KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2013 ( 1 )

Kawżi C‑625/11 P u C‑626/11 P

Polyelectrolyte Producers Group GEIE,

SNF SAS

vs

L‑Aġenzija Ewropea għas‑Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“Appell — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Rikors prematur — Rikors tardiv — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) — Regolament (KE) Nru 1907/2006 — Artikoli 57 u 59 — Sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni — Identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna — Inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati — Pubblikazzjoni tal-lista fuq is-sit tal-internet tal-ECHA — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dies a quo — Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Dekadenza”

1. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tieħu konjizzjoni, permezz tal-appelli ppreżentati f’dawn iż-żewġ kawżi u li dawn il-konklużjonijiet qed jittrattaw flimkien, ta’ sitwazzjoni għalkollox partikolari. Fil-fatt, żewġ rikorsi għal annullament ippreżentati mill-istess atturi kontra l-istess “deċiżjoni” tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), li tidentifika sustanza, f’dan il-każ l-akrilammid, bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, waslu għall-adozzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ta’ żewġ digrieti ta’ inammissibbiltà, jiġifieri d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2011, PPG u SNF/ECHA (T‑1/10, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat fil-Kawża T‑1/10”), kif ukoll PPG u SNF/ECHA (T‑268/10, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat fil-Kawża T‑268/10”) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digrieti appellati”), bl-ewwel wieħed jiċħad wieħed mir-rikorsi għaliex prematur u t-tieni jiċħad ir-rikors l-ieħor għaliex tardiv.

2. 

Permezz ta’ żewġ appelli distinti, ir-rikorrenti fiż-żewġ proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li qed isostnu b’mod partikolari li nkiser id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sabiex tannulla l-imsemmija digrieti, billi jikkunsidraw li kemm il-konstatazzjoni tan-natura prematura tal-ewwel rikors kif ukoll il-konstatazzjoni tan-natura tardiva tat-tieni wieħed huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

3. 

Il-leġiżlazzjoni rilevanti f’dawn iż-żewġ kawżi, jiġifieri l-Artikolu 59(10) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ( 2 ), f’dan il-każ tipprevedi li d-deċiżjoni inkwistjoni tal-ECHA tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA.

4. 

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, minn naħa, teżamina qabel xejn u għall-ewwel darba, wieħed mill-proċessi deċiżjonali stabbiliti bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 sabiex tiddetermina jekk l-atti adottati fil-kuntest tal-imsemmi proċess jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Sussegwentement, hija għandha teżamina l-kwistjoni jekk l-Artikolu 263 TFUE jipprekludix, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑1/10, li rikorrent jippreżenta rikors għal annullament kontra att, adottat wara l-imsemmi proċess deċiżjonali u ppubblikat fuq l-internet, malli jsir jaf bl-imsemmi att u b’hekk saħansitra qabel ma dan tal-aħħar kien suġġett għall-miżuri ta’ pubbliċità previsti mir-Regolament Nru 1907/2006.

5. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti deċiżjoni, hawnhekk ukoll għall-ewwel darba, dwar il-metodi kif jiġu kkalkolati t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra atti ppubblikati biss fuq l-internet jew, b’mod iktar eżatt, fejn ikun previst li dawn ikunu suġġetti mhux għal pubblikazzjoni, imma biss għal miżura ta’ pubbliċità fuq l-internet. F’termini iktar preċiżi, hija għandha ssolvi l-kwistjoni jekk l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprevedi li t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-atti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jibdew jiddekorru biss mill-erbatax-il jum minn dik il-pubblikazzjoni, jistax ikun applikabbli għall-pubblikazzjoni ta’ atti fuq l-internet.

I – Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti appellati

A – Il-fatti li wasslu għaż-żewġ rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali

6.

Iż-żewġ rikorsi għal annullament li huma s-suġġett ta’ appelli jafu l-oriġini komuni tagħhom lid-deċiżjoni li permezz tagħha l-ECHA, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, qiegħdet lill-akrilammid, sustanza kkunsidrata bħala ta’ tħassib serju ħafna, fil-lista ta’ sustanzi identifikati sabiex eventwalment jiġu inklużi fl-Anness XIV għar-Regolament Nru 1907/2006 ( 3 ).

7.

Miż-żewġ digrieti appellati jirriżulta li Polyelectrolyte Producers Group GEIE huwa grupp li jirrappreżenta l-interessi tal-kumpanniji produttriċi u/jew importatriċi tal-polielettroliti, tal-poliakrilammid u/jew ta’ polimeri oħrajn li fihom l-akrilammid, li fost il-membri tiegħu jgħodd lill-kumpannija SNF SAS ( 4 ).

8.

Fil-25 ta’ Awwissu 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat lill-ECHA fajl dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza karċinoġena u mutaġenika, li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a) u (b) tar-Regolament Nru 1907/2006, u li kellha tidher fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati biex tiġi inkluża fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament, li jelenka s-sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni.

9.

Fis-27 ta’ Novembru 2009, il-Kumitat tal-Istati Membri li quddiemu tressaq il-fajl skont l-Artikolu 59(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, laħaq ftehim unanimu dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna sa fejn hija tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57(a) u (b) tal-imsemmi regolament.

10.

Fis-7 ta’ Diċembru 2009, l-ECHA ppubblikat stqarrija għall-istampa li kienet tħabbar l-imsemmi ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri kif ukoll l-aġġornament, tax-xahar ta’ Jannar 2010, tal-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati.

11.

Fit-22 ta’ Diċembru 2009, id-direttur eżekuttiv tal-ECHA adotta d-Deċiżjoni ED/68/2009 li kienet tipprevedi l-pubblikazzjoni, għat-13 ta’ Jannar 2010, tal-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati aġġornata u li ssemmi lill-akrilammid.

B – Iż-żewġ kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali

12.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-appellanti kellhom jippreżentaw iż-żewġ rikorsi fil-Kawżi T‑1/10 u T‑268/10.

13.

Bl-ewwel rikors, ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2010 fil-Kawża T‑1/10, is-suġġett tal-appell fil-Kawża C‑626/11 P, l-appellanti talbu “[l]-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu [akrilammid] bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, skont l-Artikolu 59 ta’ dak ir-regolament” ( 5 ). Fil-5 ta’ Jannar 2010, SNF ressqet ukoll, permezz ta’ att separat, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, irreġistrata bin-numru T‑1/10 R.

14.

Bid-digriet tal-11 ta’ Jannar 2010, il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ b’mod provviżorju t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

15.

Fit-13 ta’ Jannar 2010, l-ECHA ppubblikat stqarrija għall-istampa oħra li kienet tħabbar l-inklużjoni ta’ erbatax-il sustanza fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati u li kienet tirriżerva l-każ tal-akrilammid skont id-digriet ta’ sospensjoni tal-11 ta’ Jannar 2010.

16.

Fit-18 ta’ Marzu 2010, l-ECHA ppreżentat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑1/10.

17.

B’digriet tas-26 ta’ Marzu 2010, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mressqa minn SNF u rriżerva l-ispejjeż.

18.

Fit-30 ta’ Marzu 2010, l-ECHA ppublikat fuq is-sit tal-internet tagħha, il-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati aġġornata u li kienet issemmi lill-akrilammid.

19.

B’rikors ieħor, ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2010, fil-Kawża T‑268/10, is-suġġett tal-appell fil-Kawża C‑625/11 P, l-appellanti talbu “[l]-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA, ippubblikata fit-30 ta’ Marzu 2010, li tidentifika l-akrilamidu [akrilammid] bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li tinkludi l-akrilamidu [akrilammid] fil-lista ta’ [identifikazzjoni tas-]sustanzi kandidati” ( 6 ).

20.

Fil-5 ta’ Novembru 2010, l-ECHA ppreżentat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑268/10. Fit-18 ta’ Jannar 2011, l-ECHA ppreżentat ukoll nota komplementari għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha.

C – Id-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10 (rikors iddikjarat prematur)

21.

Bid-digriet appellat tagħha fil-Kawża T‑1/10, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-ECHA u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors tal-appellanti bħala inammissibbli. Minn naħa, hija kkundannat ukoll lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-ECHA u, min-naħa l-oħra, ikkundannat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tagħhom. Fl-aħħar nett, hija kkundannat lil SNF għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

22.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li fid-data meta ġie ppreżentat ir-rikors, fl-4 ta’ Jannar 2010, l-akrilammid kien għadu ma ġiex inkluż fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati. Ċertament, f’dik id-data, il-Kumitat tal-Istati Membri kien laħaq il-ftehim unanimu tiegħu dwar l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna u d-direttur eżekuttiv tal-ECHA kien adotta d-deċiżjoni tiegħu li din is-sustanza tiġi inkluża fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati. Madankollu, id-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni kien previst biss għat-13 ta’ Jannar 2010 ( 7 ). Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata mill-appellanti fid-data meta ġie ppreżentat ir-rikors tagħhom ma kinitx intiża sabiex tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi ( 8 ). Fil-fatt, peress li l-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati teżisti biss fis-sit tal-internet tal-ECHA, huwa biss bl-inklużjoni fl-imsemmija lista ppubblikata fuq l-imsemmi sit tal-internet li l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna huwa intiż biex jipproduċi effetti legali ( 9 ).

D – Id-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10 (rikors iddikjarat tardiv)

23.

Bid-digriet appellat tagħha fil-Kawża T‑268/10, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ppreżentati b’mod prinċipali mill-ECHA fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, u għaldaqstant ċaħdet ir-rikors tal-appellanti bħala inammissibbli. Hija wkoll, minn naħa, ikkundannat lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-ECHA u, min-naħa l-oħra, ikkundannat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħhom.

24.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-deċiżjoni li kienet tidentifika lill-akrilammid bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li kienet tinkludi lill-akrilammid fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati ( 10 ), kienet ġiet ippubblikata mill-ECHA fuq is-sit tal-internet tagħha fit-30 ta’ Marzu 2010, skont l-obbligu li kellha abbażi tal-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006 ( 11 ), u li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra tagħha kien jiskadi fid-9 ta’ Ġunju 2010 ( 12 ). Billi r-rikors ġie ppreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2010, għaldaqstant huwa ġie ppreżentat b’mod tardiv ( 13 ) u billi l-appellanti ma invokawx l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri ( 14 ), ir-rikors kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli ( 15 ).

25.

Il-Qorti Ġenerali qagħdet ukoll attenta li żżid, ladarba kienet ġiet ikkonstatata t-tardività tar-rikors, li l-appellanti ma setgħux jinvokaw il-possibbiltà li seta’ kien hemm żball skużabbli ( 16 ).

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

26.

Ir-rikorrenti fiż-żewġ proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali ppreżentaw appell miż-żewġ digrieti appellati, l-ewwel wieħed, irreġistrat fis-6 ta’ Diċembru 2011, bin-numru C‑625/11 P, mid-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10 li ddikjara li r-rikors kien tardiv, u t-tieni wieħed, irreġistrat bin-numru C‑626/11 P, mid-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10 li ddikjara li r-rikors kien prematur.

27.

B’ittri ppreżentati fit-23 ta’ Diċembru 2011, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li kien intervjena insostenn tal-ECHA fiż-żewġ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, iddikjara li kien se jkompli jsostni lill-ECHA fil-kuntest taż-żewġ appelli, mingħajr madankollu ma xtaq iżid xi elementi ġodda bil-miktub.

28.

L-appellanti u l-appellati kif ukoll il-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta, komuni għaż-żewġ kawżi, li saret fl-14 ta’ Diċembru 2012, u li matulha huma ġew mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar ir-rilevanza tal-punt 8 tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni ( 17 ) għall-finijiet tal-appell fil-Kawża C‑626/11 P.

29.

Fl-appell tagħhom fil-Kawża C‑625/11 P, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10,

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, jew

b’mod sussidjarju, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament tagħhom, u

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż sostnuti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

30.

L-ECHA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell infondat u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

31.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

32.

Fl-appell tagħhom fil-Kawża C‑626/11 P, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10,

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, jew

b’mod sussidjarju, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament tagħhom, u

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż sostnuti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

33.

L-ECHA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell infondat u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

34.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

III – Fuq l-appelli

A – Osservazzjonijiet preliminari dwar il-funzjoni tal-pubblikazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni u b’mod partikolari dwar l-użu tal-internet għal dan il-għan

35.

Qabel xejn, għandu jiġi osservat li l-validità tal-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006, sa fejn jipprevedi li l-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati tiġi “ppubblikata” u “aġġornata” fuq is-sit tal-internet tal-ECHA “wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ sustanza [fl-imsemmija lista]” ma ġietx ikkontestata fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li din il-kwistjoni se tibqa’ eskluża mid-dibattiti fil-kuntest ta’ dan l-appell.

36.

Madankollu, jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni li, kif se jingħad iktar ’il quddiem, tinsab bilfors fil-qalba tal-kwistjonijiet imqajma miż-żewġ appelli, sa fejn hija tiddefinixxi l-avveniment li abbażi tiegħu l-Qorti Ġenerali ddikjarat li ż-żewġ rikorsi kienu inammissibbli, tqajjem ċertu numru ta’ mistoqsijiet li, fil-fehma tiegħi u għall-inqas sa ċertu punt, ma jistgħux jiġu injorati.

37.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-funzjoni tal-pubblikazzjoni ta’ att tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, li tirriżulta mir-rekwiżit taċ-ċertezza legali, huwa qabel xejn li l-partijiet ikkonċernati jiġu mgħarrfa, b’mod preċiż u eżatt, xi tkun il-portata tal-obbligi li dan jimponi fuqhom ( 18 ), jekk ikun il-każ, kif ukoll il-mument minn meta dawn tal-aħħar jibdew, normalment ( 19 ), jipproduċu l-effetti legali tagħhom, b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jieħdu passi konsegwentement ( 20 ) u jeżerċitaw, jekk ikun il-każ u b’għarfien sħiħ tal-fatti inkwistjoni, id-dritt tagħhom li titressaq kawża kontra l-imsemmi att.

38.

Bl-istess mod, il-pubblikazzjoni li tissodisfa rekwiżiti formali li l-osservanza tagħhom hija wkoll suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ), tippermetti wkoll li tiġi stabbilita b’mod ċert id-data minn meta jiġi preżunt li l-partijiet ikkonċernati saru jafu bil-kontenut tal-atti li jistgħu jaffettwawhom u b’hekk, ħlief għal eċċezzjoni ( 22 ), id-data minn meta jistgħu b’mod ċert u b’hekk għandhom jiġu kkalkolati t-termini li fihom jingħalqu r-rikorsi kontra tagħhom, fl-interess taċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, anki jekk dik il-pubblikazzjoni ma tkunx kundizzjoni għall-applikabbiltà tagħhom.

39.

Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-opinjoni tiegħi jeżiġi, li jiġu evalwati l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi fil-każ ta’ dubju jew ta’ diffikultà, b’tali mod li jiġi ffavorit l-eżami fil-mertu tagħhom u għalhekk aċċess sħiħ għall-qorti, dejjem suġġett għad-drittijiet u għall-interessi tal-partijiet l-oħra fil-proċedura. Dan l-approċċ għandu għalhekk iwassal lill-qorti li lilha jkun ġie ppreżentat rikors biex tastjeni milli tinterpreta d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-termini għall-preżentata ta’ rikors b’mod wisq rigoruż u, f’kull każ, biex tiċħad interpretazzjoni ostili għall-ammissibbiltà tiegħu ( 23 ).

40.

Barra minn hekk, din hija r-raġuni għaliex, skont ġurisprudenza stabbilita, hija normalment id-data tal-pubblikazzjoni effettiva ta’ att li minnha jibdew jiddekorru t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra dan tal-aħħar, anki meta r-rikorrent ikun sar jaf bil-kontenut ta’ dan tal-aħħar qabel ma jkun ġie ppubblikat, billi d-data meta r-rikorrent ikun sar jaf bl-att bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għandha natura sussidjarja meta pparagunata mad-data tal-pubblikazzjoni jew mad-data tan-notifikazzjoni tal-att ( 24 ).

41.

Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni, issa għandha tiġi eżaminata l-formalità speċifika tal-“pubbliċità” tad-“deċiżjonijiet” ta’ inklużjoni tas-sustanzi fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati, permezz tal-aġġornament tal-imsemmija lista fuq is-sit tal-internet tal-ECHA, kif ġie previst mill-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006, li inevitabbilment għandha tiġi pparagunata mal-kontenut tal-“avviż legali” inkluż mill-ECHA fl-imsemmi sit tal-internet. Skont dak li dan l-avviż legali jikkwalifika bħala “disclaimer”, l-ECHA tiddikjara b’mod partikolari li, “ma taċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni [fis-sit tal-internet tagħha]”, filwaqt li tippreċiża li “ma jistax jiġi ggarantit li dokument disponibbli fuq is-sit huwa replika eżatta ta’ test adottat uffiċjalment” ( 25 ). Huwa pjuttost diffiċli li dan id-“disclaimer” ma tittiħidx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-portata u tal-effetti ta’ dik il-formalità speċifika ta’ pubbliċità.

42.

L-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006 jista’ jinqara bħala dispożizzjoni li tipprevedi ċerta “pubbliċità” għall-kontenut ta’ “deċiżjoni”, inċidentalment mhux identifikata b’mod suffiċjentement preċiż. Din id-dispożizzjoni, però, ma tistax, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tirregola din il-pubbliċità fuq l-internet ( 26 ) u li tagħti l-possibbiltà, b’mod partikolari, li jiġu żgurati b’ċertezza d-dati meta l-informazzjoni ttellgħet fuq l-internet ( 27 ) kif ukoll l-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabbiltà tal-informazzjoni mtella’ fuq l-internet ( 28 ), tiġi assimilata ma’ “pubblikazzjoni” reali bil-konsegwenzi legali kollha li jirriżultaw minnha ( 29 ).

43.

Biex sit tal-internet ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jwettaq tabilħaqq obbligu ta’ pubblikazzjoni fis-sens strett tat-terminu, dan għandu jkun imsejjes fuq bażijiet tekniċi tali li jiggarantixxu li “disclaimer” bħal dik li tkopri s-sit tal-internet tal-ECHA tkun, għall-inqas għal parti mill-kontenut tal-imsemmi sit, deċiżament mhux neċessarja ( 30 ).

44.

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi dik il-pubbliċità tad-deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati, mhux bilfors jimplika li din teskludi kwalunkwe miżura ta’ pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, inkluż fuq l-internet. Il-Bord tat-Tmexxija tal-ECHA jista’ tabilħaqq, mingħajr ma jikser din id-dispożizzjoni, jipprevedi, fir-Regoli tal-Proċedura tal-ECHA, skont is-setgħat li jagħtih l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1907/2006, obbligu li jiġu ppubblikati, fis-sens strett tat-terminu, l-imsemmija deċiżjonijiet.

45.

Biex nikkonkludi dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jiġi enfasizzat li billi l-validità ta’ metodu ta’ pubblikazzjoni bħal dak previst fl-Artikolu 59(10) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma ġietx ikkontestata f’din il-kawża, l-appelli tal-appellanti ma għandhomx jiġu evalwati abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ din ix-xorta. Madankollu, u fid-dawl tal-importanza li fiż-żewġ kawżi għandhom dik il-pubblikazzjoni kif ukoll id-data meta saret il-pubblikazzjoni, inqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet għandu jkollhom rwol fl-evalwazzjoni ġenerali taż-żewġ appelli.

B – L-appell fil-Kawża C‑626/11 P (digriet appellat fil-Kawża T‑1/10 li ddikjara li r-rikors kien prematur)

1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

46.

Essenzjalment, l-appellanti jinvokaw aggravju uniku bbażat fuq allegat żball ta’ interpetazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006 li wassal għal ksur tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

47.

F’termini iktar preċiżi, huma qed jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija “l-inklużjoni” effettiva tal-akrilammid fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati, kif tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA, li tikkostitwixxi l-uniku att li huwa intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 u mhux l-identifikazzjoni tiegħu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ġie mmaterjalizzat u mgħarraf lilhom bl-istqarrija għall-istampa ppubblikata mill-ECHA fis-7 ta’ Diċembru 2009.

48.

L-ECHA, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, issostni, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri li kienet tidentifika lill-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna kienet biss deċiżjoni preparatorja li ma kinitx intiża li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi, billi l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ sustanzi kandidati aġġornata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA biss setgħet tipproduċi dawn l-effetti.

2. Analiżi

49.

Qabel xejn, għandu jiġi enfasizzat, li skont id-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10, ir-rikors tal-appellanti ġie miċħud bħala inammissibbli biss minħabba li, fid-data meta dan ġie ppreżentat, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx intiża li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi ( 31 ). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 45 ta’ dan id-digriet, li l-imsemmija deċiżjoni ma setgħetx tipproduċi effetti qabel id-dħul fis-seħħ, previst għat-13 ta’ Jannar 2010, tad-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-ECHA, li kienet tagħti segwitu lill-ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri, biex l-akrilammid jiġi inkluż fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA.

50.

Il-motivi tad-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10 huma vvizzjati b’diversi żbalji ta’ liġi.

51.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel xejn li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(3) FA ( 32 ), li jippreċiżaw il-formalitajiet, jiġifieri l-pubblikazzjoni jew in-notifikazzjoni, li minnhom jibdew jiddekorru t-termini għall-preżentatata ta’ rikors għal annullament, ma jipprekludux li rikorrent jippreżenta rikors kontra att minn meta ngħata dan tal-aħħar, mingħajr ma joqgħod jistenna l-pubblikazzjoni jew in-notifikazzjoni tiegħu.

52.

Xejn, fid-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jipprekludi l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza f’dan il-każ.

53.

Anzi, mill-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponi li jiġi rikonoxxut lil kull persuna d-dritt li tippreżenta rikors għal annullament kontra att, sakemm l-imsemmi att ikun intiż sabiex jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi u għalhekk ikun jista’ jaffettwaha u li l-parti kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà tar-rikors, mill-mument li ssir taf bl-awtur, bil-kontenut jew bil-motivi tal-imsemmi att, mingħajr ma tiġi invokata kontriha n-natura prematura tal-imsemmi rikors, anki meta l-imsemmi att ikun għad irid jiġi ppubblikat jew innotifikat u b’hekk saħansitra qabel ma jkunu twettqu dawn il-formalitajiet eventwali.

54.

Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament għandu jkun possibbli fir-rigward ta’ kwalunkwe att tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni li jkun intiż biex jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi ( 33 ), jiġifieri effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tagħhom billi jimmodifikaw b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom ( 34 ), bl-imsemmija effetti jkollhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi marbuta mas-sustanza stess tal-imsemmi att ( 35 ), filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu ( 36 ).

55.

Madankollu, sa fejn, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tal-kundizzjonijiet li jkun sar fihom, att ikun intiż, b’mod definittiv u mhux ekwivoku ( 37 ), biex jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi, dan ikun att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, irrispettivament mill-pubblikazzjoni jew min-notifikazzjoni tiegħu.

56.

Il-pubblikazzjoni ta’ att, kif jirriżulta minn ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija kundizzjoni tal-infurzabbiltà tiegħu ( 38 ), li minħabba f’hekk tagħti bidu għad-dekorrenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra tiegħu. Jekk il-pubblikazzjoni ta’ att tagħti bidu għad-dekorrenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors biex l-imsemmi att isir definittiv meta dawn it-termini jiskadu, min-naħa l-oħra hija ma hijiex kundizzjoni tal-intitolament għad-dritt li titressaq kawża kontra l-imsemmi att.

57.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna, adottat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, jinvolvi obbligi legali, b’mod partikolari, l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikoli 7(2), 31(1)(ċ) u (3)(b), kif ukoll 33(1) u (2) tar-Regolament Nru 1907/2006 ( 39 ). Min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet li li l-korp tal-ECHA responsabbli mill-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati ma għandu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ din l-inklużjoni, sakemm ikun hemm ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri ( 40 ).

58.

Il-Qorti Ġenerali madankollu kkonkludiet li l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna ma kienx intiż sabiex jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi qabel l-inklużjoni tal-imsemmija sustanza fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA ( 41 ) u b’mod iktar preċiż, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tad-direttur tal-ECHA li kienet tordna l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati ( 42 ). Minn dan hija kkonkludiet b’mod formali li t-terminu “għall-preżentata ta’ rikors kontra l-att ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna […] jibda jiddekorri biss mill-‘pubblikazzjoni’ tal-lista ta’ [identifikazzjoni tas-]sustanzi kandidati li tinkludi lil dik is-sustanza”.

59.

B’hekk, hija tabilħaqq id-data effettiva tal-pubblikazzjoni tal-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati fuq is-sit tal-internet tal-ECHA, u b’mod iktar preċiż id-data tal-aġġornament ta’ dik il-lista, li tikkoinċidi mad-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni, li ġiet ikkunsidrata mill-Qorti Ġenerali bħala li tikkostitwixxi l-bidu obbligatorju tad-dekorrenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors f’dan il-każ ( 43 ) u li fuq il-bażi tagħha hija kkonkludiet li r-rikors tal-appellanti kien wieħed prematur.

60.

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat kemm il-portata u l-effetti tal-pubblikazzjoni tal-atti tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

61.

Konsegwentement, meta kkonkludiet li r-rikors għal annullament tal-appellanti kontra d-deċiżjoni tal-ECHA dwar l-inklużjoni tal-akrilammid fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati kien prematur sa fejn dan kien ġie ppreżentat qabel il-pubblikazzjoni tal-imsemmija lista fuq is-sit tal-internet tal-ECHA, il-Qorti Ġenerali għamlet żball fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

62.

Għandu jingħad ukoll li, kif inċidentalment sostnew kemm ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, hija d-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-ECHA li sustanza tiġi inkluża fil-lista ta’ identifkazzjoni tas-sustanzi kandidati li għandha tiġi kkunsidrata bħala l-att definittiv li jagħlaq il-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

63.

Il-pubblikazzjoni tal-lista aġġornata ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati fuq is-sit tal-internet tal-ECHA hija biss l-operazzjoni materjali li permezz tagħha id-deċiżjoni definittiva tal-ECHA tiġi mgħarrfa lill-partijiet ikkonċernati ( 44 ), anki jekk hija dik l-operazzjoni li tikkundizzjona f’dan il-każ l-infurzabbiltà tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar u tiffissa d-data li minnha jibdew jiddekorru t-termini ta’ dekadenza tar-rikorsi kontra tagħha.

64.

Fl-aħħar nett, fl-assenza ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ informazzjoni uffiċjali dwar l-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati, bħall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-ECHA jew in-notifikazzjoni tagħha lill-partijiet ikkonċernati li jkunu ssottomettew l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 59(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn dawn tal-aħħar minn mindu jkunu saru jafu b’tali inklużjoni huwa iktar u iktar iġġustifikat.

65.

Għaldaqstant, id-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10 għandu jiġi annullat u l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi u l-argumenti l-oħra invokati mill-partijiet u b’mod partikolari dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà l-oħra invokati mill-ECHA fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li jekk il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rikors tal-appellanti jkun ammissibbli, dik il-konklużjoni twassal awtomatikament għall-inammissibbiltà, minħabba lis alibi pendens, tar-rikors ippreżentat minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-Kawża T‑268/10, li kienet is-suġġett tal-appell fil-Kawża C‑625/11 P li biħsiebni neżamina issa, sakemm dan l-appell jintlaqa’ u l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali.

C – L-appell fil-Kawża C‑625/11 P (digriet appellat fil-Kawża T‑268/10 li ddikjara li r-rikors kien tardiv)

1. Sunt tal-argumenti tal-partijiet

66.

Essenzjalment, l-appellanti qed jinvokaw aggravju uniku bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha kif ukoll fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors li wassal għal ksur tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Huma jsostnu li t-terminu ta’ 14-il jum previst f’dik id-dispożizzjoni għandu jiġi applikat għal kull att “ippubblikat”, ikun xi jkun il-mod kif jiġi applikat, u mhux biss għall-atti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

67.

Min-naħa l-oħra l-ECHA, sostnuta f’kull punt mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tikkunsidra li t-terminu ta’ 14-il jum previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi applikat fil-każ ta’ pubblikazzjoni ta’ att fuq l-internet. Billi r-regoli tal-Unjoni dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors għandhom jiġu applikati b’mod strett, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi estiż apparti minn b’emenda tar-Regoli tal-Proċedura, inkella jkun qed jinkiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-ECHA tinsisti wkoll, f’dan ir-rigward, dwar id-differenza bejn il-pubblikazzjoni fuq l-internet u pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

68.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tenfasizza li l-appellanti qed jillimitaw irwieħhom, fil-kuntest tal-appell tagħhom, għad-denunzja tat-trattament diskriminatorju jew arbitrarju li huma ġew suġġetti għalih. Issa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑268/1, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikat f’dan il-każ fir-rigward tal-appellanti, li ma jiħux inkunsiderazzjoni t-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jiġi applikat bla ebda distinzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe parti li tkun fl-istess sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

2. Analiżi

69.

Qabel xejn, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti bħala inammissibbli minħabba dekadenza, għaliex it-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha ma setax jiġi applikat, lil hinn mill-kliem tiegħu, għal atti li, bħal dak ikkontestat f’dan il-każ, jiġu ppubblikati mhux f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea imma biss fuq l-internet ( 45 ), filwaqt li ġie ppreċiżat li f’dan il-każ ma seta’ jiġi rikonoxxut l-ebda żball skużabbli ( 46 ).

70.

Il-motivi tad-digriet appellat fil-Kawża T‑168/10 wkoll huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

71.

Għandu jiġi osservat li la r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 47 ), ma jinkludu dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 102(1) tiegħu b’mod speċifiku fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ atti ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi u ta’ organi tal-Unjoni fuq l-internet.

72.

B’mod ferm iktar ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tirregola l-pubblikazzjoni fuq l-internet tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, b’tali mod li għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li timla dan il-vojt billi tiggarantixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 48 ), filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt u, issa, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni ( 49 ), kif ġie interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li kienet iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

73.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 50 ), kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tfakkar ( 51 ), jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għal qorti, li d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi aspett partikolari tiegħu, ma huwiex assolut u għandu limitazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, fosthom l-iffissar tat-terminu ta’ dekadenza ( 52 ).

74.

Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li jekk il-persuni għandhom jistennew li r-regoli dwar l-ammissibbiltà jiġu applikati, dawn tal-aħħar għandu jkollhom għan leġittimu u għandhom jibqgħu proporzjonati u b’hekk ma jistgħux jirrestrinġu d-dritt għal smigħ tagħhom b’mod jew sa tali punt li tiġi ppreġudikata s-sustanza tad-dritt tagħhom ( 53 ). L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma għandhiex timpedixxi li dawn il-persuni jagħmlu użu minn rimedju disponibbli ( 54 ).

75.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipju li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, b’mod ġust, tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni t-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u b’hekk tiddikjara li r-rikors tal-appellanti kien tardiv, mingħajr ma tagħtihom il-benefiċċju ta’ żball skużabbli.

a) Fuq il-kwistjoni jekk it-terminu ta’ erbatax-il jum japplikax għall-atti ppubblikati fuq l-internet

76.

F’dan ir-rigward, qabel xejn għandu jiġi osservat li d-diċitura stess tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma hijiex nieqsa mill-ambigwità, sa fejn din id-dispożizzjoni tibda biex issemmi l-pubblikazzjoni tal-atti b’mod ġenerali biex imbagħad, in fine, tirreferi biss għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

77.

Konsegwentment, jista’ jiġi kkunsidrat, bil-kontra ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, li dik id-dispożizzjoni ma tirregolax b’mod speċifiku l-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-“atti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea” imma tirregola b’mod ġenerali, il-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-atti ppubblikati, b’kuntrast b’mod partikolari għall-atti innotifikati. Il-preċiżazzjoni dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’hekk hija sa ċertu punt kontinġenti, billi hija tikkostitwixxi residwu minn żmien meta l-internet kien għadu ma jeżistix jew meta l-pubblikazzjoni ta’ att setgħet tiġi kkonċepita biss f’edizzjoni bilfors stampata ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

78.

L-analiżi testwali intrinsika ta’ dik id-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali biss madankollu ma tistax tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni ta’ prinċipju li tqajmet b’din il-kawża u, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tagħha ( 55 ).

79.

F’dan il-każ, it-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jaf l-oriġini tiegħu lin-neċessità li jiġi żgurat li l-persuni kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom l-istess terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jibda jiddekorri, mhux mid-data tal-edizzjoni uffiċjali tal-imsemmi Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif normalment ikun hemm imniżżel fuq kull waħda mill-ħarġiet tiegħu, imma mid-data meta jista’ jiġi raġonevolment preżunt li l-imsemmi Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jkun tabilħaqq disponibbli, peress li normalment ikun wasal fl-Istati Membri tal-Unjoni kollha. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja, kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni elettronika tal-imsemmi Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi kkunsidrata bħala forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja suffiċjenti biex tiġi żgurata l-infurzabbiltà tagħha ( 56 ).

80.

Dan it-terminu ta’ erbatax-il jum b’hekk għandu jiżgura, fid-dawl tal-istess funzjoni tal-pubblikazzjoni msemmija iktar ’il fuq, l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha tal-Unjoni. B’hekk, b’ċertu mod, huwa jikkostitwixxi terminu fiss ta’ inattività li jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kawżi għal annullament.

81.

Konsegwentement, il-fatt biss li tkun prevista l-pubblikazzjoni ta’ att fuq l-internet ma jawtorizzax, għalhekk, li jiġi “injorat” it-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Anzi, u fl-assenza ta’ dispożizzjoni li tirregola espressament il-pubblikazzjoni ta’ atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni fuq l-internet, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmi terminu għandu, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u fl-assenza ta’ raġunijiet kategoriċi li jgħidu l-kontra ( 57 ), jiġi kkunsidrat bħala applikabbli għall-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-atti kollha ppubblikati tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ikun xi jkun il-mod kif issir il-pubblikazzjoni inkwistjoni.

b) Fuq l-iżball skużabbli

82.

Kien x’kien il-każ, u lil hinn minn din l-interpretazzjoni pro actione tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għandha tkun din tal-aħħar li tevalwa l-iżball skużabbli li jistgħu jagħmlu l-appellanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

83.

Fil-fatt, jekk huwa minnu li l-kunċett ta’ “żball skużabbli” huwa intiż biss għal ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir tali li, waħdu jew b’mod determinanti, iwassal għal konfużjoni ammissibbli fil-moħħ tal-individwu in bona fide u li jkun eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment informata ( 58 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu qadgħet ukoll attenta li tippreċiża ( 59 ) li hija ma tistax tiġi limitata għal dan il-każ biss u li jista’ jirriżulta minn kull xorta ta’ ċirkustanza eċċezzjonali ( 60 ).

84.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-iżball tal-appellanti “kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata kemm tal-Artikolu 102(2) […] kif ukoll tal-Artikolu 101(1) [tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali]”, dispożizzjonijiet li ma joħolqu l-ebda diffikultà biex jiġu interpretati.

85.

Issa, jekk huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fid-digriet iċċitat mill-Qorti Ġenerali ( 61 ), iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors ma toħloqx diffikultà partikolari biex tiġi interpretata, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qed tirreferi biss għall-metodi kif jiġu kkalkolati l-imsemmija termini. Minn dan id-digriet biss ma jistax jiġi dedott li l-kwistjoni tal-kalkolu tat-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni ppubblikati biss fuq l-internet hija għalkollox ċara u ma tħalli spazju għall-ebda dubju raġonevoli.

86.

L-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espliċita u ta’ kwalunkwe ġurisprudenza speċifika dwar il-metodi kif jiġu kkalkolati t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni ppubblikati biss fuq l-internet, anzi, kellu jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ sabiex tevalwa, fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni ta’ żball skużabbli.

87.

L-ambigwità tad-diċitura tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, flimkien mal-fatt li d-diliġenza li biha l-appellanti ħasbu li kellhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li titressaq kawża ġiet issanzjonata b’digriet mogħti dakinhar stess u li ddeċieda li r-rikors tagħhom kien inammissibbli għaliex prematur, kellu jwassal lill-Qorti Ġenerali biex f’dan il-każ taċċetta l-iżball skużabbli.

88.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha meta kkonkludiet li r-rikors għal annullament tal-appellanti kontra d-deċiżjoni tal-ECHA dwar l-inklużjoni tal-akrilammid fil-lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati kien tardiv u li din it-tardività ma kinitx ikkawżata minn żball skużabbli.

89.

Għaldaqstant, id-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10 għandu jiġi annullat u l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi u l-argumenti l-oħra invokati mill-partijiet; madankollu, għandu jitfakkar li l-imsemmi rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba lis alibi pendens jekk ir-rikors fil-Kawża T‑1/10, irrinvijat quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġi ddikjarat ammissibbli.

IV – Konklużjoni

90.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skont kif ġej:

Fil-Kawża C‑625/11 P:

(1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2011, PPG u SNF vs ECHA (T‑268/10) huwa annullat.

(2)

Il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

Fil-Kawża C‑626/11 P:

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2011, PPG u SNF vs ECHA (T‑1/10) huwa annullat.

(2)

Il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“lista ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi kandidati”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem “SNF”.

( 5 ) Punt 8 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10.

( 6 ) Punt 11 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10.

( 7 ) Punt 45 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10.

( 8 ) Ibidem (punti 41 u 46).

( 9 ) Ibidem (punt 50).

( 10 ) Punt 11 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10.

( 11 ) Ibidem (punt 31).

( 12 ) Ibidem (punt 39).

( 13 ) Ibidem (punt 40).

( 14 ) Ibidem (punt 42).

( 15 ) Ibidem (punt 43).

( 16 ) Ibidem (punt 41).

( 17 ) 172/83 u 226/03, Ġabra p. 2831.

( 18 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita (C-108/01, Ġabra p. I-5121, punt 95) kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma‑Lux (C-161/06, Ġabra p. I-10841, punt 38).

( 19 ) Dwar l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tan-nuqqas ta’ retroattività, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, Ġabra p. 69, punti 19 u 20) kif ukoll tad-9 ta’ Jannar 1990, SAFA (C-337/88, Ġabra p. I-1, punt 13).

( 20 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich (C-345/06, Ġabra p. I-1659, punti 42 sa 44).

( 21 ) Ara b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, fejn għandhom x’jaqsmu l-pubblikazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Racke (punt 15) u SAFA (punt 12); għal każ ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet, ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C-221/01, Ġabra p. I-7835, punti 44 u 45).

( 22 ) Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑335/09 P) u Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑336/09 P).

( 23 ) Ara, dwar dan l-approċċ, magħruf sew, b’mod partikolari fi Spanja, bħala prinċipju pro actione, C. Sáez Lara, “Tutela judicial efectiva y proceso de trabajo”, f’M. E. Casas Baamonde u M. Rodríguez-Piñero y Bravo-Ferrer, Comentarios a la Constitución española, Wolters Kluwer 2008, p. 603.

( 24 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C-122/95, Ġabra p. I-973, punti 35 sa 39); u d-digriet tal-25 ta’ Novembru 2008, TEA vs Il‑Kummissjoni (C-500/07 P, Ġabra p. I-161, punti 21 sa 23).

( 25 ) Din id-dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà, ikkonsultata fid-data meta saret is-seduta, hija aċċessibbli b’mod permanenti, permezz ta’ link li jinsab f’qiegħ kull paġna tas-sit (http://echa.europa.eu/mt/legal-notice).

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Skoma‑Lux, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).

( 27 ) B’differenza, b’mod partikolari, ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 58(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

( 28 ) Għal finijiet ta’ paragun, huwa l-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jiżgura ruħu mill-awtentiċità ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ara l-Artikolu 3(1)(a) tad-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, tas-26 ta’ Ġunju 2009, dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, p. 41)

( 29 ) Dawn ir-rekwiżiti elementari jsostnu r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013, tas-7 ta’ Marzu 2013, dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, p. 1); ara, b’mod partikolari, il-premessi 8 u 10 kif ukoll l-Artikoli 2(1) u 4(1). Ara wkoll il-Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ippreżentata mill-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2011 [COM(2011) 162 finali], punti 1.1 u 1.3 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, il-premessa 8 u l-Artikoli 1(2), u 2(1) u (2) tal-Proposta.

( 30 ) L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 216/2013/UE dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tipprevedi, f’dan ir-rigward, li l-effetti legali ta’ dik il-pubblikazzjoni elettronika jkunu msejsa fuq firma elettronika bbażata fuq ċertifikat maħluq b’tagħmir li joħloq firem siguri skont id-Direttiva 1999/93/[KE] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 1999, dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 239).

( 31 ) Ara b’mod partikolari, il-punti 41 u 46 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10.

( 32 ) Ara s-sentenza Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 8).

( 33 ) Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, Ġabra p. 263, punti 39 u 42) kif ukoll tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punt 24).

( 34 ) Ara s-sentenza tat-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639, punt 9).

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Planet (C‑314/11 P, punti 94 u 95).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C-362/08 P, Ġabra p. I-669, punt 58).

( 37 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1982, Il‑Ġermanja u Bundesanstalt für Arbeit vs Il‑Kummissjoni (44/81, Ġabra p. 1855, punti 8 sa 12).

( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 1974, König (185/73, Ġabra p. 607, punt 6); Racke, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15); Skoma‑Lux, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37); Heinrich, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43), u tat-12 ta’ Lulju 2012, Pimix (C‑146/11, punt 33).

( 39 ) Ara l-punt 42 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10.

( 40 ) Ara l-punt 46 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10.

( 41 ) Ibidem (punti 45 u 50).

( 42 ) Ara l-punti 7 u 45 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10.

( 43 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 50 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑1/10.

( 44 ) Ara, f’dan l-istess sens, id-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2011, Verein Deutsche Sprache vs Il‑Kunsill (C‑93/11 P, punt 26).

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 34 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10.

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 41 tad-digriet appellat fil-Kawża T‑268/10.

( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja l-ġodda, kif approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta’ Settembru 2012, redatt f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ara wkoll id-dispożizzjonijiet identiċi tal-Artikolu 81(1) tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tad-19 ta’ Ġunju 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 6, p. 3).

( 48 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, eżami mill-ġdid ta’ Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 40 sa 46).

( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑389/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 119).

( 50 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta’ Ottubru 1998, Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja (rikors Nru 28090/95, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1998‑VIII, punt 44) u tas-6 ta’ Diċembru 2011, Anastasakis vs Il‑Greċja (rikors Nru 41959/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, punt 24).

( 51 ) Ara d-digriet tas-16 ta’ Ottubru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni (C-73/10 P, Ġabra p. I-11535, punt 53) u s-sentenza eżami mill-ġdid ta’ Arango Jaramillo et vs BEI (iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

( 52 ) Ara d-digrieti tas-17 ta’ Mejju 2002, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C-406/01, Ġabra p. I-4561, punt 20) u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni (iċċitat iktar ’il fuq, punti 48 sa 50).

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-19 ta’ Diċembru 1997, Brualla Gómez de la Torre vs Spanja (rikors Nru 26737/95, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1997‑VIII, p. 2955, punt 33) u Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

( 54 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-16 ta’ Novembru 2000, S.A. “Sotiris u Nikos Koutras ATTEE” vs Il‑Greċja (rikors Nru 39442/98, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2000‑XII, punt 20), kif ukoll Anastasakis vs Il‑Greċja (iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

( 55 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Eismann (C-217/94, Ġabra p. I-5287, punt 16); tas-16 ta’ Jannar 2003, Maierhofer (C-315/00, Ġabra p. I-563, punt 27) u tal-15 ta’ Lulju 2004, Harbs (C-321/02, Ġabra p. I-7101, punt 28).

( 56 ) Ara s-sentenza Skoma‑Lux, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 sa 50).

( 57 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ April 1979, Orlandi vs Il‑Kummissjoni (117/78, Ġabra p. 1613, punti 10 u 11).

( 58 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni (C-195/91 P, Ġabra p. I-5619, punt 26); id-digrieti tas-27 ta’ Novembru 2007, Diy‑Mar Insaat Sanayi ve Ticaret u Akar vs Il‑Kummissjoni (C-163/07 P, Ġabra p. I-10125, punt 36); tal-14 ta’ Jannar 2010, SGAE vs Il‑Kummissjoni (C-112/09 P, Ġabra p. I-351, punt 20); kif ukoll Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 42).

( 59 ) Ara s-sentenza Bayer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).

( 60 ) Ara d-digriet SGAE vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 29).

( 61 ) Ara d-digriet Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq (punt 21).