiġi kkunsidrat li dan jagħmel parti integrali minn missjoni li taqa’ taħt il-PSDK.

98.

Minkejja li wieħed għandu jikkunsidra li t-trasferiment tas-suspettati u l-għoti ta’ prosekuzzjonijiet kontrihom ma jikkostitwixxux, min-natura tagħhom, attivitajiet militari, għandu jiġi rrilevat li waħda mill-karatteristiċi importanti tal-PSDK, li tirriżulta b’mod ċar mill-Artikoli 42(1) TUE u 43(1) TUE, hija li l-użu ta’ mezzi militari ma għandux jiġi limitat billi jiġi previst ukoll l-użu ta’ mezzi ċivili, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ missjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżi ( 30 ).

99.

Skont il-Parlament, il-fatt li l-ftehim huwa intiż li jiġġieled kontra forma ta’ kriminalità, u dan permezz ta’ strumenti viċini ta’ dawk użati fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, fil-kuntest tat-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar is-SLSĠ, ifisser li d-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tkun ibbażata fuq bażijiet legali li jinsabu f’dan it-Titolu, jiġifieri l-Artikoli 82 TFUE u 87 TFUE.

100.

Min-naħa tal-Kummissjoni, din issostni li l-għan prinċipali tal-ftehim huwa li jiġi evitat li l-Istati Membri kkonċernati jkollhom iwettqu l-proċeduri kriminali huma stess. Dan il-ftehim ikun jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Mawrizju billi jinħoloq kuntest legali u prattiku għall-konsenja tas-suspettati lill-Istat terz kostali għall-finijiet ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjonijiet kriminali minn dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li l-għan u l-kontenut tal-ftehim iġġustifikaw li l-Artikolu 82 TFUE jittieħed bħala bażi legali tal-konklużjoni tal-ftehim b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tiegħu essenzjalment intiża għall-kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-fatt li l-persunal militari jkun involut fl-applikazzjoni tal-ftehim ma jibdel xejn mill-konklużjonijiet li għalihom tasal il-Kummissjoni. Fil-fatt, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa, in-natura jew il-kwalità tal-attur ma hijiex importanti, iżda min-naħa l-oħra, in-natura tal-attività proposta hija kruċjali.

101.

Fl-opinjoni tiegħi, l-argument tal-Parlament u tal-Kummissjoni huwa żbaljat.

102.

Insostenn tal-ewwel aspett tal-argument tiegħu, il-Parlament isostni li l-ġlieda kontra l-kriminalità ma hijiex l-għan jew il-missjoni speċifika tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK jew tal-PSDK, iżda qasam li jaqa’ taħt is-SLSĠ. Huwa jirrileva wkoll li hija biss il-ġlieda kontra t-terroriżmu li hija msemmija fl-Artikolu 43(1) TUE.

103.

Madankollu, l-indikazzjoni li tinsab f’din l-aħħar dispożizzjoni, li tgħid li l-missjonijiet tal-PSDK jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, bl-ebda mod ma teskludi, fl-opinjoni tiegħi, li tali missjonijiet jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra forom oħra ta’ kriminalità.

104.

Barra minn hekk, kif ġustament jindika l-Kunsill, il-ġlieda kontra delitti internazzjonali li jikkostitwixxu theddid għas-sigurtà internazzjonali mwettqa barra mit-territorju tal-Unjoni, hija kwistjoni li taqa’ taħt il-PESK, inkluża, sa fejn tagħmel parti integrali minnha, il-PSDK tramite operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżi, jekk ikun il-każ.

105.

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Unjoni wettqet diversi missjonijiet ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà fil-kuntest tal-PSDK, b’mod partikolari missjonijiet ċivili, sabiex tiffaċċja theddid għas-sigurtà, inkluż theddid li jirriżulta minn attivitajiet kriminali, kif ukoll ċertu numru ta’ missjonijiet tal-pulizija u ta’ missjonijiet “Stat tad-Dritt ( 31 )”. Issa, dawn il-missjonijiet ma ġewx, u fl-opinjoni tiegħi ġustament, ikkunsidrati bħala li jirrigwardaw is-SLSĠ. L-operazzjonijiet li jitwettqu fil-kuntest tal-imsemmija missjonijiet jistgħu jirrigwardaw iż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid tal-ordni pubbliku. Il-kompiti previsti jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu t-taħriġ u t-trawwim ta’ persunal tas-sigurtà kif ukoll l-għajnuna għat-tfassil ta’ liġijiet ( 32 ).

106.

L-argument żviluppat mill-Parlament u mill-Kummissjoni fil-verità juri li d-distinzjoni bejn il-PESK u d-dimensjoni esterna tas-SLSĠ teħtieġ li tiġi kjarifikata.

107.

Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ politiki tal-Unjoni ssir diffiċli minħabba r-rabta doppja tal-ħtieġa tas-sigurtà magħhom ( 33 ). L-għanijiet ta’ salvagwardja tas-sigurtà tal-Unjoni u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali huma assenjati lill-Unjoni bħala għanijiet tal-azzjoni esterna tagħha, skont l-Artikolu 21(2)(a) u (c) TUE. Fl-istess waqt, li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà huwa wkoll għan tas-SLSĠ, skont l-Artikolu 67(3) TFUE.

108.

Madankollu, il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-PESK u tas-SLSĠ fid-dimensjoni esterna tagħha għandhom jiġu distinti sew.

109.

Kif jindika l-Kunsill, il-miżuri li jikkonċernaw is-SLSĠ, sew jekk dawn għandhom dimensjoni interna jew esterna, għandhom jittieħdu bl-għan li javvanzaw il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni. L-Artikolu 67(1) TFUE fil-fatt jipprevedi li “[l-]Unjoni għandha tikkonsisti fi [SLSĠ]”, u dan huwa wkoll rifless fl-Artikolu 3(2) TUE. Għalhekk, skont din l-aħħar dispożizzjoni, “[l‑]Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha [SLSĠ] mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha”.

110.

Il-ħolqien tas-SLSĠ favur iċ-ċittadini tal-Unjoni jeħtieġ l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenza esterna tagħha ( 34 ). Pereżempju, l-Artikolu 79(3) TFUE jagħti lill-Unjoni kompetenza esterna espliċita sabiex tikkonkludi ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 216 TFUE, l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija jew ġudizzjarja, b’mod partikolari meta dan jirriżulta neċessarju għat-twettiq ta’ għan proprju tas-SLSĠ.

111.

Huwa għaldaqstant mill-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) TUE u fl-Artikolu 67 TFUE li wieħed jista’ jidentifika liema hija d-dimensjoni esterna tas-SLSĠ. Fi kliem ieħor, id-dimensjoni esterna tas-SLSĠ hija funzjonali u strumentali fir-rigward tal-għanijiet espressi f’dawn id-dispożizzjonijiet ( 35 ). Il-politiki interni u esterni fil-qasam tas-SLSĠ huma marbuta b’mod inseparabbli. Sabiex wieħed jiddefinixxi x’jikkostitwixxi l-aspett estern fil-qasam tas-SLSĠ, għandu jittieħed kont, b’mod prijoritarju, tal-funzjonijiet politiċi interni tas-SLSĠ ( 36 ).

112.

Minn dan isegwi li, minkejja li l-kostruzzjoni ta’ dan l-ispazju tista’ teħtieġ azzjoni esterna min-naħa tal-Unjoni, hemm bżonn, sabiex ftehim ikun jista’ jitqies li jaqa’ taħt is-SLSĠ, li huwa jkollu rabta mill-qrib mal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Fi kliem ieħor, ir-rabta mas-SLSĠ tiġġustifika ruħha meta tkun teżisti rabta diretta bejn l-għan ta’ sigurtà interna tal-Unjoni u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u/jew tal-pulizija li hija żviluppata barra mill-Unjoni. Għall-kuntrarju, azzjoni tal-Unjoni għandha tkun marbuta mal-PESK meta l-għan tagħha jkun qabelxejn il-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp demokratiku f’reġjun barra mill-Unjoni ( 37 ).

113.

Id-distinzjoni, ċertament, ma hijiex dejjem evidenti, u dan tant huwa minnu li l-iżvilupp ta’ forma ta’ kriminalità f’reġjun partikolari jista’ jikkostitwixxi perikolu kemm għas-sigurtà interna tal-Unjoni u kif ukoll għall-istabbiltà tar-reġjun ikkonċernat ( 38 ). Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Programm ta’ Stokkolma ( 39 ), adottat mill-Kunsill Ewropew fl-2010, is-sigurtà interna u s-sigurtà esterna huma inseparabbli. Huwa essenzjali li t-theddid jiġi indirizzat, inkluż dak li jinsab ’il bogħod mill-kontinent tagħha, u dan għall-protezzjoni tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha ( 40 ).

114.

Xorta waħda jibqa’ l-fatt, fil-fehma tiegħi, li, peress li quddiemna għandna azzjoni tal-Unjoni li tagħmel parti minn approċċ ta’ kooperazzjoni internazzjonali mibdija mill-Kunsill tas-Sigurtà u li huwa intiż li qabelxejn tiġi miġġielda theddida li taffettwa l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, din l-azzjoni għandha tiġi adottata fil-kuntest tal-PESK.

115.

Issa, f’dan il-każ, il-Ftehim, li rajna li jagħmel parti mill-kuntest ta’ azzjoni deċiża fuq livell internazzjonali u li huwa intiż li jiġġieled kontra atti ta’ piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja sabiex jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà internazzjonali f’din iż-żona, fl-opinjoni tiegħi ma jkoprix sitwazzjoni li għandha rabta suffiċjenti mal-kostruzzjoni tas-SLSĠ.

116.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, il-fatt li l-Ftehim jipprevedi forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Eunavfor u l-awtoritajiet repressivi tar-Repubblika tal-Mawrizju, u li jkopri attivitajiet li jixbhu lil attivitajiet ta’ natura eżekuttiva jew ġudizzjarja, ma jikkostitwixxix element suffiċjenti ta’ rabta mas-SLSĠ.

117.

Fil-fehma tiegħi, huwa żbaljat li wieħed jgħid li, hekk kif it-trattament ġudizzjarju jinsab involut, dan huwa biżżejjed sabiex wieħed jintroduċi l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kamp tal-politika dwar is-SLSĠ, hawnhekk fid-dimensjoni esterna tagħha. Fil-fatt, il-PESK tista’ tinvolvi l-użu ta’ mezzi ta’ infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji sabiex tippermetti li l-għanijiet tagħha jintlaħqu. L-użu ta’ tali strumenti ma huwiex, fih innifsu, determinanti sakemm dawn jintużaw sabiex iservu l-għan taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, li inkontestabbilment jagħmel parti mill-PESK kif rajna, u mhux mill-għan proprju tas-SLSĠ.

118.

Il-missjonijiet mibdija mill-Unjoni fil-kuntest tal-PSDK huma xhieda tal-fatt li l-istrumenti tradizzjonali tas-SLSĠ jistgħu jiġu mobilizzati favur għanijiet tal-PESK. Għalhekk, il-missjonijiet internazzjonali deċiżi mill-Unjoni sabiex tiżgura ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali huma ffaċilitati mill-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal mezzi ċivili, bħalma huwa t-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja u tad-dipartimenti tal-pulizija tal-Istati terzi kkonċernati ( 41 ). L-aspett estern tas-SLSĠ huwa għaldaqstant assorbit mill-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ politika barranija tal-Unjoni favur għanijiet tal-PESK ( 42 ).

119.

Fl-aħħar nett nenfasizza li l-konstatazzjoni li tgħid li l-Ftehim huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija, bħalma jirreferi għal ftehim futur tal-partijiet sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet tal-assistenza teknika u loġistika pprovduta mill-Unjoni lir-Repubblika tal-Mawrizju għall-finijiet, b’mod partikolari, tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha, tat-taħriġ tal-investigaturi u tar-rappreżentanti tal-prosekutur pubbliku, tal-proċedura ta’ investigazzjoni u tal-proċedura ġudizzjarja, ma tippermettix li dan il-ftehim jidħol fil-qasam tas-SLSĠ. Fil-fatt, dawn il-komponenti tal-ftehim huma intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, li jagħmlu parti mill-għanijiet tal-PESK. F’dan ir-rigward, ikun paradossali li r-rieda tal-partijiet għall-ftehim li jiġi żgurat li r-ripressjoni effikaċi tal-atti ta’ piraterija ma ssirx għad-detriment tad-drittijiet fundamentali tal-awturi tagħhom tikkontribwixxi sabiex dan il-ftehim joħroġ mill-qasam tal-PESK, li, bħall-politiki l-oħra tal-Unjoni, hija suġġetta għar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

120.

L-operazzjoni militari mwettqa mill-Unjoni twassal neċessarjament għall-arrest tal-awturi ta’ atti ta’ piraterija. Li jiġu ddefiniti l-modalitajiet li skonthom dawn il-persuni għandhom jiġu ttrattati wara l-arrest tagħhom u liema destin huwa riżervat għalihom evidentement jagħmel parti mill-operazzjoni fiha nfisha. Issa, l-uniku trattament tal-persuni arrestati li huwa konformi mal-liġi huwa l-prosekuzzjoni. F’din il-perspettiva, li jiġi permess, lill-Istati li lilhom jiġu kkunsinnati l-pirati, li jagħmlu mod li l-proċeduri tagħhom ikunu konformi mad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi l-aħħar fażi iżda l-fażi essenzjali tal-operazzjoni militari mwettqa fil-kuntest tal-PESK.

121.

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li huwa b’mod korrett li l-Kunsill qies, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, li din ma kinitx taqa’ taħt is-SLSĠ fid-dimensjoni esterna tagħha u li għaldaqstant ma kellux isir użu minn waħda mill-bażijiet legali relatati ma’ din il-politika tal-Unjoni.

122.

Fl-opinjoni tiegħi, il-Ftehim lanqas ma jinkludi komponenti relattivi għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp li ġġustifika l-użu ta’ bażi legali li tidher fil-ħames parti, Titolu III, Kapitolu 1 tat-Trattat FUE.

123.

Fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill ( 43 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “sabiex miżura konkreta li tirrigwarda l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir tkun tista’ tiġi adottata mill-Komunità fil-kuntest tal-politika tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, din il-miżura għandha taqa’, kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-kontenut tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi li t-Trattat KE jattribwilha f’dan il-qasam ( 44 )”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[d]an ma jkunx il-każ meta tali miżura, anke jekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiż li qiegħed jiżviluppa, ikollha bħala għan prinċipali l-implementazzjoni tal-P[E]SK ( 45 )”.

124.

Issa, rajna li hija fil-fatt il-PESK li tikkostitwixxi ċ-ċentru tal-gravità tal-ftehim u tad-deċiżjoni kkontestata.

125.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 208(1) TFUE “[l-]objettiv prinċipali tal-politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp ta’ l-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar”.

126.

Kif jirrileva l-Kunsill, l-Artikolu 208(1) TFUE wettaq fokalizzazzjoni mill-ġdid tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b’mod li l-element essenzjali tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni jkun it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-povertà. Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 208(1) TFUE tippreċiża li “[l-]Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x’aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”. Il-politiki l-oħra tal-Unjoni, bħall-PESK, għaldaqstant għandhom jieħdu kont tal-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u għaldaqstant jistgħu jikkontribwixxu fiha, liema fatt huwa konformi mar-rekwiżit ta’ koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Konsegwentement, is-sempliċi fatt li miżura li taqa’ taħt il-PESK tista’ tipproduċi effetti pożittivi li jinċidu fuq l-iżvilupp ta’ Stat terz ma jagħmilhiex miżura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fis-sens tal-Artikolu 208 TFUE.

127.

Ċertament, taħt l-influwenza tat-trattati li ppreċedew it-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod relattivament wiesa’ l-kamp kopert mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 46 ). Tali interpretazzjoni wiesgħa madankollu għandha ċerti limiti. B’mod partikolari għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn il-miżuri intiżi għall-iżvilupp u dawk li jsegwu għanijiet oħra tal-Unjoni, bħal dawk tal-PESK. F’dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ deċiżjoni tar-Repubblika tal-Mawrizju ma huwiex għan fih innifsu, iżda huwa intiż li jrażżan b’mod effikaċi atti ta’ piraterija li jikkostitwixxu theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, u dan b’osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-awturi ta’ dawn l-atti.

128.

Kull assistenza pprovduta taħt dan il-Ftehim, b’mod partikolari dik imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (3) tiegħu, tkun tirrigwarda t-trasferiment tal-persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija, b’għan ta’ repressjoni effikaċi tal-atti ta’ piraterija, u fuq il-kapaċità tar-Repubblika tal-Mawrizju li tapplika l-ftehim skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Nosserva, barra minn hekk, li l-provvista, imsemmija fl-Artikolu 10(2)(f) tal-Ftehim, ta’ għajnuna teknika, ta’ kompetenza, ta’ taħriġ jew ta’ kull forma oħra ta’ assistenza msemmija fl-Artikolu 7 tal-istess ftehim, hija msemmija biss“sabiex jinkisbu l-objettivi [tal-imsemmi] ftehim”. L-assistenza prevista mill-Ftehim għaldaqstant ma tmurx lil hinn mill-għanijiet li għalihom l-operazzjoni Atalanta ġiet stabbilita. Għaldaqstant, din bl-ebda mod ma għandha bħala għan l-iżvilupp tar-Repubblika tal-Mawrizju u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix miżura ta’ żvilupp li taqa’ taħt l-Artikoli 208 TFUE u 209 TFUE.

129.

It-tip ta’ assistenza ma hijiex determinanti u ebda wieħed ma jappartjeni, min-natura tiegħu, għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp ( 47 ). F’dan ir-rigward, assistenza bħalma hija “l-assistenza teknika u loġistika [għar-Repubblika tal‑]Mawrizju fl-oqsma tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni, it-taħriġ tal-investigaturi u l-prosekuturi, il-proċeduri investigattivi u ġudizzjarji ( 48 )” tista’ perfettament tiġi pprovduta fil-kuntest tal-PESK, u b’mod partikolari fil-kuntest tal-PSDK kif rajna iktar ’il quddiem, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

130.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, peress li, fil-Ftehim, ma nistax insib komponenti dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, id-deċiżjoni kkontestata ġustament ġiet ibbażata fuq l-Artikolu 37 TUE mingħajr ma kienet appoġġata minn bażi legali li taqa’ taħt il-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

131.

Billi d-deċiżjoni kkontestata kienet ġustament fondata unikament fuq bażi legali dwar il-PESK, il-ftehim relatat magħha għandu jitqies li huwa jikkonċerna esklużivament il-PESK fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE. L-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ dan il-ftehim għaldaqstant la teħtieġ l-approvazzjoni u lanqas il-konsultazzjoni tal-Parlament.

II – Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE

132.

Permezz tat-tieni motiv tiegħu, il-Parlament jikkritika lill-Kunsill li ma “[informahx] immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”, kuntrarjament għal dak li jeħtieġ l-Artikolu 218(10) TFUE.

133.

B’mod prinċipali, il-Kunsill isostni li l-motiv huwa inammissibbli sa fejn, fir-rigward ta’ ftehim li jikkonċerna esklużivament il-PESK, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tivverifika jekk huwa osservax jew le l-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni. Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ruħha li għandha ġurisdizzjoni sabiex tivverifika l-osservanza, mill-Kunsill, tal-imsemmija dispożizzjoni, dan isostni li ma jista’ jikkritikaha b’ebda ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE.

134.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja “m’għandhiex ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward [tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK], ħlief għall-kompetenza tagħha li tissorvelja l-konformità ma’ l-Artikolu 40 [TUE] u sabiex tikkontrolla l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 275 [TFUE]”.

135.

Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni “fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi [tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK]”. Madankollu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE, “il-Qorti għandha tkun kompetenti sabiex timmonitorja r-rispett taa’ l-Artikolu 40 tat-[TUE] u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 [TFUE] dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE]”.

136.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, minkejja li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK tibqa’ r-regola, din ma taħrabx totalment mill-viġilanża tal-qorti tal-Unjoni.

137.

Huwa stabbilit li l-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi r-regoli dwar in-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali kollha. B’mod partikolari, ir-regola prevista fl-Artikolu 218(10) TFUE li tgħid li “[l-]Parlament [...] għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura” tapplika għall-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni. Minkejja li din id-dispożizzjoni għaldaqstant hija orjentata sabiex tapplika b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni fil-qasam tal-PESK, din bl-ebda mod ma hija dispożizzjoni li tikkonċerna l-PESK, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Dan l-ewwel motiv ta’ ġurisdizzjoni għaldaqstant għandu jiġi eskluż.

138.

Barra minn hekk, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ċertament, kif rajna iktar ’il quddiem, att adottat, minn perspettiva materjali, abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, minn dan madankollu ma jirriżultax, fl-opinjoni tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara ruħha bħala li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ l-osservanza, mill-Kunsill, ta’ modalità proċedurali, bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 218(10) TFUE, li hija applikabbli għall-ftehim internazzjonali kollha u li l-applikazzjoni tagħha għall-ftehim internazzjonali konklużi fil-qasam tal-PESK ma hijiex eskluża b’mod espress.

139.

Minkejja li l-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-istħarriġ tal-osservanza, mill-Kunsill, tal-Artikolu 218(10) TFUE għaldaqstant għandu, fil-fehma tiegħi, jintlaqa’, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha, meta din tkun tinsab fil-preżenza ta’ ftehim li jikkonċerna esklużivament il-PESK kif inhu l-każ fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu kont tan-natura speċifika tar-regoli u tal-proċeduri li għalihom hija suġġetta l-PESK, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE.

140.

Ċertament, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, “[i]l-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv hija r-riflessjoni, fuq il-livell Komunitarju, ta’ prinċipju demokratiku fundamentali, li l-popli jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa permezz tal-intermedarju ta’ assemblea rappreżentattiva ( 49 )”. Madankollu, fl-istess waqt, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet biss tikkonstata li l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona kienu għamlu l-għażla li jagħtu “rwol iktar limitat lill-Parlament fir-rigward tal-azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK ( 50 )”.

141.

Issa, waħda mir-regoli u l-proċeduri speċifiċi fil-qasam tal-PESK hija li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, l-approvazzjoni jew il-konsultazzjoni tal-Parlament ma humiex meħtieġa meta l-ftehim inkwistjoni jikkonċerna esklużivament il-PESK.

142.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-modalitajiet u l-preċiżjoni tal-informazzjoni li minnhom għandu jibbenefika l-Parlament skont l-Artikolu 218(10) TFUE ma jistgħux ikunu l-istess skont jekk il-ftehim inkwistjoni jikkonċernax esklużivament jew le l-PESK. Fi kliem ieħor, jiena naħseb li l-Kunsill jista’ leġittimament jinħtieġ jipprovdi b’mod iktar rapidu u iktar dettaljat, lill-Parlament, informazzjoni dwar ftehim internazzjonali meta din l-istituzzjoni tintalab tagħti l-approvazzjoni jew tintalab tiġi kkonsultata skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, milli meta ebda approvazzjoni u ebda konsultazzjoni tal-Parlament ma tkun meħtieġa. Fil-fatt, sabiex jagħti opinjoni informata, il-Parlament bilfors għandu jkollu informazzjoni ddettaljata biżżejjed u f’temp utli, u huwa jkun ġustifikat jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim fl-assenza ta’ din l-informazzjoni.

143.

F’kull każ, il-verifika, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-osservanza mill-Kunsill tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 218(10) TFUE għaldaqstant għandha, fl-opinjoni tiegħi, issir b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-ftehim ikkonċernat u tas-setgħat li l-Parlament għandu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, sabiex jinfluwenza l-kontenut materjali ta’ dan il-ftehim.

144.

Minkejja dan, li wieħed jaċċetta li l-intensità tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 218(10) TFUE tista’ tvarja skont l-involviment li minnu jgawdi l-Parlament fil-proċedura relattiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, ma għandux iwassal sabiex wieħed jaċċetta li l-Parlament jiġi mċaħħad minn informazzjoni suffiċjenti meta l-ftehim ikkonċernat ikun jikkonċerna esklużivament il-PESK. Infakkar, fil-fatt, li, minkejja li dan jista’ jvarja skont il-każ, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 218(10) TFUE japplika b’mod ġenerali, inkluż għaldaqstant fil-qasam tal-PESK.

145.

Barra minn hekk, wieħed ma għandux jinsa li, minkejja li għandu rwol limitat fil-qasam tal-PESK, u biss meta ftehim ikun jikkonċerna esklużivament il-PESK, il-Parlament madankollu għandu dritt ta’ skrutinju fuq din il-politika, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 36 TUE ( 51 ).

146.

Issa ser nara f’liema mumenti l-Parlament ġie informat bin-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim.

147.

Fit-22 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill awtorizza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà sabiex jiftaħ negozjati sabiex jiġu konklużi ftehim ta’ trasferiment ma’ diversi Stati terzi, fosthom ir-Repubblika tal-Mawrizju.

148.

Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kunsill informa lill-President tal-Parlament b’din id-deċiżjoni, billi indikalu li huwa ser iżommu informat, meta jasal il-waqt, bil-konklużjoni tal-ftehim ta’ trasferiment inkwistjoni.

149.

In-negozjati wasslu, fit-12 ta’ Lulju 2011, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kunsill awtorizza l-iffirmar tal-Ftehim.

150.

Il-Ftehim ġie ffirmat fl-14 ta’ Lulju 2011.

151.

Id-deċiżjoni kkontestata u l-Ftehim ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Settembru 2011.

152.

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill informa lill-President tal-Parlament bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u bl-iffirmar tal-Ftehim.

153.

Il-Parlament jikkritika lill-Kunsill, minn naħa, li ma żammux informat matul il-fażi ta’ negozjati tal-Ftehim u, min-naħa l-oħra, li stenna iktar minn tliet xhur qabel ma informah bid-deċiżjoni kkontestata u l-Ftehim.

154.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-ilmenti ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

155.

Fil-fatt, l-ewwel nett, jiena nqis li l-Artikolu 218(10) TFUE jimplika metodu effettiv ta’ informazzjoni min-naħa tal-Kunsill lill-Parlament. B’hekk, l-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni ma jistax, fil-fehma tiegħi, jitqies li huwa sodisfatt bis-sempliċi pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. Issa, jiena nikkonstata li l-Kunsill informa lill-President tal-Parlament dwar il-ftuħ tan-negozjati, u sussegwentement dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonstatata u dwar l-iffirmar tal-Ftehim b’mod dirett u personali.

156.

It-tieni nett, kif indikajt iktar ’il quddiem, il-Kunsill ma jistax jinħtieġ, meta l-ftehim ikkonċernat ikun jikkonċerna esklużivament il-PESK, li jinforma lill-Parlament b’mod daqstant dettaljat milli jekk l-approvazzjoni jew il-konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar kienu meħtieġa. B’mod partikolari, sa fejn il-Parlament ma kienx mitlub jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-kontenut tal-ftehim, li huwa jiġi informat dwar l-iżvilupp tan-negozjat ma kienx obbligatorju.

157.

It-tielet nett, fir-rigward tat-terminu ta’ tliet xhur li għadda qabel ma d-deċiżjoni kkontestata u l-Ftehim ġew ikkomunikati mill-Kunsill lill-Parlament, jiena nosserva li kien iktar konformi mal-ispirtu tal-Artikolu 218(10) TFUE li l-Parlament jiġi informat qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-Ftehim f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li t-terminu inkwistjoni, għal raġunijiet esposti iktar ’il quddiem li juru li l-ftehim inkwistjoni jikkonċerna esklużivament il-PESK, la jikkawża preġudizzju lill-prerogattivi tal-Parlament u lanqas ma seta’ jkollu impatt fuq il-kontenut tal-Ftehim, jiena nqis li l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jikkonstata ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE ma humiex sodisfatti.

III – Konklużjoni

158.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors; u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż, u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) C‑130/10.

( 3 ) ĠU L 254, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Ftehim”.

( 5 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 80).

( 6 ) Il-korsiv miżjud minni.

( 7 ) Għal eżempju ta’ att fondat fuq diversi bażijiet legali, ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/308/PESK, tas-26 ta’ April 2012, dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Trattat ta’ Ħbiberija u Kooperazzjoni fl-Asja tax-Xlokk (ĠU L 154, p. 1). Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 37 TUE u 31(1) TUE u tal-Artikoli 209 TFUE, 212 TFUE kif ukoll il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE.

( 8 ) Opinjoni 2/00 tas-6 ta’ Diċembru 2001 (Ġabra p. I‑9713, punt 5).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑137/12, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ibidem (punt 53).

( 11 ) Iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”.

( 12 ) ĠU L 301, p. 33. Azzjoni konġunta kif emendata fl-aħħar lok qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/766/PESK, tas-7 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 327, p. 49), iktar ’il quddiem l-“azzjoni konġunta”.

( 13 ) L-aħħar premessa ta’ din ir-riżoluzzjoni.

( 14 ) It-tieni premessa ta’ din ir-riżoluzzjoni.

( 15 ) It-tnax-il premessa ta’ din ir-riżoluzzjoni.

( 16 ) Punt 2 tar-Riżoluzzjoni 1816 (2008).

( 17 ) Punt 3 ta’ din ir-riżoluzzjoni.

( 18 ) Konvenzjoni li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994 u konkluża u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar”).

( 19 ) Punt 2 ta’ din ir-riżoluzzjoni.

( 20 ) Punt 11 ta’ din ir-riżoluzzjoni. Ara wkoll il-punt 14 tar-Riżoluzzjoni 1846(2008).

( 21 ) Id-disa’ premessa tar-Riżoluzzjoni 1851(2008).

( 22 ) Ara l-intervent ta’ D. Lenoir, “Atalante et l’action de l’Union européenne contre la piraterie”, fil-kuntest tat-tielet diskussjoni bejn partijiet indaqs (round table) — Azzjoni, intervenzjoni, sanzjoni tal-jum ta’ studju tas-7 ta’ Diċembru 2009 bit-tema “Il-piraterija: ‘theddida strateġika’ jew ‘epifenomenu’?”, organizzata mill-Fondation pour la recherche strategique, p. 61.

( 23 ) Ara I. Bosse-Platière, “Le volet judiciaire de la lutte contre la piraterie maritime en Somalie: les accords de transfert conclus par l’Union européenne avec des États tiers”, p. 11, Les différentes facettes du concept juridique de sécurité – Mélanges en l’honneur du Professeur Pierre-André Lecocq, université Nord Lille 2, 2011, p. 101.

( 24 ) Ara r-Rapport tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali, għall-kwistjonijiet legali marbuta mal-piraterija ’l barra mix-xtut tas-Somalja (punt 65).

( 25 ) 2011/2962(RSP).

( 26 ) Punt 10.

( 27 ) Premessa C ta’ din ir-riżoluzzjoni.

( 28 ) Karta ffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 76), kif ukoll il-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza.

( 30 ) Kif kienet diġà tindika l-i“Strateġija ewropea għas-Sigurtà – Ewropea sigura f’dinja aħjar”, adottata fi Brussell fit-12 ta’ Diċembru 2003, “l-ebda waħda mit-theddid il-ġdid mhi purament militari; u l-ebda waħda ma tista’ tiġi ttrattata b’mezzi purament militari. Kull waħda tirrikjedi taħlita ta’ strumenti” (p. 7).

( 31 ) Niċċita, pereżempju, l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, tal-4 ta’ Frar 2008, dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 42, p. 92); l-assistenza pprovduta lill-Iraq fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/330/PESK, tal-14 ta’ Ġunju 2010, dwar il-Missjoni Integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX-IRAQ (ĠU L 149, p. 12); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK, tas-16 ta’ Lulju 2012, dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) (ĠU L 187, p. 40), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK, tas-16 ta’ Lulju 2012, dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 187, p. 48).

( 32 ) Sa mill-Kunsill Ewropew ta’ Santa Maria da Feira tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2000, l-Unjoni żviluppat id-dimensjoni ċivili tal-PSDK. L-operazzjonijiet imnedija f’dan il-kuntest kellhom l-għan li jipprovdu lill-Istati f’sitwazzjoni postkunflittwali jew ikkaratterizzati minn istituzzjonijiet dgħajfa assistenza sabiex tippermettilhom jikkonsolidaw ir-regoli tagħhom tad-dritt u/jew jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom bl-għan li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata jew li jiġu kkontrollati l-fruntieri esterni tagħhom b’mod iktar effikaċi. Ara F. Trauner, “The internal-external security nexus: more coherence under Lisbon?”, Occasional Paper, ISS, Marzu 2011, p. 16.

( 33 ) Ara E. Neframi, “L’aspect externe de l’espace de liberté, de sécurité et de justice: quel respect des principes et objectifs de l’action extérieure de l’Union?”, La dimension extérieure de l’espace de liberté, de sécurité et de justice de l’Union européenne après le traité de Lisbonne, Bruylant, 2013, p. 509, speċjalment p. 521.

( 34 ) Il-Programm ta’ Den Haag: tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, C 53, p. 1) b’hekk jindika li s-setgħat kollha tal-Unjoni, inklużi r-relazzjonijiet esterni, għandhom jintużaw b’mod integrat u koerenti għall-finijiet li jiġi stabbilit is-SLSĠ.

( 35 ) Ara I. Govaere u V. Demedts, “Quelle définition de l’‘externe’ en matière d’ELSJ? Le cadre et les enjeux”, La dimension extérieure de l’espace de liberté, de sécurité et de justice de l’Union européenne après le traité de Lisbonne, Bruylant, 2013, p. 483, speċjalment p. 497.

( 36 ) Ibidem (p. 508).

( 37 ) Ara S. Biolley, “Coopération policière dans l’Union européenne”, Jurisclasseur Europe, Faxxikolu 2680, punt 114.

( 38 ) Idem.

( 39 ) Il-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU 2010, C 115, p. 1).

( 40 ) Ara l-punt 7, intitolat: “L-Ewropea f’dinja globalizzata — Id-dimensjoni esterna tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja”. F’dan ir-rigward il-Kunsill Ewropew jindika li huwa “jirrikonoxxi li l-PESD u bosta azzjonijiet esterni marbutin fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għandhom objettivi kondiviżi u komplementari. Il-missjonijiet tal-PESD jagħtu wkoll kontribut importanti lis-sigurtà interna tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali serja fil-pajjiżi ospitanti tagħhom u fil-bini ta’ rispett għall-istat tad-dritt” (punt 7.1). Din hija r-raġuni għaliex il-Kunsill Ewropew “jinkoraġġixxi aktar koperazzjoni u koerenza bejn il-politika fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja u l-PKSD biex jippromwovi dawn l-objettivi kondiviżi” (idem).

( 41 ) Is-sinerġija bejn l-istrumenti tradizzjonali tas-SLSĠ u l-PESK, fid-dimensjoni PSDK tagħha, hija enfasizzata fi “Strateġija ta’ Sigurtà Interna għall-Unjoni Ewropea — Lejn mudell Ewropew ta’ Sigurtà”, adottata mill-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni” fil-25 u s-26 ta’ Frar 2010 u approvata mill-Kunsill Ewropew fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2010, li tindika li huwa “importanti ferm ukoll li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tal-korpi tal-Ġustizzja, Libertà u Sigurtà fl-istadji kollha tal-missjonijiet ċivili ta’ mmaniġġar tal-kriżijiet, sabiex huma jkun jista’ jkollhom rwol fir-riżoluzzjoni ta’ konflitti billi jaħdmu flimkien mas-servizzi l-oħrajn kollha involuti fil-post (servizzi militari, diplomatiċi, ta’ emerġenza, eċċ.)” (p. 30). Għaldaqstant teżisti rabta mill-qrib u kumplimentarità bejn id-dimensjoni esterna tas-SLSĠ u l-PSDK. Jekk il-kooperazzjoni ma’ Stati terzi hija kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sigurtà interna tal-Unjoni, bl-istess mod il-missjonijiet PSDK jistgħu jservu l-għanijiet tas-SLSĠ mhux biss billi jipprovdu informazzjoni rilevanti għas-sigurtà interna, iżda wkoll billi jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-viċinat tal-Unjoni (ara, dwar dan l-aspett, S. Wolff u G. Mounier, “The external dimension of JHA: A new dimension of EU diplomacy”, Freedom, Security and Justie after Lisbon and Stockholm, TMC Asser Press, 2011).

( 42 ) Ara E. Neframi, op. cit., p. 527.

( 43 ) C-91/05, Ġabra p. I-3651.

( 44 ) Punt 71.

( 45 ) Punt 72.

( 46 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C-268/94, Ġabra p. I-6177, punti 23 sa 29 u 37 sa 39); tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C-403/05, Ġabra p. I-9045, punti 56 sa 58); u tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 64 sa 70).

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 104 u 105).

( 48 ) Ara l-Artikolu 7(3) tal-Ftehim.

( 49 ) Punt 81.

( 50 ) Punt 82.

( 51 ) Għalhekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 TUE jipprovdi li “[r-] Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li għandu jikkonsulta regolarment mal-Parlament [...] dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-[PESK] u tal-[PSDK] u jinformah bl-evoluzzjoni ta’ din il-politika. Hu għandu jassigura li l-opinjonijiet tal-Parlament [...] jiġu kkunsidrati kif dovut. Ir-rappreżentanti speċjali jistgħu jkunu involuti fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament [...]”. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 36 TUE ikompli billi jippreċiża li l-Parlament “jista’ jagħmel mistoqsijiet jew rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill jew lir-Rappreżentant Għoli. Għandu jkollu dibattitu darbtejn fis-sena dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-[PESK], inkluża l-[PSDK]”.