KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fis-7 ta’ Frar 2013 ( 1 )
Kawża C-536/11
Bundeswettbewerbsbehörde
vs
Donau Chemie AG
Donauchem GmbH
DC Druck-Chemie Süd GmbH & Co KG
Brenntag Austria Holding GmbH
Brenntag CEE GmbH
ASK Chemicals GmbH, li kienet Ashland-Südchemie-Kernfest GmbH
ASK Chemicals Austria GmbH, li kienet Ashland Südchemie Hantos Ges.m.b.H.
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija)]
“Kompetizzjoni — Talba għal kumpens — Provi — Ammissibbiltà — Aċċess ta’ terzi f’kawża rregolata mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, li tkun tlestiet, insostenn ta’ azzjoni ċivili — Rikjesta ta’ aċċess minn assoċjazzjoni li tirrapreżenta lil terzi li potenzjalment jistgħu jiġu affetwati minn akkordju — Projbizzjoni leġiżlattiva fuq l-aċċess mingħajr il-kunsens tal-partijiet kollha fil-kawża rregolata mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni — Assenza ta’ setgħa ġudizzjarja sabiex jiġu kkunsidrati fatturi rilevanti, inkluża l-protezzjoni ta’ provi prodotti f’proċedimenti ta’ klemenza meta pparagunati mal-effett utli — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Artikolu 19(1) TUE — Artikolu 101 TFUE — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 47”
I – Introduzzjoni
1. |
Il-pargrafu 39(2) tal-Liġi Federali Awstrijaka tal-2005 dwar l-Akkordji u Restrizzjonijiet oħra għal Kompetizzjoni (Bundesgesetz gegen Kartelle und andere Wettbewerbsbeschränkungen) (“KartG”) jipprekludi parti terza milli jkollha aċċess għall-proċessi tal-qorti f’kawżi rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ kunsens mill-partijiet għall-kawża. Verband Druck & Medientechnik (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni”) tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi fis-settur tal-istampar. Hija talbet ordni mill-Oberlandesgericht Wien, li qed taġixxi fil-kapaċità tagħha ta’ qorti tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Kompetizzjoni”) biex jiġi żgurat l-aċċess għal dokumenti f’kawżi rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, li jkunu tlestew u li jkunu saru bejn, minn naħa, il-Bundeswettbewerbsbehörde (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni”) u, min-naħa l-oħra, Donau AG Chemie u sitt operaturi ekonomiċi oħra li huma attivi fis-suq fid-distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ kimiċi għall-istampar. |
2. |
Fil-kawża preżenti qed issir talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tibbaża ruħha fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Kawża C-360/09 Pfleiderer ( 2 ) dwar aċċess għall-fajls ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għal terzi li jkunu jridu jressqu kawżi ċivili għad-danni kontra impriżi li jkunu nstabu ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, meta parti mill-informazzjoni li tinsab fil-fajl tkun inġabret fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tal-awtorità. |
3. |
Ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-awtonomija proċedurali nazzjonali tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, kemm jekk il-kwistjoni tikkonċerna d-dritt tal-kompetizzjoni jew mod ieħor. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li l-istess rimedji u regoli proċedurali li jkunu disponibbli għal azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea (UE) jiġu estiżi għal mezzi ta’ rimedju analogi ta’ natura purament domestika. Il-prinċipju ta’ effettività, jew ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jobbliga lill-qrati tal-Istati Membri biex jiżguraw li r-rimedji nazzjonali u r-regoli proċedurali ma jrendux talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-UE impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli biex jiġu infurzati. |
4. |
L-ewwel minn dawn il-prinċipji huwa rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni peress li, skont id-dritt Awstrijak, la l-proċedimenti ċivili ġenerali, u lanqas il-proċedimenti kriminali ma jimponu rekwiżit assolut tal-kunsens tal-partijiet kollha qabel ma persuni oħrajn jistgħu jiksbu aċċess għall-proċessi tal-qorti. Dan ifisser li r-regoli ta’ proċedura Awstrijaċi rilevanti qed jimponu kundizzjoni fuq l-azzjonijiet ċivili għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 3 ) tal-UE li ma tapplikax għal azzjonijiet analogi ta’ natura purament domestika ( 4 )? |
5. |
Ir-restrizzjoni tal-aċċess ta’ parti terza għall-proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni tqajjem ukoll il-problema ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-UE. F’dan il-każ, il-prinċipju klassiku ta’ effettività, li tajt id-dettalji tiegħu iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-ġdid fid-dawl tal-Artikolu 19(1) TUE, li ġie introdott mit-Trattat ta’ Lisbona. L-Artikolu 19 jipprovdi li “L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji suffiċjenti sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”. Dan imbagħad jeħtieġ kunsiderazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, kif protett mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“il-KEDB”) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatati ma’ din id-dispożizzjoni ( 5 ). |
6. |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu wkoll rwol fid-deċiżjoni ta’ jekk l-għoti ta’ aċċess lil terzi f’kawżi rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, li tkun tlestiet, jiksirx id-dritt għal smigħ xieraq, għall-inqas meta xi parti minn din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta skont il-garanzija ta’ klemenza fid-dritt pubbliku. Dan għandu implikazzjonijiet fir-rigward tal-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. |
II – Il-qafas legali
A – Il-leġiżlazzjoni tal-UE
7. |
L-ewwel sentenza tal-premessa 1 fil-preambolu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat ( 6 ) jipprovdi li, sabiex tiġi stabbilita sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tiġix distorta, l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] iridu jiġu applikati effetivament u b’mod uniformi fil-Komunità. |
8. |
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” huwa fformulat kif ġej: “Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni [mill-qrib].” |
9. |
L-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprovdi: “L-Istati Membri ħa jinominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat b’tali mod li id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma effettivament imħarsa. Il-miżuri neċessarji biex tagħti poter lill-awtoritajiet li japplikaw dawk l-Artikolu għandhom jittieħdu qabel 1 Mejju 2004. L-awtoritajiet nominati jistgħu jinkludu qrati.” |
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10. |
Il-paragrafu 39(2) tal-KartG jgħid: “Persuni, li ma jkunux partijiet fil-proċedura, jistgħu jiksbu aċċess għall-proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni biss bil-kunsens tal-partijiet.” |
11. |
Skont il-Paragrafu 219(2) taz-Zivilprozessordnung Awstrijak (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”: “Bil-kunsens taż-żewġ partijiet, terzi jistgħu jiksbu aċċess bl-istess mod, jagħmlu kopji jew jiksbu estratti (il-kopji stampati) minnu, fuq spejjeż tagħhom stess, sa fejn dan ma jkunx prekluż mill-interess prevalenti leġittimi ta’ individwu ieħor jew mill-interessi pubbliċi prevalenti fis-sens l-ewwel sentenza tal-Paragrafu 26(2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-2000 [Datenschutzgesetz 2000]. Fin-nuqqas ta’ tali kunsens, il-parti terza tkun intitolata għall-aċċess u li tikseb kopji biss sa fejn tista’ tippreżenta provi prima facie li juru li hija għandha interess ġuridiku li tagħmel dan” ( 7 ). |
12. |
Skont il-Paragrafu 273 tal-istess liġi: “(1) Jekk huwa ċert li parti waħda hija intitolata għal kumpens għal danni jew interessi jew inkella għandha pretensjoni, iżda l-provi tal-ammont disputibbli tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat jew tal-interessi jew tal-pretensjoni ma jistgħux jiġu prodotti jew jistgħu biss jitressqu b’diffikultajiet sproporzjonati, il-qorti tista’, fuq talba jew ex officio, tistabbilixxi dan l-ammont liberament, anki mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-provi ssuġġeriti mill-parti. Id-determinazzjoni tal-ammont jista’ jiġi preċedut mill-eżami taħt ġurament ta’ waħda mill-partijiet fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont. (2) Jekk, fost iktar talbiet, imressqa fl-istess kawża, pretensjonijiet individwali, li huma negliġibbli mal-ammont totali, huma kontenzjużi u l-kjarifika sħiħa taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għalihom toħloq diffikultajiet, li jkunu sproporzjonati għall-importanza tal-pretensjonijiet inkwistjoni, il-qorti tista’ liberament tiddeċiedi fuqhom bl-istess mod (paragrafu 1). L-istess japplika għal talbiet individwali, jekk l-ammont mitlub f’kull każ ma jaqbiżx l-EUR 1000.” |
13. |
Skont il-Paragrafu 77(1) tas-Strafprozessordnung Awstrijak (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”): “Fil-każ ta’ interess ġuridiku ġustifikat, il-prosekuturi pubbliċi u l-qrati għandhom, ukoll f’każijiet li ma humiex speċifikament imsemmija f’dan il-Kodiċi, jagħtu aċċess għas-sejbiet tal-proċedimenti ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni preliminari, li huma disponibbli għalihom, sakemm dan ma jkunx prekluż minn interessi pubbliċi prevalenti jew privati.” |
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14. |
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Qorti tal-Kompetizzjoni għamlet ordni li timponi multi fuq il-konvenuti fil-kawża prinċipali għall-parteċipazzjoni fi ftehim u prattiki miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE. Dawn il-proċeduri (iktar ’il quddiem il-“proċeduri ta’ akkordju”) kienu nġabu mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ talbiet għal klemenza magħmula minn wieħed mill-konvenuti. Il-Qorti tal-Kompetizzjoni ddeċidiet li kien hemm ksur tal-projbizzjoni fuq akkordji, u li l-akkordju projbit kien qiegħed jopera fl-Awstrija fis-suq tad-distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ kimiċi għall-istampar. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Oberster Gerichtshof (iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”), fil-kapaċità tagħha bħala qorti tal-appell fir-rigward tal-akkordji, permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Ottubru 2010 u saret finali. |
15. |
L-Assoċjazzjoni qed titlob l-aċċess għall-proċess (Akteneinsicht) miżmum mill-Qorti tal-Kompetizzjoni fil-proċedura ta’ akkordju ( 8 ). L-Assoċjazzjoni tgħid li, f’konformità mal-Artikoli ta’ inkorporazzjoni tagħha, hija intitolata tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha, inklużi l-impriżi fis-settur tal-istampar. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fuq talba tal-membri tagħha, l-Assoċjazzjoni qed teżamina b’mod partikolari l-livell ta’ dannu li jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bil-għan li tipprepara kawża biex tikkumpensa dan. |
16. |
L-Assoċjazzjoni tgħid li teħtieġ l-aċċess għall-proċess tal-Qorti tal-Kompetizzjoni biex tistabbilixxi n-natura u l-importanza tad-dannu subit, jew biex dan jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fil-proċess. Dan, hija ssostni, jipprovdiha b’interess ġuridiku. |
17. |
Il-partijiet kollha fil-proċeduri ta’ akkordju, bl-eċċezzjoni tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, irrifjutaw li jagħtu l-kunsens. L-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni kienet aċċettat li tipprovdi lil min għamlet it-talba għall-aċċess bl-aċċess għad-digriet fl-ewwel istanza; jiġifieri, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Kompetizzjoni, iżda mhux iktar. Bħala kwistjoni ta’ dritt Awstrijak, u, b’mod iktar speċifiku, minħabba il-Paragrafu 39(2) tal-KartG u r-regoli tagħha dwar il-“protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali” dan ifisser li la l-proċess u lanqas l-ordni/ digriet tal-Qorti tal-Kompetizzjoni ma jistgħu jingħataw lill-Assoċjazzjoni sabiex jassistuha fil-prosegwiment tal-kawża għad-danni kontra l-konvenuti, jew għal kwalunkwe skop ieħor. |
18. |
Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Pfleiderer u l-indikazzjonijiet mogħtija f’dik il-kawża, li d-dritt tal-UE jitlob li l-interessi kollha jridu jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ meta parti terza tallega dannu li jirriżulta minn ksur tal-Artikolu 102 TFUE titlob aċċess għall-proċess ikkumpilat f’kawża rregolata mid-dritt pubbliku li tikkonċerna dan, u anki meta kkumpilat fil-kuntest tal-klemenza, il-Qorti tal-Kompetizzjoni tistaqsi jekk il-liġi Awstrijaka hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effett utli u l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jippermettu lil individwi jagħmlu kawżi għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 9 ). Il-Qorti tal-Kompetizzjoni għandha dubji wkoll dwar il-kompatibbiltà tal-Paragrafu 39(2) tal-KartG mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, meta l-kunsens tal-partijiet kollha mhux meħtieġ, bħala kwistjoni ta’ dritt Awstrijak, fil-każijiet ordinarji tal-liġi ċivili bħalma huma delitti jew fid-dritt kriminali fir-rigward ta’ proċessi miżmuma mill-qrati. |
19. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Kompetizzjoni ressqet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.
|
20. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Assoċjazzjoni, mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, Donau Chemie AG u Donauchem GmbH, Brenntag CEE GmbH, Ask Chemicals GmbH u ASK Chemicals Austria GmbH ( 10 ), DC Druck Chemie Süd GmbH & Co KG, il-Gvern tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Spanja u tal-Italja, il-Kummissjoni, u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. Dawk kollha msemmija hawn fuq ħlief għall-Gvern Taljan dehru fis-seduta li nżammet fl-4 ta’ Ottubru 2012, flimkien mar-Repubblika Franċiża. |
IV – Analiżi legali
A – L-ammissibbiltà tad-deċiżjoni tar-rinviju
21. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tar-rinviju hijiex sodisfatta li l-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fli-Paragrafu 219(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġew sodisfatti. Din id-dispożizzjoni tidher li hija l-miżura nazzjonali li tirregola l-aċċess għall-proċess, jekk il-Paragrafu 39(2) tal-KartG kien ikkunsidrat bħala inkompatibbli mad-dritt tal-UE. L-Artikolu 219(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jeħtieġ il-wiri ta’ interess ġuridiku għal aċċess għall-proċess. Il-Kummissjoni tiddubita, għalhekk, jekk ir-risposti għad-domandi mressqa jistgħux jispiċċaw ikunu ta’ natura ipotetika jekk l-Assoċjazzjoni ma tkunx tista’ turi interess ġuridiku suffiċjenti. |
22. |
Nixtieq nirrileva wkoll li saru diversi kummenti oħra fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni li minkejja li huma indirizzati biex iwieġbu l-ewwel domanda, huma wkoll rilevanti għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà. Dan ukoll minħabba l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, pereżempju, dwar jekk hemmx mezzi alternattivi skont il-liġi Awstrijaka għall-ġbir tal-provi meħtieġa. Il-Kummissjoni tirrileva li huwa importanti li jkun magħruf sa fejn il-qorti li tkun adita b’talba għad-danni tieħu inkunsiderazzjoni l-provi bil-miktub, jew jekk hija tagħtix prijorità lil xhieda orali. Jekk jiġri dan tal-aħħar, id-dokumenti li jinsabu fil-proċess ikollhom inqas importanza. Kwistjoni oħra ewlenija hija l-punt sa fejn prova indiretta, bil-kontra ta’ prova diretta, hija awtorizzata mid-dritt nazzjonali u biżżejjed biex issostni t-talba għad-danni. |
23. |
Bl-istess mod l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni ssostni li d-dritt Awstrijak jipprovdi mezzi biżżejjed għall-ġbir ta’ provi u sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tat-talbiet għad-danni bbażati fuq il-liġi tal-kompetizzjoni. Pereżempju, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni tistaqsi mistoqsijiet, inter alia, dwar id-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-membri tal-Assoċjazzjoni, rigward il-kwantifikazzjoni tat-telf. Hija indikat li, skont il-Paragrafu 273 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jekk l-ammont tad-dannu subit ma jistax jiġi ddeterminat, jew jista’ jiġi ddeterminat biss b’diffikultà kunsiderevoli, tista’ ssir valutazzjoni libera mit-tribunal. |
24. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, dwar l-intepretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u jekk il-mod kif tinterpretahom il-qorti tar-rinviju huwiex korrett ( 11 ). Hija l-qorti nazzjonali tar-rinviju li għandha tivverifika l-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet li jsirulha ( 12 ). |
25. |
Hawnhekk huwa importanti li ssir distinzjoni kunċettwali bejn tliet tipi differenti ta’ proċessi, jiġifieri (i) id-dokumenti tal-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti fir-rigward tal-investigazzjoni dwar l-antitrust; (ii) id-dokumenti marbuta mal-proċeduri quddiem qorti kompetenti jew tribunal li jkun qed jiddeċiedi dwar il-kwistjoni li tista’ tinkludi, inter alia, dokumenti (xi wħud jew kollha) tal-investigazzjoni dwar l-antitrust, u (iii) provi dokumentarji quddiem qorti ċivili kompetenti fuq kwalunkwe azzjoni tad-dritt privat possibbli bbażati fuq ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 13 ). |
26. |
Tkun xi tkun id-distribuzzjoni tas-setgħat deċiżjonali bejn l-organi differenti f’din l-istruttura legali ( 14 ), niġu ffaċċjati bi tliet kwistjonijiet differenti; (i) l-aċċess għad-dokumenti ta’ investigazzjoni dwar l-antitrust miżmuma mill-awtorità tal-kompetizzjoni, li jikkonċerna l-aċċess għal dokumenti amministrattivi (ii) l-aċċess għall-proċess tal-qorti ta’ Stat Membru jew tribunal kompetenti fi proċeduri ta’ kompetizzjoni, li jirrigwarda l-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji, u (iii) id-disponibbiltà ta’ tali dokumenti amministrattivi jew ġudizzjarji għall-iskopijiet ta’ bidu ta’ kawża ċivili. Dan jista’ jinvolvi “pre-trial discovery” jew obbligi li jiġu żvelati d-dokumenti fil-kuntest ta’ kawża ċivili. |
27. |
Skont il-formulazzjoni ċara tad-domandi preliminari, din il-kawża taqa’ fit-tieni kategorija, jiġifieri l-aċċess għal dokumenti miżmuma minn qorti li hija kompetenti biex tiddeċiedi fuq kawża dwar l-akkordji rregolata mid-dritt pubbliku. It-talba għal aċċess għal dawn id-dokumenti, anki jekk jidher li ġiet irreġistrata, teknikament, mill-Qorti tal-Kompetizzjoni bħala kontinwazzjoni tal-proċedura fil-qasam tal-akkordju, hija separata kemm mill-ksur sostantiv tad-dritt tal-UE u/jew mil-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali, u kwalunkwe kawża privata possibbli, li tista’ tinġieb quddiem il-qrati ċivili kompetenti, għad-danni ( 15 ). |
28. |
Għalhekk, din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Kompetizzjoni bl-ebda mod ma hija ipotetika, u d-dritt tal-UE b’mod ċar jista’ jaffettwa r-riżultat tagħha, jiġifieri jekk l-aċċess għad-dokumenti mitluba għandux jiġi mogħti jew miċħud. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet relatati mal-kapaċità jew l-interess ġuridiku tal-Assoċjazzjoni jew il-membri tagħha fi kwalunkwe kawża ċivili li tista’ sseħħ, jew standard probatorju applikabbli hemmhekk, huma irrilevanti għall-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, għalkemm dawn jistgħu b’mod ċar jaffettwaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, u dan tal-aħħar għandu jkun ittrattat mill-qorti nazzjonali. |
29. |
Fl-opinjoni tiegħi, b’kunsiderazzjoni xierqa kemm tal-liġi rilevanti kif ukoll tal-fatti disponibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni kollha quddiemha sabiex tkun tista’ tagħti risposta għad-domanda mressqa. Għal dawn ir-raġunijiet nikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
B – Ir-risposta għat-tieni domanda
30. |
Iddeċidejt li nwieġeb il-mistoqsijiet preliminari fl-ordni invers minħabba li naħseb li huwa iktar loġiku f’dan il-każ li niddiskutu l-ewwel il-prinċipju ta’ ekwivalenza, anki jekk kienet it-tieni domanda magħmula mill-qorti nazzjonali. Dan huwa hekk għaliex, fl-opinjoni tiegħi, mill-perspettiva tal-limiti ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali, il-kwistjoni ta’ ekwivalenza loġikament tippreċedi l-kwistjoni tal-effettività. Minkejja dak li qalet il-qorti nazzjonali fil-bidu tat-tieni domanda, mill-perspettiva tad-dritt tal-UE, iż-żewġ kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati sabiex tingħata risposta utli. |
31. |
It-tieni domanda preliminari tista’ tingħata risposta pjuttost diretta. Jien naqbel mal-pożizzjoni sostnuta mill-partijiet kollha, ħlief għall-Assoċjazzjoni, li tgħid li Paragrafu 39(2) tal-KartG sempliċement ma hijiex dispożizzjoni li hija analoga, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ ekwivalenza, għall-Paragrafu 219(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jew għall-Artikolu 77(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għandu jingħad ukoll li din il-konklużjoni ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni iżda fuq dak ta’ ekwivalenza li, skont il-ġurisprudenza stabbilita jillimita l-awtonomija proċedurali nazzjonali. L-ewwel prinċipju li ssemma jipprovdi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti. Dan ma jidhirx li jkun applikabbli għall-fatti preżenti, peress li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jservi l-istess għan. |
32. |
Konformità mal-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-UE u dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali “li jkollhom skop u kawżalità simili” ( 16 ). Madankollu, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lil Stat Membru jestendi r-regoli l-iktar favorevoli tiegħu fi kwalunkwe qasam għal kull azzjoni diretta fil-qasam partikolari tal-liġi ( 17 ). |
33. |
Normalment il-kompitu ta’ tqabbil tal-proċeduri nazzjonali differenti, f’termini ta’ ekwivalenza, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali tar-rinviju, li għandha tikkunsidra jekk l-azzjonijiet ikkonċernati humiex simili fir-rigward tal-għan, il-korsijiet ta’ azzjoni u l-karatteristiċi essenziali tagħhom ( 18 ). Sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali hijiex inqas favorevoli, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol tad-dispożizzjoni fil-proċedura, meħuda komplessivament, tal-kontenut ta’ dik il-proċedura u tal-karatteristiċi speċjali tiegħu ( 19 ). |
34. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, okkażjonalment ħadet pożizzjoni dwar jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza. F’xi okkażjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja tat indikazzjoni tal-opinjoni tagħha, filwaqt li xorta ħalliet id-deċiżjoni tal-kwistjoni għall-qorti nazzjonali ( 20 ) filwaqt li dwar oħrajn għamlet konklużjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà jew le tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ( 21 ) mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza. Fl-opinjoni tiegħi l-każ ineżami ħaqqu jiġi kkunsidrat bl-approċċ tal-aħħar. |
35. |
Hawn il-projbizzjoni fuq aċċess ta’ terzi għal proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni tapplika kemm għall-każijiet ibbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE kif ukoll fuq id-dritt tal-kompetizzjoni Awstrijak. Fi kliem ieħor, ma hemm l-ebda differenza fit-trattament li tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ azzjoni meħuda mid-dritt tal-Unjoni Ewropea li ġiet ikklassifikata jew ittrattata b’mod differenti minn sitwazzjoni purament interna ( 22 ). |
36. |
Fl-opinjoni tiegħi ma jistax jiġi argumentat li dawn il-proċeduri huma komparabbli ma’ proċeduri ordinarji ċivili jew kriminali, peress li la huma kkonċernati bil-protezzjoni ta’ programmi ta’ klemenza u lanqas b’karatteristiċi speċifiċi oħrajn tal-kawżi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kuntest tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni. |
37. |
Nipproponi għalhekk li t-tieni domanda għandha tiġi mwieġba billi jiġi ddikjarat li l-prinċipju ta’ ekwivalenza taħt id-dritt tal-UE ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Paragrafu 39(2) tal-KartG. |
C – Ir-risposta għall-ewwel domanda
1. Osservazzjonijiet preliminari
38. |
Bl-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Kompetizzjoni tfittex gwida dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-UE ta’ liġi ta’ Stat Membru li timponi projbizzjoni fuq aċċess ta’ terzi għal dokumenti li tqiegħdu quddiem il-Qorti tal-Kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ kunsens tal-partijiet għal dawk il-kawżi irregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni. It-tħassib tal-qorti nazzjonali jwassal, iktar speċifikament, għall-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali projbizzjoni mad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju jew prattika projbiti, fi proċeduri ċivili kontra l-partijiet fil-ftehim, kif kien stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Courage u Crehan ( 23 ) u kkonfermat fis-sentenza Manfredi ( 24 ). |
39. |
Il-kwistjoni quddiemna ssir iktar kumplessa bil-fatt li parti mill-informazzjoni mitluba mill-Assoċjazzjoni kienet miġbura, fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza, minn waħda mill-impriżi li kontra tagħha l-Assoċjazzjoni tixtieq li tibda azzjoni legali. |
40. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-approċċ fis-sentenza Pfleiderer li fl-opinjoni tiegħi huwa ugwalment validu għal din il-kawża. Hija sostniet li la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprevedu regoli komuni ta’ klemenza jew regoli komuni dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza mogħtija volontarjament lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni skont programm nazzjonali ta’ klemenza ( 25 )Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tikkonkludi li, fin-nuqqas ta’ regolament vinkolanti tad-dritt tal-UE dwar is-suġġett, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ aċċess, minn persuni leżi minn akkordju, għad-dokumenti relatati ma’ programmi ta’ klemenza ( 26 ), bla ħsara għar-rekwiżit li dawn ma jirrendux l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE impossibbli jew eċċessivament diffiċli, u, speċifikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiżguraw li r-regoli li huma jistabbilixxu jew li japplikaw ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE ( 27 ). |
41. |
Dan wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja għal konklużjoni fis-sentenza Pfleiderer li hija ugwalment rilevanti għall-kawża odjerna, minkejja l-kuntest istituzzjonali differenti minn tal-kawża Pfleiderer, li kienet tikkonċerna l-aċċess għal dokumenti amministrattivi minflok ġudizzjarji. B’mod partikolari, hija indikat li fl-eżami ta’ talba għal aċċess għal dokumenti fil-kuntest ta’ programm nazzjonali ta’ klemenza, huwa meħtieġ li jintiżnu l-protezzjoni tal-informazzjoni pprovduta volontarjament minn persuna li titlob għal klemenza (l-effettività ta’ liema tista’ tiġi kompromessa, u għalhekk l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, jekk id-dokumenti ta’ klemenza kienu żvelati lil persuni li jixtiequ jippreżentaw rikors għad-danni) ( 28 ), kontra l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli nazzjonali applikabbli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw talbiet domestiċi simili u li ma joperawx b’tali mod li jagħmluha impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb tali kumpens ( 29 ). Dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni, iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jsir biss mill-qrati nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ ( 30 ). Se nerġa mmur lura għall-importanza ta’ dawn il-konklużjonijiet dalwaqt. |
42. |
Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenzi magħquda tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel, C-430/93 u C-431/93, f’kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-UE, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, meħuda bħala unità, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-prinċipji bażiċi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, għandhom, fejn ikun xieraq, jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li tingħata l-kunsiderazzjoni ( 31 ) dovuta lil dan il-prinċipju. |
43. |
Madankollu, filwaqt li l-konstatazzjonijiet fis-sentenza Pfleiderer huma rilevanti għall-kawża preżenti, huwa ugwalment importanti li nkunu konxji mid-differenzi. F’dik il-kawża il-qorti nazzjonali tar-rinviju staqsiet, dwar l-impatt li l-aċċess minn parti leża għal informazzjoni pprovduta minn persuna li titlbob għal klemenza lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jista’ jkollu fuq is-sistema ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest ta’ kawża għal klemenza ( 32 ). |
44. |
Iżda l-ewwel mistoqsija fil-kawża odjerna tikkonċerna l-projbizzjoni imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali fuq id-dokumenti kollha li jinsabu fil-proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni fl-assenza tal-kunsens tal-partijiet, kemm jekk jappartjenu għall-proċedimenti ta’ klemenza jew le, u skont liema qorti nazzjonali tkun prekluża milli twettaq l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni preskritt mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pfleiderer. |
45. |
Fi kliem ieħor, din il-kawża hija, f’ċerti aspetti, eqreb għall-problema kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Courage u Crehan, u li indirizzat il-projbizzjoni taħt il-liġi Ingliża dwar rikorsi għal kumpens minn partijiet għal kuntratti illegali, inkluż ftehim li kien jikser l-Artikolu 101 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, l-idea ewlenija dehret fil-punt 26 tas-sentenza Courage u Crehan: “L-effikaċja sħiħa ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 85(1) tkun ipperikolata jekk ebda persuna ma tkun tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha permezz ta’ kuntratt jew imġieba li tista’ tirrestrinġi jew tiddistorta l-kompetizzjoni ( 33 ). |
46. |
Għalhekk, id-domanda kruċjali hija din: ir-restrizzjoni Awstrijaka, kif deskritta mill-Qorti tal-Kompetizzjoni, tfisser li ma huwiex possibbli għall-Assoċjazzjoni jew impriżi membri tagħha li jitolbu kumpens għad-dannu kkawżat lilhom minn akkordju illegali, fis-sens li l-projbizzjoni Awstrijaka trendieh impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli ( 34 )? Wara dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza DEB, jeħtieġ li jiġi mistoqsi jekk għall-Assoċjazzjoni hemmx disponibbli rimedju legali li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li joħroġu mid-dritt tal-UE ( 35 ); hija kapaċi tasserixxi d-drittijiet tagħha ibbażati fuq id-dritt tal-UE quddiem il-qrati Awstrijaċi ( 36 )? |
47. |
Fl-aħħar nett, għandha tittieħed il-kunsiderazzjoni dovuta għall-Artikolu 19(1) TUE, u sa fejn huwa jipprovdi garanzija supplimentari għall-prinċipju ta’ effettività. Skont l-Artikolu 19(1), l-Istati Membri huma marbuta li jipprovdu rimedji “sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.” Fi kliem ieħor, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat, l-istandard ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ibbażati fl-UE jidher li huwa iktar diffiċli milli l-formula klassika li tirreferi għal impossibbiltà fil-prattika jew diffikultà eċċessiva. Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li r-rimedji nazzjonali għandhom ikunu aċċessibbli, fil-pront, u li jipprovdu benefiċċju ( 37 ). |
48. |
Mill-perspettiva tal-politika tal-kompetizzjoni, din il-kawża tirrigwarda d-dibattitu dwar l-hekk imsejjaħ infurzar privat tar-regoli tal-kompetizzjoni. B’differenza għas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti, l-għażla hija forsi mhux l-aktar xieraq hawnhekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-ambitu tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, arranġamenti bħal “pre-trial discovery”, azzjonijiet kollettivi, u d-danni punittivi ma jeżistux. Fil-fehma tiegħi, il-vittmi ta’ restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea huma, forsi b’differenza għall-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti, sempliċement ifittxu protezzjoni legali għall-possibbiltà li jiġi nfurzat dritt privat iktar mill-infurzar ta’ politika pubblika. |
2. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-regoli nazzjonali dwar il-provi u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw l-effett utli
49. |
Jidher mill-ġurisprudenza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar il-provi u, b’mod partikolari, ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova applikabbli għal azzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ksur tal-UE ma jagħmluhiex impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli għall-individwi li jeżerċitaw drittijiet mogħtija mid-dritt mill-UE ( 38 ). |
50. |
Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li l-individwu li jixtieq jippreżenta rikors għad-danni skont id-dritt tar-responsabbiltà tal-Istat tal-UE jkun jista’ jibbenefika minn proċedura eċċezzjonali li tippermetti li tingħata x-xhieda, li f’każ li ma sseħħx huwa għandu jkun kapaċi jipproduċi provi oħra, b’mod partikolari provi dokumentarji, sabiex jiċċertifika d-dannu sostnut ( 39 ). Fil-każ kuntrarju, ir-regoli li jirregolaw il-provi jagħmluha impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli, u b’mod partikolari l-ewwel waħda, għall-individwu li jeżerċita drittijiet mogħtija mid-dritt tal-UE ( 40 ). Fi kliem ieħor, restrizzjonijiet fuq il-provi li huma “kruċjali għall-kawża tar-rikorrent” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 41 ) huma inkompatibbli mal-effett utli. Regoli oħra dwar il-provi li ġew sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom ikunu suġġetti għall-iskrutinju tal-qrati nazzjonali għal ksur tal-prinċipju ta’ effett utli jinkludu dawk li jipperikolaw il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ( 42 ). |
51. |
Fl-opinjoni tiegħi, li l-aċċess għall-proċessi ġudizzjarji tad-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni għall-kunsens ta’ min ikun wettaq il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, jikkostitwixxi deterrent sinjifikattiv tal-eżerċizzju tad-dritt li jintalbu danni ċivili għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk individwu ġie dissważ milli jressaq kawża tempestivament, mill-persuna li wettqet il-ksur, dan tal-aħħar ma jkunx intitolat jinvoka r- regoli proċedurali nazzjonali dwar limiti ta’ termini ta’ skadenza għat-tressiq ta’ kawża ( 44 ). Ma nista’ nara l-ebda raġuni għal-limitazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal perijodi ta’ preskrizzjoni, u nadvoka estensjoni tagħhom għar-regoli dwar l-oneru li għandu effett deterrenti analogu ( 45 ). Barra dan, nixtieq inqajjem dubju dwar il-konformità ta’ rimedji li jiskoraġġixxu l-infurzar tad-drittijiet tad-dritt tal-UE mal-Artikolu 19(1) TUE. |
3. L-Artikolu 47 tal-Karta
52. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat reċentement, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi diversi elementi; b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għal kulħadd, id-dritt ta’ aċċess għal qorti u d-dritt li jingħata parir, għad-difiża u għar-rappreżentazzjoni ( 46 ). Barra minn hekk, id-dritt ta’ aċċess għal qorti jinkludi wkoll, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “setgħa” f’idejn il-qrati nazzjonali li jikkunsidraw il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma rilevanti għall-kawżi quddiemhom ( 47 ). Fl-opinjoni tiegħi, qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fuq il-konsegwenzi tad-dritt ċivili ta’ restrizzjoni illegali ta’ kompetizzjoni ma jistax ikollha tali “setgħa” jekk fil-prattika tkun prekluża milli taċċedi għal materjal ta’ provi kruċjali, bħal proċessi miġbura f’kawża rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, u li fiha tkun diġà ġiet stabbilita restrizzjoni illegali tal-kompetizzjoni, bħal akkordju. |
53. |
Għalhekk, il-limitazzjoni tad-disponibbiltà ta’ materjal ta’ provi kruċjali timmina d-dritt tal-partijiet għal determinazzjoni ġudizzjarja tat-tilwima tagħhom ( 48 ). Hija wkoll għandha impatt fuq id-drittijiet tagħhom biex jippreżentaw il-kawżi tagħhom b’mod effettiv ( 49 ). |
54. |
Madankollu d-dritt ta’ aċċess għal qrati ma huwiex wieħed assolut ( 50 ). Dan jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, sakemm dawn ma jfixklux il-qalba stess tad-dritt ta’ aċċess, isegwu għan leġittimu, u fejn ikun hemm relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan leġittimu mixtieq ( 51 ). |
55. |
L-Artikolu 47 huwa rilevanti wkoll għall-kawża odjerna minħabba li jiggarantixxi s-smiegħ xieraq tas-seduti, li jservi biex jipproteġi l-interessi tal-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-akkordju. Fl-opinjoni tiegħi, l-aċċess minn terzi għal dikjarazzjonijiet volontarji awtoinkriminanti magħmulin minn persuna li titlob għal klemenza ma għandux, fil-prinċipju jingħata ( 52 ). Il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni ilu stabbilit fid-dritt tal-UE ( 53 ), u huwa direttament opponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li qed jimplimentaw ir-regoli tal-UE ( 54 ). |
56. |
Huwa veru li programmi ta’ klemenza ma jiggarantux protezzjoni kontra pretensjonijiet għad-danni ( 55 ) u li l-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni ma japplikax fil-kuntesti tad-dritt privat. Minkejja dan, iż-żewġ raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ ekwità lejn il-parti li tkun tat id-dikjarazzjonijiet inkriminanti fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza għandhom relevanza kbira kontra li jingħata aċċess għall-proċessi ta’ kawżi rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni meta l-parti li tibbenefika minnhom tkun aġixxiet bħala xhud għall-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun qed tagħmel il-prosekuzzjoni. |
4. L-applikazzjoni għall-kawża preżenti
57. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dritt tal-UE jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma “tostakolax” id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 56 ); dawk ikkonċernati ma jistgħux jinżammu milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Il-projbizzjoni Awstrijaka dwar l-aċċess għal proċeduri tal-Qorti tal-Kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ kunsens tal-partijiet kollha, għandha effett bħal dan? |
58. |
Ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-iżvelar lil terzi ta’ dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-impriżi matul kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jista’ jdgħajjef, fil-prinċipju, kemm il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u kif ukoll dak tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura, anki meta dawn il-proċeduri jkunu tlestew u ġew magħluqa ( 57 ). Prinċipji ta’ dan it-tip ( 58 ), madankollu, jikkompetu fil-livell tal-UE mar-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti u l-obbligu ta’ trasparenza, kif previst kemm mil-leġiżlazzjoni tal-UE u kif ukoll fil-liġi primarja tal-UE ( 59 ). |
59. |
Bħala riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat korp tal-ġurisprudenza, u li inkluda kawżi li jaqgħu fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet tal-kompetizzjoni ( 60 ), li essenzjalment jinvolvi l-ibbilanċjar ta’ tali imperattivi wieħed mal-ieħor, u b’riferiment għall-evalwazzjoni ta’ kull dokument individwali mitlub. Dan ifisser li, fil-livell tal-UE, projbizzjoni assoluta fuq l-aċċess għal dokumenti tal-Kummissjoni li ġew miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ akkordju huwa inkonċepibbli. |
60. |
Dawn il-prinċipji, li ġew żviluppati fil-kuntest ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea, ma jistgħux jiġu direttament trasposti f’livell nazzjonali. Madankollu, dawn jipprovdu l-kuntest, l-isfond, u l-perspettiva fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-projbizzjoni assoluta fid-dritt Awstrijak mal-prinċipju ta’ effett utli. |
61. |
Bl-istess mod, u kif kien evidenti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Pfleiderer, għandha tittieħed il-kunsiderazzjoni dovuta għall-imperattiv ta’ protezzjoni ta’ programmi ta’ klemenza. Skont il-punt 26 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal Artikoli 81 u 82 KE ( 61 ), “…[I]l-Kummissjoni ma għandhiex tittrażmetti lill-qrati nazzjonali informazzjoni mogħtija volontarjament minn persuna li titlob għal klemenza mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għalkemm, kif diġà semmejt, l-għoti ta’ klemenza mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea ma tipprovdi l-ebda garanzija fil-kuntest ta’ kawża ċivili għad-danni ( 62 ). |
62. |
Kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip huma ugwalment pertinenti fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Paragrafu 39(2) tal-KartG, speċjalment meta l-kawża ċivili għad-danni jkollha rwol komplementarju fl-UE ( 63 ), għall-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt fil-Courage u Crehan vs Manfredi tal-partijiet privati li jfittxu għad-danni lill-operaturi ekonomiċi li kisru d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE ma għandux, fil-fehma tiegħi, jiġi żviluppat sal-punt li jista’ jipperikola l-effikaċja tal-mekkaniżmi ġudizzjarji pubbliċi ta’ infurzar, kemm jekk dawn ikunu Ewropej kemm jekk ikunu nazzjonali. |
63. |
Id-dispożizzjoni Awstrijaka ġiet sostnuta mill-argument li jgħid li l-leġiżlatur Awstrijak wettaq il-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi pubbliċi u privati, u sab li hija xierqa biex tagħti preċedenza assoluta lill-interess pubbliku relatat mal-infurzar effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, ħlief għal ċerti sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-ambitu tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar li ma jħalli ebda lok għal wieħed mill-interessi li jikkompetu ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
64. |
Għalhekk, mill-perspettiva tal-proporzjonalità, fl-opinjoni tiegħi regola leġiżlattiva tkun iktar xierqa li tipprovdi l-protezzjoni assoluta għall-parteċipanti fi programm ta’ klemenza, iżda li teħtieġ l-interessi ta’ parteċipanti oħra fil-prattika restrittiva biex jiġu bbilanċjati kontra l-interessi tal-allegati vittmi. Infakkar li, fl-Awstrija, l-ambitu tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-proċess tal-Qorti tal-Kompetizzjoni ma huwiex limitat għas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi parteċipanti. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi u ħlief għall-impriżi li jibbenefikaw mill-klemenza, il-parteċipazzjoni f’restrizzjoni illegali tal-kompetizzjoni ma tikkostitwixxix sigriet kummerċjali li jimmerita protezzjoni mid-dritt tal-UE ( 64 ). |
65. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi projbizzjoni assoluta fuq l-aċċess għall-proċessi tal-qorti miżmuma mill-Qorti tal-Kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ kunsens tal-partijiet, huwa impediment sproporzjonat għad-dritt ta’ aċċess għal qorti, kif iggarantit mill-Artikolu 47 u b’mod partikolari meta, kif huwa indikat fil-proċess tal-kawża, is-sentenzi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni ma jkunux disponibbli għall-pubbliku. |
66. |
Fl-opinjoni tiegħi, dak li huwa meħtieġ, taħt l-imperattiv ta’ effett utli hija faċilità f’idejn il-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi dwar aċċess ta’ terzi għal proċess tal-qorti biex tagħmel eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tat-tip li kien issemma fis-sentenza Pfleiderer. Tali eżerċizzju jippermetti lill-qorti nazzjonali li tistabbilixxi l-fatturi li jikkompetu kontra xulxin, bħall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali leġittimi tal-impriżi li jkunu pparteċipaw fir-restrizzjoni kontra l-obbligu tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 19(1) TUE biex jipprovdi r-rimedji “meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjon.” Il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jirregola l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’tali eżerċizzju, iżda ma tipprekludix li dan jiġri, ħlief għal, forsi, l-informazzjoni pprovduta mill-impriżi li jibbenefikaw mill-klemenza. |
67. |
Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li għalkemm it-Trattat KE għamilha possibbli f’numru ta’ każijiet għal persuni privati li jippreżentaw rikors dirett, fejn xieraq, quddiem il-Qorti Komunitarja, ma kienx maħsub biex joħloq rimedji ġodda fil-qrati nazzjonali li jiżguraw l-osservanza tad-dritt Komunitarju ħlief dawk diġà stabbiliti bid-dritt nazzjonali. Ikun mod ieħor biss kieku kien jirriżulta mill-istruttura ġenerali tas-sistema legali nazzjonali inkwistjoni li l-ebda rimedju legali ma jeżisti li jiżgura, anki indirettament, ir-rispett għad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt Komunitarju ( 65 ). |
68. |
Għalhekk, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Kompetizzjoni hija marbuta li tagħti l-kunsiderazzjoni dovuta lill-mezzi alternattivi ta’ ġbir ta’ provi li huma disponibbli skont id-dritt Awstrijak. Dan jinkludi, pereżempju, ir-regoli proċedurali dwar l-iżvelar ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ kawżi ċivili jew regoli li jirregolaw l-aċċess għal dokumenti amministrattivi tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, flimkien mal-Artikoli 219(2) u 273 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, qabel ma tiddeċiedi liema partijiet tal-proċessi tagħha għandhom jiġu rrilaxxati lill-partijiet terzi, jekk ikun hemm, sabiex tikkonforma mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ kawżi għad-danni, fil-kuntest tas-sentenza Courage u Crehan vs Manfredi, kontra operaturi ekonomiċi li jkunu nstabu ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. L-istess eżerċizzju jeħtieġ li jsir fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tad-danni ( 66 ). |
69. |
Bħala konklużjoni, fl-ambitu tal-parametri li jistgħu jiġu stabbiliti mil-leġiżlatur nazzjonali, u sakemm jiġu rrispettati l-prinċipji tal-liġi tal-Unjoni Ewropea żviluppati iktar ’il fuq, għandu jkun hemm xi lok għall-ibbilanċjar tal-interess pubbliku relatat mal-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni kontra l-interessi privati tal-vittmi ta’ ksur tal-istess regoli. |
70. |
Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb l-ewwel domanda, fis-sens li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif applikat fid-dawl tal-Artikolu 19(1) TUE, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni bħall-Paragrafu39(2) tal-KartaG li jipprojbixxi l-aċċess għall-proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni lil terzi li jixtiequ jibdew azzjonijiet ċivili għad-danni kontra l-parteċipanti fl-akkordju, fin-nuqqas ta’ kunsens ta’ dawn tal-aħħar. |
V – Konklużjoni
71. |
Għalhekk nipproponi r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Kompetizzjoni.
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011 (C-360/09, Ġabra p. I-5161).
( 3 ) Ara s-sentenzi magħquda tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619) u tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99, Ġabra p. I-6297).
( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C-326/96, Ġabra p. I-7835).
( 5 ) Ara, b’analoġija, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza Pfleiderer, punt 3.
( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2003, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.
( 7 ) Punt 219(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma japplikax għal kawża rregolata mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni.
( 8 ) Fit-talba għall-aċċess għal dokumenti, l-Assoċjazzjoni rreferiet għal [Kartellakt], 29 Kt 5/09.
( 9 ) Courage u Crehan u Manfredi.
( 10 ) Kif indikat fuq il-paġna ta’ quddiem ta’ dawn il-konklużjonijiet, ASK Chemicals GmbH qabel kienet Ashland-Südchemie-Kernfest GmbH u ASK Chemicals Austria GmbH qabel kienet Ashland Südchemie Hantos Ges.m.b.H.
( 11 ) Kawżi magħquda tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 12 ) Orfanopoulos, punt 45.
( 13 ) Fil-livell tal-UE nirreferi (i) għad-dokumenti tal-Kummissjoni; (ii) għall-proċess tal-Qorti Ġenerali, u (iii) għall-provi quddiem qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tad-dritt ċivili ta’ restrizzjoni illegali tal-kompetizzjoni. Ara wkoll il-kawżi magħquda tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja vs API (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. I-8533). Fil-punti 79 sa 82, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-attivitajiet ġudizzjarji huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ggarantit mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) u l-obbligi ta’ trasparenza tal-Artikolu 255 KE (li sar l-Artikolu 15(3) TUE). Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro f’dik il-kawża (punti 21 sa 39) jesploraw l-approċċi differenti, nazzjonali u internazzjonali, għall-aċċess għal dokumenti tal-qorti.
( 14 ) Ara, pereżempju, il-Grupp ta’ Ħidma ECN, Co-operation Issues and Due Process “Decision Making Powers” tal-31 ta’ Ottubru 2012. Fil-paġni 5 sa 6 tar-rapport huwa indikat li hemm tliet mudelli istituzzjonali bażiċi għall-infurzar tal-kompetizzjoni fl-UE; (i) il-mudell amministrattiv monista meta awtorità amministrattiva waħdanija tinvestiga każijiet u tieħu d-deċiżjonijiet ta’ infurzar. F’xi ġurisdizzjonijiet, l-awtorità jista’ ma jkollhiex il-poter li timponi deċiżjonijiet li jistabbilixxu multi; (ii) il-mudell amministrattiv duwalista, fejn l-investigazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet huma maqsuma bejn żewġ korpi. Korp wieħed huwa responsabbli mill-investigazzjoni dwar il-każijiet, li iktar tard jiġu rreferuti lill-korp l-ieħor li huwa responsabbli sabiex jiddeċiedi l-każ; (iii) il-mudell ġudizzjarju, fejn il-qorti jew tieħu d-deċiżjoni kemm dwar is-sustanza u dwar il-multi, jew fuq l-aħħar waħda biss, filwaqt li l-ewwel waħda titħalla f’idejn l-awtorità tal-kompetizzjoni. Fil-paġna 9 tar-rapport huwa spjegat li l-Awstrija taqa’ taħt l-ewwel żewġ mudelli ġudizzjarji, jiġifieri l-mudell ġudizzjarju pur.
( 15 ) Il-Qorti tal-Kompetizzjoni tuża n-numru tal-proċess tar-reġistru li huwa riprodott hawn fuq fin-nota 9. L-Assoċjazzjoni hija rreġistrata bħala l-intervenjenti f’din il-kawża.
( 16 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail (C-591/10, punt 31).
( 17 ) Littlewoods Retail, punt 31.
( 18 ) Littlewoods Retail, punt 45, li jiċċita s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C-63/08, Ġabra p. I-10467).
( 19 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2011, Santana (C-177/10, Ġabra p. I-7907, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Rosado Santana, punt 91; u s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Sante Pasquini (C-34/02, Ġabra p. I-6515, punti 64 sa 73).
( 21 ) Sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales SAL (C-118/08, Ġabra p. I-635, punt 46).
( 22 ) Sante Pasquini, punt 59.
( 23 ) Punt 26.
( 24 ) Punt 78.
( 25 ) Punt 20. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 21 tas-sentenza Pfleiderer, li la l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004 C 101, p. 43) u lanqas il-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ akkordju (ĠU 2006 C 298, p. 17), li t-tnejn li huma relatati mal-klemenza, ma jorbtu lill-Istati Membri. Fil-punt 22 tas-sentenza Pfleiderer il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li, fi ħdan l-ECN, mudell ta’ programm ta’ klemenza, imfassal biex jilħaq l-armonizzazzjoni ta’ xi elementi ta’ programmi ta’ klemenza nazzjonali, ġie adottat u mfassal fl-2006. Bl-istess mod, dan il-programm mudell ma kellu ebda effett vinkolanti fir-rigward tal-qrati tal-Istat Membru.
( 26 ) Sentenza Pfleiderer, punt 23.
( 27 ) Sentenza Pfleiderer, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 28 ) Sentenza Pfleiderer punti 25 sa 26. Nixtieq iktar napprova l-osservazzjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pfleiderer, fis-sens li fejn “Stat Membru, permezz ta’ awtorità/jiet [tal-kompetizzjoni] tiegħu, jopera programm ta’ klemenza biex jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE, minkejja l-awtonomija li jgawdi Stat Membru meta jkun qed jinforza din id-dispożizzjoni, għandu jiżgura li l-programm jiġi implementata u jopera b’mod effettiv.”
( 29 ) Pfleiderer, punt 30.
( 30 ) Pfleiderer, punt 31.
( 31 ) Ġabra 2003, p. I-4705, punt 19.
( 32 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák, punt 22.
( 33 ) Punt 26 (enfasi tiegħi).
( 34 ) Kif instab li kien il-każ, pereżempju, fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849), fejn kien ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż qabel il-bidu ta’ talba ta’ responsabbiltà ta’ Stat tal-UE, meta l-għajnuna legali ma kinitx disponibbli, seta’ jikser id-dritt ta’ aċċess għal qorti. L-evalwazzjoni ta’ jekk dan seħħx fuq il-fatti kien tħalla f’idejn il-qorti nazzjonali.
( 35 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C-13/01, Ġabra p. I-8679, punt 54).
( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling (C-12/08, Ġabra p. I-6653, punt 84) li tiċċita punti 38 sa 40 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271).
( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza DEB.
( 38 ) Sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, Dounias (C-228/98, Ġabra p. I-577, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata); is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2003, Pusa (C-224/02, Ġabra p. I-5763 punt 44); is-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor AG u Co KG vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (C-55/06, Ġabra p. I-2931, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll fir-rigward tar-regoli dwar ix-xhieda s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron SA (C-526/04, Ġabra p. I-7259, punti 52 sa 57), is-sentenza Speranza (C 35/09, p. I-6581, punt 47).
( 39 ) Dounias, punt 71.
( 40 ) Dounias, punt 71.
( 41 ) Dounias, punt 50 tal-konklużjonijiet tal-avukat Ġenerali Jacobs.
( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Steffensen (C-276/01, Ġabra p. I-3735); is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C-199/11).
( 43 ) Sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth (C-542/08, Ġabra p. I-3189, punt 40).
( 44 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru, Levez, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 (punt 32) fejn il-qerq ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-ammont ta’ remunerazzjoni riċevut mill-impjegati rġiel jagħmlu l-istess xogħol tqies li “kkawża” lil B. S. Levez dewmien biex titressaq il-kawża.
( 45 ) Ara l-eżempju klassiku tas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, Ġabra p. I-3595).
( 46 ) Otis et, punt 48.
( 47 ) Otis et, punt 49.
( 48 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Verholen et (C-87/90, C-88/90 u C-89/90, Ġabra p. I-3757, punt 33).
( 49 ) Sentenza DEB, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 (punt 45, li tiċċita s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Steel u Morris vs Ir-Renju Unit tal-15 ta’ Frar 2005, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2005-II, § 59).
( 50 ) Sentenza DEB, punt 45.
( 51 ) Sentenzi DEB, punt 47, li tiċċita s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta’ Lulju 1995, Tolstoy Miloslavsky vs Ir-Renju Unit, Serje A N 316-B, punti 59 sa 67, u tad-19 ta’ Lulju 2001, Kreuz vs Il-Polonja, Ġabra 2001-VI, punti 54 u 55. Ara wkoll il-punt 38 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fis-sentenza Unibet.
( 52 ) Punt 46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza Pfleiderer.
( 53 ) Ara l-eżempju klassiku tas-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, (155/82, Ġabra p. I-1575).
( 54 ) Iddikjarat mill-ġdid riċentement fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T-135/09, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C-550/07, Ġabra p. I-8301).
( 55 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartel (ĠU 2006, C 298, p. 17, punt 39). “Il-fatt li jingħataw immunità jew tnaqqis fir-rigward ta’ multi ma jistax jipproteġi lil impriża mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tal-Artikolu 81 KE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 56 ) Sentenza Mono Car Styling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 57 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Editions Odile Jacob SAS (C-404/10, punti 123 u 124).
( 58 ) Ma’ dan jista’ jiġi miżjud, pereżempju, il-kunċett relatat mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Interseroh (C-1/11) u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophones (C-305/05, Ġabra p. I-5305).
( 59 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
( 60 ) Pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Editions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq; ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni (T-344/08).
( 61 ) ĠU 2004 C 101, p. 54.
( 62 ) Ta’ min jinnota li l-Qorti Ġenerali reċentement sabet li hu meħtieġ li l-partijiet ikunu permessi jikkonsultaw il-fajls tal-Kummissjoni fir-reġistru tagħha fejn il-każ kien ibbażat fuq informazzjoni pprovduta minn impriża fil-kuntest ta’ klemenza. Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Prysmian SpA (T-140/09); u is-sentenza Nexans France SAS, iċċitata iktar ’il fuq.
( 63 ) Commission Staff Working Paper accompanying the White Paper on Damages actions for breach of the EC antitrust rules SEC (2008) 404, punt 2, p. 7.
( 64 ) Ara l-osservazzjonijiet dwar is-sigrieti kummerċjali fil-punti 33 tal-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Westbahn Management GmbH (C-136/11).. Il-Kummissjoni dejjem ippubblikat id-deċiżjonijiet tagħha fejn hija tapplika d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li ma tiżvelax fejn meħtieġ l-elementi li jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali.
( 65 ) Sentenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 66 ) L-Avukat Ġenerali Sharpston argumentat li l-problemi prattiċi ta’ kwantifikazzjoni ma humiex biżżejjed biex jagħmlu talba għad-danni “impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara l-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha f’Unibet. Fl-opinjoni tiegħi, din hija kwistjoni tal-livell ta’ diffikultà, li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 19(1) tat-TUE.
Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Il-pargrafu 39(2) tal-Liġi Federali Awstrijaka tal-2005 dwar l-Akkordji u Restrizzjonijiet oħra għal Kompetizzjoni (Bundesgesetz gegen Kartelle und andere Wettbewerbsbeschränkungen) (“KartG”) jipprekludi parti terza milli jkollha aċċess għall-proċessi tal-qorti f’kawżi rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ kunsens mill-partijiet għall-kawża. Verband Druck & Medientechnik (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni”) tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi fis-settur tal-istampar. Hija talbet ordni mill-Oberlandesgericht Wien, li qed taġixxi fil-kapaċità tagħha ta’ qorti tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Kompetizzjoni”) biex jiġi żgurat l-aċċess għal dokumenti f’kawżi rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, li jkunu tlestew u li jkunu saru bejn, minn naħa, il-Bundeswettbewerbsbehörde (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni”) u, min-naħa l-oħra, Donau AG Chemie u sitt operaturi ekonomiċi oħra li huma attivi fis-suq fid-distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ kimiċi għall-istampar.
2. Fil-kawża preżenti qed issir talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tibbaża ruħha fuq il-prinċipji stabbiliti fil-Kawża C-360/09 Pfleiderer (2) dwar aċċess għall-fajls ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għal terzi li jkunu jridu jressqu kawżi ċivili għad-danni kontra impriżi li jkunu nstabu ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, meta parti mill-informazzjoni li tinsab fil-fajl tkun inġabret fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tal-awtorità.
3. Ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-awtonomija proċedurali nazzjonali tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, kemm jekk il-kwistjoni tikkonċerna d-dritt tal-kompetizzjoni jew mod ieħor. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li l-istess rimedji u regoli proċedurali li jkunu disponibbli għal azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea (UE) jiġu estiżi għal mezzi ta’ rimedju analogi ta’ natura purament domestika. Il-prinċipju ta’ effettività, jew ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jobbliga lill-qrati tal-Istati Membri biex jiżguraw li r-rimedji nazzjonali u r-regoli proċedurali ma jrendux talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-UE impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli biex jiġu infurzati.
4. L-ewwel minn dawn il-prinċipji huwa rilevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni peress li, skont id-dritt Awstrijak, la l-proċedimenti ċivili ġenerali, u lanqas il-proċedimenti kriminali ma jimponu rekwiżit assolut tal-kunsens tal-partijiet kollha qabel ma persuni oħrajn jistgħu jiksbu aċċess għall-proċessi tal-qorti. Dan ifisser li r-regoli ta’ proċedura Awstrijaċi rilevanti qed jimponu kundizzjoni fuq l-azzjonijiet ċivili għad-danni għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (3) tal-UE li ma tapplikax għal azzjonijiet analogi ta’ natura purament domestika (4) ?
5. Ir-restrizzjoni tal-aċċess ta’ parti terza għall-proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni tqajjem ukoll il-problema ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-UE. F’dan il-każ, il-prinċipju klassiku ta’ effettività, li tajt id-dettalji tiegħu iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-ġdid fid-dawl tal-Artikolu 19(1) TUE, li ġie introdott mit-Trattat ta’ Lisbona. L-Artikolu 19 jipprovdi li “L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji suffiċjenti sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”. Dan imbagħad jeħtieġ kunsiderazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, kif protett mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“il-KEDB”) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatati ma’ din id-dispożizzjoni (5) .
6. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu wkoll rwol fid-deċiżjoni ta’ jekk l-għoti ta’ aċċess lil terzi f’kawżi rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, li tkun tlestiet, jiksirx id-dritt għal smigħ xieraq, għall-inqas meta xi parti minn din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta skont il-garanzija ta’ klemenza fid-dritt pubbliku. Dan għandu implikazzjonijiet fir-rigward tal-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali.
II – Il-qafas legali
A – Il-leġiżlazzjoni tal-UE
7. L-ewwel sentenza tal-premessa 1 fil-preambolu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (6) jipprovdi li, sabiex tiġi stabbilita sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tiġix distorta, l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] iridu jiġu applikati effetivament u b’mod uniformi fil-Komunità.
8. L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” huwa fformulat kif ġej:
“Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni [mill-qrib].”
9. L-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprovdi:
“L-Istati Membri ħa jinominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat b’tali mod li id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma effettivament imħarsa. Il-miżuri neċessarji biex tagħti poter lill-awtoritajiet li japplikaw dawk l-Artikolu għandhom jittieħdu qabel 1 Mejju 2004. L-awtoritajiet nominati jistgħu jinkludu qrati.”
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10. Il-paragrafu 39(2) tal-KartG jgħid:
“Persuni, li ma jkunux partijiet fil-proċedura, jistgħu jiksbu aċċess għall-proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni biss bil-kunsens tal-partijiet.”
11. Skont il-Paragrafu 219(2) taz-Zivilprozessordnung Awstrijak (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”:
“Bil-kunsens taż-żewġ partijiet, terzi jistgħu jiksbu aċċess bl-istess mod, jagħmlu kopji jew jiksbu estratti (il-kopji stampati) minnu, fuq spejjeż tagħhom stess, sa fejn dan ma jkunx prekluż mill-interess prevalenti leġittimi ta’ individwu ieħor jew mill-interessi pubbliċi prevalenti fis-sens l-ewwel sentenza tal-Paragrafu 26(2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-2000 [Datenschutzgesetz 2000]. Fin-nuqqas ta’ tali kunsens, il-parti terza tkun intitolata għall-aċċess u li tikseb kopji biss sa fejn tista’ tippreżenta provi prima facie li juru li hija għandha interess ġuridiku li tagħmel dan” (7) .
12. Skont il-Paragrafu 273 tal-istess liġi:
“(1) Jekk huwa ċert li parti waħda hija intitolata għal kumpens għal danni jew interessi jew inkella għandha pretensjoni, iżda l-provi tal-ammont disputibbli tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat jew tal-interessi jew tal-pretensjoni ma jistgħux jiġu prodotti jew jistgħu biss jitressqu b’diffikultajiet sproporzjonati, il-qorti tista’, fuq talba jew ex officio , tistabbilixxi dan l-ammont liberament, anki mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-provi ssuġġeriti mill-parti. Id-determinazzjoni tal-ammont jista’ jiġi preċedut mill-eżami taħt ġurament ta’ waħda mill-partijiet fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont.
(2) Jekk, fost iktar talbiet, imressqa fl-istess kawża, pretensjonijiet individwali, li huma negliġibbli mal-ammont totali, huma kontenzjużi u l-kjarifika sħiħa taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għalihom toħloq diffikultajiet, li jkunu sproporzjonati għall-importanza tal-pretensjonijiet inkwistjoni, il-qorti tista’ liberament tiddeċiedi fuqhom bl-istess mod (paragrafu 1). L-istess japplika għal talbiet individwali, jekk l-ammont mitlub f’kull każ ma jaqbiżx l-EUR 1000.”
13. Skont il-Paragrafu 77(1) tas-Strafprozessordnung Awstrijak (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”):
“Fil-każ ta’ interess ġuridiku ġustifikat, il-prosekuturi pubbliċi u l-qrati għandhom, ukoll f’każijiet li ma humiex speċifikament imsemmija f’dan il-Kodiċi, jagħtu aċċess għas-sejbiet tal-proċedimenti ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni preliminari, li huma disponibbli għalihom, sakemm dan ma jkunx prekluż minn interessi pubbliċi prevalenti jew privati.”
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14. Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Qorti tal-Kompetizzjoni għamlet ordni li timponi multi fuq il-konvenuti fil-kawża prinċipali għall-parteċipazzjoni fi ftehim u prattiki miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE. Dawn il-proċeduri (iktar ’il quddiem il-“proċeduri ta’ akkordju”) kienu nġabu mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ talbiet għal klemenza magħmula minn wieħed mill-konvenuti. Il-Qorti tal-Kompetizzjoni ddeċidiet li kien hemm ksur tal-projbizzjoni fuq akkordji, u li l-akkordju projbit kien qiegħed jopera fl-Awstrija fis-suq tad-distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ kimiċi għall-istampar. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Oberster Gerichtshof (iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”), fil-kapaċità tagħha bħala qorti tal-appell fir-rigward tal-akkordji, permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Ottubru 2010 u saret finali.
15. L-Assoċjazzjoni qed titlob l-aċċess għall-proċess (Akteneinsicht) miżmum mill-Qorti tal-Kompetizzjoni fil-proċedura ta’ akkordju (8) . L-Assoċjazzjoni tgħid li, f’konformità mal-Artikoli ta’ inkorporazzjoni tagħha, hija intitolata tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha, inklużi l-impriżi fis-settur tal-istampar. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fuq talba tal-membri tagħha, l-Assoċjazzjoni qed teżamina b’mod partikolari l-livell ta’ dannu li jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni bil-għan li tipprepara kawża biex tikkumpensa dan.
16. L-Assoċjazzjoni tgħid li teħtieġ l-aċċess għall-proċess tal-Qorti tal-Kompetizzjoni biex tistabbilixxi n-natura u l-importanza tad-dannu subit, jew biex dan jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fil-proċess. Dan, hija ssostni, jipprovdiha b’interess ġuridiku.
17. Il-partijiet kollha fil-proċeduri ta’ akkordju, bl-eċċezzjoni tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, irrifjutaw li jagħtu l-kunsens. L-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni kienet aċċettat li tipprovdi lil min għamlet it-talba għall-aċċess bl-aċċess għad-digriet fl-ewwel istanza; jiġifieri, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Kompetizzjoni, iżda mhux iktar. Bħala kwistjoni ta’ dritt Awstrijak, u, b’mod iktar speċifiku, minħabba il-Paragrafu 39(2) tal-KartG u r-regoli tagħha dwar il-“protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali” dan ifisser li la l-proċess u lanqas l-ordni/ digriet tal-Qorti tal-Kompetizzjoni ma jistgħu jingħataw lill-Assoċjazzjoni sabiex jassistuha fil-prosegwiment tal-kawża għad-danni kontra l-konvenuti, jew għal kwalunkwe skop ieħor.
18. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Pfleiderer u l-indikazzjonijiet mogħtija f’dik il-kawża, li d-dritt tal-UE jitlob li l-interessi kollha jridu jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ meta parti terza tallega dannu li jirriżulta minn ksur tal-Artikolu 102 TFUE titlob aċċess għall-proċess ikkumpilat f’kawża rregolata mid-dritt pubbliku li tikkonċerna dan, u anki meta kkumpilat fil-kuntest tal-klemenza, il-Qorti tal-Kompetizzjoni tistaqsi jekk il-liġi Awstrijaka hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effett utli u l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jippermettu lil individwi jagħmlu kawżi għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (9) . Il-Qorti tal-Kompetizzjoni għandha dubji wkoll dwar il-kompatibbiltà tal-Paragrafu 39(2) tal-KartG mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, meta l-kunsens tal-partijiet kollha mhux meħtieġ, bħala kwistjoni ta’ dritt Awstrijak, fil-każijiet ordinarji tal-liġi ċivili bħalma huma delitti jew fid-dritt kriminali fir-rigward ta’ proċessi miżmuma mill-qrati.
19. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Kompetizzjoni ressqet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.
1. Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2011, C-360/09, Pfleiderer, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-akkordji li tissuġġetta, fil-każijiet kollha mingħajr eċċezzjoni, l-għoti ta’ aċċess għall-fajl tal-Kartellgericht lil terzi li ma jkunux partijiet fil-proċedura, għall-finijiet tal-preparazzjoni ta’ talba għad-danni kontra l-membri tal-akkordju (anki) fi proċeduri li fihom saret applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1/2003 , għall-kunsens tal-partijiet kollha fil-proċedura mingħajr ma huwa possibbli għall-awtorità ġudizzjarja li tibbilanċja, każ b’każ, l-interessi protetti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom għandu jingħata jew jiġi rrifjutat l-aċċess għall-fajl?
Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:
2. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik deskritta meta, minkejja li din id-dispożizzjoni tapplika anki għal proċedura fil-qasam tal-akkordji ta’ natura esklużivament nazzjonali u minkejja li lanqas ma huma previsti regoli speċjali għad-dokumentazzjoni prodotta minn benefiċjarji ta’ klemenza, id-dispoż izzjonijiet nazzjonali ekwivalenti applikabbli għal tipi oħra ta’ proċeduri, b’mod partikolari fil-proċeduri ċivili ta’ ġurisdizzjoni volontarja jew kontenzjuża u fil-proċeduri kriminali, jippermettu l-aċċess għall-fajls ġudizzjarji anki mingħajr il-kunsens tal-partijiet bil-kundizzjoni li t-terz li ma jkunx parti fil-proċedura jistabbilixxi, prima facie , interess ġuridiku fl-aċċess għall-fajl u bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm interess superjuri ta’ persuna oħra jew interess pubbliku superjuri li jipprekludi l-aċċess għall-fajl fil-każ ineżami?
20. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Assoċjazzjoni, mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, Donau Chemie AG u Donauchem GmbH, Brenntag CEE GmbH, Ask Chemicals GmbH u ASK Chemicals Austria GmbH (10), DC Druck Chemie Süd GmbH & Co KG, il-Gvern tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Spanja u tal-Italja, il-Kummissjoni, u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. Dawk kollha msemmija hawn fuq ħlief għall-Gvern Taljan dehru fis-seduta li nżammet fl-4 ta’ Ottubru 2012, flimkien mar-Repubblika Franċiża.
IV – Analiżi legali
A – L-ammissibbiltà tad-deċiżjoni tar-rinviju
21. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tar-rinviju hijiex sodisfatta li l-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fli-Paragrafu 219(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġew sodisfatti. Din id-dispożizzjoni tidher li hija l-miżura nazzjonali li tirregola l-aċċess għall-proċess, jekk il-Paragrafu 39(2) tal-KartG kien ikkunsidrat bħala inkompatibbli mad-dritt tal-UE. L-Artikolu 219(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jeħtieġ il-wiri ta’ interess ġuridiku għal aċċess għall-proċess. Il-Kummissjoni tiddubita, għalhekk, jekk ir-risposti għad-domandi mressqa jistgħux jispiċċaw ikunu ta’ natura ipotetika jekk l-Assoċjazzjoni ma tkunx tista’ turi interess ġuridiku suffiċjenti.
22. Nixtieq nirrileva wkoll li saru diversi kummenti oħra fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni li minkejja li huma indirizzati biex iwieġbu l-ewwel domanda, huma wkoll rilevanti għall-kwistjoni tal-ammissibbiltà. Dan ukoll minħabba l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, pereżempju, dwar jekk hemmx mezzi alternattivi skont il-liġi Awstrijaka għall-ġbir tal-provi meħtieġa. Il-Kummissjoni tirrileva li huwa importanti li jkun magħruf sa fejn il-qorti li tkun adita b’talba għad-danni tieħu inkunsiderazzjoni l-provi bil-miktub, jew jekk hija tagħtix prijorità lil xhieda orali. Jekk jiġri dan tal-aħħar, id-dokumenti li jinsabu fil-proċess ikollhom inqas importanza. Kwistjoni oħra ewlenija hija l-punt sa fejn prova indiretta, bil-kontra ta’ prova diretta, hija awtorizzata mid-dritt nazzjonali u biżżejjed biex issostni t-talba għad-danni.
23. Bl-istess mod l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni ssostni li d-dritt Awstrijak jipprovdi mezzi biżżejjed għall-ġbir ta’ provi u sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tat-talbiet għad-danni bbażati fuq il-liġi tal-kompetizzjoni. Pereżempju, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni tistaqsi mistoqsijiet, inter alia , dwar id-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-membri tal-Assoċjazzjoni, rigward il-kwantifikazzjoni tat-telf. Hija indikat li, skont il-Paragrafu 273 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jekk l-ammont tad-dannu subit ma jistax jiġi ddeterminat, jew jista’ jiġi ddeterminat biss b’diffikultà kunsiderevoli, tista’ ssir valutazzjoni libera mit-tribunal.
24. Skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, dwar l-intepretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u jekk il-mod kif tinterpretahom il-qorti tar-rinviju huwiex korrett (11) . Hija l-qorti nazzjonali tar-rinviju li għandha tivverifika l-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet li jsirulha (12) .
25. Hawnhekk huwa importanti li ssir distinzjoni kunċettwali bejn tliet tipi differenti ta’ proċessi, jiġifieri (i) id-dokumenti tal-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti fir-rigward tal-investigazzjoni dwar l-antitrust; (ii) id-dokumenti marbuta mal-proċeduri quddiem qorti kompetenti jew tribunal li jkun qed jiddeċiedi dwar il-kwistjoni li tista’ tinkludi, inter alia , dokumenti (xi wħud jew kollha) tal-investigazzjoni dwar l-antitrust, u (iii) provi dokumentarji quddiem qorti ċivili kompetenti fuq kwalunkwe azzjoni tad-dritt privat possibbli bbażati fuq ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (13) .
26. Tkun xi tkun id-distribuzzjoni tas-setgħat deċiżjonali bejn l-organi differenti f’din l-istruttura legali (14), niġu ffaċċjati bi tliet kwistjonijiet differenti; (i) l-aċċess għad-dokumenti ta’ investigazzjoni dwar l-antitrust miżmuma mill-awtorità tal-kompetizzjoni, li jikkonċerna l-aċċess għal dokumenti amministrattivi (ii) l-aċċess għall-proċess tal-qorti ta’ Stat Membru jew tribunal kompetenti fi proċeduri ta’ kompetizzjoni, li jirrigwarda l-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji, u (iii) id-disponibbiltà ta’ tali dokumenti amministrattivi jew ġudizzjarji għall-iskopijiet ta’ bidu ta’ kawża ċivili. Dan jista’ jinvolvi “pre-trial discovery” jew obbligi li jiġu żvelati d-dokumenti fil-kuntest ta’ kawża ċivili.
27. Skont il-formulazzjoni ċara tad-domandi preliminari, din il-kawża taqa’ fit-tieni kategorija, jiġifieri l-aċċess għal dokumenti miżmuma minn qorti li hija kompetenti biex tiddeċiedi fuq kawża dwar l-akkordji rregolata mid-dritt pubbliku. It-talba għal aċċess għal dawn id-dokumenti, anki jekk jidher li ġiet irreġistrata, teknikament, mill-Qorti tal-Kompetizzjoni bħala kontinwazzjoni tal-proċedura fil-qasam tal-akkordju, hija separata kemm mill-ksur sostantiv tad-dritt tal-UE u/jew mil-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali, u kwalunkwe kawża privata possibbli, li tista’ tinġieb quddiem il-qrati ċivili kompetenti, għad-danni (15) .
28. Għalhekk, din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Kompetizzjoni bl-ebda mod ma hija ipotetika, u d-dritt tal-UE b’mod ċar jista’ jaffettwa r-riżultat tagħha, jiġifieri jekk l-aċċess għad-dokumenti mitluba għandux jiġi mogħti jew miċħud. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet relatati mal-kapaċità jew l-interess ġuridiku tal-Assoċjazzjoni jew il-membri tagħha fi kwalunkwe kawża ċivili li tista’ sseħħ, jew standard probatorju applikabbli hemmhekk, huma irrilevanti għall-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, għalkemm dawn jistgħu b’mod ċar jaffettwaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, u dan tal-aħħar għandu jkun ittrattat mill-qorti nazzjonali.
29. Fl-opinjoni tiegħi, b’kunsiderazzjoni xierqa kemm tal-liġi rilevanti kif ukoll tal-fatti disponibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni kollha quddiemha sabiex tkun tista’ tagħti risposta għad-domanda mressqa. Għal dawn ir-raġunijiet nikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
B – Ir-risposta għat-tieni domanda
30. Iddeċidejt li nwieġeb il-mistoqsijiet preliminari fl-ordni invers minħabba li naħseb li huwa iktar loġiku f’dan il-każ li niddiskutu l-ewwel il-prinċipju ta’ ekwivalenza, anki jekk kienet it-tieni domanda magħmula mill-qorti nazzjonali. Dan huwa hekk għaliex, fl-opinjoni tiegħi, mill-perspettiva tal-limiti ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali, il-kwistjoni ta’ ekwivalenza loġikament tippreċedi l-kwistjoni tal-effettività. Minkejja dak li qalet il-qorti nazzjonali fil-bidu tat-tieni domanda, mill-perspettiva tad-dritt tal-UE, iż-żewġ kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati sabiex tingħata risposta utli.
31. It-tieni domanda preliminari tista’ tingħata risposta pjuttost diretta. Jien naqbel mal-pożizzjoni sostnuta mill-partijiet kollha, ħlief għall-Assoċjazzjoni, li tgħid li Paragrafu 39(2) tal-KartG sempliċement ma hijiex dispożizzjoni li hija analoga, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ ekwivalenza, għall-Paragrafu 219(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jew għall-Artikolu 77(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għandu jingħad ukoll li din il-konklużjoni ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni iżda fuq dak ta’ ekwivalenza li, skont il-ġurisprudenza stabbilita jillimita l-awtonomija proċedurali nazzjonali. L-ewwel prinċipju li ssemma jipprovdi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti. Dan ma jidhirx li jkun applikabbli għall-fatti preżenti, peress li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jservi l-istess għan.
32. Konformità mal-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-UE u dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali “li jkollhom skop u kawżalità simili” (16) . Madankollu, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lil Stat Membru jestendi r-regoli l-iktar favorevoli tiegħu fi kwalunkwe qasam għal kull azzjoni diretta fil-qasam partikolari tal-liġi (17) .
33. Normalment il-kompitu ta’ tqabbil tal-proċeduri nazzjonali differenti, f’termini ta’ ekwivalenza, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali tar-rinviju, li għandha tikkunsidra jekk l-azzjonijiet ikkonċernati humiex simili fir-rigward tal-għan, il-korsijiet ta’ azzjoni u l-karatteristiċi essenziali tagħhom (18) . Sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali hijiex inqas favorevoli, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol tad-dispożizzjoni fil-proċedura, meħuda komplessivament, tal-kontenut ta’ dik il-proċedura u tal-karatteristiċi speċjali tiegħu (19) .
34. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, okkażjonalment ħadet pożizzjoni dwar jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza. F’xi okkażjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja tat indikazzjoni tal-opinjoni tagħha, filwaqt li xorta ħalliet id-deċiżjoni tal-kwistjoni għall-qorti nazzjonali (20) filwaqt li dwar oħrajn għamlet konklużjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà jew le tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti (21) mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza. Fl-opinjoni tiegħi l-każ ineżami ħaqqu jiġi kkunsidrat bl-approċċ tal-aħħar.
35. Hawn il-projbizzjoni fuq aċċess ta’ terzi għal proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni tapplika kemm għall-każijiet ibbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE kif ukoll fuq id-dritt tal-kompetizzjoni Awstrijak. Fi kliem ieħor, ma hemm l-ebda differenza fit-trattament li tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ azzjoni meħuda mid-dritt tal-Unjoni Ewropea li ġiet ikklassifikata jew ittrattata b’mod differenti minn sitwazzjoni purament interna (22) .
36. Fl-opinjoni tiegħi ma jistax jiġi argumentat li dawn il-proċeduri huma komparabbli ma’ proċeduri ordinarji ċivili jew kriminali, peress li la huma kkonċernati bil-protezzjoni ta’ programmi ta’ klemenza u lanqas b’karatteristiċi speċifiċi oħrajn tal-kawżi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kuntest tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni.
37. Nipproponi għalhekk li t-tieni domanda għandha tiġi mwieġba billi jiġi ddikjarat li l-prinċipju ta’ ekwivalenza taħt id-dritt tal-UE ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Paragrafu 39(2) tal-KartG.
C – Ir-risposta għall-ewwel domanda
1. Osservazzjonijiet preliminari
38. Bl-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Kompetizzjoni tfittex gwida dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-UE ta’ liġi ta’ Stat Membru li timponi projbizzjoni fuq aċċess ta’ terzi għal dokumenti li tqiegħdu quddiem il-Qorti tal-Kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ kunsens tal-partijiet għal dawk il-kawżi irregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni. It-tħassib tal-qorti nazzjonali jwassal, iktar speċifikament, għall-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali projbizzjoni mad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju jew prattika projbiti, fi proċeduri ċivili kontra l-partijiet fil-ftehim, kif kien stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Courage u Crehan (23) u kkonfermat fis-sentenza Manfredi (24) .
39. Il-kwistjoni quddiemna ssir iktar kumplessa bil-fatt li parti mill-informazzjoni mitluba mill-Assoċjazzjoni kienet miġbura, fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza, minn waħda mill-impriżi li kontra tagħha l-Assoċjazzjoni tixtieq li tibda azzjoni legali.
40. Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-approċċ fis-sentenza Pfleiderer li fl-opinjoni tiegħi huwa ugwalment validu għal din il-kawża. Hija sostniet li la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprevedu regoli komuni ta’ klemenza jew regoli komuni dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza mogħtija volontarjament lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni skont programm nazzjonali ta’ klemenza (25) Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tikkonkludi li, fin-nuqqas ta’ regolament vinkolanti tad-dritt tal-UE dwar is-suġġett, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ aċċess, minn persuni leżi minn akkordju, għad-dokumenti relatati ma’ programmi ta’ klemenza (26), bla ħsara għar-rekwiżit li dawn ma jirrendux l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE impossibbli jew eċċessivament diffiċli, u, speċifikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiżguraw li r-regoli li huma jistabbilixxu jew li japplikaw ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (27) .
41. Dan wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja għal konklużjoni fis-sentenza Pfleiderer li hija ugwalment rilevanti għall-kawża odjerna, minkejja l-kuntest istituzzjonali differenti minn tal-kawża Pfleiderer, li kienet tikkonċerna l-aċċess għal dokumenti amministrattivi minflok ġudizzjarji. B’mod partikolari, hija indikat li fl-eżami ta’ talba għal aċċess għal dokumenti fil-kuntest ta’ programm nazzjonali ta’ klemenza, huwa meħtieġ li jintiżnu l-protezzjoni tal-informazzjoni pprovduta volontarjament minn persuna li titlob għal klemenza (l-effettività ta’ liema tista’ tiġi kompromessa, u għalhekk l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, jekk id-dokumenti ta’ klemenza kienu żvelati lil persuni li jixtiequ jippreżentaw rikors għad-danni) (28), kontra l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-regoli nazzjonali applikabbli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw talbiet domestiċi simili u li ma joperawx b’tali mod li jagħmluha impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb tali kumpens (29) . Dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni, iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jsir biss mill-qrati nazzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ (30) . Se nerġa mmur lura għall-importanza ta’ dawn il-konklużjonijiet dalwaqt.
42. Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostnie t fis-sentenzi magħquda tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel, C-430/93 u C-431/93, f’kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-UE, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, meħuda bħala unità, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-prinċipji bażiċi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, għandhom, fejn ikun xieraq, jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk jeħtieġ li tingħata l-kunsiderazzjoni (31) dovuta lil dan il-prinċipju.
43. Madankollu, filwaqt li l-konstatazzjonijiet fis-sentenza Pfleiderer huma rilevanti għall-kawża preżenti, huwa ugwalment importanti li nkunu konxji mid-differenzi. F’dik il-kawża il-qorti nazzjonali tar-rinviju staqsiet, dwar l-impatt li l-aċċess minn parti leża għal informazzjoni pprovduta minn persuna li titlbob għal klemenza lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jista’ jkollu fuq is-sistema ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest ta’ kawża għal klemenza (32) .
44. Iżda l-ewwel mistoqsija fil-kawża odjerna tikkonċerna l-projbizzjoni imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali fuq id-dokumenti kollha li jinsabu fil-proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni fl-assenza tal-kunsens tal-partijiet, kemm jekk jappartjenu għall-proċedimenti ta’ klemenza jew le, u skont liema qorti nazzjonali tkun prekluża milli twettaq l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni preskritt mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pfleiderer.
45. Fi kliem ieħor, din il-kawża hija, f’ċerti aspetti, eqreb għall-problema kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Courage u Crehan, u li indirizzat il-projbizzjoni taħt il-liġi Ingliża dwar rikorsi għal kumpens minn partijiet għal kuntratti illegali, inkluż ftehim li kien jikser l-Artikolu 101 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, l-idea ewlenija dehret fil-punt 26 tas-sentenza Courage u Crehan :
“L-effikaċja sħiħa ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 85(1) tkun ipperikolata jekk ebda persuna ma tkun tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha permezz ta’ kuntratt jew imġieba li tista’ tirrestrinġi jew tiddistorta l-kompetizzjoni (33) .
46. Għalhekk, id-domanda kruċjali hija din: ir-restrizzjoni Awstrijaka, kif deskritta mill-Qorti tal-Kompetizzjoni, tfisser li ma huwiex possibbli għall-Assoċjazzjoni jew impriżi membri tagħha li jitolbu kumpens għad-dannu kkawżat lilhom minn akkordju illegali, fis-sens li l-projbizzjoni Awstrijaka trendieh impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli (34) ? Wara dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza DEB, jeħtieġ li jiġi mistoqsi jekk għall-Assoċjazzjoni hemmx disponibbli rimedju legali li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li joħroġu mid-dritt tal-UE (35) ; hija kapaċi tasserixxi d-drittijiet tagħha ibbażati fuq id-dritt tal-UE quddiem il-qrati Awstrijaċi (36) ?
47. Fl-aħħar nett, għandha tittieħed il-kunsiderazzjoni dovuta għall-Artikolu 19(1) TUE, u sa fejn huwa jipprovdi garanzija supplimentari għall-prinċipju ta’ effettività. Skont l-Artikolu 19(1), l-Istati Membri huma marbuta li jipprovdu rimedji “sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.” Fi kliem ieħor, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat, l-istandard ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ibbażati fl-UE jidher li huwa iktar diffiċli milli l-formula klassika li tirreferi għal impossibbiltà fil-prattika jew diffikultà eċċessiva. Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li r-rimedji nazzjonali għandhom ikunu aċċessibbli, fil-pront, u li jipprovdu benefiċċju (37) .
48. Mill-perspettiva tal-politika tal-kompetizzjoni, din il-kawża tirrigwarda d-dibattitu dwar l-hekk imsejjaħ infurzar privat tar-regoli tal-kompetizzjoni. B’differenza għas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti, l-għażla hija forsi mhux l-aktar xieraq hawnhekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-ambitu tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, arranġamenti bħal “pre-trial discovery”, azzjonijiet kollettivi, u d-danni punittivi ma jeżistux. Fil-fehma tiegħi, il-vittmi ta’ restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea huma, forsi b’differenza għall-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti, sempliċement ifittxu protezzjoni legali għall-possibbiltà li jiġi nfurzat dritt privat iktar mill-infurzar ta’ politika pubblika.
2. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-regoli nazzjonali dwar il-provi u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw l-effett utli
49. Jidher mill-ġurisprudenza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar il-provi u, b’mod partikolari, ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova applikabbli għal azzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ksur tal-UE ma jagħmluhiex impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli għall-individwi li jeżerċitaw drittijiet mogħtija mid-dritt mill-UE (38) .
50. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li l-individwu li jixtieq jippreżenta rikors għad-danni skont id-dritt tar-responsabbiltà tal-Istat tal-UE jkun jista’ jibbenefika minn proċedura eċċezzjonali li tippermetti li tingħata x-xhieda, li f’każ li ma sseħħx huwa għandu jkun kapaċi jipproduċi provi oħra, b’mod partikolari provi dokumentarji, sabiex jiċċertifika d-dannu sostnut (39) . Fil-każ kuntrarju, ir-regoli li jirregolaw il-provi jagħmluha impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli, u b’mod partikolari l-ewwel waħda, għall-individwu li jeżerċita drittijiet mogħtija mid-dritt tal-UE (40) . Fi kliem ieħor, restrizzjonijiet fuq il-provi li huma “kruċjali għall-kawża tar-rikorrent” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (41) huma inkompatibbli mal-effett utli. Regoli oħra dwar il-provi li ġew sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom ikunu suġġetti għall-iskrutinju tal-qrati nazzjonali għal ksur tal-prinċipju ta’ effett utli jinkludu dawk li jipperikolaw il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (42) .
51. Fl-opinjoni tiegħi, li l-aċċess għall-proċessi ġudizzjarji tad-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni għall-kunsens ta’ min ikun wettaq il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, jikkostitwixxi deterrent sinjifikattiv tal-eżerċizzju tad-dritt li jintalbu danni ċivili għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE (43) . Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk individwu ġie dissważ milli jressaq kawża tempestivament, mill-persuna li wettqet il-ksur, dan tal-aħħar ma jkunx intitolat jinvoka r- regoli proċedurali nazzjonali dwar limiti ta’ termini ta’ skadenza għat-tressiq ta’ kawża (44) . Ma nista’ nara l-ebda raġuni għal-limitazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għal perijodi ta’ preskrizzjoni, u nadvoka estensjoni tagħhom għar-regoli dwar l-oneru li għandu effett deterrenti analogu (45) . Barra dan, nixtieq inqajjem dubju dwar il-konformità ta’ rimedji li jiskoraġġixxu l-infurzar tad-drittijiet tad-dritt tal-UE mal-Artikolu 19(1) TUE.
3. L-Artikolu 47 tal-Karta
52. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat reċentement, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi diversi elementi; b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għal kulħadd, id-dritt ta’ aċċess għal qorti u d-dritt li jingħata parir, għad-difiża u għar-rappreżentazzjoni (46) . Barra minn hekk, id-dritt ta’ aċċess għal qorti jinkludi wkoll, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “setgħa” f’idejn il-qrati nazzjonali li jikkunsidraw il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt li huma rilevanti għall-kawżi quddiemhom (47) . Fl-opinjoni tiegħi, qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi fuq il-konsegwenzi tad-dritt ċivili ta’ restrizzjoni illegali ta’ kompetizzjoni ma jistax ikollha tali “setgħa” jekk fil-prattika tkun prekluża milli taċċedi għal materjal ta’ provi kruċjali, bħal proċessi miġbura f’kawża rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni, u li fiha tkun diġà ġiet stabbilita restrizzjoni illegali tal-kompetizzjoni, bħal akkordju.
53. Għalhekk, il-limitazzjoni tad-disponibbiltà ta’ materjal ta’ provi kruċjali timmina d-dritt tal-partijiet għal determinazzjoni ġudizzjarja tat-tilwima tagħhom (48) . Hija wkoll għandha impatt fuq id-drittijiet tagħhom biex jippreżentaw il-kawżi tagħhom b’mod effettiv (49) .
54. Madankollu d-dritt ta’ aċċess għal qrati ma huwiex wieħed assolut (50) . Dan jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, sakemm dawn ma jfixklux il-qalba stess tad-dritt ta’ aċċess, isegwu għan leġittimu, u fejn ikun hemm relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan leġittimu mixtieq (51) .
55. L-Artikolu 47 huwa rilevanti wkoll għall-kawża odjerna minħabba li jiggarantixxi s-smiegħ xieraq tas-seduti, li jservi biex jipproteġi l-interessi tal-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-akkordju. Fl-opinjoni tiegħi, l-aċċess minn terzi għal dikjarazzjonijiet volontarji awtoinkriminanti magħmulin minn persuna li titlob għal klemenza ma għandux, fil-prinċipju jingħata (52) . Il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni ilu stabbilit fid-dritt tal-UE (53), u huwa direttament opponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li qed jimplimentaw ir-regoli tal-UE (54) .
56. Huwa veru li programmi ta’ klemenza ma jiggarantux protezzjoni kontra pretensjonijiet għad-danni (55) u li l-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni ma japplikax fil-kuntesti tad-dritt privat. Minkejja dan, iż-żewġ raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ ekwità lejn il-parti li tkun tat id-dikjarazzjonijiet inkriminanti fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza għandhom relevanza kbira kontra li jingħata aċċess għall-proċessi ta’ kawżi rregolati mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni meta l-parti li tibbenefika minnhom tkun aġixxiet bħala xhud għall-awtorità tal-kompetizzjoni li tkun qed tagħmel il-prosekuzzjoni.
4. L-applikazzjoni għall-kawża preżenti
57. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dritt tal-UE jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma “tostakolax” id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (56) ; dawk ikkonċernati ma jistgħux jinżammu milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Il-projbizzjoni Awstrijaka dwar l-aċċess għal proċeduri tal-Qorti tal-Kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ kunsens tal-partijiet kollha, għandha effett bħal dan?
58. Ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-iżvelar lil terzi ta’ dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-impriżi matul kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jista’ jdgħajjef, fil-prinċipju, kemm il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u kif ukoll dak tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura, anki meta dawn il-proċeduri jkunu tlestew u ġew magħluqa (57) . Prinċipji ta’ dan it-tip (58), madankollu, jikkompetu fil-livell tal-UE mar-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti u l-obbligu ta’ trasparenza, kif previst kemm mil-leġiżlazzjoni tal-UE u kif ukoll fil-liġi primarja tal-UE (59) .
59. Bħala riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat korp tal-ġurisprudenza, u li inkluda kawżi li jaqgħu fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet tal-kompetizzjoni (60), li essenzjalment jinvolvi l-ibbilanċjar ta’ tali imperattivi wieħed mal-ieħor, u b’riferiment għall-evalwazzjoni ta’ kull dokument individwali mitlub. Dan ifisser li, fil-livell tal-UE, projbizzjoni assoluta fuq l-aċċess għal dokumenti tal-Kummissjoni li ġew miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ akkordju huwa inkonċepibbli.
60. Dawn il-prinċipji, li ġew żviluppati fil-kuntest ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea, ma jistgħux jiġu direttament trasposti f’livell nazzjonali. Madankollu, dawn jipprovdu l-kuntest, l-isfond, u l-perspettiva fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-projbizzjoni assoluta fid-dritt Awstrijak mal-prinċipju ta’ effett utli.
61. Bl-istess mod, u kif kien evidenti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Pfleiderer, għandha tittieħed il-kunsiderazzjoni dovuta għall-imperattiv ta’ protezzjoni ta’ programmi ta’ klemenza. Skont il-punt 26 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal Artikoli 81 u 82 KE (61), “…[I]l-Kummissjoni ma għandhiex tittrażmetti lill-qrati nazzjonali informazzjoni mogħtija volontarjament minn persuna li titlob għal klemenza mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għalkemm, kif diġà semmejt, l-għoti ta’ klemenza mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea ma tipprovdi l-ebda garanzija fil-kuntest ta’ kawża ċivili għad-danni (62) .
62. Kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip huma ugwalment pertinenti fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Paragrafu 39(2) tal-KartG, speċjalment meta l-kawża ċivili għad-danni jkollha rwol komplementarju fl-UE (63), għall-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt fil-Courage u Crehan vs Manfredi tal-partijiet privati li jfittxu għad-danni lill-operaturi ekonomiċi li kisru d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE ma għandux, fil-fehma tiegħi, jiġi żviluppat sal-punt li jista’ jipperikola l-effikaċja tal-mekkaniżmi ġudizzjarji pubbliċi ta’ infurzar, kemm jekk dawn ikunu Ewropej kemm jekk ikunu nazzjonali.
63. Id-dispożizzjoni Awstrijaka ġiet sostnuta mill-argument li jgħid li l-leġiżlatur Awstrijak wettaq il-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi pubbliċi u privati, u sab li hija xierqa biex tagħti preċedenza assoluta lill-interess pubbliku relatat mal-infurzar effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, ħlief għal ċerti sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mill-ambitu tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar li ma jħalli ebda lok għal wieħed mill-interessi li jikkompetu ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
64. Għalhekk, mill-perspettiva tal-proporzjonalità, fl-opinjoni tiegħi regola leġiżlattiva tkun iktar xierqa li tipprovdi l-protezzjoni assoluta għall-parteċipanti fi programm ta’ klemenza, iżda li teħtieġ l-interessi ta’ parteċipanti oħra fil-prattika restrittiva biex jiġu bbilanċjati kontra l-interessi tal-allegati vittmi. Infakkar li, fl-Awstrija, l-ambitu tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-proċess tal-Qorti tal-Kompetizzjoni ma huwiex limitat għas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi parteċipanti. Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi u ħlief għall-impriżi li jibbenefikaw mill-klemenza, il-parteċipazzjoni f’restrizzjoni illegali tal-kompetizzjoni ma tikkostitwixxix sigriet kummerċjali li jimmerita protezzjoni mid-dritt tal-UE (64) .
65. Għalhekk, fil-fehma tiegħi projbizzjoni assoluta fuq l-aċċess għall-proċessi tal-qorti miżmuma mill-Qorti tal-Kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ kunsens tal-partijiet, huwa impediment sproporzjonat għad-dritt ta’ aċċess għal qorti, kif iggarantit mill-Artikolu 47 u b’mod partikolari meta, kif huwa indikat fil-proċess tal-kawża, is-sentenzi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni ma jkunux disponibbli għall-pubbliku.
66. Fl-opinjoni tiegħi, dak li huwa meħtieġ, taħt l-imperattiv ta’ effett utli hija faċilità f’idejn il-qorti nazzjonali li tkun qed tiddeċiedi dwar aċċess ta’ terzi għal proċess tal-qorti biex tagħmel eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tat-tip li kien issemma fis-sentenza Pfleiderer. Tali eżerċizzju jippermetti lill-qorti nazzjonali li tistabbilixxi l-fatturi li jikkompetu kontra xulxin, bħall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali leġittimi tal-impriżi li jkunu pparteċipaw fir-restrizzjoni kontra l-obbligu tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 19(1) TUE biex jipprovdi r-rimedji “meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjon.” Il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jirregola l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’tali eżerċizzju, iżda ma tipprekludix li dan jiġri, ħlief għal, forsi, l-informazzjoni pprovduta mill-impriżi li jibbenefikaw mill-klemenza.
67. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li għalkemm it-Trattat KE għamilha possibbli f’numru ta’ każijiet għal persuni privati li jippreżentaw rikors dirett, fejn xieraq, quddiem il-Qorti Komunitarja, ma kienx maħsub biex joħloq rimedji ġodda fil-qrati nazzjonali li jiżguraw l-osservanza tad-dritt Komunitarju ħlief dawk diġà stabbiliti bid-dritt nazzjonali. Ikun mod ieħor biss kieku kien jirriżulta mill-istruttura ġenerali tas-sistema legali nazzjonali inkwistjoni li l-ebda rimedju legali ma jeżisti li jiżgura, anki indirettament, ir-rispett għad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt Komunitarju (65) .
68. Għalhekk, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Kompetizzjoni hija marbuta li tagħti l-kunsiderazzjoni dovuta lill-mezzi alternattivi ta’ ġbir ta’ provi li huma disponibbli skont id-dritt Awstrijak. Dan jinkludi, pereżempju, ir-regoli proċedurali dwar l-iżvelar ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ kawżi ċivili jew regoli li jirregolaw l-aċċess għal dokumenti amministrattivi tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, flimkien mal-Artikoli 219(2) u 273 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, qabel ma tiddeċiedi liema partijiet tal-proċessi tagħha għandhom jiġu rrilaxxati lill-partijiet terzi, jekk ikun hemm, sabiex tikkonforma mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ kawżi għad-danni, fil-kuntest tas-sentenza Courage u Crehan vs Manfredi, kontra operaturi ekonomiċi li jkunu nstabu ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. L-istess eżerċizzju jeħtieġ li jsir fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tad-danni (66) .
69. Bħala konklużjoni, fl-ambitu tal-parametri li jistgħu jiġu stabbiliti mil-leġiżlatur nazzjonali, u sakemm jiġu rrispettati l-prinċipji tal-liġi tal-Unjoni Ewropea żviluppati iktar ’il fuq, għandu jkun hemm xi lok għall-ibbilanċjar tal-interess pubbliku relatat mal-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni kontra l-interessi privati tal-vittmi ta’ ksur tal-istess regoli.
70. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb l-ewwel domanda, fis-sens li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif applikat fid-dawl tal-Artikolu 19(1) TUE, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni bħall-Paragrafu39(2) tal-KartaG li jipprojbixxi l-aċċess għall-proċessi tal-Qorti tal-Kompetizzjoni lil terzi li jixtiequ jibdew azzjonijiet ċivili għad-danni kontra l-parteċipanti fl-akkordju, fin-nuqqas ta’ kunsens ta’ dawn tal-aħħar.
V – Konklużjoni
71. Għalhekk nipproponi r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Kompetizzjoni.
“1. Il-prinċipju ta’ effettività skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif applikat fid-dawl tal-Artikolu 19(1) TUE, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ aċċess għal dokumenti tal-qorti nazzjonali, miġbura f’kawżi dwar id-dritt tal-kompetizzjoni li jinvolvi l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, lil partijiet terzi li ma humiex parti fil-kawża dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, iżda li jixtiequ jippreparaw il-kawżi għad-danni kontra parteċipanti ta’ ftehim li kien is-suġġett tal-kawżi dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, bla ħsara għall-kundizzjoni li l-partijiet kollha għall-kawżi dwar id-dritt tal-kompetizzjoni jagħtu l-kunsens tagħhom. It-tweġiba tkun differenti biss jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi strumenti alternattivi biex tiġi żgurata prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea u d-determinazzjoni ta’ danni li jipprovdu protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tad-dritt li jintalab kumpens ċivili għall-ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u jikkonformaw mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tagħmel l-għoti ta’ aċċess għal dokumenti quddiem qorti nazzjonali, li jkunu nġabru f’kawżi dwar id-dritt tal-kompetizzjoni li jinvolvu l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, għal partijiet terzi li ma humiex parti fil-kawża dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, suġġett, mingħajr eċċezzjoni, għall-kundizzjoni li l-partijiet kollha fil-kawża dwar id-dritt tal-kompetizzjoni għandhom jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan, meta r-regola tapplika bl-istess mod għal kawżi purament nazzjonali dwar id-dritt tal-kompetizzjoni iżda tkun differenti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-aċċess ta’ terzi għal dokumenti ġudizzjarji fil-kuntest ta’ tipi oħra ta’ kawżi, b’mod partikolari f’proċeduri ċivili kontenzjużi u mhux kontenzjużi u f’kawżi kriminali.”
(1) .
(2) – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011 (C-360/09, Ġabra p. I-5161).
(3) – Ara s-sentenzi magħquda tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619) u tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99, Ġabra p. I-6297).
(4) – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C-326/96, Ġabra p. I-7835).
(5) – Ara, b’analoġija, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza Pfleiderer, punt 3.
(6) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2003, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.
(7) – Punt 219(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma japplikax għal kawża rregolata mid-dritt pubbliku dwar il-kompetizzjoni.
(8) – Fit-talba għall-aċċess għal dokumenti, l-Assoċjazzjoni rreferiet għal [Kartellakt], 29 Kt 5/09.
(9) – Courage u Crehan u Manfredi.
(10) – Kif indikat fuq il-paġna ta’ quddiem ta’ dawn il-konklużjonijiet, ASK Chemicals GmbH qabel kienet Ashland-Südchemie-Kernfest GmbH u ASK Chemicals Austria GmbH qabel kienet Ashland Südchemie Hantos Ges.m.b.H.
(11) – Kawżi magħquda tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata.
(12) – Orfanopoulos, punt 45.
(13) – Fil-livell tal-UE nirreferi (i) għad-dokumenti tal-Kummissjoni; (ii) għall-proċess tal-Qorti Ġenerali, u (iii) għall-provi quddiem qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tad-dritt ċivili ta’ restrizzjoni illegali tal-kompetizzjoni. Ara wkoll il-kawżi magħquda tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja vs API (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. I-8533). Fil-punti 79 sa 82, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-attivitajiet ġudizzjarji huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ggarantit mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) u l-obbligi ta’ trasparenza tal-Artikolu 255 KE (li sar l-Artikolu 15(3) TUE). Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro f’dik il-kawża (punti 21 sa 39) jesploraw l-approċċi differenti, nazzjonali u internazzjonali, għall-aċċess għal dokumenti tal-qorti.
(14) – Ara, pereżempju, il-Grupp ta’ Ħidma ECN, Co-operation Issues and Due Process “Decision Making Powers” tal-31 ta’ Ottubru 2012. Fil-paġni 5 sa 6 tar-rapport huwa indikat li hemm tliet mudelli istituzzjonali bażiċi għall-infurzar tal-kompetizzjoni fl-UE; (i) il-mudell amministrattiv monista meta awtorità amministrattiva waħdanija tinvestiga każijiet u tieħu d-deċiżjonijiet ta’ infurzar. F’xi ġurisdizzjonijiet, l-awtorità jista’ ma jkollhiex il-poter li timponi deċiżjonijiet li jistabbilixxu multi; (ii) il-mudell amministrattiv duwalista, fejn l-investigazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet huma maqsuma bejn żewġ korpi. Korp wieħed huwa responsabbli mill-investigazzjoni dwar il-każijiet, li iktar tard jiġu rreferuti lill-korp l-ieħor li huwa responsabbli sabiex jiddeċiedi l-każ; (iii) il-mudell ġudizzjarju, fejn il-qorti jew tieħu d-deċiżjoni kemm dwar is-sustanza u dwar il-multi, jew fuq l-aħħar waħda biss, filwaqt li l-ewwel waħda titħalla f’idejn l-awtorità tal-kompetizzjoni. Fil-paġna 9 tar-rapport huwa spjegat li l-Awstrija taqa’ taħt l-ewwel żewġ mudelli ġudizzjarji, jiġifieri l-mudell ġudizzjarju pur.
(15) – Il-Qorti tal-Kompetizzjoni tuża n-numru tal-proċess tar-reġistru li huwa riprodott hawn fuq fin-nota 9. L-Assoċjazzjoni hija rreġistrata bħala l-intervenjenti f’din il-kawża.
(16) – Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail (C-591/10, punt 31).
(17) – Littlewoods Retail, punt 31.
(18) – Littlewoods Retail, punt 45, li jiċċita s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C-63/08, Ġabra p. I-10467).
(19) – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2011, Santana (C-177/10, Ġabra p. I-7907, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
(20) – Ara, pereżempju, is-sentenza Rosado Santana, punt 91; u s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Sante Pasquini (C-34/02, Ġabra p. I-6515, punti 64 sa 73).
(21) – Sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales SAL (C-118/08, Ġabra p. I-635, punt 46).
(22) – Sante Pasquini, punt 59.
(23) – Punt 26.
(24) – Punt 78.
(25) – Punt 20. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 21 tas-sentenza Pfleiderer, li la l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004 C 101, p. 43) u lanqas il-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ akkordju (ĠU 2006 C 298, p. 17), li t-tnejn li huma relatati mal-klemenza, ma jorbtu lill-Istati Membri. Fil-punt 22 tas-sentenza Pfleiderer il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li, fi ħdan l-ECN, mudell ta’ programm ta’ klemenza, imfassal biex jilħaq l-armonizzazzjoni ta’ xi elementi ta’ programmi ta’ klemenza nazzjonali, ġie adottat u mfassal fl-2006. Bl-istess mod, dan il-programm mudell ma kellu ebda effett vinkolanti fir-rigward tal-qrati tal-Istat Membru.
(26) – Sentenza Pfleiderer, punt 23.
(27) – Sentenza Pfleiderer, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(28) – Sentenza Pfleiderer punti 25 sa 26. Nixtieq iktar napprova l-osservazzjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pfleiderer, fis-sens li fejn “Stat Membru, permezz ta’ awtorità/jiet [tal-kompetizzjoni] tiegħu, jopera programm ta’ klemenza biex jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE, minkejja l-awtonomija li jgawdi Stat Membru meta jkun qed jinforza din id-dispożizzjoni, għandu jiżgura li l-programm jiġi implementata u jopera b’mod effettiv.”
(29) – Pfleiderer, punt 30.
(30) – Pfleiderer, punt 31.
(31) – Ġabra 2003, p. I-4705, punt 19.
(32) – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák, punt 22.
(33) – Punt 26 (enfasi tiegħi).
(34) – Kif instab li kien il-każ, pereżempju, fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849), fejn kien ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż qabel il-bidu ta’ talba ta’ responsabbiltà ta’ Stat tal-UE, meta l-għajnuna legali ma kinitx disponibbli, seta’ jikser id-dritt ta’ aċċess għal qorti. L-evalwazzjoni ta’ jekk dan seħħx fuq il-fatti kien tħalla f’idejn il-qorti nazzjonali.
(35) – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C-13/01, Ġabra p. I-8679, punt 54).
(36) – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling (C-12/08, Ġabra p. I-6653, punt 84) li tiċċita punti 38 sa 40 tas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271).
(37) – Ara, b’analoġija, is-sentenza DEB.
(38) – Sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, Dounias (C-228/98, Ġabra p. I-577, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata); is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2003, Pusa (C-224/02, Ġabra p. I-5763 punt 44); is-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor AG u Co KG vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (C-55/06, Ġabra p. I-2931, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll fir-rigward tar-regoli dwar ix-xhieda s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron SA (C-526/04, Ġabra p. I-7259, punti 52 sa 57), is-sentenza Speranza (C 35/09, p. I-6581, punt 47).
(39) – Dounias, punt 71.
(40) – Dounias, punt 71.
(41) – Dounias, punt 50 tal-konklużjonijiet tal-avukat Ġenerali Jacobs.
(42) – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Steffensen (C-276/01, Ġabra p. I-3735); is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C-199/11).
(43) – Sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth (C-542/08, Ġabra p. I-3189, punt 40).
(44) – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru, Levez, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 (punt 32) fejn il-qerq ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-ammont ta’ remunerazzjoni riċevut mill-impjegati rġiel jagħmlu l-istess xogħol tqies li “kkawża” lil B. S. Levez dewmien biex titressaq il-kawża.
(45) – Ara l-eżempju klassiku tas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, Ġabra p. I-3595).
(46) – Otis et , punt 48.
(47) – Otis et , punt 49.
(48) – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Verholen et (C-87/90, C-88/90 u C-89/90, Ġabra p. I-3757, punt 33).
(49) – Sentenza DEB, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 (punt 45, li tiċċita s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Steel u Morris vs Ir-Renju Unit tal-15 ta’ Frar 2005, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2005-II, § 59).
(50) – Sentenza DEB, punt 45.
(51) – Sentenzi DEB, punt 47, li tiċċita s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta’ Lulju 1995, Tolstoy Miloslavsky vs Ir-Renju Unit, Serje A N 316-B, punti 59 sa 67, u tad-19 ta’ Lulju 2001, Kreuz vs Il-Polonja, Ġabra 2001-VI, punti 54 u 55. Ara wkoll il-punt 38 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fis-sentenza Unibet.
(52) – Punt 46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fis-sentenza Pfleiderer.
(53) – Ara l-eżempju klassiku tas-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, (155/82, Ġabra p. I-1575).
(54) – Iddikjarat mill-ġdid riċentement fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T-135/09, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C-550/07, Ġabra p. I-8301).
(55) – Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartel (ĠU 2006, C 298, p. 17, punt 39). “Il-fatt li jingħataw immunità jew tnaqqis fir-rigward ta’ multi ma jistax jipproteġi lil impriża mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tal-Artikolu 81 KE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
(56) – Sentenza Mono Car Styling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(57) – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Editions Odile Jacob SAS (C-404/10, punti 123 u 124).
(58) – Ma’ dan jista’ jiġi miżjud, pereżempju, il-kunċett relatat mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Interseroh (C-1/11) u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophones (C-305/05, Ġabra p. I-5305).
(59) – Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
(60) – Pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Editions Odile Jacob, iċċitata iktar ’il fuq; ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni (T-344/08).
(61) – ĠU 2004 C 101, p. 54.
(62) – Ta’ min jinnota li l-Qorti Ġenerali reċentement sabet li hu meħtieġ li l-partijiet ikunu permessi jikkonsultaw il-fajls tal-Kummissjoni fir-reġistru tagħha fejn il-każ kien ibbażat fuq informazzjoni pprovduta minn impriża fil-kuntest ta’ klemenza. Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Prysmian SpA (T-140/09); u is-sentenza Nexans France SAS, iċċitata iktar ’il fuq.
(63) – Commission Staff Working Paper accompanying the White Paper on Damages actions for breach of the EC antitrust rules SEC (2008) 404, punt 2, p. 7.
(64) – Ara l-osservazzjonijiet dwar is-sigrieti kummerċjali fil-punti 33 tal-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Westbahn Management GmbH (C-136/11).. Il-Kummissjoni dejjem ippubblikat id-deċiżjonijiet tagħha fejn hija tapplika d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li ma tiżvelax fejn meħtieġ l-elementi li jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali.
(65) – Sentenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(66) – L-Avukat Ġenerali Sharpston argumentat li l-problemi prattiċi ta’ kwantifikazzjoni ma humiex biżżejjed biex jagħmlu talba għad-danni “impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara l-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha f’Unibet. Fl-opinjoni tiegħi, din hija kwistjoni tal-livell ta’ diffikultà, li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 19(1) tat-TUE.