KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑555/11

Enosi Epangelmation Asfaliston Ellados (EEAE),

Syllogos Asfalistikon Praktoron N. Attikis (SPATE),

Panellinios Syllogos Asfalistikon Symyoulon (PSAS),

Syndesmos Ellinon Mesiton Asfaliseon (SEMA),

Panellinios Syndesmos Syntoniston Asfalistikon Symyoulon (PSSAS)

vs

Ypourgos Anaptyxis, Antagonistikotitas kai Naftilias,

Omospondia Asfalistikon Syllogou Ellados

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja)]

“Dritt ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti s-servizzi — Direttiva 2002/92/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Medjazzjoni fl-assigurazzjoni — Esklużjoni tal-attivitajiet eżerċitati minn impriża ta’ assigurazzjoni jew minn impjegat tagħha — Possibbiltà għall-imsemmi impjegat li jeżerċita okkażżjonalment attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkostitwixxi l-ewwel kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta d-Direttiva 2002/92/KE dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, li tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-aċċess għall-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u t-twettiq tagħhom minn persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-Unjoni Ewropea ( 2 ).

2. 

Id-domanda magħmula hija essenzjalment intiża sabiex jinkisbu kjarifikazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva ( 3 ). Skont din id-dispożizzjoni, l-attivitajiet ta’ medjazzjoni ma għandhomx jitqiesu bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni meta jitwettqu minn impriża ta’ assigurazzjoni jew impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ impriża ta’ assigurazzjoni.

3. 

Il-kawża oriġinat minn kwistjoni bejn, minn naħa, l-Enosi Epangelmation Asfaliston Ellados (EEAE) (l-Unjoni tal-professjonisti tal-assigurazzjoni tal-Greċja) u assoċjazzjonijiet professjonali oħra fil-qasam tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, jiġifieri Syllogos Asfalistikon Praktoron N. Attikis (SPATE), Panellilnios Syllogos Asfalistikon Symyoulon (PSAS), Syndesmos Ellinon Mesiton Asfaliseon (SEMA) u Panellinios Syndesmos Syntoniston Asfalistikon Symyoulon (PSSAS) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“EEAE et”) u l-Ypourgos Anaptyxis, Antagonistikotitas kai Naftilias (Ministru tal-Iżvilupp) u l-Omospondia Asfalistikon Syllogou Ellados (il-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Assiguraturi tal-Greċja, iktar ’il quddiem l-“OASE”).

4. 

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-EEAE et ikkontestaw il-konformità mad-Direttiva 2002/92 tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni, inkwantu l-imsemmija miżuri jiksru l-eżerċizzju tal-professjoni tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni indipendenti fil-Greċja. Kif jirriżulta mill-proċess, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kull impjegat ta’ impriża tal-assigurazzjoni huwa awtorizzat jeżerċita okkażżjonalment u bla ħsara għall-osservanza tal-limitu tad-dħul, attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni mingħajr ma jkun suġġett għar-rekwiżiti applikabbli skont l-imsemmija direttiva.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 2002/92

5.

Skont il-premessi 9, 13 u 14 tad-Direttiva 2002/92:

“(9)

Tipi differenti ta’ persuni jew istituzzjonijiet, bħal aġenti, sensara u operaturi ta’ ‘bancassurance’, jistgħu jqassmu prodotti ta’ assigurazzjoni. Ugwaljanza fit-trattament bejn operaturi u l-protezzjoni tal-klijent teħtieġ li dawn il-persuni kollha jew istituzzjonijiet ikunu koperti b’din id-Direttiva.

[…]

(13)

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal persuni li jipprattikaw medjazzjoni fl-assigurazzjoni bħala attività anċillari taħt ċertu kondizzjonijiet stretti.

(14)

L-Intermedjarji ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom ikunu reġistrati ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ikollhom ir-residenza tagħhom jew l-uffiċċju prinċipali tagħhom, sakemm jikkonforma ma’ ħtiġiet stretti professjonali b’relazzjoni mal-kompetenza tagħhom, reputazzjoni tajba, kopertura ta’ ndemnità professjonali u kapaċità finanzjarja”.

6.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/92 jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli għall-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u riassigurazzjoni minn persuni naturali jew ġuridiċi li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li jixtiequ li jkunu stabbiliti hemmhekk.”

7.

Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

3.

‘medjazzjoni ta’ assiguarzzjoni’ [medjazzjoni fl-assigurazzjoni] tfisser attivitajiet ta’ introduzzjoni, proposti jew it-twettieq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, jew li dawk il-kuntratti jiġu konklużi, jew f’għajnuna fl-amministrazzjoni jew twettieq ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ talba.

Dawn l-attivitajiet meta mw[e]ttqa minn impriża ta’ assigurazzjoni jew impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjonili jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ impriża ta’ assigurazzjoni m’għandhomx jitqiesu bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

Il-provvista ta’ informazzjoni fuq bażi inċidentali fil-kuntest ta’ attività professjonali oħra sakemm l-għan ta’ dik l-attività ma jkunx li l-klijent jiġi assistit fil-konklużjoni jew twettieq ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-immaniġġar ta’ talbiet ta’ impriża ta’ assigurazzjoni fuq bażi professjonali, l-aġġustament ta’ telf u l-istima esperta ta’ talbiet m’għandhomx jitqiesu bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni”.

8.

L-Artikolu 3(6) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li impriżi ta’ assigurazzjoni jużaw is-servizzi ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni biss ta’ intermedjarji ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni u tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1(2)”.

9.

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-intermedjarji ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom ikunu jippossjedu l-għerf u l-abbiltà adattati kif stabbilit mill-pajjiz ta’ l-Istat Membru ta’ l-intermedjarju.

[...]

L-Istati Membri mhux meħtieġa li japplikaw il-ħtiġiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għall-persuni naturali kollha li jaħdmu f’impriża li ssegwi l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u riassigurazzjoni. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proporzjon raġonevoli ta’ persuni fi ħdan l-istruttura ta’ amministrazzjoni ta’ dawn l-impriżi li huma responsabbli għall-medjazzjoni fir-rigward ta’ prosotti ta’ assigurazzjoni u l-persuni l-oħra kollha direttament involuti f’medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni juri l-għerf u l-abbiltà meħtieġa għat-twettieq tad-dmirijiet tagħhom.”

B – Il-leġiżlazzjoni Griega

1. Id-Digriet Presidenzjali 190/2006

10.

Id-Direttiva 2002/92 ġiet trasposta fid-dritt Grieg permezz tad-Digriet Presidenzjali Nru 190/2006 ( 4 ) li jipprovdi, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(3):

“‘Medjazzjoni fl-assigurazzjoni’ tfisser kull attività li tippreżenta, tipproponi jew tipprovdi xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, jew li tikkonkludi tali kuntratti, jew li tipprovdi għajnuna fl-amministrazzjoni jew fit-twettiq ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ dannu. Dawn l-attivitajiet ma jitqiesux bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni meta jitwettqu minn impriża ta’ assigurazzjoni jew minn impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li huwa marbut magħha permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg u li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha [...]”

2. Il-Liġi Nru 3357/2007

11.

Id-Digriet Presidenzjali Nru 190/2006 ġie emendat permezz tal-Liġi Nru 3557/2007 ( 5 ) li l-Artikolu 15(2) tagħha żied inċiż ġdid mal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi digriet, li jipprovdi kif ġej:

“Bħala deroga, kull impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, imsemmi fl-inċiż preċedenti, jista’ jwettaq atti ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni mingħajr ma jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet, sakemm id-dħul annwali gross tiegħu li joriġina minn dawn l-atti ma jkunx jeċċedi s-somma totali ta’ EUR ħamest elef (5000)”.

12.

Skont l-Artikolu 11(3)(b) tal-Liġi Nru 3557/2007, digriet tal-Ministru tal-Iżvilupp, adottat fi 30 jum mill-pubblikazzjoni tal-imsemmija liġi, kellu jistabbilixxi d-dokumenti li jattestaw l-konoxxenzi ġenerali, kummerċjali jew professjonali tal-persuni li japplikaw sabiex ikunu intermedjarji fl-assigurazzjoni jew fir-riassigurazzjoni, intermedjarji marbuta fl-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, impjegati ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, ta’ impriża ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew fir-riassigurazzjoni, kif ukoll il-każijiet li fihom dawn il-persuni huma obbligati jkollhom taħriġ addizzjonali.

3. Id-Digriet K3‑8010

13.

Id-Digriet tas-Segretarju tal-Istat għall-Iżvilupp K3‑8010, tat-8 ta’ Awwissu 2007 ( 6 ) ta ġie adottat abbażi tal-Artikolu 11(3)(b) tal-Liġi Nru 3357/2007. Il-paragrafu XX tal-imsemmi digriet jipprovdi li:

“Kull impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jista’ jwettaq atti ta’ mejdazzjoni fl-assigurazzjoni mingħajr ma jkun obbligat jirreġistra ruħu mal-kamra professjonali kompetenti, sakemm id-dħul annwali gross tiegħu, li joriġina minn dawn l-atti, bħala kummissjonijiet, ma jeċċedix is-somma totali ta’ EUR ħamest elef (5000). Jekk id-dħul annwali tiegħu li joriġina minn dawn l-atti jaqbeż l-ammont imsemmi, huwa obbligat jirreġistra ruħu mal-kamra professjonali kompetenti, skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kategorija ta’ intermedjarji fl-assigurazzjoni li fiha huwa jagħżel li jirreġistra ruħu. Il-kwalità [ta’ impjegat] fil-qasam tal-assigurazzjoni hija inkompatibbli ma’ dik ta’ konsulent tal-assigurazzjoni”.

II – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

L-EEAE et jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet professjonali li għandhom bħala għan li jiddefendu l-interessi professjonali u finanzjarji tal-membri tagħhom, li huma attivi fil-medjazzjoni fl-assigurazzjoni bħala professjonisti. Fid-29 ta’ Ottubru 2007, l-EEAE et ippreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju rikors għal annullament kontra, b’mod partikolari, il-paragrafu XX tad-Digriet Nru K3-8010. Permezz ta’ dan ir-rikors, huma kkontestaw il-konformità ta’ dan il-paragrafu mad-Direttiva 2002/92, sa fejn jeskludi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar għall-impjegati kollha ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jwettqu atti ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni mingħajr ma jkollhom il-kwalifiki meħtieġa mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

15.

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fondatezza tar-rikors għall-annullament tal-paragrafu XX tad-Digriet Nru K3-8010. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, peress li l-qafas leġiżlattiv Grieg, interpretat skont id-Direttiva 2002/92, jippermetti li jiġi żgurat li l-impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, li jeżerċita okkażżjonalment attivitajiet ta’ medjazzjoni, jaġixxi dejjem, għall-finijiet ta’ dawn l-attivitajiet, taħt ir-responsabbiltà u s-sorveljanza tal-impriża li tagħtih ukoll it-taħriġ neċessarju, ir-rekwiżiti li jinsabu fl-imsemmija direttiva għandhom jitqiesu bħala sodisfatti, indipendentement mir-rabta li teżisti bejn l-impjegat inkwistjoni u l-impriża tiegħu meta huwa jeżerċita l-imsemmija attivitajiet.

16.

Madankollu, peress li awla oħra tal-imsemmija qorti tidher li ma taqbilx ma’ din il-pożizzjoni, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92/KE [...] li skont dawn ‘[d]awn l-attivitajiet (dawk elenkati fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni) meta imwettqa minn impriża ta’ riassigurazzjoni jew minn impjegat ta’ impriża ta’ riassigurazzjoni li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ impriża ta’ riassigurazzjoni mhumiex mequjusa bħala medjazzjoni ta’ riassigurazzjoni’ għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna impjegata ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma għandhiex il-kwalifiki previsti fl-Artikolu 4(1) [ta’ din id-] Direttiva tista’ teżerċita attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, okkażjonalment u mhux fil-kuntest tal-attività professjonali prinċipali tagħha, anki jekk ma taġixxix fil-kuntest tar-rabta ta’ subordinazzjoni li torbotha ma’ din l-impriża, filwaqt li huwa ppreċiżat li, f’kull ipoteżi, din l-impriża teżerċita sorveljanza fuq l-attivitajiet tagħha, jew għandu jiġi kkunsidrat li [l-imsemmija] direttiva tawtorizza tali attività biss meta hija tiġi effettwata fil-kuntest tar-rabta ta’ subordinazzjoni?”

17.

Din id-domanda preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2011. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-EEAE et, l-OASE, mill-Gvernijiet tal-Greċja, ta’ Ċipru u tal-Awstrija, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta li nżammet fl-20 ta’ Ġunju 2013, l-OASE, il-Gvern Elleniku kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fl-20 ta’ Ġunju 2013.

III – Analiżi

A – Fuq id-Direttiva 2002/92

1. Fuq l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva

18.

Bħala introduzzjoni, ninnota li mill-proċess jidher li jirriżulta li l-interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/92 ma twassalx għal riżultat univoku li jippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kwistjoni li għandha quddiemha. Konsegwentement, għandu jsir riferiment għal ġurisprudenza stabbilita ferm, li tipprovdi li sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, simultanjament, l-għanijiet, il-kuntest u l-formulazzjoni tagħha ( 7 ).

19.

F’dan ir-rigward, huwa magħruf li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni huma atturi fundamentali għad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Kif jirriżulta mill-premessi 6 u 7, id-Direttiva 2002/92 għandha l-għan li telimina l-ostakoli li jistgħu jiffaċċjaw l-imsemmija intermedjarji fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-intermedjarji tal-assigurazzjoni għandhom ukoll rwol importanti fil-protezzjoni tal-interessi tal-persuni assigurati, mhux biss permezz tad-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni kkummerċjalizzati minn impriżi tal-assigurazzjoni differenti, iżda fuq kollox billi jagħtu parir u jassistu lill-persuni assigurati permezz tal-analiżi tal-bżonnijiet speċifiċi tagħhom ( 8 ).

20.

Imfassla bħala dispożizzjoni ta’ armonizzazzjoni li tirrifletti approċċ ġdid sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni fir-rigward tal-attività u mhux fir-rigward tas-suġġett ikkonċernat ( 9 ), id-direttiva għaldaqstant stabbilixxiet regoli li jikkonċernaw l-aċċess għall-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u t-twettiq tagħhom, billi ssuġġettat lill-intermedjarji tal-assigurazzjoni b’mod partikolari għal obbligi bħalma huma r-reġistrazzjoni u l-osservanza ta’ rekwiżiti professjonali minimi ( 10 ). Din id-direttiva tikkostitwixxi wkoll strument għall-protezzjoni tal-persuni assigurati u għandha bħala għan li tiffaċilita l-provvista ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni lill-konsumaturi.

21.

Għal dan il-għan, id-Direttiva 2002/92 tintroduċi sistema ta’ rikonoxximent reċiproku ( 11 ) li huwa bbażat fuq kwalifiki armonizzati u limitazzjoni fuq l-użu tal-intermedjarji, li hija riflessa fl-obbligu impost fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni sabiex jużaw biss is-servizzi ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni pprovduti minn intermedjarji rreġistrati ( 12 ).

22.

L-approċċ il-ġdid ta’ natura funzjonali adottat fid-Direttiva 2002/92 għandu bħala konsegwenza li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa identifikat bid-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ attività ta’ medjazzjoni ( 13 ), jew bl-esklużjoni mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni tal-persuni li jipprovdu ċerti tipi ta’ servizzi ta’ medjazzjoni ( 14 ).

2. Fuq id-definizzjonijiet ta’ medjazzjoni u ta’ intermedjarju

23.

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-attivitajiet ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” stabbilita fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92, il-kunċett inkwistjoni jkopri l-attivitajiet li jippreżentaw jew li jipproponu kuntratti ta’ assigurazzjoni jew li jwettqu xogħlijiet preparatorji oħra għall-konklużjoni tal-istess kuntratti, jew li jikkonkludu, jew jikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tagħhom u għat-twettiq tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ dannu.

24.

Madankollu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, meta dawn l-attivitajiet jitwettqu minn impriża ta’ assigurazzjoni jew minn impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tal-istess impriża, dawn ma għandhomx jitqiesu bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Minn dan isegwi li dawn il-kategoriji ta’ persuni ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti imposti mill-imsemmija direttiva, filwaqt li huma awtorizzati jeżerċitaw l-attivitajiet li jipproponu kuntratti ta’ assigurazzjoni, jikkonkluduhom jew jikkontribwixxu għall-amministrazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, jidhirli li d-distinzjoni magħmula mill-istess direttiva bejn l-atti ta’ impriża u l-atti tal-impjegati tagħha ma hijiex neċessarja, ħlief fil-każ ta’ konklużjoni ta’ kuntratti mingħajr relazzjoni personali mar-rappreżentant ta’ impriża ( 15 ).

25.

Min-naħa l-oħra, fit-tielet subparagrafu ta’ dan l-istess Artikolu 2(3), id-Direttiva 2002/92 teskludi mill-kunċett ta’ medjazzjoni l-attivitajiet eżerċitati okkażżjonalment u li jikkonsistu fil-provvista ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ attività professjonali oħra ( 16 ).

26.

Barra minn hekk, ċerti attivitajiet, anki jekk jaqgħu taħt il-kunċett ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92 skont l-Artikolu 1(2) tad-direttiva. Dan huwa l-każ tal-kategorija ta’ persuni li jipprovdu kuntratti ta’ assigurazzjoni li jissodisfaw kumulattivament il-kundizzjonijiet kollha msemmija, inkluż dik dwar ir-regola de minimis li tikkonċerna l-limitu tal-primjum annwali li ma jistax jeċċedi EUR 500 kif ukoll dik dwar it-tul tal-kuntratt li ma għandux jeċċedi l-ħames snin.

27.

Għaldaqstant, id-Direttiva 2002/92 tinkludi definizzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ medjazzjoni sabiex jinftiehmu d-diversi kategoriji ta’ intermedjarji (sensar, aġent, subaġent) filwaqt li tinkludi kanali ta’ distribuzzjoni oħra bħalma huwa l-bancassurance ( 17 ). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-direttiva, hemm firxa wiesgħa ta’ persuni u ta’ istituzzjonijiet li jistgħu jipprovdu prodotti ta’ assigurazzjoni ( 18 ).

28.

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni li jinsab fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2002/92, dan jinkludi kull persuna fiżika jew ġuridika li, bi ħlas, tkun eliġibbli li teżerċita jew teżerċita l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Dan jimplika, minn naħa, li dan jirrigwarda għaldaqstant attività eżerċitata b’mod professjonali u, min-naħa l-oħra, li l-persuni li jeżerċitaw attività ta’ medjazzjoni mingħajr korrispettiv ta’ natura pekunjarja u ekonomika ma jitqiesux bħala intermedjarji fis-sens tad-direttiva.

29.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-professjoni ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni tista’ tiġi eżerċitata wkoll skont il-mudell tal-intermedjarju marbut. Skont l-Artikolu 2(7) tad-direttiva, il-persuna li teżerċita tali attività taġixxi għal u għan-nom ta’ impriża ta’ assigurazzjoni waħda jew iktar.

30.

Barra minn hekk, nosserva li skont approċċ ġdid, id-Direttiva 2002/92 ma tirripproduċix id-distinzjonijiet magħmula fuq livell nazzjonali bejn id-diversi tipi ta’ medjazzjoni. Fil-fatt, sa mill-istadju tax-xogħlijiet preparatorji, id-distinzjoni bejn aġenti u sensara ( 19 ) ma setgħetx tiġi stabbilita fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, il-mestier tal-intermedjarju ta’ assigurazzjoni fis-sens tad-direttiva jikkorrispondi, fl-Istati Membri, għal diversi subkategoriji professjonali ( 20 ). Madankollu, peress li d-direttiva tipprevedi rekwiżiti minimi li jikkonċernaw it-termini u l-kontenut tal-informazzjoni li l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni għandhom jagħtu lill-klijenti potenzjali tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom ikunu f’pożizzjoni li jidentifikaw liema tip ta’ intermedjarju jkunu marbuta miegħu ( 21 ).

3. Fuq l-eżempji ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/92

31.

Fl-aħħar nett, huwa utli li jiġi nnotat li, fir-rigward tal-karatteristiċi li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2002/92, l-Istati Membri adottaw soluzzjonijiet differenti għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-direttiva. Għaldaqstant, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-attivitajiet li jaqgħu barra mill-ambitu tal-medjazzjoni, u l-attivitajiet li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni iżda li huma eżentati mill-obbligi relatati ( 22 ). Il-leġiżlazzjoni Finlandiża tipprevedi, min-naħa tagħha, definizzjoni ġenerali tal-medjazzjoni billi tippreċiża b’mod parallel l-attivitajiet ikklassifikati bħala “mhux ta’ medjazzjoni”, liema attivitajiet jirreferu għal atti tal-impriżi ta’ assigurazzjoni u tal-impjegati tagħhom ( 23 ).

32.

L-Istati Membri pprovdew ukoll eċċezzjonijiet li jirrigwardaw l-obbligu tal-iskrizzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-intermedjarji ta’ assigurazzjoni, bħal, pereżempju, fid-dritt Belġjan, fir-rigward tal-assigurazzjoni tar-riskji tal-impriża tal-intermedjarju stess jew fil-każ ta’ medjazzjoni li tirrigwarda l-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/92 ( 24 ). Dan japplika wkoll għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-provvista, b’mod okkażżjonali, ta’ informazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni jew meta jkun hemm provvista ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ natura komplementari għall-attività prinċipali, b’riżerva għall-kundizzjoni tat-tul tal-kuntratti u ta’ limitu għad-dħul ( 25 ).

33.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

B – Fuq id-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni

1. Fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali

34.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ medjazzjoni li jinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 tkoprix is-sitwazzjoni li fiha impjegat ( 26 ) ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet dwar il-kwalifiki applikabbli għall-intermedjarji ta’ assigurazzjoni skont id-direttiva u li ma jaġixxix fil-kuntest tar-rabta ta’ subordinazzjoni iżda li huwa suġġett għal sorveljanza mill-impriża fuq l-attivitajiet tiegħu, huwa awtorizzat jeżerċita okkażżjonalment attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

35.

L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni hija rregolata fid-dritt Grieg b’diversi atti ta’ livelli differenti, li l-formulazzjoni tagħhom jagħtu lok għal ċerti mistoqsijiet. Fil-fatt, id-definizzjoni tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni tinsab fid-Digriet Presidenzjali 190/2006, sussegwentement emendat bil-Liġi Nru 3557/2007. Din il-liġi introduċiet deroga fir-rigward tad-definizzjoni msemmija, li hija bbażata fuq il-limitazzjoni tad-dħul applikabbli għal kull impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni. Id-dispożizzjoni msemmija tidher għaldaqstant li teżenta lil dawn tal-aħħar mill-formalitajiet li jirrigwardaw it-twettiq tal-attivitajiet ta’ medjazzjoni, mingħajr madankollu ma tippreċiża r-responsabbiltà tal-obbligi li jirrigwardaw l-attivitajiet hekk esklużi. Fl-aħħar nett, skont l-awtorizzazzjoni fil-Liġi Nru 3557/2007, id-Digriet K3-8010 ġie adottat u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet relattivament impreċiżi tal-implementazzjoni tal-imsemmija deroga.

36.

Madankollu, peress li r-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju kien biss intiż għall-annullament tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet K3-8010/8 ta’ Awwissu 2007, din l-analiżi hija llimitata għad-digriet biss, u b’mod partikolari għall-paragrafu XX tiegħu.

37.

Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju tintroduċi eċċezzjoni li l-portata tagħha titbiegħed mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92 inkwantu tagħmilha possibbli għal kull impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jwettaq okkażżjonalment attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni bi ħlas, suġġett għal-limitu ta’ EUR 5 000, mingħajr ma jkollu jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li impjegat fis-settur tal-assigurazzjoni ma jistax iwettaq attivitajiet ta’ konsulent tal-assigurazzjoni, peress li huwa awtorizzat jeżerċita attivitajiet ta’ medjazzjoni.

38.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża jiddefendu fehmiet diverġenti. Għaldaqstant, skont EEAE et, peress li hija xxebbah lill-impjegat ta’ impriża tal-assigurazzjoni ma’ intermedjarju tal-assigurazzjoni, il-paragrafu XX tad-Digriet Nru K3-8010 ma huwiex konformi mad-Direttiva 2002/92. Skont il-Gvern tal-Belġju u tal-Awstrija, it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(3) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma għandux il-kwalifiki previsti fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, ma jistax jeżerċita attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni b’mod okkażżjonali.

39.

L-OASE, kif ukoll il-Gvernijiet tal-Greċja u ta’ Ċipru, jipproponu li jiġi kkunsidrat li fid-dawl tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(3) tad-direttiva, impjegat ta’ impriża tal-assigurazzjoni li ma għandux il-kwalifiki previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/92 jista’ jeżerċita attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, okkażżjonalment u mhux fil-kuntest tal-attività professjonali prinċipali tiegħu.

40.

Fl-aħħar nett, min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-deroga prevista fl-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva tapplika għal attivitajiet imwettqa minn impjegati tal-impriża ta’ assigurazzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-prinċipal tagħhom, anki jekk dawn ma jidħlux esklużivament fil-qafas tal-“kuntratt ta’ impjieg” tagħhom.

2. Fuq il-kundizzjonijiet tat-twettiq tal-attività ta’ medjazzjoni previsti fid-Direttiva 2002/92

41.

Jidhirli li għandha ssir distinzjoni bejn tliet xenarji prinċipali li jirrigwardaw it-twettiq tal-attività ta’ medjazzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92.

42.

Fl-ewwel lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-każ inkwistjoni f’din il-kawża jiġifieri dak ta’ impjegat ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni. F’dan il-każ, għalkemm l-attivitajiet ta’ impjegat jistgħu jaqgħu taħt id-definizzjoni ġenerika tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, mid-direttiva jirriżulta li dawn ma jitqiesux bħala tali.

43.

Kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, waħda mir-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ dawn l-attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92, u konsegwentement għall-eżenzjoni tal-persuni li jwettquhom mir-rekwiżiti tad-direttiva, hija marbuta mal-fatt li l-impriżi ta’ assigurazzjoni jew l-impjegati tagħhom huma meqjusa li jissodisfaw ir-rekwiżiti professjonali li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-persuni assigurati, peress li, b’mod partikolari, skont id-direttiva, l-impriżi tal-assigurazzjoni jitqiesu bħala tali wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/267/KEE, tal-5 ta’ Marzu 1979, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-aċċes għall-attività tal-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, u l-eżerċizzju tagħha (ĠU L 63, p. 1).

44.

Fil-fehma tiegħi, l-għan prinċipali mfittex b’din id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92 huwa li tippermetti lill-impriżi ta’ assigurazzjoni jikkummerċjalizzaw il-prodotti ta’ assigurazzjoni tagħhom stess, min-naħa waħda, u li jkunu jistgħu jaġixxu fil-kapaċità ta’ intermedjarji għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ kumpanniji oħra tal-assigurazzjoni, pereżempju membri tal-istess grupp jew marbuta magħhom permezz ta’ ftehim kummerċjali jew ftehim ieħor, min-naħa l-oħra. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw sewwasew għall-impjegati tal-imsemmija impriżi.

45.

Fil-fatt, peress li l-impriża tista’ taġixxi biss permezz tal-impjegati tagħha, għandu jitqies li, meta dawn tal-aħħar jaġixxu għal u għan-nom tal-prinċipal tagħhom, huma għandhom jixxebbhu mal-impriża u, konsegwentement, l-attivitajiet tagħhom huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. F’dan il-każ, ir-relazzjoni kuntrattwali stabbilita waqt il-bejgħ b’medjazzjoni fl-assigurazzjoni torbot, għaldaqstant, lill-impriża ta’ assigurazzjoni kkonċernata mal-persuna assigurata, fejn l-impjegat jaġixxi biss bħala mandatarju tal-imsemmija impriża.

46.

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rabta ġuridika bejn l-impriża ta’ assigurazzjoni u l-impjegat, il-Kummissjoni tosserva ġustament li l-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 għandu jiġi interpretat bħala li jkopri l-attivitajiet imwettqa minn impjegati tal-impriża ta’ assigurazzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-prinċipal tagħhom anki jekk dawn ma jaqgħux esklużivament taħt il-“kuntratt ta’ impjieg” tagħhom fis-sens tad-dritt tax-xogħol nazzjonali. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jistgħu jorbtu lil impjegat mal-prinċipal tiegħu fid-diversi Stati Membri jeskludi li jkun hemm interpretazzjoni uniformi tad-deroga inkwistjoni ( 27 ). Barra minn hekk, jidhirli li l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lill-impjegat huma rrilevanti fir-rigward tad-definizzjonijiet mogħtija minn din id-direttiva.

47.

Min-naħa l-oħra, l-effett utli tad-Direttiva 2002/92 jeskludi, fil-fehma tiegħi, li l-impjegati ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ medjazzjoni f’isimhom stess mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-direttiva. Kif jirrileva l-Gvern Belġjan, billi tirreferi għall-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni eżerċitata b’mod okkażżjonali u komplementari barra mill-kuntest tal-kuntratt ta’ impjieg li jorbot lill-impjegat ma’ impriża ta’ assigurazzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(3) tad-direttiva. Fil-fatt, ma jibqax bejgħ dirett ta’ prodotti tal-assigurazzjoni, iżda medjazzjoni fl-assigurazzjoni fis-sens proprju tagħha.

48.

Issa, mill-proċess jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħti lil impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni “żewġt ikpiepel”, peress li huwa jista’ jaġixxi b’mod parallel, min-naħa waħda, fil-kapaċità ta’ impjegat imqabbad mal-persuna li timpjegah, u min-naħa l-oħra, fil-kapaċità ta’ aġent indipendenti mhux ikkwalifikat, sakemm ma jaqbiżx ċertu limitu ta’ dħul ( 28 ). Nosserva li l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha bħala riżultat li tippermetti konfigurazzjoni kuntrattwali trijangulari li l-istruttura tagħha tinkludi, fl-ewwel lok, lill-impjegat u l-persuna assigurata, fit-tieni lok, l-imsemmija persuna u l-impriża ta’ assigurazzjoni u fit-tielet lok, lill-impjegat u l-impriża ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tagħti lok għal konfużjoni li taffettwa r-regoli ta’ tqassim tar-responsabbiltà għall-obbligi karatteristiċi tal-intermedjarju fir-rigward tal-persuna assigurata.

49.

Fil-fehma tiegħi, l-ammissibbiltà ta’ din il-possibbiltà tkun ifisser li jiġi żnaturat l-għan tad-Direttiva 2002/92, speċjalment, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha flimkien mal-kunċett ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, tar-rekwiżiti marbutin mal-kwalifiki professjonali tal-intermedjarji, kif ukoll tal-obbligu tal-protezzjoni tal-persuni assigurati.

50.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li d-differenza bejn impjegat ta’ impriża li huwa suġġett għar-rekwiżit tal-lealtà lejn il-prinċipal tiegħu u intermedjarju ta’ assigurazzjoni tinsab, b’mod partikolari, fil-grad ta’ indipendenza u imparzjalità, peress li l-intermedjarju suppost li jipprovdi pariri abbażi tal-obbligu tiegħu ta’ analiżi imparzjali, ħaġa li ma tapplikax fil-każ ta’ impjegat li jaġixxi f’isem u fl-interess tal-impriża. L-interpretazzjoni proposta hija kkorroborata bl-għan imfittex mid-Direttiva 2002/92, jiġifieri li tippermetti lill-intermedjarji jibbenefikaw iktar faċilment mil-libertà ta’ stabbiliment u mil-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Issa, l-istat ta’ impjegat ta’ impriża jeskludi bħala fih innifsu benefiċċju bħal dan.

51.

Ċertament, huwa b’mod ġust li l-Gvern Grieg isostni li d-direttiva ma twassalx għal armonizzazzjoni eżawrjenti. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-għan tagħha li jikkonsisti fil-fatt li hija tistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar l-għerf u l-abbiltà professjonali tal-intermedjarji, sabiex timplementa suq veru Ewropew tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Għaldaqstant, id-direttiva tħalli marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-metodi, u mhux fir-rigward tal-prinċjpju stess ta’ livell minimu ta’ rekwiżiti, fil-każ fejn l-attivitajiet eżerċitati huma dawk tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

52.

Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/92, li jipprovdu li l-Istati Membri ma humiex obbligati japplikaw ir-rekwiżiti dwar l-għerf u l-abbiltà adattati għal kull persuna li taħdem għal impriża, jikkostitwixxu b’mod ċar aġġustament tar-rekwiżiti simili għal dik li tiġri fil-każ tal-professjonijiet regolati. Għaldaqstant, huwa ċar li, bl-istess mod bħalma ditta ta’ avukati timpjega avukati mhux irreġistrati mal-kamra tal-avukati u persunal li ma jkunx ħa taħriġ ġuridiku sħiħ, huwa ċar li l-impjegati kollha ta’ impriża ta’ assigurazzjoni ma għandhomx bżonn jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalifiki professjonali.

53.

Fit-tieni lok, għandu jissemma l-każ ta’ intermedjarju marbut fl-assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2002/92, li jaġixxi kompletament taħt ir-responsabbiltà kemm ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni kif ukoll ta’ intermedjarju ieħor ( 29 ).

54.

Mill-aspett legali, dan huwa aġent ta’ tali kumpannija jew ta’ intermedjarju ieħor li ma huwiex marbut ma’ dawn tal-aħħar peress li għandu status indipendenti ( 30 ). Skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2002/92, l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni huma madankollu obbligati jinformaw lill-klijent dwar il-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw l-imparzjalità tagħhom u, b’mod partikolari, jekk jibbażaw il-pariri tagħhom fuq l-obbligu ta’ analiżi imparzjali. L-intermedjarji marbutin huma obbligati jiżvelaw in-nuqqas ta’ imparzjalità tagħhom, ħaġa li ma tapplikax għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni jew għall-impjegati tagħhom.

55.

Madankollu, nenfasizza li l-intermedjarju marbut huwa obbligat jaġixxi bħala intermedjarju għal u għan-nom tal-impriża ta’ assigurazzjoni. Jidhirli li dan jeskludi li impjegat ikun jista’ jaġixxi fl-istess ħin kemm bħala tali u kif ukoll bħala intermedjarju marbut tal-persuna li timpjegah.

56.

Fil-fatt, il-funzjoni ta’ intermedjarju marbut timplika neċessarjament li l-medjazzjoni tkun ta’ natura kumplimentari meta mqabbla ma’ attività oħra. Fil-każ li jiġi aċċettat li din l-“attività oħra” tista’ tikkonsisti f’relazzjoni ta’ xogħol ma’ kumpannija ta’ assigurazzjoni, il-kwistjoni li tqum tkun allura dik dwar liema konsegwenzi għandhom jinsiltu sabiex tiġi ppreservata l-protezzjoni tal-persuni assigurati u sabiex tiġi evitata l-konfużjoni bejn dawn ir-rwoli differenti.

57.

Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lil kull impjegat ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni, jiġifieri skont interpretazzjoni litterali, kif ukoll lil persunal tekniku, lil persunal tas-sorveljanza jew tat-tindif, li jitħallas bħala wieħed li jġib ix-xogħol, bħal sensar fis-sens tad-dritt kuntrattwali ( 31 ). Barra minn hekk, ninnota li waqt is-seduta, l-aġent tal-Gvern Grieg jidher li kkontesta din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, mingħajr madankollu ma wera l-eżistenza fid-dritt nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li jillimitaw l-imsemmija possibbiltà għall-impjegati speċjalizzati tal-impriżi ta’ assigurazzjoni biss.

58.

Fit-tielet lok, għandu jissemma fl-aħħar nett il-każ ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni indipendenti li jaġixxi bħala rappreżentant ta’ klijent fil-konfront ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni. Id-Direttiva 2002/92 tapplika b’mod sħiħ għal tali każ u l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-għerf u l-abbiltajiet li għandu jkollhom l-intermedjarji.

59.

F’dan ir-rigward, nosserva li, fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva 2002/92, kien ġie previst li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’mod li jinkludi l-bejgħ ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni magħmula minn impriżi ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni mingħajr l-intervent ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni. Il-proposta tad-direttiva riveduta hija intiża wkoll li tapplika għall-kanali ta’ distribuzzjoni kollha (applikanti diretti, kerrejja ta’ vetturi eċċ) ( 32 ). Għandu jiġi enfasizzat li r-reviżjoni tad-direttiva tipprevedi li l-poloz ta’ assigurazzjoni mibjugħa b’mod kumplimentari mal-bejgħ ta’ servizzi jaqgħu taħt id-direttiva riveduta ( 33 ).

IV – Konklużjoni

60.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi li tingħata risposta għad-domanda magħmula mis-Symvoulio tis Epikrateias fis-sens li’:

It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2002/92, għandu jiġi interpretat fis-sens li impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li ma għandux il-kwalifiki previsti fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva ma jistax jeżerċita attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni okkażżjonalment barra mill-kuntest tar-rabta ta’ subordinazzjoni li tirriżulta minn relazzjoni kuntrattwali li torbtu ma’ din l-impriża u b’osservanza ta’ limitu ta’ dħul annwali. Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ta’ impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jaġixxi għal u għan-nom tal-persuna li timpjegah huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2002/92 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Diċembru 2002, dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330).

( 3 ) Għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju semmiet it-“tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2002/92”. Peress li huwa magħruf li l-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” li huwa s-suġġett tad-domanda, huwa ddefinit fl-Artikolu 2(3) u mhux fl-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, dan l-iżball fil-kitba għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi kkoreġut.

( 4 ) FEK A’ 196.

( 5 ) FEK A 100/14.5.2007.

( 6 ) FEK B’/1600/17.8.2007, iktar ’il quddiem id-Digriet K3-8010.

( 7 ) Ara sentenza tat-19 ta’ Lulju 2012, A (C‑33/11, punt 27).

( 8 ) Proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni [COM (2000) 511 final].

( 9 ) B’kuntrast mad-Direttiva tal-Kunsill 77/92/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward tal-attivitajiet ta’ aġenti u brokers fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p.46), id-Direttiva 2002/92 hija kkaratterizzata mhux bl-armonizzazzjoni permezz tal-istabbiliment ta’ regoli li jikkonċernaw il-kategoriji ta’ intermedjarji eżistenti, iżda permezz tar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tal-intermedjarju fl-assigurazzjoni b’mod globali.

( 10 ) Skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2002/92, ir-rekwiżiti essenzjali rrigwardaw ir-reġistrazzjoni, il-kwalifiki professjonali, ir-reputazzjoni u l-kopertura b’assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni tal-fondi tal-klijenti.

( 11 ) Proposta tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq [COM/2000/0511 finali].

( 12 ) U mill-persuni msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva. L-intermedjarji rreġistrati fi Stat Membru partikolari jistgħu joperaw fi Stati Membri oħra taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi jew permezz tal-ftuħ ta’ fergħa. L-Istati Membri jistgħu jikkompletaw ir-rekwiżiti professjonali previsti fl-istess direttiva, iżda biss għall-intermedjarji li huma jirreġistraw.

( 13 ) Artikolu 2(3) u (4) ta’ din id-direttiva.

( 14 ) Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-direttiva.

( 15 ) Bħal, pereżempju, fil-każ ta’ konklużjoni ta’ kuntratt permezz tal-internet.

( 16 ) Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ avukat, nutar, l-espert, il-konsulent li jipprovdi informazzjoni b’mod okkażżjonali mingħajr madankollu ma jipproponi kuntratt ta’ assigurazzjoni.

( 17 ) Ara x-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva COM/2000/0511 finali.

( 18 ) Madankollu, kif jirriżulta mill-abbozz tar-reviżjoni, id-Direttiva 2002/92 ma tapplikax għall-bejjiegħa tal-assigurazzjoni kollha, bħalma huma l-impriżi ta’ assigurazzjoni stess. Fil-kuntest tar-reviżjoni ġie għaldaqstant propost li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha f’dan is-sens. Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Dawn il-kunċetti ġew ipparagunati fid-Direttiva 77/92/KEE msemmija iktar ’il fuq, li ġiet revokata mid-Direttiva 2002/92 u kienu jikkorrispondu għal diversi professjonijiet li jbiegħu l-assigurazzjoni fl-Istati Membri.

( 20 ) Għaldaqstant, mill-proċess jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Griega tirrikonoxxi ħames kategoriji ta’ intermedjarji ta’ assigurazzjoni, jiġifieri, l-aġenti ta’ assigurazzjoni, is-sensara fl-assigurazzjoni, il-konsulenti tal-assigurazzjoni, il-koordinaturi tal-konsulenti tal-assigurazzjoni u l-kategorija inkwistjoni tal-impjegati tal-impriżi ta’ assigurazzjoni. Il-leġiżlazzjoni Finlandiża, fil-qasam tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, tiddistingwi bejn, minn naħa, l-aġent, li huwa persuna fiżika jew ġuridika li jaġixxi għan-nom u taħt ir-responsabbiltà tal-assiguratur, u min-naħa l-oħra, is-sensar, li jeżerċita l-attività ta’ medjazzjoni abbażi ta’ kuntratt ma’ persuna li ma hijiex l-assiguratur (ara Laki vakuutusedustuksesta Nru 570 tal-15.7.2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 570/2005”). Il-leġiżlazzjoni Belġjana tipprevedi tliet kategoriji ta’ intermedjarji: is-sensar, li huwa l-intermedjarju li jressaq flimkien il-persuni assigurati u l-impriżi ta’ assigurazzjoni mingħajr ma jkun marbut bl-għażla tagħhom; l-aġent, li huwa ddefinit bħala l-intermedjarju li minħabba ftehim wieħed jew iktar jew prokura f’isem impriża ta’ assigurazzjoni waħda jew iktar, jeżerċita attivitajiet ta’ medjazzjoni, u fl-aħħar nett, is-subaġent, bħala intermedjarju li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ sensar jew ta’ aġent (ara sit internet www.fsma.be.) Min-naħa l-oħra, fid-dritt Franċiż, il-kodiċi tal-assigurazzjonijiet (Artikolu R511‑2) jikkategorizza lil dawn tal-aħħar f’sitt kategoriji, fejn l-intermedjarju għandu dritt jeżerċita taħt diversi kategoriji bħalma huma: is-sensara tal-assigurazzjoni, l-aġenti ġenerali tal-assigurazzjoni; il-mandatarji ta’ assigurazzjoni li huma l-persuni fiżiċi mhux impjegati u l-persuni ġuridiċi mqabbda minn impriża ta’ assigurazzjoni; il-mandatarji ta’ intermedjarji ta’ assigurazzjoni li huma l-persuni fiżiċi mhux impjegati u l-persuni ġuridiċi mqabbda minn sensara, l-aġenti ġenerali, il-mandatarji ta’ assigurazzjoni, il-mandatarji intermedjarji ta’ assigurazzjoni; l-intermedjarji barranin. (Ara, J. Bigot, L’intermédiation en assurance : les nouvelles règles du jeu, La semaine Juridique, Edizzjoni ġenerali, Nru 47, Novembru 2006, I 189).

( 21 ) Ara proposta tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq [COM/2000/0511 finali] u l-kapitolu III tad-Direttiva 2002/92.

( 22 ) D. Langé, Les intermédiaires d’assurance à l’heure du marché unique : la réforme de l’intermédiation en assurance, Revue général du droit des assurances, Nru 2006‑4, p. 857. Nosserva li skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, l-impriżi ta’ assigurazzjoni kklassifikati bħala impriżi “mingħajr intermedjarji” li jikkunsinnaw il-prodotti ta’ assigurazzjoni permezz tal-uffiċċji deċentralizzati tagħhom fejn huma jqiegħdu impjegati li jirċievu l-klijenti jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni. L-impjegati tal-imsemmija impriżi ma jaqgħux taħt il-kategorija professjonali tal-intermedjarji ta’ assigurazzjoni u ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

( 23 ) Ara l-Liġi Nru 570/2005 tal-15 ta’ Lulu 2005.

( 24 ) Id-deskrizzjoni tal-eċċezzjonijiet li japplikaw fid-dritt Belġjan; ara sit internet http://www.fsma.be

( 25 ) Għas-sistema applikabbli fir-Renju Unit, ara sit internet: http://www.fsa.gov.uk/pubs/other/ins_reg.pdf

( 26 ) Ninnota li l-kunċett ta’ impjegat huwa espress fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2002/92 bħala “työntekijä” (FI), “anställd” (SV), “υπάλληλος” (EL), “Angestellte” (DE), “employee” (EN), “impiegato” (IT), “empleado” (ES), “pracownik” (PL), u dan jiġġustifika l-użu tal-kelma iktar wiesgħa “impjegat”.

( 27 ) F’dan ir-rigward ninnota li, peress li d-dritt tax-xogħol ma huwiex armonizzat fuq il-livell tal-Unjoni, jeżistu soluzzjonijiet differenti fid-dritt nazzjonali inerenti għal-libertà kuntrattwali. Barra minn hekk, ir-rabta fundamentali tista’ tkun kemm ir-relazzjoni ta’ xogħol fis-sens wiesa’, kif ukoll il-kuntratt ta’ xogħol. Dan premess, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, l-esklużjoni tal-“impjegati” ta’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni mill-kamp tal-kunċett ta’ medjazzjoni għandha raġonevolment tiġi interpretata bħala li tagħmel riferiment għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn impjegat u kumpannija ta’ assigurazzjoni li huma kkaratterizzati b’rapport ta’ subordinazzjoni. F’relazzjoni kuntrattwali fejn il-partijiet ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza, ebda waħda minnhom ma tista’ titqies bħala impjegat.

( 28 ) Fir-rigward tal-limitazzjoni fuq il-ħlas, għandu jiġi ppreċiżat li wara x-xogħol preparatorju tad-direttiva, ġie eskluż li tiġi llimitata l-portata tad-direttiva b’riferiment għal ċertu ammont ta’ attività tal-intermedjarji ta’ assigurazzjoni (pereżempju, skont il-volum annwali tal-primjums miġbura) sabiex ma jiġux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-intermedjarji “ta’ daqs żgħar”, li huma kkunsidrati bħala li ma jiggarantixxux livell xieraq ta’ protezzjoni għall-persuni assigurati. Ara proposta tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq [COM/2000/0511 finali].

( 29 ) L-estensjoni tad-definizzjoni ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni marbut ma’ intermedjarji li jaħdmu taħt ir-responsabbiltà ta’ intermedjarju ieħor hija prevista fl-Artikolu 2 emendat bid-Direttiva 2002/92 riveduta, (ara proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni [COM(2012) 360 finali].

( 30 ) Il-professjoni ta’ aġent marbut hija ppreżentata f’direttivi oħra dwar is-swieq finanzjarji, bħal pereżempju d-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, tal-10 ta’ Mejju 1993, dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 43) u d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).

( 31 ) Kif jirriżulta mill-proċess, jekk l-impjegati jġibu lill-impriża li timpjegahom, li hija impriża ta’ assigurazzjoni, poloz ta’ assigurazzjoni, huma għandhom dritt għal kummissjoni, indipendentement mis-salarju tagħhom skont il-kuntratt ta’ impjieg.

( 32 ) Konsegwentement, ir-reviżjoni proposta tipprevedi li jitħassar it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(3) tad-direttiva u li dan jiġi ssostitwit b’sentenza fl-ewwel inċiż tiegħu li jipprovdi, inter alia, li “medjazzjoni fl-assigurazzjoni/riassigurazzjoni” tfisser l-attivitajiet li “jitwettqu minn impriża tal-assigurazzjoni mingħajr l-intervent ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni”. Ara proposta tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq [COM (2012) 360 finali].

( 33 ) Dan huwa, pereżempju, il-każ tal-poloz ta’ assigurazzjoni tal-ivvjaġġar mibjugħa minn aġenti tal-ivvjaġġar u l-poloz ta’ assigurazzjoni “komprensivi” kkummerċjalizzati minn kumpanniji tal-kiri jew leasing tal-karozzi. Ara COM (2012) 360 finali.